Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' Frar 2010 - Phoenix-Reisen u DRV vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-58/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Phoenix-Reisen GmbH (Bonn, il-Ġermanja) u Deutscher Reiseverband eV (DRV) (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: R. Gerharz, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta, tal-20 ta' Novembru 2009, innotifikata b'ittra fil-11 ta' Diċembru 2009, li permezz tagħha l-konvenuta tirrifjuta li tintervjeni kontra l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-forma ta' ħlas ta' kumpens għal insolvenza;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8707 finali, tad-19 ta' Novembru 2009, rigward l-Għajnuna mill-Istat NN 55/2009 - Ġermanja, Allegata għajnuna mill-Istat permezz ta' ħlas ta' kumpens għal insolvenza u l-finanzjament tiegħu. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li s-sussidju tal-impriżi insolventi ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tad-Direttiva 80/987/KEE 1, għaliex hija għandha bħala għan esklużiv il-protezzjoni tal-impjegati tal-impriżi insolventi u mhux tal-impriżi nfushom. Skont ir-rikorrenti, skont il-prassi ġuridika segwita fil-Ġermanja, l-impriżi insolventi jibbenefikaw direttament mill-kumpens għal insolvenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li eżempji minn Stati Membri oħra tal-Komunità juru li huwa possibbli li d-dritt nazzjonali jimplementa d-Direttiva 80/987/KEE mingħajr ma jiġu ssussidjati kompetituri b'mod inammissibbli.

____________

1 - Direttiva tal-Kunsill 80/987, tal-20 ta' Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta' min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 23).