Language of document : ECLI:EU:T:2020:18

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

30 ta’ Jannar 2020 (*)

“FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Infiq effettwat mill-Portugall – Artikoli 32 u 33 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Kunċett ta’ qorti nazzjonali”

Fil-Kawża T‑292/18

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, P. Estêvão, J. Saraiva de Almeida u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Rechena u A. Sauka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/304 tas‑27 ta’ Frar 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 59, p. 3), sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ammont ta’ EUR 1 052 101.05 relatat ma’ nfiq iddikjarat mir-Repubblika Portugiża,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, I. S. Forrester (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1        L-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1) jiddisponi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom:

(a)      fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, jadottaw id-dispożizzjonijiet kollha leġislattivi, regolatorji u amministrattivi u jieħdu kwalunkwe miżuri oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Komunità, u b’mod partikolari sabiex:

(i)      jiġu vverifikati l-ġenwinità u l-konformità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-FAEG u l-FAEŻR;

(ii)      jiġu evitati u segwiti l-irregolaritajiet;

(iii)      jiġu rkuprati s-somom mitlufa bħala riżultat tal-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.”

2        Skont l-Artikolu 32(5) tal-imsemmi regolament, dwar “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEG”:

“5.      Jekk l-irkupru ma twettaqx fi żmien erba’ snin mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, jew fi żmien tmien snin meta l-azzjoni tal-irkupru tittella’ fil-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit Komunitarju.

L-Istati Membri għandhom jindikaw separatament fir-rapport fil-qosor imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-ammonti mhux irkuprati fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Id-distribuzzjoni tal-piż finanzjarju tan-nuqqas ta’ rkupru f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi l-proċeduri tal-irkupru f’konformità mal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. 50 % tal-ammonti rkuprati b’dan il-mod għandhom jiġu akkreditati lill-FAEG, wara l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, ma tiġi rreġistrata l-ebda irregolarità minn xi strument amministrattiv jew legali ta’ natura definittiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddikjara bħala nefqa lill-EAGF il-piż finanzjarju li waqa’ fuqu, skont l-ewwel subparagrafu.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont ta’ rkupru jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.”

3        Skont l-Artikolu 33(8) tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR”:

“8.      Jekk l-irkupru ma jkunx seħħ qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jaqgħu fuq l-Istat Membru kkonċernat u 50 % fuq il-baġit Komunitarju u għandu jittieħed kont tagħhom jew fl-aħħar tal-perijodu ta’ erba’ snin wara l-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew tmien snin f’każ li l-azzjoni tal-irkupru tittella’ quddiem il-qrati nazzjonali, jew meta jagħlaq il-programm jekk dawn l-iskadenzi jiskadu qabel tali għeluq.

Madankollu, jekk għal raġunijiet li ma jiġux attribwiti għall-Istat Membru kkonċernat, l-irkupru ma setax iseħħ fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, u l-ammont li jrid jiġi rkuprat jaqbeż EUR 1 miljun, il-Kummissjoni tista’, fuq talba tal-Istat Membru, testendi l-iskadenzi b’massimu ta’ 50 % tal-iskadenzi inizjali.”

4        Ir-Regolament Nru 1290/2005 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549 rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

5        L-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005 ġie ssostitwit u inkluż, essenzjalment, fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, li jżid għall-preskrizzjonijiet ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, b’mod partikolari, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinbdew il-proċeduri ġuridiċi neċessarji, skont il-każ, għall-finijiet tal-irkupru ta’ ħlasijiet indebiti. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32(5) u tal-Artikolu (33)(8) tar-Regolament Nru 1290/2005 ġew inklużi, essenzjalment, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

 Id-dritt Portugiż

6        L-Artikolu 103 tal-Lei Geral Tributária (il-Liġi Fiskali Ġenerali) jistabbilixxi kif ġej:

“Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni

1. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa hija ta’ natura ġudizzjarja, bla ħsara għall-parteċipazzjoni tal-korpi tal-amministrazzjoni fiskali għall-atti li ma humiex ta’ natura ġudizzjarja.

2. Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu ggarantiti dritt ta’ kontestazzjoni quddiem il-qorti eżekutorja fiskali tal-atti materjalment amministrattivi mwettqa mill-korpi tal-amministrazzjoni fiskali, konformement mal-paragrafu preċedenti.”

