Language of document : ECLI:EU:T:2007:386

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża T-113/05

Angel Angelidis

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Mili ta’ kariga fil-grad A 2 – Ċaħda ta’ kandidatura – Ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali – Rikors għal annullament – Rikors għad-danni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett, minn naħa, talba għall‑annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrent għal kariga ta’ Direttur tad-Direttorat “Affarjiet Baġitarji” fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tal-Kumitati Responsabbli għall-Politika Interna tal-Parlament u li taħtar kandidat ieħor fl-imsemmija kariga u, min-naħa l-oħra, talba għall‑kumpens tad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrent minħabba ċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2004, li taħtar lil W fil-kariga ta’ Direttur ta’ l-Affarjiet Baġitarji tad‑Direttorat Ġenerali tal-Kumitati Responsabbli għall-Politika Interna tal-Parlament hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Post vakanti – Mili permezz ta’ promozzjoni jew ta’ trasferiment – Eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1) u 45(1)

2.      Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tal-fororm proċedurali sostanzjali –Eżami ex ufficio mill-qorti

(it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE)

1.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha, b’mod partikolari meta l-impjieg li għandu jimtela jkun għoli ħafna u jikkorrispondi għall-gradi A 1 jew A 2, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fit-tqabbil tal-merti tal-kandidati għal trasferiment jew għall-promozzjoni. Madankollu din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandha bħala korrispettiv l-obbligu, għall-Awtorità tal-Ħatra li tuża din is-setgħa, li tosserva l‑garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċedimenti amministrattivi u, fost dawn, l-obbligu li teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l‑provi rilevanti kollha tal-każ li jkollha quddiemha.

Għalhekk, din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata b’osservanza sħiħa tar‑regolamenti kollha rilevanti, jiġifieri mhux biss l-avviż ta’ post vojt, iżda wkoll ta’ regoli ta’ proċedura eventwali li l-awtorità ser tuża għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li jikkostitwixxu parti mill-kuntest legali li l-Awtorità tal-Ħatra għandha skrupolożament tosserva fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha. B’hekk biss il-qorti Komunitarja tista’ tistħarreġ jekk l‑elementi ta’ fatt u ta’ dritt li minnnhom tiddependi s-setgħa diskrezzjonali humiex preżenti.

(ara l-punti 60 u 61)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Lulju 1999, Forvass vs Il-Kummissjoni, T‑203/97, ĠabraSP p. I‑A‑129 u II‑705, punt 45; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Settembru 2001, Coget et vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T‑95/01, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑879, punt 113; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2002, Tilgenkamp vs Il-Kummissjoni, T‑158/01, Ġabra SP p. I‑A‑111 u II‑595, punt 50; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑73/01, ĠabraSP p. I‑A‑207 u II‑1011, punt 53; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T‑88/04, Ġabra p. SP-I-A-2-149,II-A-2-703, punti 77 u 78

2.      In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att, stabbilit mill-istituzzjoni kompetenti stess, jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurli sostanzjali, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, li jista’ jiġi mistħarreġ mill-qorti Komunitarja, anki ex ufficio. Il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li huma essenzjali għaċ-ċertezza legali, iwassal għall‑annullament ta’ l‑att ivvizzjat. Mhuwiex rilevanti, f’dan ir-rigward, li l‑kontenut ta’ l‑att ivvizzjat kien ikun l-istess fin-nuqqas ta’ l-imsemmi difett.

Għalhekk, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew li stabbilixxa impjieg fil-grad A 2, deċiża mingħajr ma kienu osservati r-regoli interni ta’ l-istituzzjoni li jistabbilixxu l-istadji differenti tal-proċedura ta’ ħatra ta’ l-uffiċjali għolja. Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-argument li, peress li hu stess stabbilixxa r-regoli tal-proċedura, il-Bureau tal-Parlament jista’, jekk iqis li hu neċessarju, iwarrabhom. Fil-fatt, istituzzjoni tista’ twarrab ir-regoli interni tagħha biss meta hija stess tistabbilixxihom, mingħajr ma temenda formalment dawn ir-regoli.

(ara l-punti 62 u 74 sa 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punti 48 u 49 ; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs ICI, C‑286/95 P, Ġabra p. I‑2341, punt 52; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 19 ta’ Mejju 1994, Consorzio gruppo di azione locale Murgia Messapica vs Il-Kummissjoni, T‑465/93, Ġabra p. II‑361, punt 56; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 143, u l-ġurisprudenza ċċitata