Language of document : ECLI:EU:T:2011:601

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2011(*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni – Notifikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni permezz ta’ faks – Appell quddiem il-Bord tal-Appell – Nota li tesponi l-aggravji tal-appell – Terminu għall-preżentata – Ammissibbiltà tal-appell – Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Rettifika ta’ deċiżjoni – Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 – Prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ deċiżjoni illegali”

Fil-Kawża T‑53/10,

Peter Reisenthel, residenti fi Gilching (il-Ġermanja), irrappreżentat minn E. A. Busse, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat inizjalment minn S. Schäffner, sussegwentement minn R. Manea u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Dynamic Promotion Co. Ltd, stabbilita f’Bangkok (it-Tajlandja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat, minn naħa, kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tas-6 ta’ Novembru 2009, kif emendata bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 (Każ R 621/2009-3), u, min-naħa l-oħra, kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI tat-22 ta’ Marzu 2010 (Każ R 621/2009‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn P. Reisenthel u Dynamic Promotion Co. Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2010,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Mejju 2010,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Lulju 2010,

wara li rat it-talba għal miżuri istruttorji tar-rikorrent tat-30 ta’ Awwissu 2010,

wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-UASI fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Settembru 2010,

wara li rat id-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,

wara s-seduta tas-6 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Dynamic Promotion Co. Ltd, hija l-proprjetarja ta’ disinn Komunitarju rreġistrat bin-Numru 217955-0001 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”).

2        Fit-22 ta’ April 2008, ir-rikorrent, P. Reisenthel ippreżenta – permezz tar-rappreżentant tiegħu – quddiem il-UASI, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

3        B’deċiżjoni tal-20 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni”), id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fiha sitt paġni. Fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha, hija ntbagħtet mill-UASI lir-rappreżentant tar-rikorrent permezz ta’ faks u bil-posta, flimkien ma’ ittra ta’ paġna. Ir-rikorrent irċieva n-notifikazzjoni bil-posta fil-25 ta’ Mejju 2009.

4        Fit-3 ta’ Ġunju 2009, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet is‑suġġett ta’ appell ippreżentat mir-rikorrent. Ir-rappreżentant ta’ dan tal-aħħar bagħat nota lill-UASI fejn espona l-aggravji tal-appell, bil-posta, fil-21 ta’ Settembru 2009, u wara permezz ta’ faks, fit-23 ta’ Settembru 2009. Il-UASI rċieva l-faks fit-23 ta’ Settembru 2009, u wara n-nota mibgħuta bil-posta fl-24 ta’ Settembru 2009.

5        Fit-13 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent ġie informat mir-Reġistratur tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI li t-terminu għall-preżentati tan-nota dwar l-aggravji tal-appell, previst fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 6/2002, kien skada fil-21 ta’ Settembru 2009. Konsegwentement, skont il-UASI, l-appell tar-rikorrent jista’ jiġi miċħud bħala inammissibili, peress li n-nota kkonċernata waslet fit-23 ta’ Settembru 2009 u, għaldaqstant wara li skada t-terminu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ingħata terminu li skada fit-13 ta’ Novembru 2009 sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

6        Fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrent sostna li ġie nnotifikat bid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni bil-posta biss, fil-25 ta’ Mejju 2009, li huwa attestat mit-timbru tad-data fuq id-dokument innotifikat lill-uffiċċju tar-rappreżentant tar-rikorrent. Konsegwentement, in-nota li tesponi l‑aggravji tal-appell kienet ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala inammissibbli. Billi rrefera għar-rapport ta’ trażmissjoni tal-faks tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li jidher fil-fajl amministrattiv, huwa kkunsidra li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet tabilħaqq ġiet innotifikata lir-rappreżentant tar-rikorrent fl-20 ta’ Mejju 2009. Minn dan huwa ddeduċa li t-terminu għall-preżentata tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kien skada fil-21 ta’ Settembru 2009 u li, konsegwentement, in-nota rċevuta fit-23 ta’ Settembru 2009, kienet ġiet ippreżentata barra mit-terminu. F’dan il-kuntest, il-Bord tal-Appell kien qies ukoll li t-timbru tad-data kien nieqes minn valur probatorju fir-rigward tal-kwistjoni tad-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Fit-12 ta’ Novembru 2009, ir-rikorrent ippreżenta xi osservazzjonijiet ġodda quddiem il-UASI, flimkien ma’ rapport tal-faks li daħlu fuq il-magna tal-faks tar-rappreżentant tiegħu fil-perijodu ta’ bejn it-18 u l-25 ta’ Mejju 2009, iż-żewġ ġranet inklużi. Skont ir-rikorrent, ir-rapport kien juri li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma ġietx innotifikata lir-rappreżentant tiegħu b’faks fl-20 ta’ Mejju 2009.

