Language of document : ECLI:EU:T:2022:311

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Dritt għal smigħ – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18, 20 u 24 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014”

Fil-Kawża T‑481/17,

Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Stiftung für Forschung und Lehre (SFL), stabbilita f’Zürich (l-Isvizzera),

irrappreżentati minn R. Pelayo Jiménez, A. Muñoz Aranguren u R. Pelayo Torrent, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. King u M. Fernández Rupérez, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, F. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, L. Aguilera Ruiz, S. Jiménez García u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn P. López-Carceller, M. Martínez Iglesias, L. Visaggio, J. Etienne, M. Menegatti u M. Sammut, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, J. Bauerschmidt, A. Westerhof Löfflerová u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

minn

Il-Kummissjoni Ewropea,, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Grünheid, bħala aġenti,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Rodríguez Cárcamo, A. Rodríguez Conde, D. Sarmiento Ramírez-Escudero u J. Remón Peñalver, avukati,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB tas‑7 ta’ Ġunju 2017, dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. Jaeger, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ġie deċiż li tinħoloq unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ġabra unika ta’ regoli, sħiħa u ddettaljata għas-servizzi finanzjarji, valida għas-suq intern kollu u li tinkludi fiha mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni, u oqfsa ġodda għall-garanzija tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji.

2        L-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni (SSM) bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, SSM għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi relatati mal-politiki dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

3        Sussegwentement, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata. Fil-premessa 1 hija tindika dan li ġej:

“Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm nuqqas sinifikanti ta’ għodod adegwati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment [...] mhux sodi jew li qed ifallu. Dawn l-għodod huma meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-insolvenza jew biex meta sseħħ insolvenza jimminimizzaw ir-riperkussjonijiet negattivi billi jippreżervaw il-funzjonijiet sistemikament importanti tal-istituzzjoni kkonċernata. Matul il-kriżi, dawn l-isfidi kienu fattur ewlieni li ġiegħel lill-Istati Membri sabiex isalvaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jużaw il-flus tal-kontribwenti. L-għan ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kredibbli huwa li jbiegħed il-ħtieġa ta’ azzjoni bħal din kemm jista’ jkun.”

4        L-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni u tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni dwar il-fallimenti ta’ banek transkonfinali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/59 tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tar-riżoluzzjoni waħda jew, eċċezzjonalment, diversi awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni u li jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

5        Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li d-Direttiva 2014/59 ma wasslitx għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li essenzjalment ipprovdiet għodod ta’ riżoluzzjoni komuni u setgħat ta’ riżoluzzjoni komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u li ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni għall-użu ta’ dawn l-għodod u l-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għar-riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi kompletament it-teħid ta’ deċiżjonijiet separati u potenzjalment diverġenti dwar ir-riżoluzzjoni ta’ gruppi transkonfinali mill-Istati Membri, ġie deċiż li jitwaqqaf mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM).

6        B’hekk, it-tieni pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).

7        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-iżgurar ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta’ finanzjament fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas tas-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fs-SSM jkollhom impatt sistemiku negattiv iktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tas-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma’ banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f’dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.”

8        Ir-Regolament Nru 806/2014, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, għandu l-għan li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, l-banek li l-awtorità superviżorja tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini hija l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 806/2014).

9        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li dawn ir-regoli uniformi u din il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), stabbilit mill-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, fil-kuntest tas-SRM maħluq minn dan l-istess regolament. Huwa wkoll previst li s-SRM ser jiddependi fuq Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).

10      Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

11      L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li l-falliment tal-entità jkun seħħ jew li x’iktarx ser iseħħ. L-evalutazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB, jew mis-SRB, u għandha titqies bħala ssodisfatta jekk l-entità tkun f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

12      It-tieni kundizzjoni tassumi li ma teżisti ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli.

13      It-tielet kundizzjoni timplika li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku, jiġifieri li din hija neċessarja sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni, filwaqt li likwidazzjoni tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tippermettiex dan bl-istess mod.

14      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni bħala dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

15      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel żvalutazzjoni jew li jikkonverti strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità kkonċernata minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u mill-entità kkonċernata.

16      Skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda tar-riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

17      Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.

18      Meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014 u fosthom hemm il-prinċipju li l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf kif ukoll il-prinċipju li l-ebda kreditur ma huwa ser iġarrab telf li huwa ikbar milli kien iġarrab kieku l-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

19      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jelenka d-diversi għodod ta’ riżoluzzjoni disponibbli, jiġifieri l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, ir-rikors għal istituzzjoni tranżitorja, u s-separazzjoni tal-assi u ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

20      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ wkoll jeżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tinvolvi wkoll l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ir-rikors għas-SRF.

21      Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, is-SRB għandu jittrażmetti l-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, minbarra dawk previsti fit-tielet subparagrafu, jiġifieri l-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku jew bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, fi żmien tnax-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema tar-riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex joħroġ oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB peress li ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li japprova jew jirrifjuta bidla sinjifikattiv fl-ammont tas-SRF previst fl-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

22      L-Artikolu 18(9) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB għandu jiżgura li jiġu adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Dawn tal-aħħar huma d-destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tatihom istruzzjoni sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentawha b’konformità mal-Artikolu 29 tal-istess regolament, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

23      Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet għaddiet minn proċedimenti normali ta’ insolvenza. Din il-valutazzjoni tista’ twassal, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, għal kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk ikunu ġarrbu iktar telf fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

24      Ir-rikorrenti, Fundación Tatiana Pérez de Guzmàn el Bueno u Stiftung für Forschung und Lehre (SFL), kienu azzjonisti ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

25      Il-grupp Banco Popular, li l-kumpannija omm tiegħu kienet Banco Popular, fid-data tar-riżoluzzjoni, kien is-sitt grupp bankarju Spanjol.

26      Fl-2016, Banco Popular żied il-kapital b’EUR 2.5 biljun.

27      Fil-5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp Banco Popular. L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta f’dan il-pjan ta’ riżoluzzjoni kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014.

28      Fit-3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblika r-rapport annwali tiegħu tal-2016, li fih ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29      Fl-10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Limited (DBRS) (li saret DBRS Morningstar) baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-kapital ta’ Banco Popular bħala riżultat ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tiegħu, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex inaqqas l-istokk tiegħu li kien għadu għoli ta’ assi li ma jrendux.

30      Fit-3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbar ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal-2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal-2017.

31      Fl-10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni ta’ negozju minħabba s-sitwazzjoni tal-grupp f’termini ta’ fondi proprji u l-livell tiegħu ta’ assi li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie ssostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

32      Wara t-tħabbira tat-3 ta’ April 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati r-riżultati finanzjarji tal-2016, DBRS, fis-6 ta’ April, baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-perspettiva negattiva tagħha. Standard & Poor’s, fis-7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil-21 ta’ April 2017, ukoll baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular b’perspettiva negattiva.

33      F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat bil-għan li jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, li kellu jwassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għall-akkwirenti potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerta tagħhom kienet l-10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017.

34      Fil-5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżenta r-rapport finanzjarju tiegħu għall-ewwel tliet xhur tal-2017, fejn ħabbar it-telf fl-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35      Fit-12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA infurmat lil Banco Popular li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

37      Fis-16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti għall-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iddikjarat li akkwirenti potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet ġiet riċevuta l-ebda offerta definittiva.

38      Fid-19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija FITCH baxxiet il-klassifikazzjoni fit-tul ta’ Banco Popular.

39      Fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli mill-istampa rrappurtaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Pereżempju, għandu jissemma artiklu tal-11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, intitolat “Saracho jordna l-bejgħ urġenti ta’ Popular lil JP Morgan u Lazard minħabba r-riskju ta’ falliment” (Saracho encarga la venta urgente del Popular a JP Morgan y Lazard por riesgo de quiebra). F’dan l-artikolu, huwa ddikjarat li l-President tal-bank kien ikkummissjona lil JP Morgan u Lazard sabiex jorganizzaw il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment, dovuta għall-ħarba massiva ta’ depożiti minn klijenti individwali u istituzzjonali u li kien iqis li l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank kien il-bejgħ sħiħ u imminenti tal-grupp kollu. L-artiklu jgħid li, “minħabba l-persistenza tal-ħruġ ta’ depożiti u l-għeluq ta’ sorsi esterni ta’ finanzjament, il-bank huwa f’riskju serju ta’ falliment, u li [l-President tiegħu] għalhekk kien kostrett jattiva l-iktar miżura drastika u li progressivament jastjeni milli jbiegħ l-assi tiegħu sabiex itejjeb il-proporzjonijiet tal-fondi proprji u jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE”.

41      Fil-15 ta’ Mejju 2017, artiklu ppubblikat fuq is-sit tal-internet elconfidencial.com, bit-titolu “Il-BĊE jispezzjona lil Banco Popular għal xahrejn f’nofs il-proċess sħiħ tal-bejgħ” (El BCE inspecciona a Banco Popular durante dos meses en pleno proceso de venta), jirrapporta li l-pjan tal-bejgħ ta’ Banco Popular, implimentat mill-President tiegħu, sar wara l-ispezzjoni tal-BĊE, li kien ikkonferma d-defiċit ta’ provvedimenti. Skont dan l-artiklu, l-ispetturi tal-BĊE kienu kkonkludew li d-diffikultajiet ta’ Banco Popular huma marbuta mad-defiċit ta’ provvedimenti tiegħu sabiex ikopri l-espożizzjoni immobbli tiegħu, u li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħruġ okkażjonali ta’ depożiti. Dawn l-ispetturi esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-2016.

42      Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Reuters ippubblikat artiklu bit-titolu “L-UE, imwissija tar-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (La UE, advertida de riesgo de una resolución ordenada en Banco Popular). B’mod partikolari dan l-artikolu jsemmi li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija”, u ddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (ta’ Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli.

43      Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa intiża sabiex tikkontesta l-kontenut ta’ dan l-artiklu.

44      Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju tal-2017, Banco Popular affaċċja ġbid massiv ta’ likwidità.

45      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta, filgħodu, l-ewwel talba għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), sussegwentement, it-tieni talba, waranofsinhar, li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq il-bażi ta’ talba mill-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni tal-BĊE fl-istess jum tat-talba ta’ Banco Popular għall-għoti urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat-8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn dan l-għoti urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni jipprovdi għoti urġenti ta’ likwidità supplementari lil Banco Popular.

46      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

 Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

47      Fit-23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lil Deloitte, bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

48      Fl-24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014, l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit-2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ privat u sabiex jipprovdi aċċess għall-kamra virtwali sikura tad-data li dan tal-aħħar kien stabbilixxa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

49      Fit-3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ ristrutturazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet bankarji, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni”). Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil dan tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames akkwirenti potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

50      Fost il-ħames akkwirenti potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

51      Fl-4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (BBVA), iffirmaw ftehim ta’ nondivulgazzjoni u, fil-5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

52      Fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

53      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      F’din il-valutazzjoni, il-BĊE indika li, matul ix-xhur preċedenti, Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu, dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu. Banco Popular esperjenza ħruġ sinjifikattiv ta’ likwidità fis-segmenti kollha tal-klijentela tiegħu. Il-BĊE elenka l-avvenimenti li wasslu għall-problemi ta’ likwidità li kellu jaffaċċja Banco Popular.

55      F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, fi Frar tal-2017, matul il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha, Banco Popular kien żvela ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li wasslu għal telf ta’ EUR 3.485 biljun fl-2016, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-President tiegħu li kien ilu għal żmien twil, li wettaq reviżjoni tal-istrateġija tal-bank. It-tħabbira ta’ provvedimenti addizzjonali u ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kienet wasslet għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS fl-10 ta’ Frar 2017 u kienet qajmet tħassib serju min-naħa tal-klijenti ta’ Banco Popular, li rriżulta fi ġbid kbir u mhux mistenni ta’ depożiti u fi frekwenza għolja ta’ żjarat tal-klijenti fil-fergħat tal-bank.

56      Il-BĊE ddikjara wkoll li l-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit‑3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tħabbar l-eżitu ta’ diversi awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-istati finanzjarji tal-istituzzjoni, kif ukoll il-konferma li l-President-Direttur Ġenerali tal-istituzzjoni kien ser jiġi ssostitwit inqas minn sena wara d-dħul fil-kariga tiegħu, kienu wasslu għal mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti. Il-BĊE rrileva li din il-mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti kienet ukoll xprunata minn:

–        tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Standard & Poor’s fis-7 ta’ April 2017;

–        it-tħabbira minn Banco Popular, fl-10 ta’ April 2017, li ma kinitx ser tħallas dividendi u li żieda fil-kapital jew tranżazzjoni korporattiva tista’ tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni ristretta fil-kapital tagħha u l-allinjament meħtieġ fuq il-pari tagħha tal-kopertura ta’ assi li ma jrendux ;

–        tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Moody’s fil-21 ta’ April 2017;

–        l-iżvelar tar-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-2017 li kienu agħar minn dawk previsti;

–        il-kopertura negattiva u kontinwa tal-media, bħall-artikli tal-11 u tal-15 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, jissuġġerixxu li l-President ta’ Banco Popular kien ordna bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju imminenti ta’ falliment jew nuqqas ta’ likwidità, u li l-bank kellu jaffaċċja ħtieġa addizzjonali sinjifikattiva għal provvedimenti li jirriżultaw minn spezzjoni fuq il-post mis-superviżur.

57      Il-BĊE kkonstata wkoll li d-depożiti li ntilfu mill-31 ta’ Mejju 2017 kienu partikolarment rilevanti, wara l-iżvelar fil-media li l-bank seta’ jiġi stralċjat jekk il-proċess ta’ bejgħ kurrenti ma jirnexxix fi żmien qasir ħafna.

58      Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li, għalkemm Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali fil-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, id-daqs tal-influssi mwettqa u li kienu għadhom mistennija ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja l-eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular fid-data tal-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista urġenti ta’ likwidità li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kienx qajjem oġġezzjonijiet fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li jissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.

59      Il-BĊE qies li l-miżuri diġà adottati minn Banco Popular ma kinux suffiċjentement effettivi sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala miżura alternattiva sabiex jiżgura l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-impenji tiegħu li kienu waslu biex jimmaturaw, il-Banco Popular kien qiegħed jipprova jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju, jiġifieri l-bejgħ tiegħu lil kompetitur iktar b’saħħtu. Madankollu, il-BĊE qies li, fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ prova tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jreġġa’ lura s-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu fil-futur qrib u tal-fatt li n-negozjati sa dak iż-żmien ma wasslux għal riżultat pożittiv, il-konferma ta’ tranżazzjoni privata bħal din ma kinitx prevedibbli f’terminu ta’ żmien li kien jippermetti lil Banco Popular li jkun jista’ jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

60      Il-BĊE kkonstata li, fl-istess ħin, ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u li tiżguralu żmien biżżejjed sabiex jimplimenta tranżazzjoni kummerċjali jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-BĊE bħala awtorità kompetenti, bis-saħħa tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiżguraw li Banco Popular ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-portata u r-ritmu tad-deterjorament fil-likwidità osservata.

61      Bħala konklużjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tagħha meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

62      Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

63      Fl-istess jum, il-FROB adotta ittra li tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ proċedura”) u li tiffissa t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti f’nofsillejl tas-6 ta’ Ġunju 2017.

64      Fl-istess jum, il-BBVA, wieħed miż-żewġ akkwirenti potenzjali ta’ Banco Popular, infurmat lill-FROB li ma kienx ser jagħmel offerta.

65      Ukoll fis-6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), redatta skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat. B’mod partikolari, din il-valutazzjoni stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, tal-anqas EUR 8.2 biljun fl-agħar xenarju possibbli, u tal-anqas EUR 2 biljun fl-aħjar stima.

66      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander issottometta offerta definittiva.

67      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li Banco Santander kien issottometta offerta fis-7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB iddikjara li l-bord ta’ tmexxija tiegħu għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u ddeċieda li jipproponi lis-SRB li jaħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

 Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

68      Fis-7 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament Nru 806/2014.

69      Skont l-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, iddeċieda li jissottometti lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni mid-data tar-riżoluzzjoni.

