Language of document : ECLI:EU:T:2015:128

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Marzu 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji figurattivi li jirrappreżentaw imwejjed għal board games — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) u Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawżi magħquda T‑492/13 u T‑493/13,

Schmidt Spiele GmbH, stabbilita fi Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Sommer, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Schifko, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-3 ta’ Lulju 2013 (Każijiet R 1767/2012‑1 u R 1768/2012‑1), dwar applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ sinjali figurattivi li jirrappreżentaw imwejjed għal board games bħala Trade marks Komunitarji.

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tat-Tribunal fit-13 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2013,

wara li rat id-deċiżjoni, tad-9 ta’ Jannar 2014, li rrifjutat li tawtorizza l-preżentata ta’ replika,

wara li rat id-digriet, tal-11 Novembru 2013, rigward it-tgħaqqid tal-Kawżi Nri T‑492/13 u T‑493/13 għal finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza,

wara li rat l-assenza ta’ talba mill-partijiet għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar mid-data li fiha minn notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, u li għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, u bʼapplikazzjoni tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

6        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

7        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-assenza ta’ talba għal iffissar ta’ seduta

8        Bis-saħħa tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1), skont il-każ, fl-Artikolu 135(2) u (3), il-Qorti Ġenerali, fuq rapport tal-Imħallef Relatur, wara li jinstemgħu l-partijiet, tista’ tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura, sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub.

9        Fir-rikorsi, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tiffissa seduta, fid-dawl bʼmod partikolari tan-natura ġdida tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk mejda għal-logħob tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja. Issa, minħabba n-natura prematura tagħha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura, din it-talba ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni.

10      Fil-fatt, mill-kliem u l-istruttura tal-imsemmi artikolu jirriżulta li t-talbiet għal seduta, kif ukoll l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-utilità ta’ din is-seduta, jistgħu jseħħu, meta l-proċedura bil-miktub tkun magħluqa, biss wara li kemm il-partijiet kif ukoll il-Qorti Ġenerali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-elementi kollha tal-proċess u tal-argumenti tal-partijiet kollha sabiex jippronunzjaw ruħhom fuq din l-utilità. Barra minn hekk, raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju ma jistgħux jiġġustifikaw il-preżentata, qabel in-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ta’ talba għal seduta għat-trattazzjonijiet, peress li, skont l-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, fi kwalunkwe każ, wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura biss wara li l-partijiet ikunu tħallew jibbenefikaw minn din id-dispożizzjoni.

11      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2014 li indikat lir-rikorrenti ċ-ċaħda tat-talba tagħha li tippreżenta replika u l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali ġibed l-attenzjoni tagħha għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura u indika li t-terminu għall-preżentata ta’ talba bħal din tista’ ssir darba biss, u dan mid-data tal-imsemmija notifika. Madankollu, ir-rikorrenti ma ppreżentatx talba ġdida għall-iffissar ta’ seduta fit-terminu ta’ xahar previst mill-imsemmija dispożizzjoni.

12      Huwa fʼdawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bʼapplikazzjoni tal-Artikolu 135A tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-3 ta’ Lulju 2013 (Każijiet R 1767/2012-1 u R 1768/2012-1) huma annullati, sa fejn huma ċaħdu l-appelli ta’ Schmidt Spiele GmbH għal prodotti u servizzi oħra bl-eċċezzjoni tal-“kompjuters”, il-“(Programmi) tal-logħob tal-kompjuter; programmi tal-logħob tal-video rreġistrati fuq cartridges, floppy disks, CD-ROMs, cassettes, tejps u diski mini”, is-“softwer [programmi rreġistrati]; programmi tal-kompjuter (PHP Portal)”, li jaqgħu fil-Klassi 9, il-“karta u kartun prodotti (inklużi fil-klassi 16); stampati bil-kulur”, li jaqgħu fil-klassi 16, il-“logħob [inkluż logħob elettroniku u logħob video] ħlief bħala apparati, apparat għal skrins esterni jew monitors”, il-“karti tal-logħob”, il-“board games”, u l-“apparat li jinġarr sabiex isir logħob elettroniku”, li jaqgħu fil-klassi 28, u d-“divertiment”, l-“organizzazzjoni u [t-]tmexxija ta’ manifestazzjonijiet] ta’ divertiment” u s-“servizzi relatati mar-rikreazzjoni”, li jaqgħu fil-klassi 41.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Schmidt Spiele hija kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tal-UASI, kif ukoll nofs l-ispejjeż tagħha. L-UASI huwa kkundannat ibati nofs l-ispejjeż ta’ Schmidt Spiele, kif ukoll nofs l-ispejjeż tiegħu.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.