Language of document : ECLI:EU:C:2016:623

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-28 ta’ Lulju 2016 (1)

Kawża C‑315/15

Marcela Pešková,

Jiří Peška

vs

Travel Service a.s.

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ tħassir jew ta’ dewmien twil ta’ titjira – Portata – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens – Kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan – Kunċetti ta’ ‘avveniment’, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ta’ ‘ċirkustanza straordinarja’, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kunċett ta’ ‘miżura raġonevoli’ – Avveniment inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru”





1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment intalbet tiddeċiedi jekk il-kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan, li wasslet li dan tal-aħħar jasal tliet sigħat tard, tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (2), li għalhekk teżenta lit-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri għal dan id-dewmien.

2.        F’dawn il-konklużjonijiet, sejjer nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan, li twassal li dan l-ajruplan ikollu dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat meta mqabbel mal-ħin tal-wasla inizjalment previst, ma hijiex “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma tistax teżenta lit-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu.

I –    Il-kuntest ġuridiku

3.        Il-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/20046 tiddikjara dan li ġej:

“Bħal taħt il-Konvenzjoni ta’ Montreal[(3)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtà tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

4.        L-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament huwa miktub kif ġej:

“Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

5.        Bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(a) tal-imsemmi regolament, meta jinvokaw għal dan l-artikolu, il-passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li l-ammont tiegħu huwa stabbilit għal EUR 250 għal kull titjira ta’ 1 500 kilometru jew inqas.

6.        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi dan li ġej:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

7.        Fl-10 ta’ Awwissu 2013, Marcela Pešková u Jiří Peška ħadu titjira operata minn Travel Service a.s. (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”) minn Burgas (il-Bulgarija) lejn id-destinazzjoni Ostrava (ir-Repubblika Ċeka).

8.        Din it-titjira kellha l-iskeda ppjanata kif ġej: Praga (ir-Repubblika Ċeka) – Burgas – Brno (ir-Repubblika Ċeka) – Burgas – Ostrava. Matul it-traġitt Praga – Burgas, ġiet identifikata ħsara tekninka f’valvola, li wassal għal dewmien ta’ siegħa u ħamsa u erbgħin minuta. Waqt l-inżul f’Brno, il-konvenuta fil-kawża prinċipali sostniet li l-ajruplan ħabat ma’ għasfur, u minħabba f’hekk, dan l-ajruplan kellu jiġi vverifikat minn persuna teknika li taħdem għall-konvenuta fil-kawża prinċipali li kellha tiġi minn Slaný (ir-Repubblika Ċeka). L-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka) tippreċiża li l-verifika kienet diġà saret minn kumpannija oħra. Madankollu, il-proprjetarju tal-ajruplan, Sunwing, irrifjuta li jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-persuna teknika tal-konvenuta fil-kawża prinċipali vverifikat mill-ġdid il-punt tal-impatt, li minnu ma rriżulta xejn.

9.        Minħabba li l-ħsara teknika ta’ valvola u l-kolliżjoni tal-ajruplan mal-għasfur wasslu għal dewmien ta’ ħames sigħat u għoxrin minuta mill-wasla f’Ostrava, M. Pešková u J. Peška, permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju fis-26 ta’ Novembru 2013, talbu lill-konvenuta fil-kawża prinċipali s-somma ta’ EUR 250 kull wieħed bħala kumpens skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 261/2004.

10.      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, l-Obvodní soud pro Praga 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) laqgħet it-talba tagħhom għar-raġuni li ż-żewġ avvenimenti kienu wasslu għal dewmien u huma ma setgħux jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa evidenti li hija assolutament kompetenza tal-konvenuta fil-kawża prinċipali li tiddetermina b’liema metodu, bħala trasportatur bl-ajru, hija ssolvi amministrattivament il-problemi tekniċi tat-tip “operazzjonali” ta’ ajruplan wara kolliżjoni ma’ għasfur. Hija indikat ukoll li l-konvenuta fil-kawża prinċipali ma kinitx stabbilixxiet li għamlet minn kollox sabiex tevita d-dewmien tat-titjira, peress li hija qalet biss li “kien neċessarju”, wara l-kolliżjoni ma’ għasfur mal-ajruplan, li tistenna l-wasla tal-persuna teknika awtorizzata.