70      Għalhekk, is-SRB qies, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien qiegħed f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ ta’ operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja.

71      Fl-Artikolu 5.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

72      L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalutazzjoni tal-fondi proprji u l-għodda tal-bejgħ ta’ operat. Fl-Artikolu 6.1, is-SRB indika l-miżuri li kien adotta b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

73      Għalhekk, fl-Artikolu 6.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

–        qabelxejn, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju [ta’] Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2 098 429 046, fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

–        sussegwentement, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        sussegwentement, li jiżvaluta għal żero l-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I” fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        fl-aħħar, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

74      L-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborati mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-FROB.

75      Fl-Artikolu 6.5 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ ta’ operat u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Ġie ppreċiżat li l-akkwirent kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

76      Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tal-akkwirent tas-7 ta’ Ġunju 2017 u kellu jiġi implimentat mill-FROB b’applikazzjoni tal-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de credito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment) tat-18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad-19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797, iktar ’il quddiem “il-Liġi 11/2015”).

77      L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fis-7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m.

78      Fis-7 ta’ Ġunju 2017 fis-6.30 a.m., il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (ĠU 2017, L 178, p. 15), u nnotifikatha lis-SRB. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni daħal fis-seħħ fl-istess ġurnata.

79      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

80      Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 (l-“azzjonijiet ġodda II”) lil Banco Santander.

 Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

81      Fl-14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil-31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

82      Fit-28 ta’ Settembru 2018, wara fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, Banco Santander sar is-suċċessur b’titolu universali ta’ Banco Popular.

83      Fis-17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl-20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). F’din id-deċiżjoni, is-SRB qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-danni mis-SRF skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

84      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

85      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fit-30 ta’ Ottubru 2017, is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex tordna miżuri istruttorji dwar il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti msemmija fl-anness. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba għal miżuri istruttorji f’dan l-istadju tal-proċedura.

86      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-3, fis-26 u fis-27 ta’ Ottubru 2017 u fl-10 u fl-14 ta’ Novembru 2017 rispettivament, Banco Santander, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tas-SRB. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-1 ta’ Awwissu 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-interventi tar-Renju ta’ Spanja, tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u, b’digriet tat-12 ta’ April 2019, laqa’ l-intervent ta’ Banco Santander. Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Banco Santander ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom u l-partijiet ewlenin ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom fit-termini stabbiliti.

87      Fit-13 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB jiddepożita l-aħħar verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2, ippubblikata fuq is-sit internet tagħha. Is-SRB ippreżenta d-dokumenti fit-terminu stabbilit.

88      Fis-6 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Ir-rikorrenti u s-SRB wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

89      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna lis-SRB, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jittraduċi ċerti dokumenti lejn l-Ispanjol. Is-SRB ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

90      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat it-Tielet Awla, u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

91      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

92      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

93      Fis-16 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB sabiex jipproduċi diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

94      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fil-limitu stabbilit.

95      B’digriet tat-12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, fuq il-bażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b) tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2, tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat-18 ta’ Mejju 2017. Il-Qorti Ġenerali ordnat wkoll lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat-18 ta’ Mejju 2017.

96      B’ittra tat-28 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u offerta ta’ provi ġodda. Is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni u Banco Santander ġew mistiedna jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom waqt is-seduta.

97      B’digriet tad-9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-fajl il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB skont id-digriet tat-12 ta’ Mejju 2021 u bagħtet lir-rikorrenti kif ukoll lir-Renju ta’ Spanja, lill-Parlament u lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil Banco Santander l-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017 minn Banco Popular lill-BĊE mingħajr l-anness tagħha.

98      Minħabba impediment ta’ żewġ membri tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompletaw l-awla.

99      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2021.

100    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ressqu talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’deċiżjoni tas-27 ta’ Awwissu 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba, billi f’dan il-każ ma ġiet issodisfatta l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura peress li l-elementi li fuqhom ir-rikorrenti bbażaw it-talba tagħhom għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma kienx probabbli li jkollhom influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

101    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-iskema ta’ riżoluzzjoni;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

102    Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

103    Banco Santander, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

104    Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet tal-illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tad-Direttiva 2014/59;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

105    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) u (c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18, l-Artikolu 24(2)(a) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, jiksru d-dritt ta’ smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta. It-tielet motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 21, 22, 24 u 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 38 u 63 tad-Direttiva 2014/59 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17(1), tal-Karta u l-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża, sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ prudenza fis-settur bankarju. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċiti fl-Artikoli 17 u 52 tal-Karta. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tikser l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 39(2)(a), (b), (d) u (f) tad-Direttiva 2014/59.

106    Fir-replika, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi ġodda. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(3) u (11) tar-Regolament Nru 806/2014, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv u t-tielet wieħed, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Sa fejn, b’dawn it-tliet motivi ġodda, ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-fatt li s-SRB mhux ser jagħmel valutazzjoni definittiva ex-post, skont l-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, dawn ser jinġabru fil-ħdax-il motiv.

 Fuq l-ammissibbiltà

107    Fin-nota ta’ intervent tagħha, il-Kummissjoni tqajjem l-inammissibbiltà tar-rikors peress li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija att intermedju li ma jipproduċix effetti vinkolanti. Hija ssostni li, bid-Deċiżjoni tagħha 2017/1246, hija approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni, għamlitha tagħha, li tatha effetti vinkolanti u li, għalhekk, rikors dirett biss kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni kien inammissibbli.

108    Il-Parlament u l-Kunsill jargumentaw ukoll fin-noti ta’ intervent tagħhom, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni fiha nnifisha ma tipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ terzi fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

109    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-argumenti tal-intervenjenti dwar l-inammissibbiltà tar-rikors ma humiex ammissibbli, sa fejn din ma ġietx invokata mis-SRB. Sussidjarjament, huma jsostnu li r-rikors huwa ammissibbli.

110    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent ma jista’ jkollu l-ebda skop ħlief l-appoġġ, kollu kemm hu jew parti minnu, tal-konklużjonijiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 142(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti tidħol fil-kawża in statu et terminis.

111    Madankollu, fil-każ preżenti, fit-talbiet tiegħu, is-SRB sempliċement jitlob li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu u ma kkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors.

112    Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li intervenjent ma għandux kwalità sabiex iqajjem b’mod awtonomu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li għalhekk il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li teżamina l-motivi ta’ inammissibbiltà invokati esklużivament minnu (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 22, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Post Bank Iran vs Il‑Kunsill, T‑559/15, EU:T:2018:948, punt 63).

113    Madankollu, fil-każ ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors ex officio (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punt 23, u tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 36).

114    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2017, Is‑Slovakkja vs Il‑Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jipproduċix tali effetti u jekk, għaldaqstant, jistax ikun suġġett għal rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u l-imsemmija effetti għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut ta’ dan l-istess att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-SRB jeżerċita l-kompetenzi mogħtija lilu mir-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari dik prevista fl-Artikolu 16(1), ta’ dan ir-regolament li “jiddeċiedi dwar riżoluzzjoni b’rabta ma’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita minn stat membru parteċipanti, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(1)”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ikkonferixxa b’mod espliċitu l-kompetenza deċiżjonali fuq s-SRB.

117    Deċiżjoni tas-SRB dwar miżura ta’ riżoluzzjoni hija att li jista’ jidħol fis-seħħ. L-Artikolu 12 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jindika li din daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ġunju 2017 fl-6:30 a.m.

118    Barra minn hekk, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 806/2014, l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB skont l-Artikolu 18 ta’ dak l-istess regolament tistabbilixxi l-modalitajiet tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati għall-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/59 trasposta fid-dritt nazzjonali.

119    Għalhekk, skont l-Artikolu 9 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa kompitu tal-FROB li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jitwettqu l-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Il-FROB għandu, b’mod partikolari, jimplimenta l-bejgħ ta’ Banco Popular skont il-modalitajiet deċiżi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 10 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprevedi wkoll li s-SRB għandu jsegwi l-eżekuzzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-FROB skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 806/2014.

120    Għaldaqstant, għandu jitqies li, fid-dawl tas-sustanza tagħha, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tipproduċi effetti legali obbligatorji.

121    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, mis-SRB jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 263 TFUE. Skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjonijiet tas-SRB, skont l-Artikolu 263 TFUE.

122    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Artikolu 86(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-istess bħal kull persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjonijiet tas-SRB, fejn dan tal-aħħar jiġi ċċitat bl-esklużjoni ta’ kull istituzzjoni, korp jew organu ieħor tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 56).

123    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies bħala proċedura amministrattiva kumplessa li tinvolvi diversi awtoritajiet u li l-uniku riżultat finali tagħha, li jirriżulta mill-eżerċizzju, mis-SRB, tal-kompetenza tiegħu, jista’ jkun is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 86(2) ta’ dak ir-regolament (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 66).

124    Għalhekk, mit-termini tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma tistax tiġi appellata quddiem il-Bord tal-Appell, hija att li jista’ jkun suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

125    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti invokati mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

126    Fl-ewwel lok, waqt is-seduta, il-Parlament u l-Kummissjoni sostnew li, fi proċedura li tinvolvi diversi istituzzjonijiet, l-att finali biss seta’ jiġi kkontestat. Il-Kummissjoni sostniet li, bl-approvazzjoni tagħha, kienet approprjat u saret l-awtur tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li huwa konformi mal-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Il-Parlament sostna li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkorpora l-iskema ta’ riżoluzzjoni u li din tal-aħħar, bħala parti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma tistax tiġi kkontestata.

127    Ċertament, kif iddikjarat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tidħol fis-seħħ biss b’riżultat tal-approvazzjoni tagħha. Madankollu, dan ma jfissirx li l-effett tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni huwa li jiġu eliminati l-effetti legali awtonomi tal-iskema ta’ riżoluzzjoni favur dawk tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar biss.

128    Fid-dawl tat-termini użati b’mod partikolari fl-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni tikkostitwixxi pass neċessarju għad-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tagħtiha forza legali.

129    Madankollu, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-osservanza tal-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), ma timplikax li d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni biss tipproduċi effetti legali. Skont din is-sentenza, delega tas-setgħat għal awtorità diskrezzjonali, li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li tista’ tissarraf fl-użu tagħha bħala politika ekonomika, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità delegatriċi għal dawk tal-awtorità delegata, tikkostitwixxi “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà”.

130    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tipproduċi effetti legali, u b’hekk jiġi evitat “trasferiment effettiv tar-responsabbiltà” fis-sens tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

131    F’dan ir-rigward, jidher b’mod partikolari mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 806/2014 li:

“[...] Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […] Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. [...]”

132    Barra minn hekk, għandu jitqies li t-tqassim tal-kompetenzi bejn s-SRB u l-Kummissjoni previst fir-Regolament Nru 806/2014 ma jsostnix l-argument ta’ dan tal-aħħar li, bl-approvazzjoni tiegħu, huwa jagħmel l-iskema ta’ riżoluzzjoni daqslikieku tiegħu. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-kompetenza tagħha li tivvaluta l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni tista’ jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet dwar l-aspetti diskrezzjonali tagħha. Għall-kuntrarju, hija ma għandhiex is-setgħa li teżerċita l-kompetenzi riżervati għas-SRB jew li timmodifika l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew l-effetti legali tagħhom.

133    Fit-tieni lok, waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex vinkolanti għaliha. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ma’ din tal-aħħar, hija ma hijiex obbligata li tapprovaha. Hija kkunsidrat li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), dwar l-evalwazzjoni mill-BĊE tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-entità kkonċernata hija applikabbli b’analoġija għall-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija att preparatorju li ma jistax jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE.

134    Skont il-ġurisprudenza, fil-każ ta’ atti li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet ta’ proċedura interna, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss, fil-prinċipju, dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali u li l-illegalità tagħhom tista’ titqajjem b’mod validu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra tagħha (ara d-digriet tas-6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE, T‑281/18, EU:T:2019:296, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Fil-punt 66 tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, l-evalwazzjoni mill-BĊE tal-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-entità kkonċernata ma pproduċietx, bħala tali, effett legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti, billi tbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tagħhom, peress li hija biss l-adozzjoni, u sussegwentement id-dħul fis-seħħ ta’ skema ta’ riżoluzzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li tista’ tbiddel din is-sitwazzjoni.

136     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 ma tipprovdi li l-evalwazzjoni tal-BĊE tidħol fis-seħħ.

137    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva kumplessa stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014, ma jistax jitqies li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi att preparatorju fis-sens li jkollha bħala għan it-tħejjija tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-Kummissjoni għandha l-effett li tidħol fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ topponi l-iskema ta’ riżoluzzjoni dwar l-aspetti diskrezzjonali tagħha, iżda ma tistax topponi jew timmodifika l-aspetti purament tekniċi tagħha.

138    Fit-tielet lok, waqt is-seduta, il-Parlament u l-Kunsill sostnew li l-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss deċiżjonijiet awtonomi tas-SRB li ma jeħtiġux approvazzjoni mill-Kummissjoni.

139    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li, meta tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jitqiesu mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar u l-għan li ssegwi, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (l-Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks ta’ veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs BUR, T‑557/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:771, punt 59).

140    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li d-deċiżjonijiet kollha tas-SRB, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jistgħu jiġu appellati quddiem il-Bord tal-Appell, jistgħu jiġu kkontestati abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. L-iskema ta’ riżoluzzjoni taqa’ mid-definizzjoni tagħha f’din il-kategorija ta’ deċiżjonijiet u l-ebda riżerva f’dan l-artikolu jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 806/2014 ma tippermetti li dan jiġi eskluż.

141    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-valutazzjoni hija parti integrali mid-deċiżjoni li tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni jew li tiġi eżerċitata setgħa ta’ riżoluzzjoni jew tad-deċiżjoni li tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali u li l-valutazzjoni nnifisha ma tkunx is-suġġett ta’ dritt ta’ appell separat, iżda tista’ tkun is-suġġett ta’ appell ukoll kontra d-deċiżjoni meħuda mis-SRB.

142    Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi għall-possibbiltà li tiġi kkontestata valutazzjoni fil-kuntest ta’ appell kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB, iżda ma tagħmilx riferiment għad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

143    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li mill-istess termini tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014, iżda wkoll minn dispożizzjonijiet oħrajn tar-Regolament Nru 806/2014, jirriżulta li skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tista’ tiġi appellata, mingħajr il-ħtieġa li jiġi ppreżentat ukoll rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova din l-iskema.

144    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 806/2014 proposta mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza stabbilita li skontha test tad-dritt derivat tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat, sa fejn ikun possibbli, fis-sens tal-konformità tagħha mad-dritt primarju kollha u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Karta kif ukoll mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2019, BĊE vs Espírito Santo Financial (Il-Portugall), C‑442/18 P, EU:C:2019:1117, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs SRB, T‑557/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:771, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), inklużi l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

145    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, dan jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenzi tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17 EU:C:2019:332, punt 111; tal-25 ta’ Novembru 2020, ACRE vs Il‑Parlament, T‑107/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:560, punt 66, u tad-9 ta’ Diċembru 2020, Adraces vs Il‑Kummissjoni, T‑714/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:591, punt 37). L-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju hija dejjem iktar importanti meta r-regoli tad-dritt inkwistjoni jista’ jkollhom fuq l-individwi u l-impriżi konsegwenzi sfavorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 111, u tas-26 ta’ Marzu 2020, Hungeod et, C‑496/18 u C‑497/18, EU:C:2020:240, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jkunu jistgħu jaġixxu konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44); tal-15 ta’ April 2021, Federazione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 41, u tad-29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51).

146    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem il-qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit minn din id-dispożizzjoni teżiġi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’azzjoni diretta kontra entità partikolari (ara, is-sentenza tad-29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Madankollu, interpretazzjoni li tikkonsisti fis-subordinazzjoni ta’ rikors kontra skema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB għall-introduzzjoni ta’ appell konġunt kontra d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni tmur kontra, mhux biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 imfakkra fil-punti 140 u 141 iktar ’il fuq, iżda wkoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn kwalunkwe persuna affettwata minn deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-appell tagħha li ma tkunx prevista b’mod espliċitu.