9        B’deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009”), it-Tielet Bord tal-Appell emenda d-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002, tal-21 ta’ Ottubru 2002, li jimplementa r-Regolament Nru 6/2002 (ĠU L 341, p. 28). Skont il-Bord tal-Appell, kien hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent tat-12 ta’ Novembru 2009, ippreżentati qabel ma skada t-terminu mogħti mill-UASI lir-rikorrent. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies li r-rapport tal-faks li daħlu pprovdut mir-rikorrent ma jippermettix li jiġu kkonfutati l-elementi mressqa mill-UASI fir-rigward tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni permezz ta’ faks fl-20 ta’ Mejju 2009. B’mod partikolari, l-imsemmi rapport tal-faks li daħlu jsemmi faks ta’ seba’ paġni li r-rappreżentant tar-rikorrent irċieva fl-20 ta’ Mejju 2009 fl-12.15. Skont il-Bord tal-Appell, dan id-dokument jikkorrispondi għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, mibgħut flimkien mal-ittra. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell iddeċieda li jikkonferma d-dispożittiv tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009.

10      Fit-23 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrent talab li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 tkun irrettifikata mill-ġdid, sabiex jiġi rrikonoxxut li n-nota li tesponi l‑aggravji tal-appell ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti. F’dan ir-rigward, ir‑rikorrent ippreżenta elementi ġodda li jirrigwardaw l-iżvolġiment tax-xogħol u t-trattament tal-faksijiet fi ħdan l-uffiċċju tar-rappreżentant tiegħu, kif ukoll fuq ir‑referenza sistematika għan-numru tal-persuna li tibgħat fuq il-faksijiet li ħarġu mill-UASI. Sussidjarjament, ir-rikorrent talab restitutio in integrum abbażi tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 6/2002.

11      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010”), it-Tielet Bord tal-Appell ċaħad it-talbiet tar-rikorrent ippreżentati fit-23 ta’ Diċembru 2009. Fir-rigward tat-talba għal rettifika, huwa qies li l‑kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002 ma kinux ġew sodisfatti.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, kif rettifikata bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009;

–        sussidjarjament tagħtih restitutio in integrum;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

13      B’ittra tas-7 ta’ April 2010, ir-rikorrent adatta t-talbiet tiegħu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, billi talab, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010;

–        tikkonstata li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti quddiem il-Bord tal-Appell.

14      Fir-replika, ir-rikorrent irtira t-talbiet tiegħu intiżi għal restitutio in integrum u għal konstatazzjoni li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti quddiem il-Bord tal-Appell. Konsegwentement, fl-aħħar mill-aħħar huwa talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, kif irrettifikata bid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, tannulla d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

15      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Ir-rikorrent jippreżenta żewġ motivi, l-ewwel wieħed, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, u, it-tieni, fuq żball ta’ evalwazzjoni. Huwa jitlob ukoll lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

17      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-motivi tar-rikorrent. Barra minn hekk, huwa jsostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 hija inammissibbli u li ċerti annessi tar-rikors ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

18      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessari li jkun hemm, minbarra l-analiżi tal-motivi u tal-argumenti tal-partijiet, eżami ex officio tal-kompetenza tal-UASI sabiex jadotta d-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tat-22 ta’ Marzu 2010.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010

19      L-UASI jsostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 hija inammissibbli, peress li temenda s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni kellha bħala suġġett żewġ talbiet tar-rikorrent ippreżentati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 u tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009.

20      Ir-rikorrent iqis li, billi talab l-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, huwa ma emendax is-suġġett tal-kawża, iżda sempliċement wessgħu. Issa, tali estenzjoni hija ammissibbli, skont il-ġurisprudenza, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura.

21      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, in-noti tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

22      Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 ġiet adottata b’risposta għall-ittra tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009, li fiha dan tal-aħħar kien talba minn naħa, rettifika sekondarja tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 u, min-naħa l-oħra, sussidjarjament, ir-restitutio in integrum.