11.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni fit-2 ta’ Lulju 2014. Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Lulju 2014 tal-Městský soud v Praze (qorti muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) għar-raġuni li ma kienx ammissibbli peress li, b’din id-deċiżjoni, kienet inqatgħet kwistjoni fuq żewġ talbiet separati, li l-ebda waħda minnhom ma kienet taqbeż CZK 10 000 (madwar EUR 365).

12.      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentat rikors quddiem l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), kontra s-sentenza mogħtija fit-22 ta’ Mejju 2014 mill-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6). Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Novembru 2014, l-Ústavní soud (qorti kostituzzjonali) annullat is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014 għar-raġuni li din kienet tikser id-dritt fundamentali tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għal smigħ xieraq u d-dritt fundamentali għal qorti stabbilita mil-liġi peress li l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6), bħala l-qorti tal-aħħar istanza, kellha tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 276 TFUE. L-Ústavní soud (qorti kostitizzjonali) innotat ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum ma tatx l-interpretazzjoni sħiħa tar-Regolament 261/2004 dwar in-natura tar-responsabbiltà wara kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur flimkien ma’ avvenimenti oħra ta’ natura oħra, f’din il-kawża avvenimenti tekniċi. Barra minn hekk, skont il-qorti kostituzzjonali, la mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas minn dan ir-regolament ma jirriżulta b’mod ċar li tali ċirkustanzi jistgħu jitqiesu li huma “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament.

13.      Kien għalhekk f’dan il-kuntest li l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) iddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

III – Id-domandi preliminari

14.      Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni li kellha tagħti tar-Regolament Nru 261/2004, l-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6) iddeċiediet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur tikkostitwixxi [‘]avveniment[’] fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 [Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)] jew tikkostitwixxi [‘]ċirkustanza straordinarja[’] fis-sens tal-premessa 14 […] tar-Regolament (KE) Nru 261/2004[…], jew [tali kolliżjoni] ma taqa’ taħt l-ebda waħda mill-kunċetti ċċitati iktar ’il fuq?

2)      Jekk il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur hija [‘]ċirkustanza straordinarja[’] fis-sens tal-premessa 14 tar-Regolament [Nru 261/2004], it-trasportatur bl-ajru jista’ jikkunsidra bħala miżuri raġonevoli maħsuba sabiex tiġi evitata tali kolliżjoni, il-mekkaniżmi ta’ kontroll fuq bażi preventiva implementati, b’mod partikolari madwar l-ajruporti (bħal pereżempju, deterrenti tal-għasafar bil-ħsejjes, kooperazzjoni mal-ornitologi, l-eliminazzjoni ta’ spazji li fihom tipikament jinġabru jew itiru l-għasafar, deterrenti tal-għasafar bid-dawl, eċċ)? X’jikkostitwixxi f’dan il-każ [‘]avveniment[’] fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza [tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)]?

3)      Jekk il-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur tikkostitwixxi [‘]avveniment[’] fis-sens tal-punt 22 tas-sentenza [tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771)], din tista’ tiġi kkunsidrata wkoll bħala [‘]avveniment[’] fis-sens tal-premessa 14 tar-[Regolament Nru 261/2004] u jista’, f’tali każ, jiġi kkunsidrat bħala [‘]ċirkustanza straordinarja[’] fis-sens tal-premessa 14 [ta’ dan ir-regolament], l-assjem ta’ miżuri tekniċi u amministrattivi li t-trasportatur bl-ajru għandu jadotta wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx madankollu għamlet ħsara lill-ajruplan?