148    Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi miċħud l-argument imqajjem mill-Parlament, waqt is-seduta, li skontu ma huwiex possibbli li tiġi annullata l-iskema ta’ riżoluzzjoni jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tibqa’ fis-seħħ. Fil-fatt, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-każ li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra skema ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali tannulla lil din tal-aħħar, dan ikun ifisser li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprovaha tkun imċaħħda mill-iskop tagħha.

149    Minn dan jirriżulta li, ladarba tiġi approvata mill-Kummissjoni, l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tipproduċi effetti legali u tikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu.

150    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

–       Fuq il-portata tar-rikors

151    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-parti tar-replika relatata mal-fatti li wasslu għall-kawża, ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB tat-23 ta’ Mejju 2017 fl-intervista mogħtija lill-kanal televiżiv Bloomberg, imsemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, ħolqu l-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular kif ukoll il-falliment tal-proċedura ta’ bejgħ privat. Huma jsostnu li, f’każ ta’ ksur tal-obbligu tal-kunfidenzjalità, l-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi annullata jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din ir-rivelazzjoni, kien ikollha kontenut differenti. Huma jżidu jgħidu li l-oneru tal-prova dwar is-sors tar-rivelazzjoni ippubblikata minn Reuters imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq huwa impost fuq s-SRB.

152    Is-SRB iqis li dawn l-argumenti ma jistgħux jikkostitwixxu motiv ġdid u li huma tqajmu fil-parti introduttorja tar-replika. Huwa jirrileva li r-rikorrenti ma qajmux motiv ta’ annullament ibbażat fuq l-imġiba allegata tiegħu. Is-SRB isostni li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tqis li dawn l-allegazzjonijiet jikkostitwixxu motiv ġuridiku, dan tal-aħħar huwa inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn l-informazzjoni li fuqha huma bbażati kienet magħrufa mir-rikorrenti qabel il-preżentata tar-rikors.

153    Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. F’konformità mal-Artikolu 84(2) ta’ dawk ir-regoli, jekk ikun il-każ, il-motivi ġodda għandhom jiġu ppreżentati fit-tieni skambju ta’ noti u għandhom jiġu identifikati bħala tali.

154    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kif isostni s-SRB, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma humiex inklużi f’motiv speċifiku, iżda fil-parti tar-replika relatata mal-fatti li wasslu għall-kawża, u li r-rikorrenti għalhekk ma identifikawhomx bħala li jikkostitwixxu motiv ġdid. Barra minn hekk, peress li dawn l-allegazzjonijiet ma humiex marbuta b’mod suffiċjentement mill-qrib mal-motivi jew l-ilmenti inizjalment spjegati fir-rikors sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala li jirriżultaw mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża, dawn lanqas ma jikkostitwixxu elaborazzjoni ta’ motiv invokat fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2020, VQ vs BĊE, T‑203/18, EU:T:2020:313, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Min-naħa l-oħra, anki fil-każ li dawn l-allegazzjonijiet jistgħu jiġu analizzati bħala motiv ta’ dritt ġdid li tqajjem għall-ewwel darba fir-replika, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jippretendux li dan ikun ibbażat fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li kienu ġew irrilevati wara l-preżentata tar-rikors.

156    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kemm l-intervista tal-Presidenta tas-SRB tat-23 ta’ Mejju 2017 kif ukoll l-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017, li fuqhom jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti, kienu diġà msemmija fir-rikors. Konsegwentement, fil-każ li dawn l-allegazzjonijiet kellhom jiġu analizzati bħala li jikkostitwixxu motiv ġdid imqajjem fir-replika, dan tal-aħħar ikun inammissibbli u għalhekk ma jkunx hemm lok li tingħata risposta għalih.

157    Fit-tieni lok, permezz ta’ ittra mibgħuta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ssottomettew offerta ġdida ta’ provi, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, dwar żewġ ittri interni tas-SRB, tal-10 u tat-18 ta’ Awwissu 2017, dwar il-ħarba potenzjali ta’ informazzjoni li tat lok għall-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017. Ir-rikorrenti jindikaw li kellhom aċċess għal dawn id-dokumenti wara d-deċiżjoni tas-SRB, tal-24 ta’ Awwissu 2020, li jiġu żvelati dawn id-dokumenti, adottata skont id-deċiżjoni tal-bord tal-appell tas-SRB tal-15 ta’ April 2020, dwar talba għal aċċess għal dokumenti mressqa minn parti terza.

158    Ir-rikorrenti jsostnu li minn dawn l-ittri jista’ jiġi dedott li ma saret l-ebda investigazzjoni interna effettiva mis-SRB sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ din l-allegata ħarba ta’ informazzjoni.

159    Is-SRB u Banco Santander isostnu li dawn id-dokumenti l-ġodda huma inammissibbli, sa fejn ma huma relatati ma’ ebda motiv invokat fir-replika. Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jsostnu li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u l-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma pprovawx din ir-rilevanza.

160    Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

161    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx insostenn ta’ liema motiv, jew ta’ liema argument, dawn id-dokumenti ġew prodotti, u lanqas ma jispjegaw r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

162    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-punti 151 sa 156 imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-allegazzjonijiet relatati mal-artiklu tar-Reuters kienu inklużi biss fil-parti tar-replika relatata mal-fatti li wasslu għall-kawża u li r-rikorrenti ma qajmu l-ebda motiv fir-rikors, u lanqas fir-replika, fir-rigward ta’ dan l-artiklu u l-allegata ħarba ta’ informazzjoni. Ġie konkluż li, anki jekk jiġi preżunt li dawn l-allegazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala motiv ġdid imqajjem fir-replika, dan huwa inammissibbli.

163    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li peress li d-dokumenti ppreżentati f’din l-offerta ta’ provi ma għandhom l-ebda rabta mal-motivi ta’ dritt li regolarment jitqajmu fir-rikors jew fir-replika, ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u għandhom jiġu miċħuda, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat jekk id-dewmien fil-preżentata tagħhom kienx iġġustifikat.

–       Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

164    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-eżattezza materjali, l-affidabbiltà u l-koerenza tal-informazzjoni ekonomika u finanzjarja li fuqha bbaża ruħu s-SRB u li tiżgura ruħha li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda.

165    Is-SRB isostni li, f’każ ta’ kwistjonijiet tekniċi kumplessi, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-konstatazzjonijiet fattwali u legali magħmula mill-awtorità, tivverifika li l-miżura adottata ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter u tivverifika li l-awtorità ma eċċedietx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Skont is-SRB, huwa kellu jingħata marġini ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv meta qies li l-valutazzjoni 2 kienet xierqa għall-finijet tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn din kienet ibbażata fuq evalwazzjoni fattwali jew teknika kumplessa.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

167    Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika għal dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tas-7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, EU:T:2013:106, punt 76; ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

168    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għalhekk ma huwiex f’idejn l-imħallef tal-Unjoni li għandu jissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tiegħu għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34); tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il-Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il‑Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    Peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB huwa meħtieġ li jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 167 u 168 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba li teżerċita.

170    Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-26 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa f’din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il-Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikati, EU:C:2018:442, punt 39; tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat-13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq, minn naħa, li jiġu eżaminati minn qabel l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma fit-tieni u t-tielet motiv u, min-naħa l-oħra, li jiġu ttrattati flimkien l-ewwel u r-raba’ motiv, sa fejn dawn huma bbażati fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18, l-Artikolu 24(2)(a) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, jiksru d-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta

173    Ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, iqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18, tal-Artikolu 24(2)(a) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll tal-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jiksru d-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, inkwantu ma jipprovdux għas-smigħ tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni qabel l-adozzjoni ta’ tali miżura.

174    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi li kull parti jkollha d-dritt li tikkontesta, bil-ħsieb li tikseb l-annullament ta’ att li jikkonċernaha direttament u individwalment, il-validità ta’ atti istituzzjonali preċedenti, li jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija b’hekk tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kellha l-possibbiltà li titlob l-annullament tagħhom (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, BP vs FRA, C‑601/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1048, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq il-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

175    Fl-ewwel lok, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-eċċezzjoni tal-illegalità mqajma kontra l-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59 għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li d-Direttiva 2014/59 ma tikkostitwixxix il-bażi legali għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma għandhiex rabta magħha.

176    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tista’ titqajjem mhux biss kontra regolamenti, iżda wkoll kontra direttivi u li għandha tiġi estiża għal atti li, għalkemm ma jikkostitwixxux formalment il-bażi legali tal-att ikkontestat, għandhom rabta legali diretta miegħu. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha titqajjem ukoll kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59.

177    Peress li l-Artikolu 277 TFUE ma huwiex intiż li jippermetti lil parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ portata ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ li jkun is-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

178    Għalhekk, fl-okkażjoni ta’ rikors għal annullament imressaq kontra deċiżjonijiet individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li d-dispożizzjonijiet ta’ att ta’ portata ġenerali li jikkostitwixxu l-bażi għal deċiżjonijiet bħal dawn jew li għandhom rabta legali diretta ma’ dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu suġġetti b’mod validu għal eċċezzjoni ta’ illegalità. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inammissibbli eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali tiegħu ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

179    Skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-allegata illegalità tagħha tkun eċċepita. Il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Diċembru 2018, Janoha et vs Il‑Kummissjoni, T‑517/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:874, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Madankollu, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-proċedura segwita mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni hija bbażata biss fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u li l-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, li jikkonċernaw il-miżuri ta’ riżoluzzjoni adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, ma ġewx applikati f’dan il-każ u ma humiex imsemmija f’din l-iskema.

181    Ir-rikorrenti jsostnu li d-direttiva hija marbuta mill-qrib mal-iskema ta’ riżoluzzjoni sa fejn ir-Regolament Nru 806/2014 ġie adottat billi ġiet segwita d-Direttiva 2014/59 u li kien fih l-istess nuqqasijiet.

182    Argument bħal dan isemmi biss xebh bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 u dawk tad-Direttiva 2014/59, iżda ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi rabta legali diretta bejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-Direttiva 2014/59 meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 177 sa 179 iktar ’il fuq.

183    Barra minn hekk, il-legalità tal-artikoli tad-Direttiva 2014/59, iċċitati mir-rikorrenti, tista’ possibbilment tiġi kkontestata matul rikors kontra deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni meħuda minn awtorità nazzjonali permezz ta’ deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni tal-validità.

184    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħall-Parlament u l-Kunsill, li konstatazzjoni possibbli tal-illegalità tal-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, imqajma mir-rikorrenti, u tal-inapplikabbiltà tagħhom f’dan il-każ ma għandha ebda konsegwenza fuq il-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li, konsegwentement, l-eċċezzjoni tal-illegalità fir-rigward tagħhom għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

185    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ma ġietx applikata mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni u li, għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tagħha għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

186    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dan jipprevedi li, fir-rigward tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tipprevedi l-għodod, l-assi, id-drittijiet u l-impenji li għandhom jiġu ttrasferiti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali skont il-paragrafi 1 u 7 sa 11 tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59. Din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni u r-rikorrenti ma jispjegawx kif l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni x’aktarx twassal għal ksur tad-dritt tal-azzjonisti għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

187    L-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

188    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, ir-rikorrenti jsostnu li huma jikkontestaw, bl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom, il-fatt li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma fiha l-ebda garanzija dwar l-aġir tas-SRB meta tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti għalhekk jirrikonoxxu li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħhom tikkonċerna biss il-proċedura prevista f’dan l-artikolu.

189    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq hemm lok li jiġi kkunsidrat li, bl-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata fit-tieni motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw biss il-validità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn dik id-dispożizzjoni, billi ma tipprovdix għal smigħ tal-azzjonisti mis-SRB qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, tikser id-dritt għal smigħ tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

–       Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014

190    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, irregolata mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, tikser id-drittijiet tad-difiża fis-sens li ma tippermettix l-intervent tal-persuni kkonċernati mill-miżura ta’ riżoluzzjoni. Il-miżura ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata mingħajr ma jinstemgħu l-persuni kkonċernati u mingħajr ma jkollhom l-opportunità li jkollhom aċċess għar-rapport ta’ valutazzjoni li fuqu hija bbażata l-miżura u għalhekk li jikkontestaw din il-miżura. L-uniku rimedju possibbli kontra l-valutazzjoni provviżorja, previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014, jikkonsisti fil-kontestazzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni nnifisha, li tkun diġà irrevokabbli sa fejn timplika t-trasferiment lil parti terza.

191    Is-SRB isostni li l-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal smigħ formali tal-azzjonisti jew tal-kredituri qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ interess pubbliku. Il-miżuri ta’ riżoluzzjoni jikkonċernaw mhux biss entità waħda, iżda wkoll l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, il-miżura ta’ riżoluzzjoni ma hijiex indirizzata lill-azzjonisti tal-entità kkonċernata u għalhekk ma hemmx lok li dawn jinstemgħu.

192    Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-azzjonisti ta’ entità suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx dritt li jinstemgħu abbażi tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta fil-kuntest ta’ dik il-proċedura. Huma jqisu li, fi kwalunkwe każ, jekk l-azzjonisti ta’ entità jistgħu jipprevalixxu ruħhom mid-dritt li jinstemgħu, dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet.

193    Barra minn hekk, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li, fil-każ li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jkollhom id-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, dan id-dritt ikun irrikonoxxut anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fir-Regolament Nru 806/2014. In-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti, fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, ma jirriżultax fl-illegalità ta’ dak ir-regolament, sa fejn l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi tali smigħ.

194    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom negattivament.

195    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew lill-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett għad-dritt tas-smigħ huwa meħtieġ anki meta r-regoli applikabbli ma jipprovdux espressament għal tali formalità (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tistax la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, bħala prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa miftuħ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx tiddependi mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju (is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 64).

199    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-premessa 121 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, inklużi d-drittijiet tad-difiża, u għandhom jiġu implimentati skont dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi b’mod espliċitu d-dritt li jinstemgħu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

200    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-Kummissjoni, li miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fi tmiem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ entità. L-entità suġġetta għar-riżoluzzjoni għandha titqies bħala l-persuna li fir-rigward tagħha tiġi adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għas-smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

201    Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ din l-entità ma humiex destinatarji ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali meħuda kontrihom.

202    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jeżerċita s-setgħa li jiżvaluta jew li jikkonverti l-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament.

203    Għalhekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-regolament, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom.

204    Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 196 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala li huwa ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jibbenefikaw mid-dritt għal smigħ fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

205    Madankollu, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 52(1), tal-Karta li skontha:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

206    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-assenza, fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ dispożizzjoni li tipprovdi b’mod espliċitu għal smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament tikkostitwixxix limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ li huwa konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

207    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    F’dan ir-rigward, is-SRB, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti hija ġġustifikata, minn naħa, mill-għan intiż li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, li għandhom jiġu adottati malajr.

209    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessi 12, 58 u 61, jindikaw li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni implimentati minn dak ir-regolament.

210    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, b’mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt. Fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 hemm, b’mod partikolari, dak li “jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq” kif ukoll li “jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

211    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jirriskja li jipproduċi effetti sekondarji negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50); tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

212    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku ogħla (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 69).

213    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799, punt 6), li fl-oqsma ekonomikament sensittivi bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja, l-Istati kellhom marġini diskrezzjonali wiesa’ u li, għalhekk, l-impossibbiltà ta’ azzjonist li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għall-bejgħ tal-bank ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri u tal-preservazzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-istat ta’ insolvenza tal-bank.

214    Għandha tissemma wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836), mogħtija fl-okkażjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8). Dik il-kawża kienet tikkonċerna miżura eċċezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex jiġi evitat, permezz ta’ żieda fil-kapital, il-falliment ta’ kumpannija li, skont il-qorti tar-rinviju, kien jhedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-protezzjoni li t-Tieni Direttiva 77/91 tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-fondi proprji tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 50). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li d-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva 77/91 ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw, b’analoġija, għas-sitwazzjoni ta’ ex azzjonisti ta’ bank li kienu suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014.