23      Dawn iż-żewġ talbiet ġew eżaminati b’mod separat fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, qabel ma ġew miċħuda t-tnejn.

24      Issa, mid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 jirriżulta li t-talba għal rettifika ppreżentata mir-rikorrent fl-ittra tat-23 ta’ Diċembru 2009 kienet tirrigwarda l‑kwistjoni sabiex isir magħruf jekk id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kinitx ġiet innotifikata lir-rikorrent permezz ta’ faks fl-20 ta’ Mejju 2009. B’hekk, hija kellha eżattament l-istess suġġett tad-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru u tal-10 ta’ Diċembru 2009. Għaldaqstant, sa fejn id-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 tirrigwarda t-talba għal rettifika, din tinsab fl-estenzjoni tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell, fis-sens li ma temendax is-suġġett tal-kawża quddiem din tal-aħħar.

25      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent talab ir-restitutio in integrum mill-UASI, għall-ewwel darba fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2009. Għaldaqstant din il‑kwistjoni la kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 u lanqas tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009. Għaldaqstant, sa fejn it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 tirrigwarda r-restitutio in integrum, din it-talba temenda s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell fis-sens tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 tiġi ddikjarata ammissibbli sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda t-talba għal rettifika u inammissibbli sa fejn l-imsemmija deċiżjoni tirrigwarda t-talba għal restitutio in integrum.

 Fuq il-kompetenza tal-UASI biex jadotta d-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tat-22 ta’ Marzu 2010

27      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-kompetenza tal-awtur tal-att jikkostitwixxi kwistjoni ta’ ordni pubblika li bħala tali għandha titqajjem ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 1992, BASF et vs Il-Kummissjoni, T‑79/89, T‑84/89 sa T‑86/89, T‑89/89, T‑91/89, T‑92/89, T‑94/89, T‑96/89, T‑98/89, T‑102/89 u T‑104/89, Ġabra p. II‑315, punt 31).

28      Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li tiġi eżaminata l‑kompetenza tal-Bord tal-Appell tal-UASI biex jadotta d-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tat-22 ta’ Marzu 2010 fuq il-bażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002.

29      Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002:

“F’deċiżjonijiet tal-[UASI], huma biss żbalji lingwistiċi, żbalji ta’ traskrizzjoni u żbalji ovvji [manifesti] li jistgħu jiġu kkoreġuti. Huma jridu jiġu kkoreġuti mid-dipartiment li ħa d-deċiżjoni, li jaġixxi minn rajħ jew fuq talba ta’ parti interessata.”

30      Fil-kawża preżenti, la l-emendi mwettqa mid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 u lanqas dawk mitluba mir-rikorrent fit-23 ta’ Diċembru 2009 ma jirrigwardaw żbalji lingwistiċi jew ta’ traskrizzjoni, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-partijiet.

31      Ir-rikorrent isostni, b’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-emendi kkonċernati lanqas ma huma intiżi għall-emenda ta’ żbalji manifesti. Konsegwentement, huwa jqis li d-deċiżjonijiet tal-10 ta’ Diċembru 2009 u tat-22 ta’ Marzu 2010 għandhom jiġu annullati minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-UASI.

32      Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, il-UASI jqis li n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ippreżentati fit-terminu stabbilit jikkostiwixxi żball manifest fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002. Sussidjarjament, huwa jsostni li l-imsemmija deċiżjoni tal-Bord tal-Appell setgħet tkun ibbażata fuq bażi legali oħra, b’mod partikolari fuq il‑prinċipju ġenerali tal-liġi li jawtorrizza l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali.

33      Fir-rigward tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, l-UASI jsostni li l-Bord tal-Appell kien kompetenti sabiex jiddeċiedi fuq it-talba għal rettifika tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009, abbażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002.

34      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandu jiġi vverifikat jekk l-emendi mwettqa mid-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 u dawk mitluba mir-rikorrent fit-23 ta’ Diċembru 2009, kinux intiżi għar-rettifika ta’ żbalji manifesti fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002.

35      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl tal-importanza tan-natura restrittiva tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni definittiva meħuda minn awtorità kompetenti u fl-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, ir-regola li tippermetti, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, rettifiki sussegwenti lil tali deċiżjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “żbalji ovvji [manifesti]” huwa limitat għal żbalji ta’ natura formali li n-natura żbaljata tagħhom tirriżulta b’mod ċar mit-test tad-deċiżjoni stess u li ma jaffettwawx il‑portata u s-sustanza ta’ din tal-aħħar kif ikkaratterizzati mid-dispożittiv u mill-motivi tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “żbalji ovvji [manifesti]”, ma jistax jinkludi żball li jista’ jivvizzja s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata [ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T‑392/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 55].