4)      Jekk il-miżuri tekniċi u amministrattivi kollha adottati wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx madankollu għamlet ħsara lill-ajruplan jikkostitwixxu [‘]ċirkustanza straordinarja[’] fis-sens tal-premessa 14 tar-[Regolament Nru 261/2004], it-trasportatur bl-ajru jista’ jkun rikjest li jieħu inkunsiderazzjoni, anki waqt l-ippjanar tat-titjiriet, ir-riskju li jkun neċessarju li jeżegwixxi dawn il-miżuri tekniċi u amministrattivi wara l-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur u li huwa jeħodhom inkunsiderazzjoni fil-ħinijiet tat-titjira fil-kuntest ta’ miżuri raġonevoli?

5)      Kif għandu jiġi evalwat l-obbligu tat-trasportatur ta’ kumpens għad-danni fis-sens tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] fil-każ fejn id-dewmien jiġi kkawżat mhux biss mill-miżuri amministrattivi u tekniċi adottati wara l-kolliżjoni tal-ajruplan ma’ għasfur li ma tkunx għamlet ħsara lill-ajruplan, iżda wkoll, f’parti kbira tagħha, mit-tiswija ta’ ħsara teknika li ma hijiex marbuta mal-kolliżjoni ċċitata iktar ’il fuq tal-ajruplan ma’ għasfur?”

IV – L-analiżi tiegħi

A –    Rimarki preliminari

15.      L-eżami tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja twassal, għall-fini ta’ ċarezza, għad-domanda li ġejja.

16.      Fil-qasam tal-kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien fit-trasport bl-ajru, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, għandha l-karatteristika doppja li hija, minn naħa, preċiża, u min-naħa l-oħra, protettiva tal-passiġġieri. Minkejja li mill-qari tal-osservazzjonijiet bil-miktub issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li xi wħud minn dawn jirreferu b’mod partikolari – anki jekk dan huwa biss fir-rigward tal-kumpens għal dannu eventwali – għal “spejjeż mhux sostenibbli”, jiena ma nistax ma nistaqsix jekk il-bidla fil-ġurisprudenza mitluba mill-partijiet, għaliex nemmen li din hija l-kwistjoni f’din il-kawża, ma hijiex ġejja mill-fatt li l-liġi eżistenti hija meqjusa li hija waħda li tikkawża piż finanzjarju eċċessiv fuq il-linji tal-ajru.

17.      Jiena nista’ nifhem dan. Imma jekk tabilħaqq din hija r-realtà, is-soluzzjoni sabiex jiġi korrett dan l-effett potenzjalment eċċessiv, fil-fehma tiegħi, għandha tintlaħaq permezz ta’ emenda leġiżlattiva u mhux permezz tal-adattament tal-ġurisprudenza għaliex dan, minn naħa, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja rwol li ma jidhirx li huwa eżattament tagħha, u min-naħa l-oħra, jaf iktar joħloq dubji fost regoli li qed jiġu applikati bi preċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dawn ir-regoli permezz tal-metodu ta’ interpretazzjoni normali tagħha u fit-termini użati u r-raġunijiet mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

18.      Hekk kif ser ikolli l-opportunità nerġa’ lura għalih matul il-preżentazzjoni tar-raġunament tiegħi, li wieħed jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-analoġija li teżisti bejn diversi sitwazzjonijiet minħabba f’distinzjonijiet semantiċi, li ma narax li hemm xi prinċipju legali speċifiku li jeżiġi tali prattika, ifisser li jsir riferiment għal każistika li twassal jew lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ogħla qorti tal-Unjoni, issir qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti, jew tispiċċa tħalli lill-qorti nazzjonali ssib soluzzjoni bir-riskji kollha ta’ diverġenza li jista’ jirriżulta minn dan.

19.      Fil-fehma tiegħi dan jista’ jwassal għal riskju ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni u għalhekk ta’ inċertezza legali.

20.      Barra minn hekk, is-soluzzjoni loġika u konformi mas-sett ta’ regoli normali tal-istituzzjonijiet fid-dawl tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, fil-fehma tiegħi tikkonsisti f’li wieħed jadotta soluzzjoni leġiżlattiva li tikkorreġi test li l-formulazzjoni oriġinali tiegħu tkun wasslet għal konsegwenzi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li ma għandhomx jinżammu.

