Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Ottubru 2011 - Spectrum Brands (UK) vs UASI Philips (STEAM GLIDE)

(Kawża T-544/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Spectrum Brands (UK) Ltd (Manchester, ir-Renju Unit) (rappreżentant: S. Malynicz, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Koninklijke Philips Electronics NV (Eindhoven, il-Pajjiżi l-Baxxi)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni mogħtija, fl-14 ta' Lulju 2011, mill-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) fil-Każ R 1289/2010-1 u

tikkundanna lill-konvenut u lill-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell ibatu l-ispejjeż tagħhom u dawk sostnuti mir-rikorrenti

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: it-trade mark verbali "STEAM GLIDE", għal prodotti fil-klassi 9 - reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 5167382

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell

Motivazzjoni tat-talba għal invalidità: il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell ressqet talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru°207/2009, moqri flimkien mar-raġunijiet assoluti għal rifjut tal-Artikolu 7(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill Nru°207/2009

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: deċiżjoni kkontestata u r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja annullati

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tas-sens u tas-sintassi tat-trade mark u tal-elementi kostituttivi tagħha, kif ukoll tal-eventwali kapaċità sabiex din tkun terminu li jiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni b'mod immedjat u dirett. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(c), tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja. Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, ma eżaminax il-perspettiva tal-konsumatur medju, ma eżaminax la l-Artikolu 7(1)(b), indipendentement mill-Artikolu 7(1)(c), u lanqas l-interess ġenerali li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 7(1)(b), tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja u naqas milli janalizza t-trade mark fl-intier tagħha.

____________