Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja) fis-27 ta’ Jannar 2022 – MP vs Consejería de Presidencia

(Kawża C-59/22)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Madrid

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: MP

Konvenut: Consejería de Presidencia

Domandi preliminari

Għall-finijiet tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP 1 , ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti, fis-sens deskritt f’din ir-riżoluzzjoni, għandu jitqies bħala “ħaddiem għal terminu fiss” u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas u, b’mod partikolari, tal-Klawżola 5 tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70, għandu jitqies li kien hemm “użu […] [suċċessiv]” ta’ kuntratti temporanji jew relazzjonijiet suċċessivi fil-każ li ħaddiem marbut ma’ amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti meta l-imsemmi kuntratt ma jistabbilixxix terminu ta’ żmien, filwaqt li huwa suġġett fil-validità tiegħu għal sejħa għal kandidaturi u li l-pożizzjoni timtela, li jagħti lok għax-xoljiment tiegħu, meta ma saret ebda sejħa għal kandidaturi bejn id-data tal-bidu tar-relazzjoni tax-xogħol u l-ewwel semestru tas-sena 2021?

Il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu15(5) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) (li għandu l-għan li jimplimenta d-Direttiva 1999/70 u għal dan jistabbilixxi tul massimu ta’ 24 xahar akkumulat tal-kuntratti temporanji suċċessivi tal-ħaddiema fuq perijodu ta’ riferiment ta’ 30 xahar), skont liema huma esklużi mill-kalkolu l-perijodi ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti, għar-raġuni li, f’dan il-każ, għal dawn il-kuntratti ma jkun hemm ebda limitazzjoni applikabbli, la għat-tul, għan-numru jew għar-raġuni għat-tiġdid tagħhom u lanqas għall-inkatenament tagħhom ma’ kuntratti oħrajn?

Il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 tipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat li ma tiffissa ebda limitu (kemm jekk bħala numru, kif ukoll jekk bħala tul jew raġunijiet) għat-tiġdid espress jew taċitu ta’ tip partikolari ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħal dak għal żmien indeterminat mhux permanenti tas-settur pubbliku, iżda sempliċement tiffissa limitu għaż-żmien tal-inkatenament ta’ tali kuntratt ma’ kuntratti temporanji oħrajn?

Peress li l-leġiżlatur Spanjol ma adotta ebda regola li tillimita t-tiġdid espress jew taċitu tal-kuntratti tal-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti, għandu jitqies li sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, li fiha ħaddiem tas-settur pubbliku li għandu kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti li t-tul previst tiegħu qatt ma ġie espress u lanqas ippreċiżat u li huwa estiż sal-2021 mingħajr ma ġiet organizzata ebda proċedura ta’ selezzjoni sabiex timtela l-pożizzjoni tiegħu u tintemm is-sitwazzjoni ta’ temporanjetà, tikser il-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens b’rata fissa u oġġettiv (ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena xogħol, bil-limitu ta’ sena salarju), iżda ma tipprevedi ebda kumpens addizzjonali li jippermetti l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab fil-każ li dan l-ammont jinqabeż, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem permezz tar-restitutio in integrum, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) 1 u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17) 2 ?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens dovut max-xoljiment tal-kuntratt minħabba li timtela l-pożizzjoni, iżda ma tipprevedi ebda kumpens meta l-kuntratt huwa fis-seħħ, bħala alternattiva għal li jiġi ddikjarat bħala għal żmien indeterminat, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17)? Meta tilwima tirrigwarda biss il-permanenza tal-ħaddiem iżda l-kuntratt ma jkunx ġie xolt, hemm lok li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mit-temporanjetà, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni ta’ permanenza?

Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjoni pubbliċi u entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, intiżi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat min-naħa tal-entità li timpjega fil-konfront ta’ ħaddiema oħra u fil-futur, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas-7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C-494/16) u tat-8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C-494/17), meta dawn il-miżuri huma dispożizzjonijiet legali introdotti mill-2017 (disposición adicional 34.ª  de la Ley 3/2017, de 27 de junio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 34 tal-Liġi 3/2017 tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall-2017) u d-disposición adicional 43.ª de la Ley 6/2018, de 3 de julio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (id-dispożizzjoni addizzjonali 43 tal-Liġi 6/2018 tat-3 ta’ Lulju 2018 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall-2018)) li jipprevedu li l-“atti irregolari” jagħtu lok għal responsabbiltà, iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni li ma tispeċifikahomx, u mingħajr l-eżistenza ta’ xi każ speċifiku ta’ rekwiżit ta’ responsabbiltà, fil-kuntest ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li ħaddiema għandhom kuntratti mhux permanenti għal żmien indeterminat minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar kuntratti temporanji?

Fil-każ li dawn ir-regoli kellhom jitqiesu bħala dissważivi biżżejjed, u peress li ġew introdotti għall-ewwel darba fl-2017, dawn jistgħu jiġu applikati sabiex tiġi evitata t-trasformazzjoni ta’ kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat meta r-rekwiżiti għall-imsemmija trasformazzjoni, li tirriżulta minn ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, kienu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħhom, jew, għall-kuntrarju, dan jissupponi applikazzjoni retroattiva u ta’ esproprjazzjoni tal-imsemmija regoli?

Fil-każ li jitqies li ma jeżistux mezzi dissważivi biżżejjed fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70 minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies bħala kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti jew għandu l-ħaddiem jiġi rrikonoxxut bħala permanenti totalment?

Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti, skont il-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, għandha ssir anki jekk din titqies kuntrarja għall-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola, jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg fis-servizz pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun ipparteċipa b’suċċess fi proċedura kompetittiva ta’ selezzjoni li fiha japplikaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità?

Il-fatt li l-liġi tipprevedi t-tnedija ta’ proċedura sabiex impjieg temporanju jsir permanenti, permezz ta’ sejħa pubblika sabiex il-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem timtela, jimponi li ma tibqax tiġi applikata l-konverżjoni tal-kuntratt tal-imsemmi ħaddiem f’kuntratt permanenti, fid-dawl tal-fatt li din il-proċedura għandha tiżgura “l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità” u tal-fatt li l-ħaddiem li kien is-suġġett tal-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji jista’ għalhekk ma jagħmilx il-pożizzjoni tiegħu permanenti jekk din tingħata lil persuna oħra, f’liema każ il-kuntratt tiegħu jiġi xolt flimkien ma’ kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena ta’ xogħol sal-limitu ta’ sena salarju?

Il-ħaddiem, anki jekk ma jitkeċċiex, għandu dritt għal kumpens daqs din is-somma, jew ogħla minnha, li jiġi ddeterminat mill-qrati fil-każ li dan ma jkunx ikkwantifikat legalment, minħabba l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu bi ksur tal-Klawżola 5?

Il-fatt li inkwistjoni hemm relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux kontinwa, jista’ ikollu xi effett fuq dan kollu preċedenti, u f’dan il-każ, ta’ liema natura, meta dan irriżulta f’serje ta’ kuntratti temporanji, staġun wara staġun, bħalma tindika r-rikorrenti fir-rikors tagħha?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.

1     EU:C:2018:166.

1     EU:C:2019:387.