216    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li għan ieħor tar-riżoluzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni, jikkontribwixxi wkoll għall-għan ta’ interess ġenerali li tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

217    Skont il-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-funzjonijiet kritiċi ta’ istituzzjoni huma ddefiniti bħala “attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabbiltà finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet”.

218    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/778 tat-2 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta’ negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin (ĠU 2016, L 131, p. 41), jipprevedi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Din hija funzjoni li titwettaq minn istituzzjoni għal partijiet terzi li ma jkunux affiljati mal-istituzzjoni jew mal-grupp u li t-tfixkil f’daqqa tagħhom x’aktarx ikollu impatt materjali negattiv fuq dawk il-partijiet terzi, li tkun kontaġġjuża jew iddgħajjef il-fiduċja ġenerali tal-parteċipanti fis-suq, minħabba l-importanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u l-importanza sistemika tal-istituzzjoni jew grupp fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

219    L-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa li tiġi evitata interruzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet li tista’ tikkawża perturbazzjonijiet, mhux biss fis-suq ikkonċernat, iżda wkoll għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali tal-Unjoni.

220    Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni, peress li għandha l-għan li tippreserva jew treġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, b’mod partikolari billi tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, għandha titqies bħala li tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

221    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014 u deskritta fl-Artikolu 18 tiegħu għandha għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

222    Fit-tieni lok, diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jimplikaw li, fejn miżura ta’ riżoluzzjoni ssir neċessarja, din għandha tiġi adottata malajr. Dawn huma, b’mod partikolari, il-premessi 26, 31, 53 u, b’mod partikolari, il-premessa 56 ta’ dak ir-regolament, li tipprevedi li, sabiex jiġu limitati l-perturbazzjonijiet imġarrba mis-swieq finanzjarji u l-ekonomija, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir.

223    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, f’konformità mal-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effikaċi, li għandhom jikkostitwixxu għodda essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek fil-passat, u li tali għan jippreżumi teħid ta’ deċiżjoni rapida, kif juru t-termini qosra previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma titpoġġiex f’perikolu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

224    Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika b’mod partikolari li, meta l-BĊE jqis li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta s-SRB nnifsu jwettaq evalwazzjoni, din għandha tiġi kkkomunikata lill-BĊE mingħajr dewmien. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad għandha terminu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa sabiex tapprova skema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet.

225    Minn dan jirriżulta li, ladarba l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, li tkun entità f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li r-riżoluzzjoni tagħha hija meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprovdi li deċiżjoni għandha tiġi adottata f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

226    Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet huwa maħsub, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata u sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ falliment tal-entità fuq l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni tal-effettività tagħha.

227    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-urġenza li titlob azzjoni immedjata mill-awtorità kompetenti kienet tiġġustifika limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati minn miżuri adottati fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 67) u fil-qasam tal-agrikoltura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 76).

228    Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, qabel din l-inklużjoni, hija ta’ natura li tipperikola l-effettività tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament applikabbli, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 338 sa 340; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61, u tat-12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il-Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 51).

229    Għal raġunijiet li jqisu wkoll l-għan segwit mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma kienu meħtieġa jipproċedu bis-smigħ tar-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 341, u tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 103).

230    Dan huwa iktar u iktar minnu f’każijiet fejn il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ ma tikkonċernax l-entità suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, iżda l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha.

231    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB ikkonstatat li l-bejgħ tal-bank fallut bħala impriża operattiva sar sabiex tinkiseb l-adempjenza rapida u iktar ċerta tal-kredituri tagħha, li kienu ilhom jistennew snin sabiex jirċievu d-dejn dovut lilhom, u t-tlestija rapida tal-proċedura ta’ falliment. Għalhekk, il-ħtieġa għas-sempliċità u l-ħeffa fil-proċedura li wasslet għall-bejgħ tal-bank kienet ta’ importanza kbira. Kieku l-liġi kienet ipprovdiet li l-qorti tal-falliment kienet meħtieġa tikkonsulta mal-azzjonisti u l-kredituri kollha tal-bank, dan kien jikkawża tnaqqis sinjifikattiv fil-ħeffa tal-proċedura u, għalhekk, iktar dewmien fil-ħlas ta’ ammonti dovuti lill-kredituri u fit-tlestija tal-proċedura tal-falliment.

232    Fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punt 136), il-Qorti EDB ddeċidiet li, f’qasam ekonomikament sensittiva bħall-istabbilità tas-sistema bankarja u f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun hemm ħtieġa imperattiva li tittieħed azzjoni bl-ikbar diliġenza u mingħajr avviż minn qabel, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli lill-bank, id-depożitanti tiegħu u kredituri oħra, jew lis-sistema bankarja u finanzjarja kollha kemm hi.

233    Barra minn hekk, il-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ twassal għal interferenza fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata ma jistax jiġġustifika obbligu li jingħataw dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema.

234    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 282 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et. (T‑680/13, EU:T:2018:486), li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 119, u l-Qorti EDB, 20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt tagħha għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21).

235    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal fil-każ ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien każ ta’ prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek previsti sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’hekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek previsti setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. Il-kisba tal-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ dak l-Istat Membru u b’hekk jiġi evitat il-kontaġju fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro kienet tkun esposta għal riskji sinjifikattivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, UE:T:2018:486, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

236    Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ibbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614), li turi li r-rekwiżit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-persuni kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari, fejn tali konsultazzjoni minn qabel bħal din inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi li jipprevjenu l-kollass tal-banek ikkonċernati (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 159).

237    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tittieħed azzjoni minnufih mingħajr ma jiġu infurmati l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità dwar l-imminenza ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonċernaha hija maħsuba sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità tmur għall-agħar u dan jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, li l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ obbligi tal-bank jiġu informati li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk li kien ikkunsidrat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, dan jista’ jinċentivahom sabiex ibigħu t-titoli tagħhom fuq is-swieq u wkoll iwassal għall-irtirar fuq skala kbira tad-depożiti, fatt li jkollu l-konsegwenza li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u li jirrendi iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-adozzjoni ta’ soluzzjoni li tista’ tipprekludi l-istralċ tiegħu.

238    F’dan ir-rigward, kif dan jirriżulta mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tiġi adottata, kemm dwar jekk il-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex issodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe miżura adottata matul il-proċedura, jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni.

239    Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-introduzzjoni fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ konsultazzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura, li jista’ jipperikola kemm li jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura kif ukoll l-effettività tagħha.

240    Barra minn hekk, minħabba l-urġenza tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, ma huwiex possibbli li l-azzjonisti jiġu kkonsultati minn qabel, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet marbuta mal-identifikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, kif jirrilevaw ir-Renju ta’ Spanja u l-Kunsill, peress li l-azzjonijiet u l-obbligi huma nnegozjati kontinwament fis-swieq, huwa impossibbli, fil-prattika, li wieħed ikun jaf liema investituri partikolari u istituzzjonali għandhom jiġu kkuntattjati.

241    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il quddiem jirriżulta li smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ dik il-miżura, jikkomprometti l-għan ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effiċjenza tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

242    Għaldaqstant, l-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 tikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ li hija ġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

243    Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

244    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ smigħ minn qabel tal-azzjonisti tipprekludi lis-SRB milli jikseb konjizzjoni, permezz tal-korpi soċjali tal-istituzzjoni jew tal-azzjonisti tagħha, tal-eżistenza ta’ miżuri privati (bħal żieda fil-kapital, l-eżekuzzjoni tal-pjan tan-negozju approvat mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni jew bejgħ ta’ assi) minbarra r-riżoluzzjoni.

245    Jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni biss jekk, fid-dawl tat-termini ta’ żmien meħtieġa u ċirkustanzi rilevanti oħra, ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri oħra ta’ natura privata adottati fir-rigward tal-entità, indipendentement jew flimkien ma’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jipprekludu l-falliment tagħha f’perijodu ta’ żmien raġonevoli.

246    Għalhekk, is-SRB għandu jeżamina jekk il-miżuri diġà previsti mill-bank sabiex jaffaċċja d-diffikultajiet tiegħu jistgħux jiġu implimentati f’terminu raġonevoli li jippermetti li jiġi evitat il-falliment tiegħu. Jekk kienu previsti miżuri alternattivi ta’ natura privata fiż-żmien meta nbdiet il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-miżuri msemmija mir-rikorrenti, bħal żieda fil-kapital, l-eżekuzzjoni tal-pjan tan-negozju approvat mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni jew il-bejgħ tal-assi, is-SRB għandu jkun infurmat mill-entità kkonċernata jew mill-korpi soċjali tagħha. Ma huwiex il-kompitu tas-SRB li jfittex soluzzjonijiet oħra ta’ natura privata li l-bank innifsu ma jafx bl-eżistenza tagħhom.

247    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-azzjonisti, fil-kuntest ta’ smigħ individwali li jseħħ ladarba tkun inbdiet il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jistgħu jinfurmaw lis-SRB bl-eżistenza ta’ miżuri alternattivi oħra, li jistgħu jitwettqu fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-entità kkonċernata, li jistgħu jipprekludu l-falliment tal-entità f’terminu raġonevoli u li s-SRB ma kienx infurmat bihom mill-bank innifsu jew mill-korpi soċjali tiegħu.

248    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li la l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja u lanqas in-neċessità li tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni bil-ħeffa ma jiġġustifikaw l-abolizzjoni totali tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti tal-entità, sa fejn ir-Regolament Nru 806/2014 jista’ jipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni.

249    F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu Banco Santander u l-Parlament, li smigħ tal-azzjonisti, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax ibiddel il-kontenut ta’ din il-miżura u għalhekk ma jistax iwassal għall-annullament tagħha.

250    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li hemm disparità mhux ġustifikata bejn minn naħa, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, dawk tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1024/2013 u dawk tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p 1), li jirrikonoxxu dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li tista’ taffettwa negattivament id-drittijiet ta’ istituzzjoni.

251    Hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamel s-SRB, li ma ddaħħlet l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regolament Nru 806/2014 sabiex, b’mod partikolari, tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u sabiex jiġu evitati konsegwenzi negattivi fuq is-swieq finanzjarji. Kif jenfasizza l-Kunsill, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex applikabbli matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, huma jipprovdu li d-dritt għal smigħ jingħata lid-destinatarju ta’ deċiżjoni, jiġifieri l-bank suġġett għall-miżura superviżorja tal-BĊE.

252    Għalhekk, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jagħtu dritt għal smigħ lill-istituzzjoni destinatarja ta’ deċiżjoni, li l-azzjonisti jew il-kredituri ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu rrikonoxxuti l-istess dritt.

253    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 31(4) tar-Regolament Qafas tal-MSU jipprevedu dispożizzjonijiet speċjali jekk ikollha tiġi adottata deċiżjoni urġenti, li jeskludu l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni.

254    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-introduzzjoni mis-SRB ta’ proċedura għas-smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri dwar il-valutazzjoni 3 ma tippermettix li tiġi rrimedjata l-impossibbiltà li jsiru osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014.

255    Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni li jwieġbu għall-konstatazzjoni tas-SRB, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li proċedura għas-smigħ tal-azzjonisti ta’ Banco Popular ġiet implimentata fil-qafas tal-valutazzjoni 3 prevista fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, anki jekk tali smigħ ma huwiex previst fir-Regolament. Din il-konstatazzjoni kienet maħsuba sabiex turi l-fatt li, fl-assenza ta’ emerġenza jew riskju għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, is-SRB għandu jiżgura r-rispett tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti billi jorganizza seduta, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar id-dritt tagħhom għal kumpens possibbli skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, anki jekk din is-seduta ma hijiex prevista espressament fir-Regolament Nru 806/2014.

256    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq hawn fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn il-proċedura stabbilita minnu tikser id-dritt għal smigħ billi ma tipprovdix għal seduta tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata, għandha tiġi miċħuda.

257    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment inammissibbli u, parzjalment infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 21, 22, 24 u 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 38 u 63 tad-Direttiva 2014/59 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17(1), tal-Karta u l-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża, sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta

258    Ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikoli 21, 22, 24 u 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll tal-Artikoli 38 u 63 tad-Direttiva 2014/59. Huma jsostnu li dawn l-artikoli jiksru d-dritt għall-proprjetà u l-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża, sa fejn jawtorizzaw il-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ istituzzjoni finanzjarja u jagħtu lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni l-kompetenza li jnaqqsu l-kapital għal żero billi jikkanċellaw l-azzjonijiet, mingħajr is-smigħ u mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti. L-għoti lis-SRB, mir-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59, ta’ setgħat ta’ esproprjazzjoni eżorbitanti, mingħajr ma l-azzjonisti jkollhom id-dritt għal smigħ jew li jippreżentaw osservazzjonijiet, jikkostitwixxi interferenza sproporzjonata fid-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta.

259    Fir-rigward tal-Artikoli 38 u 63 tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dawn ma ġewx applikati mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 177 sa 179 iktar ’il fuq, sa fejn ma teżisti l-ebda rabta legali diretta bejn dawn l-artikoli u l-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tagħhom għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

260    L-artikoli l-oħra tar-Regolament Nru 806/2014 li r-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tagħhom huma l-Artikolu 21 dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, l-Artikolu 22 dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-għodda ta’ riżoluzzjoni u l-Artikolu 24 dwar l-għodda tal-bejgħ ta’ operat.

261    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Artikoli 21, 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta sa fejn jagħtu lis-SRB il-kompetenza li jnaqqas għal żero l-kapital ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, li jiżvaluta u li jikkonverti l-istrumenti ta’ fondi proprji rilevanti u li jbiegħhom, mingħajr is-smigħ jew il-qbil tal-azzjonisti.

262    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li tolqotha negattivament.

263    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma jagħmel s-SRB, li dan id-dritt huwa distint mid-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

264    Għaldaqstant, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 li huma kkontestati mir-rikorrenti ma jipprovdux għal smigħ tal-azzjonisti ma jistax jistabbilixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

265    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-partijiet l-oħra tar-rikors, ir-rikorrenti ma jsemmux id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 u ma jqajmu l-ebda argument speċifiku ta’ natura li jistabbilixxi li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għal ksur tad-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta.

266    Barra minn hekk, fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta, min-naħa l-waħda, hemm lok li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma jispeċifikawx liema dritt iggarantit mil-libertà ta’ intrapriża huwa allegatament miksur mid-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-Karta tinkludi l-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika jew kummerċjali, il-libertà kuntrattwali u l-kompetizzjoni libera (sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 42; tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef u Federconsumadori, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 82, u tal-15 ta’ April 2021, Federizione nazionale delle imprese elettrotecniche ed elettroniche (Anie) et, C‑798/18 u C‑799/18, EU:C:2021:280, punt 56). Min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi ksur ta’ din il-libertà.

267    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni mir-rikorrenti li l-assenza ta’ kwalunkwe kumpens tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija bbażata fuq qari żbaljat tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li r-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi b’mod espliċitu għall-possibbiltà li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni jibbenefikaw minn kumpens għad-danni skont l-Artikolu 76(1)(e) ta’ dan ir-regolament jekk ikunu sofrew telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza.

268    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità jistabbilixxi li l-limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà tagħhom, attribwibbli għall-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa legalment infondat, minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Peress li l-azzjonisti ta’ Banco Popular ġew imċaħħda mid-dritt għall-proprjetà tagħhom, mingħajr smigħ jew kumpens, dan iwassal sabiex jinkiser dak id-dritt.

269    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti ma humiex intiżi sabiex jikkontestaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 jew tad-Direttiva 2014/59, iżda pjuttost l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest tat-tmien motiv.

270    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jżidu wkoll, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent, li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 jagħtu lis-SRB setgħat sproporzjonati li jistgħu jikkawżaw l-għejbien ta’ istituzzjonijiet finanzjarji solventi għal raġunijiet mhux ġustifikati, fatt li jmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (10/56, EU:C:1958:8).