 Fuq id-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009

36      Għandu jiġi kkonstatat li, billi adotta d-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, il‑Bord tal-Appell għamel użu, essenzjalment, minn mekkaniżmu ta’ rettifika sabiex jemenda ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, kif stabbilit fl-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, li jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 kienet ġiet adottata qabel ma skada t-terminu mogħti lir-rikorrent sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

37      Issa, tali ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jikkostitwixxix żball manifest fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002, kif interpretat fil-punt 35 iktar ’il fuq. Fil-fatt, tali ksur jikkostitwixxi żball li jaffettwa l-proċedura li rriżultat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 u, għaldaqstant tista’ tivvizzja s‑sustanza ta’ din id-deċiżjoni. Bl-istess mod, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent fit-terminu stabbilit affettwa l-motivi tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009 u, għaldaqstant, il-kontenut tagħha.

38      Għaldaqstant, l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002 ma jikkostitwixxix bażi legali adegwata li tippermetti lill-UASI jirremedja għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent, li seħħ fil-proċeduri li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni.

39      Bla ħsara għall-konklużjoni msemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif isostni l-UASI, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 setgħet, bħala prinċipju, tiġi adottata mill-Bord tal-Appell permezz ta’ bażi legali oħra.

40      Fil-fatt, il-ġurisprudenza stabbilixxiet prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att, tal-kundizzjonijiet dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u r-rispett tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblée commune, 7/56 u 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, 116, u tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il‑Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 10; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 Settembru 2007, González y Díez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, Ġabra p. II‑3121, punt 97).

41      Madankollu, minkejja l-eżistenza ta’ bażi legali oħra, l-iżball fl-għażla tal-bażi legali jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat meta dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kontenut tiegħu, b’mod partikolari billi jivvizzja b’irregolarità l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 98, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑211/01, Ġabra p. I 8913, punt 52].

42      Issa, fil-kawża preżenti, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq ma tipprovdix proċedura partikolari għall-irtirar ta’ att illegali.

43      Fir-rigward tal-osservanza għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija ġurisprudenza, minn naħa, id-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 seħħet xahar u erbat ijiem wara dik tas-6 ta’ Novembru 2009, li jikkostitwixxi terminu raġonevoli.

44      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, ibbenefikat lill-parti l‑oħra quddiem il-Bord tal-Appell, peress li ċaħdet l-appell tar-rikorrent kontra d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Issa, sa fejn id-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 ma emendatx id-dispożittiv tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2009, l-aspettattivi leġittimi tal-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell ma ġewx ippreġudikati.

45      Għaldaqstant, ma hemmx elementi li jissuġġerixxu li l-kontenut tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 seta’ ġie affettwat mill-għażla ta’ bażi legali żbaljata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni minħabba dan l‑iżball ikun nieqes minn kull effett utli, peress li d-deċiżjoni adottata mill-Bord tal-Appell wara l-annullament ġiet adottata taħt l-istess kundizzjonijiet u bbażat fuq l-istess elementi tad-deċiżjoni annullata.

46      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-iżball tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali applikabbli ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009.

 Fuq id-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010

47      It-talba għal rettifika tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009 hija intiża sabiex jiġi rrikonoxxut li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti. Issa, tali talba ma hijiex intiża għar-rettifika ta’ żball ta’ ordni formali li hija affettwata biha d-deċiżjoni inkwistjoni, iżda għall-eżami mill-ġdid tal-mertu ta’ din tal-aħħar u għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdid li jkollha kontenut differenti.

48      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-iżball invokat mir-rikorrent fit-talba tat-23 ta’ Diċembru 2009 ma kienx żball manifest fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002, li jimplika li l-Bord tal-Appell ma kienx kompetenti sabiex jittratta l-imsemmija talba fuq il-mertu abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni.

49      Barra minn hekk, sa fejn, billi ċaħad it-talba tat-23 ta’ Diċembru 2009, il-Bord tal-Appell kien qies impliċitament li d-deċiżjoni preċedenti tiegħu fuq l-appell ma kinitx illegali, huwa lanqas ma kien kompetenti sabiex jipproċedi għall-irtirar tal-imsemmija deċiżjoni.