7        L-Artikolu 179 tal-Código de Procedimento Administrativo (il-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva) jipprevedi kif ġej:

“L-eżekuzzjoni ta’ obbligi pekunjarji

1. Meta, bis-saħħa ta’ att amministrattiv, għandhom jingħataw benefiċċji fi flus lil persuna ġuridika pubblika jew fuq ordni ta’ din tal-aħħar, għandu jsir riferiment, fin-nuqqas ta’ ħlas volontarju fit-terminu mogħti, għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar il-proċedura fiskali.

2. Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-korp kompetenti għandu jagħti, konformement mad-dispożizzjonijiet legali, ċertifikat li għandu l-valur ta’ titolu eżekuttiv li huwa għandu jibgħat lid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali mal-fajl amministrattiv.

3. Fil-każijiet fejn, konformement mal-liġi, l-amministrazzjoni, direttament jew permezz ta’ terz, twettaq l-eżekuzzjoni forzata ta’ benefiċċji li huma ta’ natura funġibbli, tista’ dejjem tintuża l-proċedura prevista f’dan l-artikolu sabiex jinkiseb ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti.”

8        L-Artikolu 148 tal-Código de Procedimento e de Processo Trobutário (il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) jiddisponi kif ġej:

“Kamp ta’ applikazzjoni tal-eżekuzzjoni tat-taxxa

1. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa tinkludi l-irkupru forzat tad-djun li ġejjin:

a)      taxxi, inklużi taxxi doganali, inklużi dazji tas-sisa u extrafiskali, ħlasijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji oħra favur l-Istat, dħul supplimentari kumulattiv, interessi u spejjeż legali oħra;

b)      multi u sanzjonijiet pekunjarji oħrajn imposti minn deċiżjonijiet jew sentenzi minħabba t-twettiq ta’ reati fiskali, ħlief meta jiġu imposti mill-qrati ordinarji;

c)      multi u sanzjonijiet pekunjarji oħrajn relatati mar-responsabbiltà ċivili stabbiliti konformement mal-iskema ġenerali ta’ reati fiskali.

2. Jistgħu wkoll jiġu rkuprati mill-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, fil-każijiet u fit-termini espressament previsti mil-liġi:

a)      djun oħra fir-rigward tal-Istat u ta’ persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom jitħallsu skont att amministrattiv;

b)      rimborsi jew irkupru ta’ ammonti.”

9        L-Artikolu 149 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jipprevedi kif ġej:

“Korp ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa

Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, għandu jitqies bħala korp responsabbli mill-eżekuzzjoni tat-taxxa d-dipartiment tal-amministrazzjoni fiskali inkarigat skont il-liġi mill-eżekuzzjoni jew, meta għandu jitwettaq quddiem il-qrati ordinarji, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea kkomunikat il-konstatazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Portugiża, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas‑6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25).

11      B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkontestat il-mod kif l-awtoritajiet Portugiżi kienu kkategorizzaw ċertu nfiq li kien sar skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jew il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li kellhom jiġu rkuprati. L-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005 jipprevedi li, meta l-irkupru ma seħħx f’terminu ta’ erba’ snin wara d-data tal-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja jew ta’ tmien snin, jekk l-irkupru jkun is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, sa 50 % tal-konsegwenzi tal-assenza ta’ rkupru jiġu sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat u sa 50 % mill-baġit tal-Unjoni (iktar ’il quddiem, ir-“regola tal-50/50”). Il-Kummissjoni qieset li d-djun dovuti lill-organu tal-ħlas Portugiż, jiġifieri l-Instituto de Financiamento da Agricultura e Pescas, I. P. (IFAP, l-Istitut għall-Finanzjament tal-Agrikoltura u tas-Sajd, il-Portugall), li l-irkupru tiegħu kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet fiskali Portugiżi, kienu ġew ikklassifikati b’mod żbaljat bħala kawżi li l-irkupru tagħhom kien is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fehma tagħha, ir-regola tal-50/50 kellha għalhekk tiġi applikata għal dawn id-djun fil-każ ta’ assenza ta’ rkupru wara erba’ snin u mhux biss wara tmien snin, kif sostnew l-awtoritajiet Portugiżi. Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Portugiżi li hija setgħet tipproponi li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti mill-infiq iddikjarat mir-Repubblika Portugiża.