271    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, b’dan l-argument, ir-rikorrenti jsostnu eċċezzjoni ta’ illegalità ġdida, ibbażata fuq il-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59 jiksru l-prinċipju tad-delega tas-setgħa.

272    Dan l-argument għalhekk għandu jitqies bħala li jifforma motiv ġdid li, billi ġie espost biss fl-istadju tal-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent, huwa tardiv. Din l-eċċezzjoni ta’ illegalità ġdida ma hija bbażata fuq l-ebda element ta’ liġi jew ta’ fatt li seta’ nkixef matul il-proċedura u għandha tiġi rrifjutata bħala inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

273    Konsegwentement, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq l-ewwel u r-raba’ motiv, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) u (c) tal-Karta u fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta

274    Permezz tal-ewwel u r-raba’ motiv, ir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, tliet ilmenti. Huma jsostnu li s-SRB, billi ma tahom l-ebda aċċess għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u għall-valutazzjoni 2, fl-ewwel lok kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni sanċit fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta, fit-tieni lok, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u, fit-tielet lok, id-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

275    Ir-rikorrenti jargumentaw li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sanċit fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-assenza ta’ żvelar tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kollha kemm hi kif ukoll tal-valutazzjonijiet 1 u 2 ma ppermettitilhomx li jiksbu konjizzjoni tar-raġunijiet li għalihom is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

276    L-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba jipprevedi li dan id-dritt jinkludi l-obbligu għall-amministrazzjoni li tipprovdi motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha.

277    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 85 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

278    Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il-Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 162).

279    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li ċerti partijiet li ma ġewx inklużi fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li għalihom kellhom aċċess kienu essenzjali sabiex jiksbu konjizzjoni tar-raġunijiet u sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ difiża. L-assenza ta’ dawn il-passaġġi jipprekludi lir-rikorrenti milli jiksbu konjizzjoni tar-raġunijiet għaliex s-SRB irrikorra għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u tikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

280    Minn naħa, ir-rikorrenti jelenkaw, fir-rikors, għadd ta’ punti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li ma kinux inklużi fil-verżjoni oriġinarjament ippubblikata mis-SRB fuq is-sit internet tiegħu fil-11 ta’ Lulju 2017 u li fl-opinjoni tagħhom, jikkostitwixxu aspetti importanti.

281    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-punti varji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija mir-rikorrenti jidhru fl-intier tagħhom fil-verżjonijiet inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ppubblikati fuq is-sit internet tas-SRB fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018 u li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jiksbu konjizzjoni tagħhom qabel ma ġiet ippreżentata r-replika.

282    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tagħmilx riferiment għar-raġuni għaliex miżuri ta’ intervent bikri, ta’ ristrutturar jew ta’ superviżjoni prudenzjali ma kinux ġew adottati. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni sempliċement tindika li l-istituzzjoni kienet “f’falliment” mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet u mingħajr ma tispjega għaliex miżuri ta’ intervent bikri ma kinux suffiċjenti. Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li, minħabba l-ommissjonijiet li jinsabu fl-aħħar verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li saret pubblika mis-SRB, xorta ma sarux jafu r-raġunijiet li ġġustifikaw ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u l-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

283    F’dan ir-rigward, mill-iskema ta’ riżoluzzjoni jidher li s-SRB spjega li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, fatt li jikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għall-adozzjoni ta’ din l-iskema.

284    B’mod partikolari, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li l-BĊE kien ikkunsidra li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(a) u l-paragrafu 4(c) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa rrileva li l-elementi oġġettivi kienu jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx jista’, fil-futur qrib, iħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Barra minn hekk, id-diffikultajiet ta’ Banco Popular deskritti fl-evalwazzjoni tal-BĊE u mfakkra fl-iskema ta’ riżoluzzjoni huma suffiċjenti sabiex jispjegaw li s-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet tirriżulta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu.

285    Minn dan jirriżulta li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi u li r-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jifhmu r-raġunijiet għall-falliment ta’ Banco Popular u l-ġustifikazzjoni tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

286    Barra minn hekk, il-premessa 26 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni telenka l-miżuri meħuda sabiex isir tentattiv sabiex jissolvew id-diffikultajiet ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni. L-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna miżuri alternattivi u jindika, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li ma kien hemm l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri alternattivi ta’ natura privata, jew miżuri prudenzjali, jew l-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli.

287    B’mod partikolari, fl-Artikolu 3.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jistgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. Is-SRB rrileva li, fl-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE kien ikkonferma li ma kien hemm l-ebda miżura prudenzjali jew ta’ intervent bikri disponibbli li setgħet tirrestawra immedjatament il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-bank u li setgħet tippermettilu żmien suffiċjenti sabiex jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri disponibbli għall-BĊE bħala awtorità kompetenti, skont it-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36, tal-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiggarantixxu li l-bank ikun f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi u d-djun l-oħra tiegħu meta jilħqu l-maturità tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-firxa u tar-ritmu tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità osservata.

288    Minn dan jirriżulta li s-SRB kien spjega b’mod suffiċjenti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni r-raġunijiet għalfejn miżuri ta’ intervent bikri ma kinux suffiċjenti sabiex jissolvew id-diffikultajiet ta’ Banco Popular.

289    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jispjegaw għaliex il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 u, b’mod partikolari, l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014 ma ġewx segwiti.

290    L-Artikolu 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, u s-SRB jispjega b’mod partikolari fl-Artikolu 5.3 ta’ din l-iskema r-raġuni għalfejn l-għodda l-oħra elenkati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess grad.

291    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija ġustifikata sal-grad rikjest mil-liġi u li dawn id-dispożizzjonijiet differenti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jippermettu lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet għall-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat bħala għodda ta’ riżoluzzjoni.

292    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ motivazzjoni huma ġenerali, li ma jagħmlux riferiment għall-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma jiġġustifikawx kif l-elementi li jinsabu fiha u msemmija iktar ’il fuq ma humiex suffiċjenti sabiex tinftiehem il-portata tagħha.

293    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni b’rabta mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

294    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, fir-rikors, li l-valutazzjoni 2 ma ġietx ikkomunikata lilhom, b’tali mod li kien impossibbli għalihom li jsiru jafu l-kriterji ta’ evalwazzjoni użati mill-espert indipendenti.

295    Madankollu, il-valutazzjoni 2 ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tas-SRB fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018, f’verżjonijiet inqas u inqas ridotti.

296    Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fir-replika, wara dawn il-pubblikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument dwar motivazzjoni insuffiċjenti għall-valutazzjoni 2.

297    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat il-metodoloġija użata u, b’mod partikolari, indikat li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular, kienet użat ix-xenarju tal-bejgħ ta’ Banco Popular b’applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat, fatt li kien jeħtieġ li jiġu evalwati l-assi u l-obbligazzjonijiet li kellhom jinbiegħu fuq kundizzjonijiet kummerċjali. Hija spjegat li l-evalwazzjoni ekonomika tagħha kienet intiża sabiex tipprovdi stima tal-valur li kien ser jiġi offrut minn akkwirent potenzjali għall-bank kollu u li kien adotta approċċ skont il-kategorija ta’ assi. Hija ddikjarat ukoll li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq l-abbozz finali tal-istandards regolatorji tekniċi tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) Nru 2017/05, tat-23 ta’ Mejju 2017, dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni. Sussegwentement, fil-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat l-approċċ tagħha użat sabiex tevalwa kull kategorija ta’ assi.

298    Minn dan jirriżulta li l-kriterji ta’ valutazzjoni użati fil-valutazzjoni 2 kienu spjegati b’mod suffiċjenti.

299    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, ladarba ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex ma jiġux ippubblikati r-riżoluzzjoni sħiħa u l-valutazzjoni 2. Fir-replika, huma jikkontestaw il-fatt li d-destinatarja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni biss, jiġifieri l-FROB, kellha dritt għal deċiżjoni motivata. Ladarba r-rikorrenti għandhom il-locus standi sabiex jikkontestaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni, huma għandhom id-dritt li jirċievu deċiżjoni motivata.

300    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li hija indirizzata lill-FROB. Ir-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala partijiet terzi u għalhekk ma għandhomx dritt li tiġi kkomunikata lilhom l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

301    Skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jippubblika fuq is-sit internet uffiċjali tiegħu kopja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew notifika li tispjega fil-qasir l-effetti tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari, l-effetti fuq il-klijenti fil-livell tal-konsumatur.

302    F’dan il-każ, fis-7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni li tħabbar l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, akkumpanjata minn dokument li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-11 ta’ Lulju 2017, is-SRB ippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar 2018 u sussegwentement fil-31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

303    Barra minn hekk, l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi kif ġej:

“Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.”

304    Din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel il-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni lil parti terza tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din ma tkunx tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-valutazzjoni 2 li tikkostitwixxi anness għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tifforma parti integrali minnha skont l-Artikolu 12.2 tal-imsemmija riżoluzzjoni.

305    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat iddenunzjata minn lanjant tista’, fid-dawl tal-obbligu tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kawżi, tkun suffiċjentement motivata mingħajr ma jiġu inklużi elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111). Għaldaqstant, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni, meta din turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom, hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istess istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 55).

306    Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi ekonomiċi użati minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 u meħuda inkunsiderazzjoni mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jaqgħu fl-ambitu ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Ġaladarba l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mis-SRB sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment il-fondatezza tagħha quddiem il-qorti kompetenti, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

307    Minn naħa, madankollu, r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2 jinkludu informazzjoni kunfidenzjali li s-SRB għandu obbligu li jipproteġi. Min-naħa l-oħra, huma ma speċifikawx sa liema punt id-data li baqgħet moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u valutazzjoni 2 kienu neċessarji sabiex tinftiehem l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

308    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ħeba d-data ekonomika fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

309    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw dritt li jirċievu komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2 u lanqas li dawn jiġu ppubblikati.

310    Fir-raba’ lok, fir-replika, ir-rikorrenti sempleċement isostnu li l-assenza ta’ pubblikazzjoni tal-valutazzjoni 1, li sussegwentement ġiet ipprovduta f’forma ridotta fi Frar 2018 u mbagħad f’forma inqas ridotta f’Ottubru 2018, żammithom milli jiksbu konjizzjoni ta’ parti essenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

311    Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi r-rikorrenti ma spjegawx il-parti tar-raġunament segwit mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li ma kinux ikunu kapaċi jifhmu minħabba l-assenza ta’ pubblikazzjoni tat-totalità tal-valutazzjoni 1.

312    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma jistax jippretendi li huwa osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi ppubblika fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018 l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2 f’verżjonijiet inqas ridotti, billi dan l-obbligu ma jistax jiġi ssodisfatt a posteriori.

313    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjonijiet suċċessivi fuq is-sit internet tas-SRB jikkonċernaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2 fil-verżjonijiet oriġinali tagħhom. Dawn il-pubblikazzjonijiet kienu maħsuba sabiex jagħtu lill-pubbliku aċċess usa’ għal dawn id-dokumenti, billi jiżvelaw partijiet li oriġinarjament kienu kkunsidrati kunfidenzjali. Ma kienx kompitu tas-SRB li jippubblika informazzjoni li oriġinarjament ma kinitx inkluża fl-iskema ta’ riżoluzzjoni jew fil-valutazzjonijiet 1 u 2 u li kienet maħsuba sabiex tissupplimenta l-motivazzjoni tagħha.

314    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jinvokaw, fir-replika, id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB tat-28 ta’ Novembru 2017 u tad-19 ta’ Ġunju 2018, adottati bi tweġiba għat-talbiet tagħhom għal aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU 2001, L 145, p. 43), li warajhom s-SRB ippubblika, fi Frar u f’Ottubru 2018, fuq is-sit internet tiegħu, verżjonijiet inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2. Huma jsostnu li l-Bord tal-Appell tas-SRB indika li r-rifjut tal-aċċess għall-kontenut essenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjonijiet kien indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ rispett tad-dritt għal deċiżjoni motivata u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

315    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta’ Novembru 2017, il-Bord tal-Appell tas-SRB indika li d-deċiżjoni tas-SRB li tiċħad kompletament l-aċċess għall-valutazzjoni 2 skont ir-Regolament Nru 1049/2001 kienet eċċessiva u li d-dikjarazzjoni tas-SRB li kwalunkwe żvelar tal-valutazzjoni 2, u għalhekk l-iżvelar tagħha f’verżjoni ridotta u mhux kunfidenzjali, kien jippreġudika l-għan tal-protezzjoni ta’ interess protett mir-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx tissodisfa l-obbligu tal-motivazzjoni. Il-Bord tal-Appell qies ukoll li d-dikjarazzjonijiet tas-SRB li jiġġustifikaw l-eċċezzjoni għall-iżvelar tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu tant vagi u ġenerali li ma kinux jippermettu li jiġi osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni.

316    Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma kinux marbuta mal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew mal-valutazzjoni 2, iżda mad-deċiżjoni tas-SRB adottata fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, li rrifjutat l-aċċess tar-rikorrenti għal dawn id-dokumenti.

317    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mis-siltiet mid-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell, iċċitati fir-replika, ma jirriżultax li dan tal-aħħar ikkunsidra li l-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni oriġinarjament ippubblikata mis-SRB kienet tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni. Kif jirreleva s-SRB, il-Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jiddeċiedi dwar il-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma jistax jiddeċiedi dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

318    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li kien wara d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tat-28 ta’ Novembru 2017 u tad-19 ta’ Ġunju 2018, li s-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet inqas ridotti tal-valutazzjonijiet 1 u 2 u tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

319    Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell invokati mir-rikorrenti ma humiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti tal-valutazzjoni 2.

320    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti marbut mal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

321    Ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-fajl, kif sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

322    L-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba jipprovdi li dan id-dritt jinkludi d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet professjonali u kummerċjali.

323    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa previst fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 li jiddikjara:

“Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.”

324    Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti bbażaw ruħhom, essenzjalment, fuq il-punti 81 sa 83 tas-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il‑Kummissjoni (T‑30/91, EU:T:1995:115), li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, li ma tistax tkun il-Kummissjoni biss li tiddeċiedi liema dokumenti huma utli għad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli u kumplessi li għandhom jitwettqu, il-Kummissjoni għandha tagħti l-pariri ta’ dik l-intrapriża kkonċernata dwar il-possibbiltà li jiġu eżaminati dokumenti li jistgħu jkunu rilevanti, bil-ħsieb li jiġi vvalutat il-valur probatorju tagħhom għad-difiża. Il-Qorti Ġenerali żiedet li ma setgħetx taċċetta li l-Kummissjoni, meta ddeċidiet dwar il-ksur, iddisponiet biss dawk id-dokumenti rilevanti waħedha u għalhekk setgħet tiddeċiedi waħedha jekk tużahomx kontra r-rikorrenti jew le, filwaqt li din tal-aħħar ma kellha l-ebda aċċess għalihom u għalhekk ma setgħetx tieħu d-deċiżjoni korrispondenti dwar jekk tużahomx jew le għad-difiża tagħha. F’tali ipoteżi, id-drittijiet tad-difiża li jibbenefikaw minnhom ir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva jiġu wisq ristretti meta mqabbla mas-setgħat tal-Kummissjoni.

325    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar, li l-aċċess għall-fajl, fil-każijiet tal-kompetizzjoni, huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jiksbu konjizzjoni tal-provi li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli fuq il-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom din tal-aħħar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn il-provi. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm provi li favur kif ukoll dawk li kontra, bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punti 261 u 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura segwita quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ li l-impriża fil-mira titqiegħed f’pożizzjoni li tgħarraf b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur. Dawn id-drittijiet huma msemmija fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

327    Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif sanċiti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, dan jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 73).

328    Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni x’aktarx, bħala prinċipju, jwassal għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni meta jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑47/10, EU:T:2015:506, punt 349 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

329    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 325 sa 328 iktar ’il fuq jirriżulta li kemm id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huma marbuta ma’ persuni jew impriżi suġġetti għal proċeduri miftuħa jew deċiżjonijiet meħuda kontrihom.

330    Madankollu, fil-kawża odjerna, mill-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkonċerna l-entità suġġetta għall-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, u mhux l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha.