B –    Fuq id-domandi preliminari

21.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex li tkun taf jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan, li bħala konsegwenza twassal li jkun hemm tliet sigħat dewmien fil-wasla mill-ħin inizjalment previst, għandhix titqies li hija “ċirkustanza straordinarja” skont din id-dispożizzjoni u b’hekk teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġieri tal-ajru.

22.      Infakkar li, skont l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira ma huwiex obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament jekk ikun jista’ juri li t-tħassir ikun ġie kkawżat minn ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk ikunu ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha.

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat b’mod strett minħabba li jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ dritt għal kumpens tal-passiġġieri (4).

24.      Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi relatati mas-seħħ ta’ avveniment ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala “straordinarji”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 5(3), ħlief jekk ikunu relatati ma’ avveniment li, bħal dawk elenkati fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004, mhux inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu (5).

25.      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża li teżisti ċerta konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. Fil-fatt jiena stajt naqra li għaliex avveniment mhux prevedibbli u jaħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru, huwa għandu awtomatikament jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004.

26.      Issa, il-kundizzjonijiet elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza msemmija huma kundizzjonijiet kumulattivi. Għalhekk, avveniment jikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja meta, minn naħa, ma jkunx inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru u meta, min-naħa l-oħra, minħabba n-natura jew l-oriġini tiegħu, jaħrab mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar.

27.      Għalhekk, l-assenza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet iżżommo milli l-avveniment jiġi kklassifikat bħala “ċirkustanza straordinarja”. Dan huwa l-każ ta’ kolliżjoni bejn għasfur u ajruplan. Fil-fatt, għalkemm min-natura jew mill-oriġini tagħha, il-kolliżjoni taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru, għall-kuntrarju, hija ma tistax titqies li ma hijiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tiegħu.

28.      Il-periklu mill-annimali fl-attività tat-trasport bl-ajru huwa fenomenu magħruf sew u rrikonoxxut perfettament mill-partijiet ikkonċernati. Fil-fatt, fl-istadju tal-manifattura tal-ajruplan, il-partijiet tiegħu li huma l-iktar sensittivi għall-impatt ma’ għasfur – jiġifieri, b’mod partikolari, il-magna u l-ħġieġa tal-kabina tal-pilota – huma suġġetti għal testijiet sabiex l-ajruplan ikun jista’ jikseb ċertifikat ta’ navigabbiltà li jawtorizzah itir (6). Għalhekk, sabiex tiġi ttestjata r-reżistenza ta’ ajruplan f’kolliżjoni ma’ għasafar, il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru ta’ spiss jużaw “kanuni ta’ tiġieġ [chicken gun]” li jisparaw karkassi ta’ tjur bil-veloċità li jtiru biha l-ajruplani fl-altitudni fejn ta’ spiss l-ajruplani jiltaqgħu ma’ tali tjur, jiġifieri matul it-tluq u l-inżul. Għalhekk, l-istruttura tal-ajruplan għandha tkun kapaċi ssostni l-impatt ma’ għasafar ta’ daqsijiet differenti skont il-mudell tal-ajruplan u dak tal-magna (7).

29.      Il-manifatturi tal-inġenji tal-ajru ma humiex l-uniċi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-periklu mill-annimali. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-ajruporti jintużaw metodi differenti sabiex ikeċċu l-għasafar u annimali oħra minn fuq il-mitjar, bħal sparaturi ta’ detonatazzjoni, dwal bil-lażer jew saħansitra imitazzjonijiet ta’ għajtiet għall-għajnuna. Bl-istess mod, sabiex titnaqqas l-attrazzjoni ta’ żona biswit l-ajruport, jistgħu jittieħdu miżuri speċifiċi, bħat-tnixxif tal-għadajjar jew il-projbizzjoni ta’ koltivazzjoni ta’ raba wisq attraenti għall-għasafar (8).