12      L-awtoritajiet Portugiżi wieġbu għall-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Novembru 2015. B’mod partikolari, huma jispjegaw li l-mezz tal-eżekuzzjoni forzata li kellha tiġi applikata għall-irkupru tad-djun inkwistjoni kienet l-eżekuzzjoni tat-taxxa u kienu jqisu li din l-aħħar proċedura kellha tiġi kkunsidrata bħala ta’ natura ġudizzjarja. Skont huma, ir-regola tal-50/50 kellha għalhekk tiġi applikata biss fl-assenza ta’ rkupru wara tmien snin.

13      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Portugiżi għal laqgħa bilaterali, konformement mal-Artikolu 34(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

14      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni kkomunikat il-konklużjonijiet tagħha lir-Repubblika Portugiża, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, jekk irkupru ma kienx ġie eżerċitat quddiem il-qrati nazzjonali, ir-regola tal-50/50 kellha tiġi applikata wara erba’ snin u mhux wara tmienja. Hija pproponiet għalhekk korrezzjoni ta’ ammont ta’ EUR 1 272 594.35.

15      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Ottubru 2016, ir-Repubblika Portugiża talbet il-ftuħ ta’ proċedura quddiem il-Korp ta’ Konċiljazzjoni, konformement mal-Artikolu 40 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014.

16      Fil‑21 ta’ Marzu 2017, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni kkonkluda li kien impossibbli li jiġu kkonċiljati l-fehmiet taż-żewġ partijiet. Fir-rapport finali tiegħu, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni rrileva li “l-proċedura użata fil-Portugall, li [kienet] ikkunsidrata bħala proċedura amministrattiva mid-dipartimenti, iżda li [kienet] ikkunsidrata bħala proċedura simili għal proċedura ġudizzjarja mill-awtoritajiet [Portugiżi], [kienet] tippermetti f’ċertu punt l-involviment tal-qrati (amministrattivi)” u kkonkluda li “l-kawżi mressqa quddiem dawn il-qrati [kienu] jistgħu jibbenefikaw mill-perijodu ta’ tmien snin previst mil-leġiżlazzjoni Ewropea”.

17      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Ottubru 2017, fil-pożizzjoni finali tagħha l-Kummissjoni baqgħet tinsisti li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet tikkostitwixxi proċedura amministrattiva li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, hija rrilevat li kienu biss 19 minn 604 kawżi li kienu s-suġġett tal-proposta ta’ korrezzjoni finanzjarja li kienu tressqu quddiem qorti. Hija naqqset l-ammont tal-korrezzjoni finanzjarja għal EUR 1 052 101.05 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammonti rkuprati jew diġà suġġetti għar-regola tal-50/50 matul is-snin finanzjarji preċedenti.

18      Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/304 tas‑27 ta’ Frar 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (ĠU 2018, L 59, p. 3, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni, b’mod partikolari, eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni l-infiq iddikjarat mir-Repubblika tal-Portugall ta’ ammont ta’ EUR 1 052 101.05, minħabba “[d]ejn irrappurtat ħażin fit-tabelli tal-Anness III wara li ma ġietx applikata r-regola tal-50/50”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat dan ir-rikors.

20      Fil‑11 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

21      Fit‑28 ta’ Settembru 2018, ir-Repubblika Portugiża ppreżentat ir-replika.

22      Fid‑19 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

23      Fit‑8 ta’ Lulju 2019, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet abbażi tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Il-partijiet wieġbu din il-mistoqsija fit-terminu mogħti.

24      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2019.

25      Ir-Repubblika Portugiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ammont ta’ EUR 1 052 101.05 relatat ma’ nfiq iddikjarat mir-Repubblika Portugiża, minħabba li dawn jikkostitwixxu “dejn irrappurtat ħażin fit-tabelli tal-Anness III wara li ma ġietx applikata r-regola tal-50/50”;

–        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Portugiża tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li d-djun dovuti lill-IFAP, li l-irkupru tagħhom kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni mill-awtoritajiet fiskali, ma kinux jikkostitwixxu kawżi li l-irkupru tagħhom kien is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, fis-sens tal-imsemmija artikoli.