331    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

332    Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdu li ċerta data tista’ tiġi protetta jekk din tkun kunfidenzjali.

333    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-assenza ta’ komunikazzjoni mis-SRB tal-valutazzjoni 2 matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

334    Fl-aħħar, sa fejn, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jinvokaw dritt għall-komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li tali komunikazzjoni sussegwenti ma taqax taħt id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta.

335    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, kif jindikaw ir-rikorrenti, huma ressqu quddiem s-SRB talbiet għall-aċċess għad-dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, li wasslu lis-SRB sabiex jippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar 2018 u mbagħad fil-31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2.

336    Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li, sa fejn ir-rikorrenti la huma destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u lanqas tal-valutazzjoni 2 li tikkostitwixxi anness għaliha u sa fejn huma ma jikkontestawx li l-valutazzjoni 2 tinkludi data kunfidenzjali, huma ma jistgħux isostnu dritt għall-komunikazzjoni ta’ verżjoni sħiħa tal-valutazzjoni 2, u lanqas għall-pubblikazzjoni tagħha.

337    Konsegwentement, it-tieni lment, relatat ma’ ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment, relatat mal-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

338    Fl-ewwel u r-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li hemm ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, minn naħa minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, ksur tad-drittijiet tagħhom ta’ difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, peress li s-SRB ċaħdilhom l-aċċess għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2 fl-intier tagħhom.

339    Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Frar 2021, Ramazani Shadary vs Il-Kunsill, T‑122/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:61, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

340    Hemm lok li jiġi rrilevat li mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ġie miċħud. Mill-analiżi tal-ewwel u tat-tieni lment jirriżulta wkoll li r-rikorrenti ma kellhomx dritt għall-komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew tal-valutazzjoni 2 u lanqas dritt li dawn jiġu ppubblikati.

341    Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan l-ilment relatati mal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, mal-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u mal-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn dawn huma bbażati fuq l-istess argumenti, għandhom jiġu miċħuda.

342    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li s-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fil-11 ta’ Lulju 2017, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti, wara li kellhom aċċess għaliha, setgħu jikkontestaw din l-iskema quddiem il-Qorti Ġenerali permezz tar-rikors odjern.

343    Barra minn hekk, wara l-introduzzjoni tar-rikors odjern u wara d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB imsemmija fil-punt 314 iktar ’il fuq, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri qabel ma ġiet ippreżentata r-replika, verżjonijiet inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2. Ir-rikorrenti għalhekk setgħu jippreżentaw argumenti dwar dawn il-verżjonijiet.

344    Sa fejn ġie kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux stabbilew li l-verżjonijiet tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2, ippubblikati fuq is-sit internet tas-SRB u li kellhom aċċess għalihom, ma kinux motivati biżżejjed, huma ma jistgħux isostnu li aċċess għal verżjoni sħiħa kien meħtieġ għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom tad-difiża jew tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

345    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li titlob lis-SRB jipproduċi kwalunkwe dokument li hija tqis rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew permezz ta’ miżura istruttorja, skont l-Artikoli 91(b) u 92(3), tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, skont l-Artikolu 103(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li ċerta informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti hija kunfidenzjali u b’hekk tiddeċiedi li ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet l-oħra, b’mod partikolari lir-rikorrenti.

346    Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti msemmija fit-talba tar-rikorrenti ma tiggarantixxix aċċess lil dawn tal-aħħar għall-kontenut sħiħ ta’ dawn id-dokumenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li dawn jinkludu data kunfidenzjali.

347    Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, fit-12 ta’ Mejju 2021, permezz ta’ digriet ta’ miżuri istruttorji, talbet lis-SRB sabiex jipproduċi ċerti dokumenti, inklużi verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 u tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. B’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li eżaminat il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi li baqgħu moħbija fil-verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti ppubblikati fis-siti internet tas-SRB u tal-BĊE ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat il-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mill-proċess.

348    Barra minn hekk, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti intiżi li jistabbilixxu ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv għandhom ukoll jiġu miċħuda.

349    Minn naħa, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li skonthom l-osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni hija meħtieġa sabiex id-destinatarji ta’ tali miżuri jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet u sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

350    Fil-fatt, b’differenza mill-miżuri restrittivi li bihom persuna tiġi imposta fuqha miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja (iffriżar ta’ fondi), l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix miżura individwali adottata kontra azzjonisti ta’ Banco Popular u, konsegwentement, kontra r-rikorrenti.

351    Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma hijiex applikabbli f’dan il-każ.

352    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-Bord tal-Appell tas-SRB kien jikkunsidra li, billi ċaħdilhom l-aċċess għall-kontenut essenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u għall-valutazzjonijiet 1 u 2, is-SRB kiser id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

353    Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx għal liema deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, dik tat-28 ta’ Novembru 2017 jew dik tad-19 ta’ Ġunju 2018, huma jirreferu, li ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tidentifika b’mod preċiż l-elementi li tista’ tqis bħala l-bażi għal dan l-argument.

354    Fi kwalunkwe każ, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(3) u l-Artikolu 90(3) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Bord tal-Appell huwa kompetenti li jiddeċiedi dwar appell ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva tas-SRB, adottata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar applikazzjoni għall-aċċess għal dokumenti. Ir-rwol tiegħu huwa li jeżamina jekk is-SRB iġġustifikax b’mod xieraq ir-rifjut tal-aċċess għad-dokumenti fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti f’dan ir-regolament u mhux sabiex jevalwa l-legalità tad-deċiżjonijiet bħall-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2.

355    Fl-aħħar, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

356    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li jifforma parti integrali mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn huwa korollarju, bħal b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li kull parti tingħata possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-każ tagħha, inkluż il-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ sostanzjali meta mqabbla mal-avversarju tagħha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

357    Dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura l-ekwilibriju proċedurali bejn il-partijiet f’kawża, billi jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi u t-trattazzjonijiet quddiem il-qorti kif ukoll id-drittijiet għal azzjoni legali ta’ dawn il-partijiet. Sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, huwa importanti li l-partijiet ikollhom għarfien u jkollhom l-opportunità ta’ trattazzjoni kemm fuq punti ta’ fatt kif ukoll fuq punti ta’ liġi li huma deċiżivi għall-eżitu tal-proċedura (ara sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

358    Madankollu, billi s-SRB ma jikkostitwixxix qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, u peress li għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu d-dritt għal proċess ġust fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Deza vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 213).

359    Konsegwentement, it-tielet ilment relatat ma’ ksur tad-dritt għal rimedju effettiv għandu jiġi miċħud.

360    Minn dan isegwi li l-ewwel u r-raba’motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59

361    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59 u wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinux issodisfatti. Huma jirrilevaw li l-problema ta’ Banco Popular ma kinitx problema ta’ solvenza, iżda problema ta’ likwidità, b’tali mod li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx neċessarja.

362    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, peress li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex ibbażat fuq l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59, dan il-motiv huwa ineffettiv peress li huwa bbażata fuq ksur ta’ dik id-dispożizzjoni.

363    L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni biss jekk iqis li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti:

“(a)      l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)      b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

ċ)      hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.”

364    Dan il-motiv għandu essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għal kull waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

–       Fuq l-ewwel parti, marbuta mal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

365    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi Banco Popular kien qiegħed jesperjenza problema ta’ likwidità, mhux problema ta’ solvenza, ma kinitx f’sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew prevedibbli fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

366    Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta s-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. F’din l-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, ikkunsidra li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni fil-futur qarib li jħallas id-djun tiegħu jew l-obbligi l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

367    Fit-tieni lok, b’ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017, il-bord tad-diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

368    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din il-konklużjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular ma tistax titwarrab bħala irrilevanti minħabba li l-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular aċċettaw, meta ffaċċjati bit-theddida ta’ responsabbiltà personali u li jiġu ssanzjonati mill-BĊE, li jiddikjaraw formalment l-allegat falliment tal-bank fuq talba tas-SRB. Fil-fatt, fl-assenza ta’ kull indizju konkret, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala purament spekulattiv.

369    Fl-ittra tiegħu lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular jirreferi għan-notifika magħmula lill-BĊE skont l-Artikolu 414 tar-Regolament Nru 575/2013 dwar il-ksur tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità u jirreferi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tad-Diretturi tagħha, li tinsab fl-anness, li skontha Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, u għall-informazzjoni u l-analiżi li fuqhom dan tal-aħħar kien ibbaża ruħu sabiex jasal għal dik il-konklużjoni.

370    F’din l-ittra, hemm indikat:

“Skont l-Artikolu 21.4 tal-Liġi 11/2015 u l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1075 [tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1)], Banco Popular nnotifika bil-preżenti li l-kunsill ta’ amministrazzjoni tiegħu evalwa li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li aktarx ser iseħħ.”

371    Fit-tielet lok, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB fakkar il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE u kkonkluda, fl-Artikolu 2.2 li, wara l-evalwazzjoni tal-BĊE, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet ġiet issodisfatta.

372    Għalhekk, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular ġiet ikkonstatata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu, għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) tal-istess artikolu, il-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ jekk din issib ruħha fis-sitwazzjoni li ġejja:

“[L-]-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti”.

373    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-BĊE u lanqas is-SRB ma bbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, skont liema l-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ meta “l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha”.

374    Għaldaqstant, l-insolvenza tal-entità ma hijiex kundizzjoni għall-konstatazzjoni tal-falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 u, għalhekk, ma hijiex kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

375    F’dan ir-rigward, kif jirrileva s-SRB, mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“Id-deċiżjoni li entità tiddaħħal fi proċess ta’ riżoluzzjoni għandha tittieħed qabel ma entità finanzjarja ssir insolventi skont il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa fix-xejn l-ekwità kollha. Riżoluzzjoni għandha tinbeda wara li jiġi determinat li entità qed tfalli jew x’aktarx li se tfalli u li l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat mhi se tipprevjeni tali falliment f’qafas ta’ żmien raġonevoli. [...]”

376    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-insolvenza ta’ Banco Popular ma kinitx l-unika ipoteżi li fiha setgħet titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

377    Billi s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma tirrikjedix li l-entità kkonċernata tkun insolventi, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li juru li Banco Popular kien solventi fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huma ineffettivi. Fil-fatt, il-fatt li entità hija solventi fuq il-karta tal-bilanċ tagħha ma jimplikax li għandha likwidità suffiċjenti, jiġifieri, fondi disponibbli sabiex tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra li jilħqu l-maturità tagħhom.

378    Minn dan jirriżulta wkoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dikjarazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni 1, li Banco Popular kien solventi b’assi netti ta’ iktar minn EUR 8.4 biljun, ma tikkontradixxix il-konstatazzjoni li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Billi din l-aħħar konstatazzjoni tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-BĊE u mhux mill-valutazzjoni 1 jew mill-valutazzjoni 2, l-argument tar-rikorrenti li dawn il-valutazzjonijiet huma kontradittorji fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ solvenza ta’ Banco Popular ukoll huwa ineffettiv.

379    Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jammettu li Banco Popular kellu problemi ta’ likwidità fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huma ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta li Banco Popular kien, fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li Banco Popular fil-futur qarib probabbilment mhux ser ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

380    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li għamel riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, ikkonstata li s-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba ġbid ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijentela. Minn dan huwa ddeduċa li l-bank ma kellux opzjonijiet suffiċjenti sabiex jirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu bil-għan li jiżgura li jkun f’pożizzjoni stabbli sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

381    Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB elenka d-diversi avvenimenti li wasslu, minn Frar 2017, għal deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Is-SRB jirreferi b’mod partikolari għall-pubblikazzjoni, fi Frar 2017, tar-rapport annwali tal-2016 ta’ Banco Popular li ħabbar telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun u l-ħatra ta’ president ġdid, kif ukoll għall-pubblikazzjoni f’Mejju tal-2017, tar‑rapport finanzjarju għall‑ewwel trimestru tal‑2017 li jħabbar ir-riżultati inqas tajbin minn dawk mistennija mis‑suq. Is-SRB rrefera għat-tnaqqis fil-grad ta’ Banco Popular minn diversi aġenziji tal-klassifikazzjoni fi Frar, f’April u f’Ġunju tal-2017. Huwa rrileva wkoll li l-kopertura kontinwa negattiva tal-media dwar ir-riżultati finanzjarji u dwar ir-riskju allegatament imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fil-ħruġ tad-depożiti.

382    Barra minn hekk, is-SRB indika li, fit-12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit għall-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit mill-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 u li Banco Popular ma kienx irnexxilu jirrestawra l-konformità tiegħu ma’ dan il-limitu fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

383    L-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi r-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet tal-likwidità kif ġej:

“L-istituzzjonijiet għandu jkollhom assi likwidi, li s-somma tal-valuri tagħhom tkopri l-ħruġ ta’ likwidità imnaqqas mid-dħul tal-likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli ta’ riżervi ta’ likwidità li jkunu adegwati biex jiffaċċjaw kwalunkwe żbilanċ possibbli bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress kbir fuq perijodu ta’ tletin ġurnata. Waqt żmien ta’ stress, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom biex ikopru l-flussi ‘l barra netti ta’ likwidità tagħhom.”

384    Kif jirrileva s-SRB, dawn l-elementi differenti jinsabu fil-linji gwida tal-EBA, tas-6 ta’ Awwissu 2015 dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (EBA/GL/2015/07) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EBA”).

385    Dawn il-Linji Gwida, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2016, għandhom l-għan li jipprovdu ġabra ta’ elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk entità tkunx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ, skont iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 32(4)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/59. Il-kliem tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

386    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet tal-EBA relatati mal-kompiti li jistgħu jitwettqu minn dawn il-korpi.

387    Skont il-Linji Gwida tal-EBA, istituzzjoni għandha titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59, jekk tikser ir-rekwiżiti regolatorji tal-likwidità, jekk ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom jew jekk ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib.

388    Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Linji Gwida tal-EBA jsemmu, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, kull avveniment sfavorevoli sinjifikattiv li jaffettwa l-iżvilupp tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-istituzzjoni u l-vijabbiltà tal-profil tal-finanzjament tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tosserva r-rekwiżiti minimi tal-likwidità previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u r-rekwiżiti addizzjonali imposti skont l-Artikolu 105 ta’ dan ir-regolament jew kwalunkwe rekwiżit minimu nazzjonali ta’ likwidità; fit-tieni lok, kull żvilupp sfavorevoli sinjifikattiv fl-obbligi attwali u futuri tal-istituzzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom għandha tqis, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ likwidità mistenni u eċċezzjonali, inkluż kwalunkwe sinjal ta’ ġbid massiv ta’ flus potenzjali mill-banek; fit-tielet lok, kull avveniment li jista’ jkun ta’ ħsara serja għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni, b’mod partikolari, kwalunkwe tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha minn aġenzija tal-klassifikazzjoni waħda jew iktar li jirriżulta fi ħruġ sinjifikattiv ta’ kapital jew fl-inkapaċità li jiġġeddu l-finanzjament jew l-attivazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali abbażi ta’ kwalifiki esterni.

389    L-elementi varji kkunsidrati mill-BĊE u mis-SRB u, skont il-Linji Gwida tal-EBA, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ippermettew li jiġi konkluż li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

390    Minn dan isegwi li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta.

391    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, relatata mat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

392    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-każ ta’ problema ta’ likwidità, ma kienx hemm lok li tintuża l-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn kienu jeżistu soluzzjonijiet oħra iktar proporzjonati. L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri kienet tirrestawra l-fiduċja, l-istabbiltà u l-valur ta’ Banco Popular. Għaldaqstant, il-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinitx tkun issodisfatta. L-impossibbiltà li jintużaw miżuri ta’ intervent bikri jew miżuri ta’ natura privata, li kienu jevitaw ir-riżoluzzjoni, ma kinitx tkun iġġustifikata.

