Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta' Ġunju 2011 - Bamba vs Il-Kunsill

(Kawża T-86/11)1

(Politika barranija u ta' sigurtà komuni - Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire - Iffriżar ta' fondi - Obbligu ta' motivazzjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Nadiany Bamba (Abidjan, Côte d'Ivoire) (rappreżentanti: P. Haïk u J. Laffont, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Driessen u A. Vitro, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Cujo u M. Konstantinidis, aġenti)

Suġġett

Talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/18/PESK, tal-14 ta' Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire ĠU L 15, p. 36), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 25/2011, tal-14 ta' Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire (ĠU L 11. p. 1), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti.

Dispożittiv

1)    Id-Deċiżjoni 2011/18/PESK tal-Kunsill, tal-14 ta' Jannar 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK tal-Kunsill, li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire, u r-Regolament (UE) Nru 25/2011 tal-Kunsill, tal-14 ta' Jannar 2011, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 560/2005, li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Côte d'Ivoire, huma annullati, sa fejn jikkonċernaw lil Nadiany Bamba.

2)    L-effetti tad-Deċiżjoni 2011/18 għandhom jinżammu, sa fejn jikkonċernaw lil N. Bamba, sakemm l-annullament tar-Regolament Nru 25/2011 jidħol fis-seħħ.

3)    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat ibati, barra mill-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn N. Bamba.

4)    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 95, 26.3.2011.