28      L-ewwel nett, hija tesponi li l-ordinament ġuridiku Portugiż jeżiġi li l-irkupru forzat ta’ somom dovuti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet amministrattivi jiġi implimentat permezz tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. Għal dan il-għan, il-kreditur pubbliku joħroġ ċertifikat ta’ dejn li huwa jagħti lid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali sabiex jeżerċita l-eżekuzzjoni tat-taxxa, li fil-kuntest tagħha t-titolu eżekuttiv huwa kkostitwit miċ-ċertifikat ta’ dejn inkwistjoni, bil-kreditur pubbliku adit ikun jista’ jintervjeni bħala parti. Issa, skont ir-Repubblika Portugiża, il-leġiżlazzjoni Portugiża u l-ġurisprudenza tal-qrati superjuri Portugiżi jirrikonoxxu b’mod unanimu li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa għandha natura ġudizzjarja u hija ppreseduta minn qorti. Għalhekk, l-Artikolu 103(1) tal-Liġi Fiskali Ġenerali jiddisponi espressament li “[i]l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa hija ta’ natura ġudizzjarja”. Is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) ikkunsidrat ukoll, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Awwissu 2012 mogħtija fil-Kawża 0803/12, li “l-‘proċedura’ ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa [kienet] totalment ta’ natura ġudizzjarja”. Bl-istess mod, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Portugall) kienet ikkunsidrat fis-sentenza tagħha 80/2003, mogħtija fil-Kawża 151/02, li “l-liġi fundamentali [tagħha] ma [kinitx] timponi li l-atti kollha li permezz tagħhom [kienet] isseħħ l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa jitwettqu b’mod obbligatorju mill-qorti, minkejja li l-ġurisprudenza fiskali u, attwalment u b’mod ċar, il-Liġi Fiskali Ġenerali (Artikolu 103(1)) [kienu] jagħtu ‘natura ġudizzjarja’ lill-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa”. Fl-istess sentenza, it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkonkludiet li “l-att promotur tal-eżekuzzjoni tat-taxxa [kien] jikkorrispondi sempliċement għall-preżentazzjoni fit-tqassim tal-finanzi, tat-titolu eżekuttiv korrispondenti […] u n-natura tiegħu ma [kinitx] differenti minn dik tal-att promotur tal-azzjoni għall-eżekuzzjoni tal-proċedura ċivili mibdija mill-kreditur”. Barra minn hekk, il-qorti amministrattiva u fiskali għandha l-karatteristiċi kollha ta’ korp ġudizzjarju fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE: oriġini legali, permanenza, natura vinkolanti tal-qorti, natura kontradittorja tal-proċedura, applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali u indipendenza. Insostenn tal-argument tagħha, ir-Repubblika Portugiża tinvoka wkoll is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754), u tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz u Companhia (C‑341/13, EU:C:2014:2230).

29      It-tieni nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-espressjoni “tribunais nacionais” użata fil-verżjoni Portugiża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 hija ekwivalenti għall-espressjoni “jurisdições nacionais” użata fil-verżjoni Portugiża tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u għandha tinftiehem fis-sens li tagħmel riferiment għall-“qrati nazzjonali”.

30      It-tielet nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-istruttura u r-raġuni tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati huwa li jiġu koperti s-somom li ntilfu minħabba irregolaritajiet u li ma ġewx irkuprati f’terminu raġonevoli. Issa, huma l-Istati Membri li jorganizzaw ruħhom bl-aħjar mod fuq livell intern, fid-dawl tal-mezzi li huma għandhom u skont il-forma li jidhrilhom li hija l-iktar xierqa, sabiex ifittxu u jilħqu l-għan tar-rispett tal-obbligi li huma għandhom skont id-dritt tal-Unjoni.

31      Ir-raba’ nett, fir-replika, ir-Repubblika Portugiża żżid li, kieku kellha tinżamm, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u ta’ ġustizzja minħabba n-natura obbligatorja tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa fl-ordinament ġuridiku Portugiż.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Portugiża.

33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi invokat li, bħalma ssostni ġustament ir-Repubblika Portugiża, l-espressjonijiet Portugiżi “tribunais nacionais” u “jurisdições nacionais” għandhom jinftiehmu fis-sens li jagħmlu riferiment għall-kunċett ta’ “qrati nazzjonali”, u dan iktar u iktar minħabba li t-termini użati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(5) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005 u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jippreżentaw ebda differenza fil-verżjonijiet ta’ dawn it-testi redatti f’lingwi oħra tal-Unjoni, bħal, b’mod partikolari, il-Ġermaniż, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan.