393    Fl-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-BĊE, ikkonkluda li ma kienet teżisti l-ebda miżura alternattiva li tista’ tipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

394    B’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 3.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati oħra setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. L-assenza ta’ tali miżuri setgħet tiġi dedotta, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        il-bank innifsu kien irrikonoxxa f’ittra indirizzata lill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017 li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ;

–        il-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx wasslet għal riżultat pożittiv f’terminu li kien jippermetti lill-bank iħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom;

–        ma kienx wisq probabbli li l-bank ikun f’pożizzjoni li jimmobilizza likwidità addizzjonali suffiċjenti permezz ta’ tranżazzjonijiet tas-suq jew operazzjonijiet tal-bank ċentrali, jew permezz ta’ miżuri previsti fil-fond ta’ riżerva tiegħu u l-pjanijiet tiegħu ta’ stimolu fit-termini neċessarji;

–        assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tad-deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità.

395    Barra minn hekk, fl-Artikolu 3.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, imsemmija fil-punt 287 iktar ’il fuq, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jistgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular.

396    Fl-Artikolu 3.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, jipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular fi żmien raġonevoli. B’mod partikolari, is-SRB kkunsidra li, peress li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ minħabba l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ fondi proprji ma kinux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni ta’ likwidità tal-bank.

397    Minn dan jirriżulta li s-SRB iġġustifika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-raġunijiet għaliex miżuri prudenzjali alternattivi, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jew miżuri ta’ natura privata ma kinux prevedibbli. Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument ta’ natura li jpoġġi f’dubju din il-konklużjoni.

398    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienet teżisti soluzzjoni prudenzjali li tipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li tirriżulta mill-assistenza ta’ likwidità b’urġenza awtorizzata mill-Bank ta’ Spanja u l-BĊE, fil-5 ta’ Ġunju 2017, li kienet tkun tippermetti li jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

399    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fis-6 ta’ Ġunju 2017, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE kkunsidra li, filwaqt li l-Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali matul il-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, il-portata tal-influssi ta’ dħul imwettqa u li għadhom mistennija ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat id-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fid-data ta’ din il-valutazzjoni. Il-BĊE indika li, anki bl-użu tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma oġġezzjonax fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li tissodisfa l-obbligi tagħha sa mhux iktar tard mis-7 ta’ Ġunju 2017.

400    Fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB kkonstata li Banco Popular kien irċieva assistenza ta’ likwidità urġenti fil-5 ta’ Ġunju 2017, wara l-assenza ta’ oġġezzjoni mill-BĊE, iżda li l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdilu assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali.

401    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, f’ittra tal-5 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ta’ Spanja talab lill-BĊE l-qbil tiegħu għall-assistenza ta’ likwidità urġenti lil Banco Popular sabiex jaffaċċja l-kriżi severa ta’ likwidità li kien qiegħed ibati minnha. Issa, fl-istess jum, il-Bank ta’ Spanja bagħat ittra ġdida lill-BĊE li tinkludi talba għal estensjoni tal-assistenza ta’ likwidità urġenti favur Banco Popular, wara li dan tal-aħħar kien informah bil-movimenti ta’ likwidità estremament kbar. Dawn iż-żewġ ittri mibgħuta lill-BĊE fl-istess jum juru l-ħeffa li biha ddeterjorat is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

402    B’hekk, is-SRB ikkonstata, fl-Artikolu 3.2(d) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li assistenza ta’ likwidità urġenti kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tal-ħeffa tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

403    Hemm lok li jiġi rrilevat li, il-jum ta’ wara din l-ewwel assistenza ta’ likwidità urġenti, jiġifieri fis-6 ta’ Ġunju 2017, minħabba l-portata u l-ħeffa tal-ġbid tal-likwidità, il-BĊE u l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Banco Popular kkonkludew li l-bank ma kienx għadu f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra bi skadenza fis-7 ta’ Ġunju. B’hekk, ladarba ġie kkonstatat il-falliment ta’ Banco Popular, ma kinitx iktar prevedibbli assistenza ta’ likwidità urġenti.

404    Barra minn hekk, kif isostni s-SRB, huwa ma għandu l-ebda rwol fl-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità urġenti li taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali.

405    Għaldaqstant, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ma setax ma jikkonstatax, minn naħa, li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew prevedibbli ta’ Banco Popular, kien qies li l-assistenza ta’ likwidità urġenti li kien approva ma kinitx ippermettiet li tissolva l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, li l-Bank ta’ Spanja ma kien ipprovda l-ebda assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali lil Banco Popular.

406    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, assistenza ta’ likwidità urġenti ma kinitx tikkostitwixxi miżura alternattiva għar-riżoluzzjoni.

407    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-għoti tal-ammont sħiħ tal-assistenza ta’ likwidità urġenti inizjalment awtorizzat mill-BĊE kien jippermetti lil Banco Popular li tissodisfa l-ħtiġijiet immedjati tagħha ta’ likwidità sabiex timplimenta miżuri oħra ta’ natura privata, bħall-bejgħ ta’ assi.

408    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn ġie kkonstatat li Banco Popular ma setax jibbenefika minn assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali, il-bejgħ tal-assi msemmija mir-rikorrenti, sa fejn dawn kienu jkunu subordinati għall-għotja ta’ dik l-assistenza, għalhekk ma kinux miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni.

409    Fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jidhru li ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-6 ta’ Ġunju 2017, id-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien tali li kellhom jiġu adottati miżuri urġenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrewx li l-miżuri alternattivi invokati minnhom, li jikkonsistu f’bejgħ ta’ assi, bħall-bejgħ ta’ Totalbank jew ta’ WiZink, setgħu jsiru f’terminu pjuttost qasir sabiex jippermettu lil Banco Popular isib likwidità suffiċjenti sabiex jissodisfa l-impenji tiegħu fis-7 ta’ Ġunju 2017.

410    Kif jenfasizza s-SRB, dan il-bejgħ tal-assi, li kien biss fi stadju preparatorju, ma setax jiġi konkluż qabel diversi ġimgħat. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt, kif isostnu r-rikorrenti, li kellha tingħata assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali lil Banco Popular sal-21 ta’ Ġunju 2017, tali bejgħ ma setax jiġi konkluż f’dak it-terminu.

411    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-BĊE qies li ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u li kienet tiżguralu żmien suffiċjenti sabiex tiġi implimentata tranżazzjoni ta’ impriża jew soluzzjoni oħra.

412    Barra minn hekk, il-President ta’ Banco Popular, meta ħabbar f’April tal-2017 it-tnedija ta’ proċedura ta’ bejgħ privat tal-bank sabiex jiġu affaċċjati r-riskji ta’ falliment, effettivament irrikonoxxa li l-bejgħ tal-assi ma kienx għadu jikkostitwixxi miżuri suffiċjenti sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet ta’ Banco Popular.

413    Fl-aħħar, ir-rikorrenti ma jispjegawx, anki jekk jiġi preżunt li dan il-bejgħ tal-assi seta’ jsir f’terminu suffiċjentement qasir sabiex tiġi ġġenerata likwidità ġdida, kif tali miżuri setgħu jillimitaw l-irtirar ta’ depożiti u, għalhekk, iwaqqfu l-ħarbiet tal-likwidità u jistabbilixxu mill-ġdid l-vijabbiltà ta’ Banco Popular.

414    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li miżuri oħra ta’ natura privata kienu jsolvu l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw żewġ ittri li fihom il-Barclays Bank u d-Deutsche Bank indikaw, fit-3 u fil-5 ta’ Ġunju 2017, li kienu lesti jiżguraw żieda fil-kapital ta’ Banco Popular ta’ EUR 4 biljun. Skont ir-rikorrenti, kien possibbli li tiġi posposta l-iskema ta’ riżoluzzjoni sa tmiem il-ġimgħa wara s-7 ta’ Ġunju 2017, sa fejn is-SRB seta’ jagħti self lil Banco Popular permezz tas-SRF, fuq il-bażi tal-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li jippermettulha żżomm sal-għeluq tas-swieq nhar il-Ġimgħa.

415    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ittri msemmija mir-rikorrenti ma fihom l-ebda impenn definittiv mill-Barclays Bank jew mid-Deutsche Bank sabiex jipparteċipaw f’żieda fil-kapital ta’ Banco Popular, iżda jirriflettu sempliċi diskussjonijiet dwar żieda potenzjali fil-kapital fil-futur. Dawn l-ittri jirrivelaw li, fid-data meta ntbagħtu, il-proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ Banco Popular kien għadu biss fi stadju ta’ żvilupp bikri ħafna.

416    Pereżempju, fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, il-Barclays Bank jagħmel riferiment biss għal diskussjonijiet riċenti dwar żieda fil-kapital li l-għan tiegħu kien, għall-Banco Popular, li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu ta’ proviżjonament addizzjonali tiegħu u li jikseb livelli ta’ kapital sinjifikattivament ogħla, sabiex jittaffew l-isfidi li jirriżultaw minn espożizzjoni partikolari għall-proprjetà immobbli u assi oħra mhux produttivi li kellu jaffaċċja. B’hekk, f’din l-ittra, minn naħa, xejn ma jindika li l-Barclays Bank kien dispost jipparteċipa f’din iż-żieda fil-kapital u, min-naħa l-oħra, dan tal-aħħar ma jsemmix il-kriżi ta’ likwidità li kien affaċċjat biha Banco Popular u ma tipproponi l-ebda soluzzjoni intiża li tirrimedjaha.

417    Fl-ittra tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, Deutsche Bank jagħmel riferiment biss għall-interess tiegħu li jiżgura 50 % ta’ żieda fil-kapital possibbli ta’ EUR 4 biljun. Id-Deutsche Bank jindika biss li “ovvjament hemm ċerti kundizzjonijiet, iżda [li] l-ittra hija bbażata fuq il-konvinzjoni tagħna li f’ċirkustanzi li naħsbu li jistgħu realistikament jiġu ssoddisfatti, tista’ tinkiseb żieda [kapitali] li tistabbilizza l-bank”. Għalhekk, din l-ittra ma tistax tiġi interpretata bħala li tinkludi impenn definittiv mingħand Deutsche Bank u ma tikkonċernax soluzzjoni intiża li ssolvi l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

418    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-preżunzjoni purament teoretika li dawn iż-żidiet fil-kapital setgħu jitwettqu f’terminu suffiċjentement qasir sabiex jippermettu assistenza ta’ likwidità ftit jiem wara s-7 ta’ Ġunju. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx kif din iż-żieda fil-kapital setgħet twaqqaf il-ħarbiet ta’ depożiti u tirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fit-tul.

419    Fir-rigward tal-argument dwar il-possibbiltà li s-SRF jagħti self lil Banco Popular, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, fil-kuntest tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, meta jintużaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ juża s-SRF biss sa fejn kien meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet, b’mod partikolari, li jagħti self lill-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Minn dan kollu jirriżulta ċar li din il-possibbiltà tista’ tiġi prevista biss fil-qafas ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni u fl-ebda każ ma tikkostitwixxi miżura alternattiva għaliha.

420    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-sostituzzjoni tal-membri tal-korp governattiv ta’ Banco Popular mill-BĊE kienet tkun effettiva sabiex issolvi l-kriżi tal-likwidità billi twassal immaġni ta’ fiduċja lis-swieq, lill-klijenti u lill-kredituri tal-bank.

421    Anki jekk jiġi preżunt li s-sostituzzjoni tad-diretturi ta’ Banco Popular tista’ tirrestawra l-immaġni ta’ fiduċja tal-bank, din ma tistax titqies bħala soluzzjoni alternattiva li kienet tippermetti li titwaqqaf immedjatament il-ħarbiet tad-depożiti jew li tiġi pprovduta l-likwidità meħtieġa għall-ġbid ulterjuri ta’ depożiti, u b’hekk tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular f’terminu qasir.

422    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment attwali jew prevedibbli ta’ Banco Popular, il-BĊE qies li l-miżuri li kienu disponibbli għalih bħala awtorità superviżorja, fosthom dawk previsti fl-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 li jippermettu, b’mod partikolari, it-tkeċċija tad-direzzjoni ġenerali u tal-korp ta’ direzzjoni tal-bank, ma setgħux jiżguraw li l-Banco Popular kien ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-firxa u r-ritmu tad-deterjorament osservat tal-likwidità.

423    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-miżuri alternattivi li kienu jiddependu fuqhom setgħu jerġgħu jistabbilixxu l-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fi żmien qasir biżżejjed u għalhekk ma wrewx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kinux jeżistu miżuri alternattivi għar-riżoluzzjoni li jistgħu jipprekludu l-falliment attwali jew prevedibbli ta’ Banco Popular fis-6 ta’ Ġunju 2017.

424    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-BĊE u s-SRB kienu ddeċidew li jbiegħu Banco Popular lil Banco Santander minn Mejju 2017, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa ineffettiv fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 u li, min-naħa l-oħra, dan l-argument huwa purament spekulattiv.

425    Minn dan isegwi li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta.

426    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet parti, relatata mat-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014

427    Ir-rikorrenti jsostnu li l-interess pubbliku ma kienx jeħtieġ l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni sa fejn kien hemm miżuri iktar proporzjonati li kienu jippermettu li tiġi rrimedjata l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular filwaqt li tiġi evitata l-konfiska tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti, u għalhekk, li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

428    Jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 18(5) tar-Regolament 806/2014 jipprovdi li, għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, permezz ta’ mezzi proporzjonati, għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti dan sal-istess punt.

429    L-għanijiet ta’ riżoluzzjoni, elenkati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, huma dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti koperti kif ukoll l-investituri; li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

430    L-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 timplika li jiġi vverifikat li l-għanijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament jintlaħqu aħjar permezz ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni milli permezz tal-istralċ tal-entità.

431    F’dan il-każ, fl-Artikolu 4.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonkluda li r-riżoluzzjoni fil-forma tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) u 5 tar-Regolament Nru 806/2014.

432    Fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB nnota li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju, inkluż għall-infrastrutturi tas-suq, u tinżamm id-dixxiplina tas-suq. Huwa indika li l-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet sal-istess punt. Sussegwentement, is-SRB, fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, wettaq analiżi fid-dawl tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni, filwaqt li qies iċ-ċirkustanzi eżistenti f’dik id-data.

433    B’mod partikolari, fl-Artikolu 4.4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB spjega li kien ikkonkluda li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet qiegħda twassal għal riskju dejjem ikbar ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja, filwaqt li bbaża ruħu fuq diversi elementi. Fost dawn l-elementi kien hemm, fl-ewwel lok, id-daqs u l-importanza ta’ Banco Popular, li jikkostitwixxi l-kumpannija omm tas-sitt grupp bankarju ta’ Spanja, b’ammont totali ta’ assi ta’ EUR 147 biljun, u li ġiet indikata fl-2017 mill-Bank ta’ Spanja bħala istituzzjoni ta’ importanza sistematika. Is-SRB irrileva b’mod partikolari li Banco Popular kien wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq fi Spanja, b’sehem sinjifikattiv mis-suq fis-segment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li kellu sehem relattivament għoli mis-suq tad-depożiti (kważi 6 %) u għadd kbir ta’ klijenti konsumaturi (madwar 1.4 miljun) madwar Spanja. Fit-tieni lok, is-SRB qies in-natura tal-operat ta’ Banco Popular, li kien imsejjes fuq attivitajiet bankarji kummerċjali u kien jiffoka prinċipalment fuq l-offerta tal-finanzjament, il-ġestjoni tat-tfaddil u s-servizzi lill-individwi, lill-familji u lin-negozji (speċjalment s-SMEs). Skont is-SRB, ix-xebh tal-mudell kummerċjali ta’ Banco Popular ma’ dak ta’ banek kummerċjali Spanjoli oħra jista’ jikkontribwixxi għall-potenzjal ta’ kontaġju indirett għal dawn il-banek, li jista’ jitqies li qiegħed jaffaċċja l-istess diffikultajiet.

434    Minn dan jirriżulta li s-SRB spjega sa liema punt ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet tindirizza, b’mod partikolari, l-għan ta’ interess ġenerali intiż li jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari, billi jiġi limitat l-effett ta’ kontaġju.

435    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat espressament li hija taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari mar-raġunijiet li kien ressaq s-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 806/2014.