50      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma kellu ebda kompetenza sabiex jadotta d‑deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, fir-rigward taċ-ċaħda fuq il-mertu tat-talba għal rettifika tat-23 ta’ Diċembru 2009.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, sa fejn tirrigwarda t-talba għal rettifika tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009.

 Fuq l-annessi tal-appell

52      Skont il-UASI, sa fejn l-Anness K 8 u K 13 tal-appell ġew ippreżentati quddiemu biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru u tal-10 ta’ Diċembru 2009, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

53      Ir-rikorrent ma rrispondiex b’mod speċifiku għall-argument tal-UASI.

54      Għandu jiġi osservat li d-dokumenti kkonċernati, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet taħt ġurament tar-rappreżentant tar-rikorrent u ta’ impjegat ta’ dan tal-aħħar, ġew ippreżentati quddiem l-UASI fl-anness tal-ittra tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għar-rikorrent mill-UASI sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-ammissibbiltà tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell. Konsegwentement, ma jagħmlux parti mill-kuntest fattwali tal-kawża li kien jeżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009.

55      Barra minn hekk, id-dokumenti kkonċernati ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010. Issa, minn naħa, mill-punti 47 sa 51 iktar ’il fuq jirriżulta li ma kellhomx jiġu eżaminati fir-rigward tat-talba għal rettifika tar-rikorrent, peress li l-Bord tal-Appell ma għandu l-ebda kompetenza sabiex jitratta din it-talba fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, sa fejn id-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010 tirrigwarda t-talba għal restitutio in integrum, din ma tiffurmax parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, hekk kif jirriżulta mill-punt 19 sa 26 iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-kontenut tal-Annessi K.8 u K.13, ma huwiex, fi kwalunkwe każ, rilevanti fir-rigward tal-imsemmi suġġett.

56      Għaldaqstant, ma hemmx lok għall-Qorti Ġenerali sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Annessi K 8 u K 13 tal-appell, peress li, minn naħa, ma kinux parti mill-kuntest fattwali fil-ġurnata li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009 u, min-naħa l-oħra, ma jaqgħux taħt is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ġie ppreċiżat fil-punti 19 sa 26 iktar ’il fuq.

 Fuq il-mertu

57      Ir-rikorrent jippreżenta żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq id-dritt għal smigħ u t-tieni, fuq żball ta’ evalwazzjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat li dawn iż-żewġ motivi għandhom essenzjalment l-istess suġġett u, għaldaqstant jamalgamaw ma xulxin, sa fejn huma jipprevedu t-tnejn, l-iżball li wettaq il-Bord tal-Appell billi qies li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet ġiet ippreżentata wara li skadew it-termini stabbiliti u minħabba dan, hija inammissibbli. Konsegwentement, dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien.

58      Essenzjalment, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġiet innotifikat lilu b’ittra tal-25 ta’ Mejju 2009, fis-sens li n-nota li tesponi l‑aggravji tal-appell, li l-UASI rċieva fit-23 ta’ Settembru 2009, kienet ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ erba’ xhur previst mill-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 6/2002.

59      F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jikkontesta li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġiet innotifikata lir-rappreżentant tagħha b’faks fl-20 ta’ Mejju 2009 u jfakkar li l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward jaqa’ fuq l-UASI.

60      L-UASI jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

61      Qabel kollox, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 47 tar-Regolament Nru 2245/2002 jirriżulta li l-UASI jista’ jinnotifika d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta’ faks [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ April 2005, Success- Marketing vs UASI – Chipita (PAN & CO), T‑380/02 u T‑128/03, Ġabra p. II‑1233, punti 54 sa 61].

62      L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 2245/2002 jippreċiża li l-modalitajiet ta’ trażmissjoni permezz ta’ faks jiġu deċiżi mill-President tal-UASI.

63      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni EX-03-04 tal-President tal-UASI tal-20 ta’ Jannar 2003 jippreċiża:

“Kull deċiżjoni, komunikazzjoni jew notifikazzjoni mibgħuta mill-[UASI], permezz ta’ faks jew permezz ta’ komunikazzjoni elettronika fil-kuntest tal-proċeduri dwar disinni Komunitarji rreġistrati jsemmu l-istanza responsabbli fil-parti ta’ fuq, kif ukoll l-isem sħiħ tal-uffiċjal jew uffiċjali responabbli fit-tmiem tad-deċiżjoni, komunikazzjoni jew notifikazzjoni. Dawn l-indikazzjonijiet jissostitwixxu kull siġill jew firma.”