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “qorti nazzjonali” ma jistax jitħalla esklużivament għall-evalwazzjoni ta’ kull Stat Membru. Fil-fatt, mir-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li, sa fejn ir-Regolamenti Nru 1290/2005 u Nru 1306/2013 ma jirreferux għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tal-kunċett ta’ “qorti nazzjonali”, dan il-kunċett, deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola tal-50/50 jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjonijiet li fihom hija taqa’ u l-għan segwit minn dawn ir-regolamenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punti 25 u 26).

35      Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 1290/2005 u mill-premessa 37 tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-regola tal-50/50 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ tqassim ġust tal-piż finanzjarju bejn l-Unjoni u l-Istati Membri dwar il-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw minn nuqqas ta’ rkupru f’terminu raġonevoli ta’ somom imħallsa skont il-FAEG u skont il-FAEŻR, minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi. Dan it-terminu huwa ta’ erba’ snin wara d-data tal-ewwel konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, li saret id-data tat-talba għal irkupru skont ir-Regolament Nru 1306/2013, jew ta’ tmien snin jekk l-irkupru jitressaq quddiem il-qrati nazzjonali.

36      F’dan il-kuntest, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “qorti nazzjonali” imsemmi fl-Artikolu 32(5) u fl-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2013, Baláž, C‑60/12, EU:C:2013:733, punt 32).

37      F’dan is-sens, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tad-dispożizzjonijiet legali, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, anki jekk, skont id-dritt ta’ Stat Membru l-korp ikkonċernat huwa kkunsidrat bħala korp amministrattiv, fih innifsu, dan il-fatt ma huwiex deċiżiv sabiex jiġi evalwat jekk huwiex “qorti jew tribunal” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Montte, C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 25, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Montte, C‑546/16, EU:C:2018:493, punt 22).

38      F’dan il-każ, abbażi tal-elementi li għandha l-Qorti Ġenerali, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ ħlas volontarju f’terminu mogħti u fl-impossibbiltà li wieħed jipproċedi għall-irkupru permezz ta’ tpaċija ta’ krediti, l-IFAP, organu tal-ħlas Portugiż responsabbli għall-irkupru tas-somom imħallsa indebitament skont il-FAEG u skont il-FAEŻR, joħroġ ċertifikat li għandu l-valur ta’ titolu eżekuttiv li huwa jittrażmetti lid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali għat-tkomplija ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (l-Artikolu 103 tal-Liġi Fiskali Ġenerali, l-Artikolu 179 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva u l-Artikoli 148 u 149 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali).

39      Din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa hija intiża sabiex tiggarantixxi l-irkupru rapidu, b’mod partikolari, tad-djun favur l-Istat u persuni ġuridiċi oħra rregolati mid-dritt pubbliku, bħall-IFAP (Artikolu 148(2)(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali).

40      F’dan ir-rigward, mil-leġiżlazzjoni Portugiża, kif ukoll mill-ġurisprudenza tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) u tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), jirriżulta li d-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali huwa inkarigat li jwettaq biss atti materjalment amministrattivi (Artikolu 103(2) tal-Liġi Fiskali Ġenerali Portugiża), li jwasslu finalment għas-sekwestru tal-beni tad-debitur u għall-bejgħ tagħhom (Artikoli 214 sa 236 u 248 sa 258 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali).

41      Għalkemm, kif issostni r-Repubblika Portugiża, il-qrati superjuri Portugiżi jsostnu li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa għandha natura ġudizzjarja, huma jagħmlu dan bil-għan, minn naħa, li jikkonfermaw il-kostituzzjonalità tal-imsemmija proċedura u l-possibbiltà għall-amministrazzjoni fiskali li twettaq atti mhux ġudizzjarji fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (sentenza 80/2003 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali)) u, min-naħa l-oħra, li tenfasizza l-applikazzjoni tar-regoli tal-proċedura ċivili għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (sentenza 0803/12 tas-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema)). Il-qrati superjuri Portugiżi madankollu jinsistu fuq il-fatt li l-amministrazzjoni fiskali hija responsabbli biss sabiex twettaq atti mhux ġudizzjarji u li l-att promotur tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ma huwa xejn ħlief il-preżentazzjoni ta’ titolu eżekuttiv lil uffiċċju tat-taxxa.