30.      Huwa fatt magħruf ukoll li ċerti perijodi huma iktar favorevoli minn oħrajn għall-kolliżjonijiet ma’ għasafar, bl-istaġuni l-iktar perikolużi jkunu l-perijodi migratorji u l-perijodu li jtiru għasfar żgħar li ma humiex imdorrija bl-ajruplani, u l-ħinijiet tal-ġurnata l-iktar perikolużi huma mat-tlugħ u mal-inżul tax-xemx (9).

31.      Il-kolliżjonijiet ta’ għasfur wieħed jew iktar ma’ ajruplan għalhekk huma fenomenu kurrenti u magħruf fost il-partijiet ekonomiċi differenti li joperaw fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Skont studju Amerikan dwar il-periklu mill-annimali tas-sena 2011, mit-twaqqif tad-database tal-Federal Aviation Administration (FAA) fl-1990, ġew irrapportati 99 411-il kolliżjoni ta’ annimal ma’ ajruplan. Fil-maġġoranza l-kbira tagħhom – jiġifieri 97.4 % –, dawn kienu jirrigwardaw kolliżjonijiet ma’ għasafar (10). Fi Franza kull sena jiġu rreġistrati madwar 700 kolliżjoni ta’ għasafar ma’ ajruplan (11).

32.      Il-piloti stess għandhom rwol importanti fil-ġestjoni tal-periklu mill-annimali, qabel, waqt u wara t-titjira. Fil-fatt, qabel it-titjira, il-piloti jirċievu għarfien, b’mod partikolari l-informazzjoni disponibbli dwar il-preżenza jew in-nuqqas ta’ għasafar fl-ajruport jew fil-viċinanza tal-ajruport tat-tluq u tad-destinazzjoni permezz ta’ messaġġi ppubblikati mill-aġenziji tal-gvern tal-kontroll tan-navigazzjoni fl-ajru (12). Jekk jeżiti riskju, il-piloti jistgħu jitolbu intervent sabiex it-tjur jinħasdu. Waqt li l-ajruplan ikun miexi fuq il-mitjar, il-piloti għandhom ukoll josservaw b’attenzjoni l-mitjar sabiex jidentifikaw il-preżenza ta’ għasfar u jekk ikun il-każ, sabiex jissenjalaw dan. Fl-aħħar nett, kull impatt ma’ għasfur għandu jiġi rreġistrat (13).

33.      Għalhekk, nistgħu ngħidu li kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan bl-ebda mod ma hija avveniment li huwa “barra min-normal” (14), anzi bil-kontra. Il-frekwenza ta’ dan il-ġeneru ta’ kolliżjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu fit-tfassil tal-ajruplani, fil-ġestjoni tal-ajruporti kif ukoll fil-fażijiet differenti tat-titjira juru suffiċjentement, fil-fehma tiegħi, li tali avveniment huwa għalkollox inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru. Li kieku jsir ir-raġunament oppost dan iwassal li avveniment li huwa perfettament ordinarju jiġi kklassifikat bħala wieħed ġuridikament “straordinarju”.

34.      Ir-riskju huwa ċert, magħruf, meqjus u preżenti mill-mument li l-ajruplan itir jew jinżel, jiġifieri dan huwa inseparabbli mill-attività tal-avjazzjoni nnifisha. Barra minn hekk, jidher ċar li xejn ma jikkontesta serjament din il-karatteristika.

35.      L-għan imfittex huwa, fil-fatt, li l-inkonvenjenza li tirriżulta minn dan ir-riskju tiġi ttrasferita fuq il-passiġġier.

36.      Sabiex jinkiseb dan ir-riżultat, huwa meħtieġ, hekk kif jiena enfasizzajt fir-rimarki preliminari tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha kif stabbilita fis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618). Madankollu, fil-fehma tiegħi, hemm analoġija bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet ikkunsidrati li ma tistax tiġi miċħuda, anki jekk il-partijiet jikkontestaw dan.

