Language of document : ECLI:EU:T:2014:584

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

26 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali GULBENKIAN – Trade mark nazzjonali magħrufa, isem kummerċjali u logos nazzjonali preċedenti Fundação Calouste Gulbenkian – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Prova tal-eżistenza ta’ drittijiet preċedenti – Artikolu 8(1)(b) u (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura”

Fil-Kawża T‑541/11,

Fundação Calouste Gulbenkian, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall), irrappreżentata minn G. Marín Raigal, P. López Ronda, u G. Macias Bonilla, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn V. Melgar, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Micael Gulbenkian, residenti f’Oeiras (il-Portugall), irrappreżentat minn J. Pimenta u A. Sebastião, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-15 ta’ Lulju 2011 (Kawża R 1436/2010‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn il-Fundação Calouste Gulbenkian u M. Micael Gulbenkian,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2011,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2012,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2012,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2012,

wara li rat id-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2012 li tawtorizza l-intervenjent, fuq talba tiegħu, jippreżenta s-sottomissjonijiet orali tiegħu bil-Portugiż matul is-seduta,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ April, fis-27 ta’ Ġunju u fis-26 ta’ Awwissu 2013,

wara li rat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-UASI fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lir-rikorrenti,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Jannar 2014,

wara li rat is-seduta tat-13 ta’ Frar 2014, fejn l-intervenjent, debitament mistieden, ma kienx preżenti,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

20      Fid-dawl tat-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub li sarulha mill-Qorti Ġenerali u tal-kjarifiki li hija tat waqt is-seduta, li tniżżlu fil-minuti tas-seduta, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tibdel id-deċiżjoni kkontestata billi tilqa’ l-oppożizzjoni tagħha in toto;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Bord tal-Appell ma laqax l-oppożizzjoni tagħha;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjent għall-ispejjeż marbuta mal-proċeduri preżenti kif ukoll għall-proċeduri ta’ oppożizzjoni u ta’ appell quddiem l-UASI.

21      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

48      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjent.

49      Skont l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tkun sostniet spejjeż li setgħu jiġu evitati, hija tista’ tikkundanna lill-parti li kkawżat tali spejjeż tirrimborsahom.

50      Skont din id-dispożizzjoni, l-intervenjent għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-interpretazzjoni sostnuti minħabba t-talba tiegħu li jippreżenta s-sottomissjonijiet orali tiegħu bil-Portugiż waqt is-seduta, li għaliha huwa ma kienx preżenti. Dawn l-ispejjeż, li ġew effettivament sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li jinkludu r-remunerazzjoni, l-allowances ta’ kuljum kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasport u ta’ akkomodazzjoni tal-interpretu free-lance li s-servizzi tiegħu ntalbu mill-Qorti tal-Ġustizzja, jammontaw għas-somma ta’ EUR 1 807.48.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Fundação Calouste Gulbenkian hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Micael Gulbenkian huwa kkundannat jirrimborsa lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea s-somma ta’ EUR 1 807.48, skont l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.