42      In-“natura ġudizzjarja” tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa fl-ordinament ġuridiku Portugiż tirriżulta mill-kontroll potenzjali li l-qrati amministrattivi u fiskali jistgħu f’kull mument jiġu mġiegħla jeżerċitaw f’każ ta’ kunflitt ta’ interess li jirriżulta mill-azzjoni ta’ waħda mill-partijiet, ta’ terz għall-proċedura, jew ta’ deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni fiskali (sentenza 80/2003 tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali)). Għalhekk ma huwiex ikkontestat li l-intervent tal-qrati amministrattivi u fiskali jikkorrispondi għal azzjoni quddiem il-“qrati nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 32(5) u tal-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.

43      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li d-debitur għandu l-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas forzat (l-Artikoli 203 sa 213 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) u li jippreżenta lment kontra l-atti tad-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali (l-Artikoli 276 sa 278 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali), xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami, minn dan id-dipartiment, tat-talba ta’ rkupru forzat abbażi ta’ titolu eżekuttiv ma huwiex kontradittorju.

44      Fil-fatt, f’każ ta’ kunflitt, li jirriżulta mill-azzjoni ta’ waħda mill-partijiet, minn terz għall-proċedura, jew minn deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni fiskali, id-dipartiment tal-amministrazzjoni fiskali għandu l-obbligu li jibgħat il-proċess lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qorti amministrattiva u fiskali sabiex din tkun tista’ tagħmel stħarriġ ġudizzjarju (l-Artikoli 203, 208, 237 u 276 sa 278 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali).

45      Konsegwentement, id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali jeżerċita biss funzjonijiet ta’ natura amministrattiva u ma għandux bħala funzjoni li jiddeċiedi kawża, u lanqas li jikkontrolla l-legalità taċ-ċertifikat ta’ dejn maħruġ mill-IFAP. Huwa biss fil-każ ta’ kontestazzjoni, tkun xi tkun, min-naħa ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura jew ta’ terz, li l-qrati amministrattivi u fiskali, hekk aditi, jeżerċitaw funzjoni ta’ natura ġudizzjarja li għandha bħala għan l-istħarriġ tal-legalità ta’ att li jistabbilixxi dejn fil-konfront ta’ debitur, u li dan jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu.

46      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali lanqas ma jissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza stabbilit fil-punt 37 iktar ’il fuq.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeħtieġ li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi rabta ġerarkika jew għal subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li b’hekk tkun protetta kontra l-interventi jew il-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-kunċett ta’ imparzjalità u huwa intiż li jiżgura distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jirrikjedi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tal-kawża għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Margarit Panicello, C‑503/15, EU:C:2017:126, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qorti, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66).

50      F’dan il-każ, kif dan ġie indikat fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, fl-assenza ta’ kull kontestazzjoni, il-qrati amministrattivi u fiskali ma humiex involuti fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa.

51      Fir-rigward tad-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, u b’mod partikolari mill-Artikoli 55 u 58 tal-Liġi Fiskali Ġenerali, jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali għandha tkun imparzjali u ma tistax tkun suġġetta għall-inizjattiva tal-awtur tat-talba.

52      Meta tipproċedi bl-eżami tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, l-amministrazzjoni fiskali għalhekk tissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza kkunsidrat fl-aspett intern tiegħu, inkwantu hija tissodisfa l-kompiti tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom f’din tal-aħħar.

53      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-amministrazzjoni fiskali ma tissodisfax dan ir-rekwiżit ikkunsidrat taħt l-aspett estern tiegħu, li jeħtieġ l-assenza ta’ rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe entità li tista’ tagħtih ordnijiet jew istruzzjonijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 182 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża jiddisponi li l-gvern huwa l-korp superjuri tal-amministrazzjoni. Barra minn hekk, mill-Artikolu 199(d) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża jirriżulta li huwa l-Gvern, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tiegħu, li għandu jmexxi d-dipartimenti u l-attività tal-amministrazzjoni ċivili u militari li jiddependu direttament mill-Istat, li jissorvelja l-amministrazzjoni indiretta u li jeżerċita s-superviżjoni tiegħu fuq din tal-aħħar kif ukoll fuq id-dipartimenti awtonomi.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-uffiċjali li jagħmlu parti mid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali huma uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali u li l-Kap tal-Finanzi jissorvelja l-imsemmi dipartiment, li huwa integrat fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Għaldaqstant teżisti rabta ta’ subordinazzjoni ġerarkika bejn l-amministrazzjoni fiskali u l-gvern.

