Language of document : ECLI:EU:T:2012:176

Kawża T-236/10

Asociación Española de Banca

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna li tippermetti l-ammortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju fil-każ ta’ akkwist ta’ ishma barranin — Deċiżjoni li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tal-għajnuna — Assoċjazzjoni — Nuqqas ta’ interess individwali — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Rikors ta’ assoċjazzjoni li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-impriżi — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet — Rikorsi ppreżentati kontemporanjament mill-membri — Inammissibbiltà tar-rikors tal-assoċjazzjoni

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li bbenefikat minn għajnuna individwali mogħtija abbażi ta’ din l-iskema mingħajr ma hija milquta mill-obbligu ta’ rkupru — Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

3.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Rikors ta’ assoċjazzjoni li għandha rwol attiv matul din l-imsemmija proċedura iżda li ma tmurx lil hinn mill-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali rrikonoxxuti lill-persuni kkonċernati mill-Artikolu 108(2) TFUE — Inammissibbiltà

(Artikolu 108(2) TFUE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

1.      Assoċjazzjoni professjonali li hija inkarigata tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha, tista’ bħala regola ġenerali tippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat biss f’żewġ każijiet, jiġifieri, l-ewwel nett, jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom għandhom locus standi fuq bażi individwali u, it-tieni nett, jekk hija tista’ ssostni interess proprju, b’mod partikolari, għaliex il-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi tkun ġiet effettwata permezz tal-att li qiegħed jintalab l-annullament tiegħu. F’dan ir-rigward, l-ewwel ipoteżi ta’ ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni bbażata fuq ir-rappreżentazzjoni tal-membri tagħha hija waħda li fiha l-assoċjazzjoni, bil-preżentata tar-rikors tagħha, tkun qed tissostitwixxi wieħed jew iktar mill-membri tagħha li hija tirrappreżenta, sakemm il-membri tagħha stess jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw rikors ammissibbli huma nfushom.

Fil-fatt, ir-rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni għandu vantaġġi proċedurali billi jippermetti li jiġi evitat li numru kbir ta’ rikorsi differenti jiġu ppreżentati kontra l-istess deċiżjonijiet. Din l‑ewwel ipoteżi ta’ ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn assoċjazzjoni tippresupponi, għaldaqstant, li l‑assoċjazzjoni tkun qed taġixxi f’isem u minflok il-membri tagħha. Minn dan jirriżulta li assoċjazzjoni li taġġixxi bħala rappreżentant tal-membri tagħha, hija intitolata li tippreżenta rikors għal annullament meta dawn ma jkunux huma stess ippreżentaw rikors minkejja li kienu intitolati jagħmlu dan.

Soluzzjoni bħal din ma ċċaħħadx lill-Artikolu 263 TFUE mill-effett utli tiegħu u la tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-assoċjazzjoni. Hija ċertament tibbaża l-ammissibbiltà tar-rikors tal-assoċjazzjonijiet fuq l-assenza ta’ rikorsi ppreżentati minn partijiet oħra, jiġifieri l-membri tagħhom. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tistax titqies bħala sors ta’ inċertezza jew ta’ nuqqas ta’ sigurtà, peress li jista’ jiġi mistenni, b’mod leġittimu, minn assoċjazzjoni inkarigata tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha li jkollha konjizzjoni tar-rikorsi ppreżentati minnhom, u viċeversa. Barra dan, l-inammissibbiltà tar-rikors tal-assoċjazzjoni rikorrenti minħabba r-rikorsi ppreżentati mill-membri tagħha ma tippreġudikax l-effett utli tal-Artikolu 263 TFUE u d-drittijiet tad-difiża tagħha, jiġifieri essenzjalment, id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Hemm żewġ possibbiltajiet, jew l-assoċjazzjoni rikorrenti tippreżenta rikors biex tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha li għandhom locus standi u r-rikors iddikjarat ammissibbli jkun dak tal-membru tal-assoċjazzjoni jew dak tal-assoċjazzjoni skont jekk wieħed mill-membri tagħha jkunx ippreżenta jew le r-rikors tiegħu stess; jew l-assoċjazzjoni tippreżenta rikors biex tiddefendi l-interessi tagħha stess u r-rikors tagħha jkun jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli, minkejja li jiġi ppreżentat rikors mill-membri tagħha, jekk l-eżistenza ta’ tali interess jiġi stabbilit.

(ara l-punti 19, 23, 24, 29)

2.      Bħala prinċipju, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id-deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali impriża, tali deċiżjoni tkun miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Madankollu, peress li l-impriża rikorrenti ma hijiex biss ikkonċernata mid-deċiżjoni inkwistjoni bħala impriża tas-settur ikkonċernat, benefiċjarja potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, iżda wkoll minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja effettiva ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt din l-iskema u li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tagħha, din l-impriża hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmija deċiżjoni u r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

(ara l-punti 33, 34)

3.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, rikorrent jista’ jkun ċertament individwalment ikkonċernat abbażi tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni tal-att ikkontestat. Madankollu, huwa dejjem f’sitwazzjoni partikolari fejn ir-rikorrent jokkupa pożizzjoni ta’ negozjatur stabbilita b’mod ċar u marbuta mill-qrib mas-suġġett stess tad-deċiżjoni, li poġġietu f’sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra. B’mod partikolari, ir-rwol ta’ assoċjazzjoni li ma tmurx lil hinn mill-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali rrikonoxxuti lill-persuni kkonċernati mill-Artikolu 108(2) TFUE, ma jistax jiġi assimilat ma’ tali sitwazzjoni partikolari.

(ara l-punti 43, 44)