Language of document : ECLI:EU:T:2007:381

Kawża T-112/05

Akzo Nobel NV et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Kompetizzjoni ? Akkordji fis-settur tal-prodotti tal-vitamini ? Kloru tal-kolin (vitamina B 4) ? Deċiżjoni li tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ? Imputabbiltà ta’ l-aġir li jikkostitwixxi ksur”

Sommarju tas-Sentenza

1.      Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Rikors ippreżentat minn diversi entitajiet ta’ grupp ta’ kumpanniji kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilhom multa in solidum

(Artikolu 230 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament wieħed u uniku mressaq minn diversi entitajiet ta’ grupp ta’ kumpanniji kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilhom multa in solidum, raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju jiġġustifikaw li ma tiġix eżaminata eċċezzjoni ta’ inammissibbilità mqajma fil-konfront ta’ wħud minn dawn l-entitajiet peress li, minkejja dan, ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward ta’ entitajiet oħrajn, b’tali mod li l-qorti għandha teżamina r-rikors fit-totalità tiegħu u b’tali mod li, f’dak li jirrigwarda l-motivi invokati fir-rikors, annullament eventwali ma jkunx jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-entitajiet li huma allegatament inammissibbli.

(ara l-punti 31-32)

2.      Il-Kummissjoni tista’ tindirizza lill-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji deċiżjoni li timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn waħda mill-kumpanniji sussidjarji tagħha u dan mhux għar-raġuni li teżisti relazzjoni ta’ istigazzjoni bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u, anqas u anqas, minħabba l-implikazzjoni tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur iżda minħabba l-fatt li dawn il-kumpanniji jikkostitwixxu entità ekonomika u għaldaqstant impriża waħda fis-sens ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.

Fil-każ partikolari fejn kumpannija parent jkollha 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tkun responsabbli għal aġir li jikkostitwixxi ksur, teżisti preżunzjoni juris tantum li l-imsemmija kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha, u li għaldaqstant dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens indikat. Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qegħdha tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mill-kumpannija sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tressaq elementi ta’ prova li jistgħu jipprovaw l-awtonomija ta’ din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ kumpannija huwa proprjeta ta’ kumpannija parent sabiex hija tikkonkludi li din ta’ l-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħha. Konsegwentement il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multi imposti fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, ħlief jekk din il-kumpannija parent tipprova li l-kumpannija sussidjarja essenzjalment ma taplikax d-direttivi maħruġin minnha u taġixxi, għaldaqstant, b’mod awtonomu fis-suq.

Għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ l-eżistenza ta’ entità ekonomika unika komposta minn diversi kumpanniji li jiffurmaw parti minn grupp, il-qorti Komunitarja eżaminat jekk kumpannija parent setgħetx tinfluwenza l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, l-għanijiet tal-bejgħ, il-marġni gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-istoks u l-kummerċjalizzazzjoni, madankollu minn dan ma jistax jiġi dedott li huma biss dawn l-aspetti li jaqgħu taħt il-kunċett tal-politika kummerċjali ta’ kumpannija sussidjarja għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE fir-rigward tal-kumpannija parent. Bil-kontra ta’ dan, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kull element li jirrigwarda r-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpannija sussidjarja tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika unika. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiema mill-partijiet, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu ivarjaw skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat.

Għalhekk, fil-każ ta’ kumpannija li għandha 100 % tal-kapital tal-kumpanniji sussidjarji tagħha u li tintervjeni b’mod kunsiderevoli fir-rigward ta’ diversi aspetti essenzjali ta’ l-istrateġija tagħhom, u dan billi tirriżerva d-dritt għad-deċiżjoni finali fir-rigward ta’ serje ta’ suġġetti li jiddefinixxu d-direzzjoni ta’ l-azzjoni tagħhom fis-suq, il-preżunzjoni li tgħid li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika tas-sussidjarji tagħha ma tistax tiġi invertita miċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur ittieħdu, bħala prinċipju, mill kumpanniji sussidjarji u lanqas ma tista’ tiġi invertita mill-fatt li l-grupp huwa strutturat fuq żewġ livelli bil-għan li l-politika kummerċjali stricto sensu titneħħa mill-kontroll tal-kumpannija parent. Fil-fatt, l-imputazzjoni lill-kumpannija parent ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur mwettaq minn kumpannija sussidjarja ma teħtieġx il-prova li l-kumpannija parent tinfluwenza l-politika tal-kumpannija sussidjarja tagħha fil-qasam speċifiku li kien is-suġġett tal-ksur. Min-naħa l-oħra, ir-rabtiet ta’ organizzazzjoni, ekonomiċi u legali li jeżistu bejn il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza li din ta’ l-ewwel teżerċita fuq l-istrateġija ta’ din ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, jiġġustifikaw li dawn jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-kumpannija parent influwenzatx l-aġir antikompetittiv in kwistjoni.

(ara l-punti 58, 60, 62, 64-65, 82-83, 85)

3.      Il-fatt li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tal-fatturat li hija tagħmel matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-fatturat konġunt tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li topera bħala impriża fis-sens ta’ l-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss il-fatturat konġunt tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ l-impriża in kwistjoni.

(ara l-punti 90-91)