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fl-assenza ta’ kwalunkwe intervent mill-qrati amministrattivi u fiskali, ma jistax jitqies li d-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali jeżerċita funzjoni ġudizzjarja. Għaldaqstant, azzjoni quddiem id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali ma hijiex simili għal azzjoni quddiem “qorti nazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 32(5) u tal-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013. Ikun mod ieħor biss fil-każ ta’ intervent tal-qrati amministrattivi u fiskali.

56      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa hija ppreseduta minn qorti u li d-debitur għandu f’kull mument il-possibbiltà li jikkontesta quddiem il-qrati amministrattivi u fiskali d-deċiżjonijiet meħuda mid-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-assenza ta’ kull kontestazzjoni, l-imsemmija proċedura tkun kompletament amministrata minn dipartiment tal-amministrazzjoni, li ma jissodisfax il-kriterji kollha sabiex ikun jista’ jiġi rrikonoxxut bħala “qorti nazzjonali”.

57      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-ġurisprudenza invokata mir-Repubblika Portugiża f’dan il-każ.

58      Fil-fatt, mis-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2014, Ascendi Beiras Litoral e Alta, Auto Estradas das Beiras Litoral e Alta (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 34), u tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz u Companhia (C‑341/13, EU:C:2014:2230), jirriżulta li l-qrati amministrattivi u fiskali, bħat-Tribunal Arbitral Tributário (il-Qorti ta’ Arbitraġġ fil-Qasam Fiskali, il-Portugall) u s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema), ġew ikkunsidrati bħala “qrati ta’ Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Madankollu, bl-ebda mod ma kienet kwistjoni tal-klassifikazzjoni tad-dipartimenti tal-amministrazzjoni fiskali.

59      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ koresponsabbiltà finanzjarja stabbilita mill-Artikolu 32(5) u mill-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005, li saru essenzjalment l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija intiża sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni billi timputa lill-Istat Membru kkonċernat parti mis-somom mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi u li ma ġewx irkuprati f’terminu raġonevoli. F’tali sitwazzjonijiet, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tal-assenza ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit tal-Unjoni.

60      Għal dak li jirrigwarda l-obbligi li għandhom l-Istati Membri f’dan il-kuntest, l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u jirkupraw is-somom imħallsa indebitament.

61      Dawn l-artikoli huma l-espressjoni, f’dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-politika agrikola komuni, tal-obbligu ta’ diliġenza ġenerali previst fl-Artikolu 4(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 1991, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑28/89, EU:C:1991:67, punt 31; tal‑21 ta’ Jannar 1999, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑54/95, EU:C:1999:11, punti 66 u 177, u tat‑13 ta’ Novembru 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑277/98, EU:C:2001:603, punt 40).

62      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx il-miżuri speċifiċi li għandhom jiġu adottati għal dan il-għan, b’mod partikolari l-proċeduri li għandhom jinbdew sabiex jiġu rkuprati l-imsemmija somom.

63      Peress li l-ġestjoni tal-finanzjament tal-FAEG u tal-FAEŻR hija bbażata prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali, li huma responsabbli sabiex jiżguraw l-osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni u li jgawdu mill-viċinanza ġeografika neċessarja għal dan il-għan, l-Istati Membri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jirkupraw is-somom imħallsa indebitament jew mitlufa minħabba irregolaritajiet jew negliġenzi u jiddeterminaw il-miżuri l-iktar xierqa li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑587/17 P, EU:C:2019:75, punt 69).

64      Għalhekk, b’mod partikolari, huma l-awtoritajiet nazzjonali, bla ħsara għall-fatt li josservaw l-obbligu ta’ diliġenza msemmi fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li għandhom jagħżlu r-rimedji ġudizzjarji li huma jqisu l-iktar xierqa għall-irkupru tas-somom inkwistjoni, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑370/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:489, punt 44).

