Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Frar 2010 - SP vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-55/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: SP SpA (Brescia, l-Italja) (rappreżentant: G. Belotti, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropeja

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2009 li emendat id-deċiżjoni preċedenti C(2009) 7492 finali, addottata mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2009.

Tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2009, id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni emendat id-deċiżjoni preċedenti tagħha C(2009) 7492 finali, tat-30 ta' Settembru 2009, li permezz tagħha hija akkużat numru ta' kumpanniji, inkluża r-rikorrenti, li pparteċipaw f'akkordju. Bid-deċiżjoni tat-8 ta' Diċembru 2009, wara li rrikonoxxiet illi d-deċiżjoni tat-30 ta' Settembru 2009 kienet "tirreferi għal anness li kien fih tabelli li juru il-moviment tal-prezzijiet tal-vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit matul l-operazzjoni tal-akkordju" u li "dak l-anness ma ġiex inkluż fid-deċiżjoni adottata fit-30 ta' Settembru 2009", il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda din id-deċiżjoni sabiex tintegraha mat-tabelli allegati mad-deċiżjoni kkontestata.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi segwenti:

Illegalità tal-korrezzjoni sussegwenti ta' miżura vvizjata b'difett gravi: il-Kummissjoni ma għandhiex poter li tissanzjona a posteriori deċiżjoni manifestament nulla, peress li t-test tagħha kien jidher b'mod ċar li huwa inkomplet meta ttieħdet id-deċiżjoni; dan jikkostitwixxi ċirkustanza gravi ħafna li ma ma hemmx rimedju minnha.

Indikazzjoni ta' bażi legali żbaljata: il-Kummissjoni indikat l-Artikolu 65 KEFA u r-Regolament Nru 1/2003 1 bħala l-bażi legali tal-miżura kkontestata, li huma bażi legali manifestament mhux adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li kienet stabbiliet il-Kummissjoni (jiġifieri illi tintegraha/temenda deċiżjoni preċedenti tagħha, peress li t-test tagħha kien inkomplet) - bir-riżultat illi t-tieni deċiżjoni li hija kkontestata f'dawn il-proċeduri għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta' bażi legali.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi hemm ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205