64      Fil-kawża preżenti, ir-rapport ta’ trażmissjoni tal-UASI li jirreferi għan-notifikazzjoni permezz ta’ faks tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fih l-elementi li ġejjin:

–        kopja tal-ewwel paġna tal-faks, jiġifieri ittra indirizzata lir-rappreżentant tar-rikorrent li fiha l-identifikazzjoni tal-istanza responsabbli (HAUPTABTEILUNG GESCHMACKSMUSTER – NICHTIGKEITSABTEILUNG) u dik tal-uffiċjal responsabbli kif ukoll l‑indikazzjoni li tgħid li deċiżjoni ta’ sitt paġni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-20 ta’ Mejju 2009 kienet annessa;

–        20 ta’ Mejju 2009 fn-12.22, fir-rigward tad-data u l-ħin tal-komunikazzjoni;

–        “+34965139818” fir-rigward tan-numru tal-faks tal-UASI;

–        “00498982006111” fir-rigward tan-numru tal-faks tad-destinatarju;

–        “7” fir-rigward tan-numru tal-paġni mibgħuta;

–        ir-referenza “OK” fir-rigward tar-riżultat tat-trażmissjoni;

–        20 ta’ Mejju 2009 fn-12.27, fir-rigward tad-data u l-ħin li fihom inħoloq ir‑rapport.

65      B’hekk, fid-dawl tar-rapport ta’ trażmissjoni, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-UASI rrispetta r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni EX-03-04, fir-rigward tal-formalitajiet ta’ notifikazzjoni permezz ta’ faks.

66      Mir-rapport ta’ trażmissjoni jirriżulta wkoll li l-UASI bagħat lir-rappreżentant tar-rikorrent, fl-20 ta’ Mejju 2009 fn-12.22, faks ta’ seba’ paġni li kien jinkludi ittra ta’ paġna li tindika li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ta’ sitt paġni kienet annessa.

67      Fl-aħħar, skont ir-rapport ta’ trażmissjoni, il-magna tal-faks tar-rappreżentant tar-rikorrent irċeviet b’mod korrett il-faks mibgħut mill-UASI fn-12.22.

68      Għandhom jiġu eżaminati l-erba’ argumenti invokati mir-rikorrent sabiex tiġi kkontestata din l-aħħar konstatazzjoni.

69      B’hekk, prinċipalment, ir-rikorrent isostni li mir-rapport tal-faks li daħlu fuq il‑magna tal-faks tar-rappreżentant tiegħu fil-perijodu ta’ bejn it-18 u l-25 ta’ Mejju, ippreżentat mir-rikorrenti, jirriżulta li faks ta’ seba’ paġni, li ntbagħat minn persuna mhux identifikata, wasal fl-20 ta’ Mejju 2009 fn-12.35.

70      Fih innifsu, dan il-fatt isaħħah il-valur probatorju tar-rapport ta’ trażmissjoni eżaminat iktar ’il fuq, peress li juri li faks li kien fih l-istess numru ta’ paġni bħall-faks mibgħut mill-UASI ġie rċevut, ftit żmien wara, mir-rappreżentant tar-rikorrent.

71      It-tieni nett, ir-rikorrent isostni madankollu li għadda intervall eċċessiv bejn il‑mument li fih intbagħat il-faks mill-UASI u l-mument li fih dan ġie rċevut mir-rappreżentant tar-rikorrent.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li, filwaqt li mir-rapport ta’ trażmissjoni tal-maġna tal-faks tal-UASI jirriżulta li l-faks beda jintbagħat fn-12.22, u li dan il‑proċess intemm, l-iktar tard fn-12.27, ir-rapport tal-faks li daħlu fuq il-magna tal-faks tar-rappreżentant tar-rikorrent jindika n-12.35 bħala l-ħin li fih dan wasal.

73      Madankollu, hekk kif sostna l-UASI waqt is-seduta, differenza ta’ tmien minuti tista’ tiġi spjegata mill-fatt li minħabba ssettjar imwettaq b’mod manwali, iż-żewġ faksijiet ikkonċernati ma humiex issettjati bl-istess ħin, u b’hekk juru informazzjoni li hija xi ftit differenti.