65      Dan l-obbligu ta’ diliġenza, li japplika matul il-proċedura ta’ rkupru kollha, jimplika wkoll li l-Istati Membri għandhom jipproċedu għall-irkupru u jieħdu l-miżuri intiżi sabiex jirrimedjaw għall-irregolaritajiet mill-ewwel u fi żmien utli. Fil-fatt, wara li jgħaddi ċertu terminu, l-irkupru tas-somom indebitament imħallsa jista’ jkun ikkumplikat jew isir impossibbli, minħabba ċerti ċirkustanzi, bħal, b’mod partikolari, il-waqfien ta’ attivitajiet jew it-telf ta’dokumenti ta’ kontabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2018, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑433/15, EU:C:2018:31, punt 42).

66      Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu billi jinvokaw it-tul tal-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji mibdija mill-operatur ekonomiku (sentenza tal‑21 ta’ Frar 1991, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑28/89, EU:C:1991:67, punt 32).

67      Għandu jingħad ukoll li l-osservanza tal-proċeduri u tat-termini applikabbli fil-qasam tal-irkupru skont id-dritt nazzjonali tikkostitwixxi obbligu minimu neċessarju, iżda li ma huwiex biżżejjed sabiex tintwera d-diliġenza tal-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, li sar essenzjalment l-Artikolu 58(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 (sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2012, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑394/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:417, punti 90 u 91).

68      F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-proċedura stabbilita taħt id-dritt Portugiż li għandha l-għan li tirkupra s-somom imħallsa indebitament skont il-FAEG u skont il-FAEŻR hija vinkolanti u effikaċi, b’tali mod li t-terminu ta’ tmien snin huwa ġustifikabbli. Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-istruttura tas-sistema stabbilita mill-Artikolu 32(5) u mill-Artikolu 33(8) tar-Regolament Nru 1290/2005, li saru essenzjalment l-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, hija bbażata fuq kwistjoni oħra, dik dwar jekk l-irkupru huwiex is-suġġett ta’ azzjoni quddiem il-“qrati nazzjonali” fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-eżistenza ta’ kawża mressqa quddiem il-qrati nazzjonali hija l-kriterju determinanti li t-twettiq tiegħu jista’ jiġi vverifikat b’mod oġġettiv.

69      F’dan ir-rigward, mill-punti 55 u 56 iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa quddiem id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali ma tistax tiġi kklassifikata bħala rkupru mressqa quddiem il-“qrati nazzjonali” fis-sens tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013, tal-inqas fl-assenza ta’ intervent tal-qrati amministrattivi u fiskali.

70      Dan jimponi fuq ir-Repubblika Portugiża li tagħlaq b’suċċess il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa quddiem id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali fit-terminu perentorju ta’ erba’ snin imsemmi fl-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013.

71      It-terminu ta’ tmien snin jista’ biss jiġi invokat bħala terminu raġonevoli applikabbli għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa fil-każ fejn ikun hemm kunflitt u l-qorti fiskali tiġi adita bil-proċedura f’data li tinsab qabel it-tmiem tat-terminu ta’ erba’ snin.

72      Jekk jiġi deċiż mod ieħor iwassal sabiex jingħata terminu ta’ tmien snin għall-proċeduri kollha ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, inkluż f’każijiet fejn id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali jtemm il-proċedura, fl-assenza ta’ kull kunflitt u ta’ intervent ta’ qorti, li ma jkunx koerenti mal-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-baġit tal-Unjoni mfittex mil-leġiżlatur u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi intiżi sabiex jinkoraġġixxu rkupru effikaċi u fi żmien xieraq tas-somom imħallsa indebitament skont il-FAEG u skont il-FAEŻR.

73      Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li r-replika fiha riferimenti espliċiti għall-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ekwità u ta’ ġustizzja. Madankollu, ebda argument speċifiku, ċar u koerenti li jippermetti li jintwera għal liema raġunijiet dawn il-prinċipji ġew miksura ma ġie żviluppat insostenn ta’ dawn l-ilmenti. Konsegwentement, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

74      Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet validament teskludi ċerti infiq mill-finanzjament tal-Unjoni għar-raġuni li huma kienu s-suġġett ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa quddiem id-dipartiment kompetenti tal-amministrazzjoni fiskali għal iktar minn erba’ snin, li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti nazzjonali” fis-sens tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 1290/2005 u tal-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1306/2013.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

76      Peress illi r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Dean Spielmann

Forrester

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Jannar 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.