37.      Fil-fatt, ma nara l-ebda raġuni li twassalni nadotta raġunament differenti minn dak li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat f’din is-sentenza. Hija indikat li ħsara kkawżata minn ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan tikkostitwixxi, ċertament, avveniment mhux mistenni. Madankollu, hija żżid li tali ħsara tibqa’ intrinsikament marbuta mas-sistema ta’ funzjonament kumplessa ħafna tal-apparat, liema sistema tintuża mit-trasportatur bl-ajru f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari tat-temp, li spiss huma diffiċli jekk mhux estremi, fejn barra minn hekk huwa sottintiż li kull komponent ta’ ajruplan jista’ jinbidel (15). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fil-kuntest tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru, dan l-avveniment mhux mistenni huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru, billi dan it-trasportatur jaffaċċja, regolarment, dan it-tip ta’ problemi tekniċi mhux previsti (16).

38.      Matul is-seduta, ġie argumentat li avveniment bħal dak ta’ ħsara kkawżata minn ħsara prematura ta’ ċerti komponenti ta’ ajruplan u minn avveniment bħall-kolliżjoni ta’ ajruplan ma’ għasfur ma jistgħux jitqabblu sa fejn l-ewwel wieħed kien endoġenu u t-tieni wieħed eżoġenu, jiġifieri, fi kliem ieħor, skont jekk il-kawża kinitx interna jew esterna għall-ajruplan. Madankollu, jiena nistaqsi lema bażi legali nista’ nislet sabiex nasal għal konsegwenzi dijametralment opposti li jwasslu għal ħsara daqshekk qawwija lill-protezzjoni tal-konsumatur.

39.      Dan l-argument, li jagħmel l-applikazzjoni ta’ prinċipju legali tiddependi fuq jekk ir-riskju jinstabx fl-istruttura tal-ajruplan jew jekk huwiex fuq barra ta’ dan, xejn ma jbiddel in-natura ġuridika tal-avveniment. Kemm jekk ir-riskju jkun ġewwa u kemm jekk barra mill-kabina, l-uniku fattur utli taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa jekk huwa jew jekk ma huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru, li jiena tal-fehma li wrejt.

40.      Fi kliem ieħor, li wieħed jimxi fuq il-kriterju propost mill-partijiet iwassal li jkun hemm bidla fil-ġurisprudenza stabbilita billi kriterju legali jiġi ssostitwit ma’ kriterju ieħor li huwa ta’ natura purament materjali u li b’hekk jannulla dan l-ewwel kriterju. Kemm jekk dan iseħħ ġewwa jew barra mill-ajruplan, ir-riskju huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru.

41.      Nista’ nara l-vantaġġ, li ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, li jirriżulta għall-kumpanniji tat-trasport bl-ajru, kif ukoll l-iżvantaġġ korrispondenti mġarrab mill-konsumaturi. Għalhekk, jekk ikun hemm bżonn ta’ bilanċ ekonomiku ta’ dawn l-interessi differenti permezz ta’ bidla fil-liġi, jiena tal-fehma li huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jagħmel dan.

42.      Bl-istess mod, matul is-seduta, saret allużjoni għal sitwazzjonijiet ta’ dewmien ikkawżati minn kundizzjonijiet serji tat-temp li, f’dan il-każ, jiġġustifikaw li jiġu deskritti bħala “ċirkustanzi straordinarji”. Jidher madankollu pjuttost eċċessiv li tqabbel inċident ikkawżat meta għasfur jaħbat ma’ ajruplan waqt it-tluq jew l-inżul ma’ avveniment tali kif ġie invokat matul is-seduta.

43.      Kien ikun mod ieħor kieku l-għasafar li jaslu f’numri kbar temporanjament jostakolaw l-ajruplan milli jtir jew iġiegħluh jinżel f’ajruport alternattiv. Naħseb li hija biss din is-sitwazzjoni li tista’ titqies li hija komparabbli, minħabba f’raġunament analogu, ma’ dak maħluq minn kundizzjonijiet tat-temp eċċezzjonali.

44.      Konsegwentement, inqis li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan, li bħala konsegwenza twassal għal dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat mill-ħin inizjalment previst, ma hijiex “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma teżentax lit-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu.