74      Għaldaqstant, l-intervall ikkonstatat bejn il-mument li fih intbagħat u ġie riċevut il-faks ma jimplikax li l-faks li rċieva r-rappreżentant tar-rikorrent ma huwiex l‑istess wieħed li ntbagħat mill-UASI.

75      It-tielet nett, ir-rikorrent josserva li l-faks irċevut mir-rappreżentant tiegħu fn-12.35 ma jurix l-identità ta’ min bagħtu.

76      Issa, anki jekk jitqies li, hekk kif isostni r-rikorrent, n-numru ta’ min jibgħat il‑faks huwa ġeneralment indikat fuq il-faksijiet li jintbagħtu mill-UASI, dan il-fatt ma jeskludix li tali identifikazzjoni ma tintweriex minn faks partikolari, b’mod partikolari minħabba raġunijiet tekniċi. F’dan ir-rigward, il-UASI ppreċiża effettivament, waqt is-seduta, li l-magna tal-faks użata biex jintbagħat il-faks ikkonċernat ma kinitx tagħmel parti mis-sistema tal-informatika tiegħu, fis-sens li ma kinitx issettjata awtomatikament sabiex turi n-numru ta’ min jibgħat il-faks.

77      Barra minn hekk, mid-Deċiżjoni EX-03-04, ma jirriżultax li l-UASI huwa marbut li jindika n-numru ta’ min jibgħat fuq il-faksijiet li jibgħat u r-rikorrent ma jsostnix li xi bażi oħra kienet timponi tali obbligu.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas in-nuqqas ta’ identifikazzjoni tan-numru ta’ min bagħat il-faks irċevut mir-rappreżentant tar-rikorrent ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ma kienx il-faks mibgħut mill-UASI.

79      Ir-raba’ nett, ir-rikorrent isostni li ma jistax ikun mistenni li jistabbilixxi fatt negattiv, jiġifieri n-nuqqas ta’ riċeviment tal-faks mibgħut mill-UASI, sabiex ikun jista’ jikkonfuta l-valur probatorju tar-rapport ta’ trażmissjoni dwar in‑notifikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni permezz ta’ faks.

80      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-valur probatorju tal-imsemmi rapport ta’ trażmissjoni seta’ jiġi kkonfutat permezz tal-produzzjoni ta’ provi pożittivi. Fil-fatt, ir-rikorrent seta’ b’mod partikolari jipproduċi l-faks li huwa effettivament irċieva fl-20 ta’ Mejju 2009 fn-12.35 sabiex jistabbilixxi li ma kienx il-faks mibgħut mill-UASI fl-istess ġurnata fn-12.22.

81      Madankollu, ir-rikorrent isostni li ma jistax jintalab jipproduċi dan l-element. Minn naħa, minħabba n-nuqqas ta’ identifikazzjoni tan-numru tatal-magna tal-faks ta’ min jibgħat il-faks, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat kif ġie ttrattat il-faks ikkonċernat. Minn naħa l-oħra, għadda żmien kunsiderevoli mir-riċeviment tiegħu.

82      Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, l-ipproċessar tal-faks riċevuti mir-rappreżentant tar-rikorrent jaqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva ta’ dan ir-rappreżentant. Konsegwentement, peress li mill-eżami tar-rapport ta’ trażmissjoni u tar-rapport tal-faks li daħlu jirriżulta li l-UASI bagħat faks lir-rappreżentant tar-rikorrent u li, ftit taż-żmien wara, dan tal-aħħar irċieva faks bl-istess numru ta’ paġni minn persuna mhux identifikata, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ produzzjoni tal-faks effettivament riċevut minn dan ir-rappareżentant għandhom jiġu sostnuti mir-rikorrent.

83      Dan huwa b’mod partikolari l-każ peress li, abbażi tal-Artikolu 28(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 2245/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1)(b) tal-istess regolament, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ir-rappreżentant tiegħu huwa liberu li jindikaw jew le n-numru ta’ faks u, konsegwentement, sabiex jiddeterminaw jekk dan il-metodu ta’ komunikazzjoni huwiex ser jintuża għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet bejnu u bejn il-UASI. Fil-fatt, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, huwa l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew ir‑rappreżentant tiegħu li għandu jieħu l-prekawzjonijiet adattati sabiex ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, il-kontenut tad-dokumenti effettivament irċevuti b’dan il-mezz ta’ komunikazzjoni.

