Language of document : ECLI:EU:T:2011:601

Kawża T-53/10

Peter Reisenthel

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Disinn Komunitarju — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Ċaħda tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni — Notifikazzjoni tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni permezz ta’ faks — Appell quddiem il-Bord tal-Appell — Nota li tesponi l-aggravji tal-appell — Terminu għall-preżentata — Ammissibbiltà tal-appell — Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 — Rettifika ta’ deċiżjoni — Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 — Prinċipju ġenerali tad-dritt li jawtorizza l-irtirar ta’ deċiżjoni illegali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju — Rettifika — Żball manifest — Kunċett — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Esklużjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2245/2002, Artikolu 39)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Irtirar — Atti illegali — Kundizzjonijiet — Osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Għażla tal-bażi legali — Żball — Annullament tal-att — Kundizzjonijiet

1.      Skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002, li jimplementa r-Regolament Nru 6/2002, dwar disinni Komunitarji, fid-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju għall-Armonizazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huma biss żbalji lingwistiċi, żbalji ta’ transkrizzjoni u żbalji ovvji li jistgħu jiġu kkoreġuti. Huma jridu jiġu kkoreġuti mid-dipartiment li ħa d-deċiżjoni, li jaġixxi minn rajħ jew fuq talba ta’ parti interessata.

Fid-dawl tal-importanza tan-natura vinkolanti tad-dispożittiv ta’ deċiżjoni definittiva meħuda minn awtorità kompetenti u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-regola li tippermetti, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, rettifiki sussegwenti ta’ tali deċiżjoni, għandha tiġi interpretata b’mod strett. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ żball manifest huwa limitat għal żbalji ta’ natura formali li n-natura żbaljata tagħhom tirriżulta b’mod ċar mit-test tad-deċiżjoni stess u li ma jaffettwawx il‑portata u s-sustanza ta’ din tal-aħħar kif ikkaratterizzati mid-dispożittiv u mill-motivi tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ żball manifest ma jistax ikun jikkonċerna l-iżball li jista’ jivvizzja s-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata.

Ksur tad-drittijiet tad-difiża li jirriżulta mill-fatt li deċiżjoni ġiet adottata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, ma jikkostitwixxix żball manifest fis-sens tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2245/2002. Fil-fatt, tali ksur jikkostitwixxi żball li jaffettwa l-proċedura li rriżultat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni u, għaldaqstant, jista’ jivvizzja s‑sustanza ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 35, 37)

2.      L-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joriġina l-att, tal-kundizzjonijiet dwar l-osservanza ta’ terminu raġonevoli u r-rispett tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan tal-aħħar.

(ara l-punt 40)

3.      Minkejja l-eżistenza ta’ bażi legali oħra, l-iżball fl-għażla tal-bażi legali jwassal għall-annullament tal-att ikkonċernat meta dan jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-kontenut tiegħu, b’mod partikolari billi jivvizzja b’irregolarità l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni tiegħu.

(ara l-punt 41)