45.      Barra minn hekk, jiena nippreċiża li, konformement mal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, it-trasportatur bl-ajru, meta jħallas dan il-kumpens, jista’ jitlob kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi terzi, b’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli. Tali kumpens għalhekk probabbilment itaffi jekk mhux saħansitra jxejjen l-oneru finanzjarju sostnut minn dan it-trasportatur minħabba l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-tali regolament (17). Għalhekk, jekk it-trasportatur bl-ajru li jopera t-titjira jqis, b’mod partikolari, li kienet ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-ajruport li tieħu biżżejjed miżuri sabiex taħsad it-tjur u li skont huwa dan ma kienx il-każ, huwa għaldaqstant jista’ ifittex għad-danni.

46.      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok, fil-fehma tiegħi, li tingħata risposta għat-tieni sar-raba’ domandi.

47.      Permezz tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju qed tfittex li tkun taf, fil-verità, kif għandha tevalwa ż-żewġ avvenimenti li kkawżaw dewmien ta’ ħames sigħat u għoxrin minuta sabiex tasal it-titjira fir-rigward tad-dritt għal kumpens li jibbenefikaw minnu l-passiġġieri tat-titjira li damet, skont ir-Regolament Nru 261/2004.

48.      Jirriżulta, mill-fatti tal-kawża prinċipali, kif esposti mill-qorti tar-rinviju, li d-dewmien ikkawżat minn ħsara teknika żdied għal siegħa u ħamsa u erbgħin minuta. Wara l-kolliżjoni ta’ għasfur mal-ajruplan, id-dewmien akkumulat taż-żewġ avvenimenti żdied għal ħames sigħat u għoxrin minuta. Għalhekk, din il-kolliżjoni pprovokat dewmien ta’ tliet sigħat u ħamsa u tletin minuta. Issa, minħabba li, kif analizzajt qabel, il-kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan ma tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, id-dewmien ikkawżat mill-kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan waħdu huwa biżżejjed sabiex ikun fondat il-kumpens li minnu jibbenefikaw il-passiġġieri tal-ajru kkonċernati. Għalhekk, fil-fehma tiegħi ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domanda.

V –    Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Obvodní soud pro Prahu 6 (qorti taż-żona ta’ Praga 6, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li kolliżjoni ta’ għasfur ma’ ajruplan, li konsegwentement twassal għal dewmien ta’ iktar minn tliet sigħat mill-wasla inizjalment prevista, ma hijiex “ċirkustanza straordinarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk ma tistax teżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).


3–      Konvenzjoni għall-unifikazzjoni ta’ ċertu regoli dwar it-trasport bl-ajru internazzjonali, konkluż f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999, iffirmat mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 u approvat f’isimha bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491).


4–      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5–      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6–      Ara d-Deċiżjoni Nru 2003/9/RM tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-24 ta’ Ottubru 2003, fl-indirizz internet li ġej: https://www.easa.europa.eu/system/files/dfu/decision_ED_2003_09_RM.pdf.


7–      Ara p. 60 et seq ta’ din id-deċiżjoni.


8–      Ara n-nota ta’ informazzjoni teknika tad-Direttorat Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili tax-xahar ta’ Marzu 2007 fuq l-indirizz internet li ġej http://www.stac.aviation-civile.gouv.fr/publications/documents/peril_animalier.pdf.


9–      Idem.


10–      Ara t-taqsira tal-Airport Cooperative Research Program (ACRP), li ġġib l-isem “Bird harassment, repellent, and deterrent techniques for use on and near airports”, disponibbli fuq l-indirizz internet li ġej: http://onlinepubs.trb.org/onlinepubs/acrp/acrp_syn_023.pdf.


11–      Ara l-istatistika tad-dipartiment tekniku tal-avjazzjoni ċivili, fl-indirizz internet li ġej: http://www.stac.aviation-civile.gouv.fr/risque_animalier/picaweb.php.


12–      Dawn il-messaġġi jissejħu Notice to Airmen (NOTAM).


13–      Ara l-indirizz tas-sit internet li ġej: http://www.stac.aviation-civile.gouv.fr/risque_animalier/prevention.php.


14–      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 29).


15      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 41).


16      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 42).


17–      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans (C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).