84      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li r-rapport ta’ trażmissjoni jistabbilixxi suffiċjentement fil-liġi n-notifikazzjoni permezz ta’ faks tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni lir-rappreżentant tar-rikorrent, fl-20 ta’ Mejju 2009. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball meta kkunsidra li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, irċevuta fit-23 ta’ Settembru 2009, waslet wara li skada t-terminu previst fl-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 6/2002 u li għaldaqstant ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li jallega r-rikorrent, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut li jikkunsidra l-possibbiltà ta’ problema teknika fir-riċeviment tal-imsemmi faks jew li dan tal-aħħar intbagħat lil numru żbaljat. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma ppreżenta l-ebda preċiżazzjoni fir-rigward tan-natura ta’ problema teknika eventwali u ma jikkontestax li n-numru tad-destinatarju li jidher fir-rapport tal-fax huwa n-numru tal-faks tar-rappreżentant tiegħu.

86      Ir-rikorrent lanqas ma jista’ jinvoka ġustament li l-Bord tal-Appell kiser id-dritt għal smigħ tiegħu, billi ma ppermettilux jippreżenta osservazzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, billi ma ppreżentax nota li tesponi l-aggravji tal-appell fit-terminu previst għal dan, ir-rikorrent stess naqas milli jagħmel użu mill-imsemmi dritt fir-rigward tal-aggravji tal-appell tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal‑ammissibbiltà tan-nota li tesponi l-aggravji tal-appell, ir-rikorrent ippreżenta lill-UASI, fl-14 ta’ Ottubru u fit-12 ta’ Novembru 2009, xi osservazzjonijiet li ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru u tal-10 ta’ Diċembru 2009.

87      Fl-aħħar, ir-rikorrent isostni li l-interessi involuti ma ġewx ibbilanċjati suffiċjentement mill-Bord tal-Appell, b’mod partikolari fir-rigward ta’ eventwali talba għar-restitutio in integrum intiża sabiex tiġi riżolta l-problema tat-trażmissjoni tal-faks ikkontestat.

88      Madankollu, ir-rikorrent ma jippreċiżax liema huma l-interessi li kellhom jiġu bbilanċjati mal-fatt li n-nota li tesponi l-aggravji tal-appell kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu.

89      Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq l-ammissibbiltà tal-appell ma ċaħħditx lir-rikorrent mill-possibbiltà li jitlob ir-restitutio in integrum, ħaġa li huwa għamel, fil-fatt, fit-23 ta’ Diċembru 2009. Issa, mill-punti 25 u 26 iktar ’il fuq jirriżulta li t-trattament ta’ din it-talba, mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, ma tifformax parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

90      Peress li l-argumenti kollha tar-rikorrent ġew miċħuda, hemm lok li jiġu miċħuda ż-żewġ motivi invokati minn dan tal-aħħar.

 Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

91      Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ żewġ xhieda sabiex, minn naħa, jiġi stabbilit li l-faksijiet li jinħarġu mill-UASI jindikaw in-numru tal-magna tal-faks li titrażmetti u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi espost il-mod kif isir ix-xogħol fl-uffiċċju tar-rappreżentant tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iproċessar tal-faksijiet irċevuti. Ir-rikorrent jafferma li din il-miżura tkun tippermetti li jintwera li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma ġietx innotifikata lir-rappreżentant tagħha b’faks tal-20 ta’ Mejju 2009.

92      Issa, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 75 sa 78 u 81 sa 83 iktar ’il fuq, la l‑kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-faksijiet mibgħuta mill-UASI jindikawx in‑numru tal-magna tal-faks li titrażmetti u lanqas il-modalitajiet ta’ organizzazzjoni fi ħdan l-uffiċċju tar-rappreżentant tar-rikorrent ma huma rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, it-talba għal miżuri istruttorji għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

93      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hekk lok li tiġi annullata d-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, sa fejn tirrigwarda t-talba għal rettifika tar-rikorrent tat-23 ta’ Diċembru 2009 u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

94      Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l‑ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu fuq waħda jew iktar mit-talbiet rispettivi tagħhom. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta’ Marzu 2010 (Każ R 621/2009-3), hija annullata sa fejn tirrigwarda t‑talba għal rettifika ta’ P. Reisenthel tat-23 ta’ Diċembru 2009.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.