436    L-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw l-evalwazzjoni tas-SRB dwar l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

437    Ir-rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet sproporzjonata fid-dawl tal-miżuri alternattivi għall-bejgħ ta’ Banco Popular msemmija fl-argumenti tagħhom relatati mat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, liema miżuri kienu jippermettu li tissolva l-kriżi ta’ likwidità mingħajr ma jagħmlu ħsara lid-dritt tagħhom għall-proprjetà. B’dan l-argument, ir-rikorrenti fil-verità jikkontestaw il-proporzjonalità tal-miżura ta’ riżoluzzjoni meta mqabbla mal-miżuri alternattivi invokati fir-rigward tal-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom.

438    Permezz ta’ argument ieħor, invokat fir-replika, huma żiedu li s-SRB ma spjegax għaliex l-għodda tal-bejgħ tal-operat kienet l-aħjar soluzzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni meta mqabbla ma’ għodod oħra tar-riżoluzzjoni previsti fir-Regolament Nru 806/2014.

439    Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ma jallegawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tissodisfax l-għanijiet ta’ interess pubbliku previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, immirati sabiex jipproteġu l-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja.

440    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi li dawn l-għanijiet kienu jintlaħqu bl-istess mod kieku Banco Popular ġie stralċjat skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Il-proporzjonalità tal-miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-miżuri alternattivi jew għodda oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fir-Regolament Nru 806/2014 ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

441    Minn dan isegwi li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

442    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-tielet parti u, għalhekk, il-ħames motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prudenza fis-settur bankarju

443    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi ma implimentax miżuri ta’ intervent bikri, il-BĊE, f’koordinazzjoni mas-SRB, kiser il-prinċipju ta’ prudenza fis-settur bankarju, billi l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri kienet tippermetti li tiġi evitata l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri kienet tippermetti li tiġi evitata l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular li ġġustifikat l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-bejgħ ta’ Banco Popular lil parti terza. Huma jqisu li l-implimentazzjoni ta’ tali miżuri kienet tibdel il-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew setgħet tevita l-adozzjoni tagħha.

444    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li dan il-motiv sa fejn huwa dirett kontra l-BĊE, minħabba li ma adotta l-ebda miżura ta’ intervent bikri, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan tal-aħħar ma huwiex parti fil-kawża preżenti.

445    Min-naħa l-oħra, b’dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ prudenza fis-settur bankarju. Fir-rikors u waqt is-seduta, huma argumentaw li dan il-prinċipju jirriżulta mill-prinċipju ta’ prekawzjoni applikabbli fil-qasam tal-ambjent.

446    Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, minkejja li l-Artikolu 191(2) TFUE jipprovdi li l-politika ambjentali hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni, dan il-prinċipju huwa maħsub ukoll sabiex japplika fil-kuntest ta’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem skont il-politika agrikola komuni jew il-politika tas-suq intern (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

447    Dan il-prinċipju jimplika li, meta jkun hemm inċertezza dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-persuni, jistgħu jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni qabel ma r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jiġu stabbiliti kompletament (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2019, Blaise et, C‑616/17, EU:C:2019:800, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 80).

448    Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx kif il-prinċipju ta’ prekawzjoni, kif iddefinit mill-ġurisprudenza, japplika fis-settur bankarju.

449    Għalhekk huwa xieraq li jiġi eżaminat dan il-motiv sa fejn ir-rikorrenti jallegaw li s-SRB ma adotta l-ebda miżura ta’ intervent bikri li setgħet tippermetti li tiġi evitata l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jargumentaw li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ miżuri oħra previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014, fir-Regolament Nru 1024/2013 u fl-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 kienet tevita l-kriżi kkawżata mir-riżoluzzjoni. Huma jsostnu li, fix-xhur ta’ qabel ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, is-SRB ma adotta l-ebda miżura effettiva u ħalla s-sitwazzjoni tiddeterjora, li wassal għar-riżoluzzjoni ta’ bank solventi minħabba problema ta’ likwidità.

450    Ir-rikorrenti jelenkaw ċerti miżuri ta’ intervent bikri li kienu jkunu xierqa għall-każ ta’ Banco Popular u li, fil-fehma tagħhom, kienu jippermettu li jirrimedjaw id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-bank. Huma jinvokaw id-diviżjoni tal-bank f’bank tajjeb u bank ħażin, l-amministrazzjoni provviżorja u s-sostituzzjoni tal-Bord tad-Diretturi, il-monitoraġġ tal-pożizzjoni ta’ likwidità u l-limitazzjoni rapida tad-dejn, l-għoti ta’ likwidità sabiex jiġi ffrankat il-ħin sabiex tkun tista’ ssir proċedura ta’ bejgħ kompetittiva u, fl-aħħar, in-negozjati ta’ aġġustament finanzjarju mal-kredituri.

451    Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-adozzjoni minn qabel ta’ miżura ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, l-Artikolu 27(1) jew l-Artikoli 28 jew 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36 ma hijiex kundizzjoni sabiex tittieħed miżura ta’ riżoluzzjoni.

452    Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014 dwar miżuri ta’ intervent bikri jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-BĊE jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jinformaw lis-SRB b’kull miżura li jeħtieġu lil istituzzjoni jew grupp jieħdu jew li jieħdu huma stess skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, l-Artikolu 27(1) jew l-Artikolu 28 jew 29 tad-Direttiva 2014/59, jew l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36.

453    Minn dan jirriżulta, kif jirrileva s-SRB, sostnut minn Banco Santander u mir-Renju ta’ Spanja, li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma taqax taħt il-kompetenza tiegħu iżda taħt il-kompetenza tal-BĊE u tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

454    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx fuq liema bażi legali s-SRB seta’ adotta dawn il-miżuri.

455    Għaldaqstant, billi s-SRB ma huwiex kompetenti sabiex jadotta l-miżuri elenkati mir-rikorrenti, dawn tal-aħħar ma jistgħux jallegaw li huwa ma addottahomx qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

456    Fl-aħħar, kif isostni s-SRB, sostnut mill-Kummissjoni, l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha titqies ġustifikata sakemm il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 806/2014 jkunu issodisfatti, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament. Iċ-ċirkustanza li setgħu ġew adottati miżuri fuq bażi preventiva, sabiex jiġu rrimedjati d-diffikultajiet ta’ Banco Popular, hija ineffettiva għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ġaladarba huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti fid-data tal-adozzjoni tiegħu.

457    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa bbażat fuq allegazzjonijiet purament spekulattivi u mhux sostanzjati li, kieku ġew adottati miżuri ta’ intervent bikri jew miżuri preventivi oħra, il-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet tiġi evitata, u l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tkun neċessarja jew kien ikollha kontenut differenti.

458    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ressqu offerta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura rigward żewġ artikli għall-istampa, ippubblikati fuq l-internet fis-27 ta’ Mejju 2021, li jsemmu emails tal-President tal-FROB lis-SRB dwar dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB waqt intervista mal-istazzjon televiżiv Bloomberg u min-naħa l-oħra, huma talbu lil-Qorti Ġenerali tordna lis-SRB jipproduċi dawn l-emails abbażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn id-dokumenti, intiżi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ żvelar u l-influwenza li dak l-iżvelar kellu fuq it-telf ta’ likwidità ta’ Banco Popular, isostnu s-sitt motiv tagħhom. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-punt 83 tar-rikors, fejn huma ddikjaraw li d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB ikkawżaw il-paniku fost il-klijenti ta’ Banco Popular u wasslu sabiex jonqos il-valur tal-istokk fis-suq tagħha, u li dan l-“aġir [kien] inkompatibbli mal-idea ta’ prudenza l-iktar elementari”.

459    Madankollu, minn din is-sentenza unika fil-punt 83 tar-rikors ma jistax jiġi dedott li r-rikorrenti qajmu, f’dan il-motiv, argumenti intiżi li jikkritikaw lis-SRB għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tiegħu. Minn naħa, mit-titolu ta’ dan il-motiv fir-rikors u mill-argumenti mqajma jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti kienu jikkritikaw biss lis-SRB talli ma adottax miżuri oħra, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, li kien jippermetti li tiġi evitata l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jiżviluppaw l-ebda argument dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB u, b’din is-sentenza, ma jispjegawx liema dispożizzjoni jew prinċipju kienu nkisru mis-SRB. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma żviluppaw l-ebda argument dwar dan il-punt fis-sitt motiv fl-istadju tar-replika.

460    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, sa fejn għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB, l-artikli għall-istampa pprovduti mir-rikorrenti u l-emails tal-President tal-FROB li qiegħdin jitolbu l-produzzjoni tagħhom fl-ittra tagħhom tat-28 ta’ Mejju 2021 ma humiex rilevanti.

461    Konsegwentement, hemm lok li s-sitt motiv jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

462    Ir-rikorrenti jsostnu li ċirkustanzi differenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu ta’ natura li jistabbilixxu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fil-fatt li Banco Popular ma kienx ser ikun suġġett għal riżoluzzjoni.

463    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jimplika li assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ingħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lil kwalunkwe parti f’kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni, billi tawha assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi ġġustifikati (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

464    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jifforma parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma fis-seħħ ta’ sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan b’mod speċjali f’qasam bħal dak tal-għajnuna mill-Istat lill-banek, li jinvolvi aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

465    Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni ta’ bank suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punti 181 u 182). Fil-fatt, fis-settur bankarju, kif tirrileva l-Qorti Ġenerali, minħabba l-adattament kostanti b’reazzjoni għall-bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika, l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità ma jistgħux jippretendu li għandhom xi aspettattiva leġittima fil-fatt li din l-entità ma ssibx ruħha fil-futur f’sitwazzjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni. Lanqas ma jistgħu jippretendu li s-SRB ikun f’pożizzjoni li jipprovdihom b’assigurazzjoni li bank, li jkun meħtieġ jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, ma jkunx is-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

466    Ir-rikorrenti, bħala azzjonisti jew kredituri ta’ Banco Popular, ma jistgħux għalhekk isostnu li s-SRB kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

467    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

468    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi bbażati fuq il-premessa 13 tar-Regolament Nru 806/2014 li tipprovdi li “[b]iex jinkisbu lura l-fiduċja u l-kredibilità fis-settur bankarju, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħalissa qed iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ tal-banek kollha sorveljati direttament” u li “[t]ali valutazzjoni għandha tassigura lill-partijiet interessati kollha li l-banek li jidħlu fs-SSM [MSU], u li għaldaqstant jidħlu fl-ambitu tas-SRM, huma fundamentalment sodi u affidabbli”. Il-BĊE għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu, f’kooperazzjoni mas-SRB, bil-għan li jiggarantixxi s-solvenza u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għas-superviżjoni tiegħu.

469    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din il-premessa fir-Regolament Nru 806/2014 hija marbuta mal-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE fil-kuntest tat-twaqqif tal-MSU. Jekk jitqies, kif jagħmlu r-rikorrenti, li kwalunkwe bank li huwa suġġett għas-sorveljanza tal-BĊE huwa definittivament iggarantit bħala “tajjeb u affidabbli,” u mhux ser ikun suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni, dan iwassal sabiex ir-Regolament Nru 806/2014 jiġi mċaħħad minn kull effett utli.

470    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw ir-riżultati tat-testijiet ta’ reżistenza ta’ Banco Popular tal-2014 u tal-2016 kif ukoll ir-riżultati tal-proċess ta’ kontroll u ta’ evalwazzjoni prudenzjali (Supervisory Review and Evaluation Process, SREP) ta’ Novembru 2016, imwettaq mill-BĊE, sabiex isostnu aspettattiva raġonevoli li l-istituzzjoni kienet stabbli u solventi u li ma kien hemm l-ebda riskju li jkun suġġett għal riżoluzzjoni.

471    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-elementi invokati mir-rikorrenti jikkonċernaw is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular f’data partikolari, li hija diversi xhur qabel id-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’hekk, it-test ta’ reżistenza tal-2016 ta’ Banco Popular ġie ppubblikat f’Lulju tal-2016 u r-riżultati tas-SREP ta’ Novembru 2016 imwettqa mill-BĊE ġew datati l-31 ta’ Diċembru 2015. Dawn l-elementi ma jistgħux jitqiesu bħala li jagħtu indikazzjonijiet dwar l-iżvilupp finanzjarju futur ta’ Banco Popular. Dawn ma jistgħux jitqiesu li jagħtu lir-rikorrenti aspettattiva leġittima li Banco Popular ma hijiex sejra tkun fil-futur f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular iddeterjorat wara dawn ir-riżultati, minn Frar 2017. B’mod partikolari, jeħtieġ li jitfakkar li, fit-12 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ma kienx għadu jissodisfa r-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet ta’ likwidità minima meħtieġa. Fi kwalunkwe każ, dawn l-elementi ma jistgħux jikkostitwixxu garanziji preċiżi, inkondizzjonali u konkordanti li joriġinaw minn istituzzjoni tal-Unjoni li Banco Popular mhux ser ikun suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni fil-futur.

472    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-BĊE awtorizza, fl-2017, il-ħlas lura parzjali ta’ ħruġ ta’ dejn subordinat ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 400 000. Huma jqisu li kwalunkwe investitur razzjonali kien jemmen li, kieku Banco Popular kellu problemi ta’ solvenza jew likwidità, il-BĊE kien jopponi din il-miżura.

473    Madankollu, minn naħa, dawn il-fatti ma jikkostitwixxux assigurazzjonijiet preċiżi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 463 iktar ’il fuq, li joriġinaw mis-SRB, dwar is-sodezza finanzjarja ta’ Banco Popular. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex dawn il-fatti kienu ta’ natura li jagħtu lil kwalunkwe investitur infurmat aspettattivi leġittimi fis-solvenza jew fis-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, filwaqt li dawn l-investituri ma setgħux jinjoraw il-fatt li s-sitwazzjoni tal-bank iddeterjorat bil-ħeffa ftit xhur qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’hekk, il-pubblikazzjoni, fit-3 ta’ Frar 2017 tar-Rapport Annwali tal-2016 ta’ Banco Popular, dik tal-5 ta’ Mejju 2017, tar-rapport finanzjarju għall-ewwel tliet xhur tal-2017 kif ukoll id-deterjorament fil-klassifikazzjoni tagħha, kienu elementi magħrufa mill-investituri li kienu jirrilevaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, bejn ix-xhur ta’ Frar u ta’ Mejju 2017, Banco Popular irċieva kopertura estensiva mill-media li rrappurtaw id-deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu.

474    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-assenza ta’ implimentazzjoni mis-SRB u mill-BĊE ta’ miżuri ta’ intervent bikri kienet b’mod leġittimu wasslithom sabiex jemmnu li Banco Popular ma kienx ser ikun suġġett malajr għal miżura ta’ riżoluzzjoni.

475    Huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-adozzjoni minn qabel ta’ miżuri ta’ intervent bikri ma hijiex kundizzjoni sabiex tittieħed miżura ta’ riżoluzzjoni, li r-rikorrenti jirrikonoxxu b’mod espliċitu fir-replika. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma setgħu jisiltu l-ebda konsegwenza mill-assenza ta’ miżuri bħal dawn.

476    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li kellhom garanziji li joriġinaw mis-SRB dwar il-fatt li ma kienx sejjer jadotta skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular. Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li l-azzjonisti ta’ Banco Popular ma kellhomx l-assigurazzjoni li, fost il-miżuri ta’ riżoluzzjoni adottati mis-SRB, xi wħud minnhom ma kinux tali li jaffettwaw l-investimenti tagħhom.

477    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċiti fl-Artikoli 17 u 52 tal-Karta

478    Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ċċaħħad b’mod sproporzjonat lill-azzjonisti ta’ Banco Popular mid-drittijiet għall-proprjetà tagħhom bi ksur tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta.

479    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom kien sproporzjonat fid-dawl tal-għan tal-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja segwit mis-SRB. Huma jsostnu li, bl-iskuża tal-protezzjoni tal-interess pubbliku u tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, is-SRB ċaħħad lill-azzjonisti ta’ Banco Popular mid-dritt għall-proprjetà tagħhom b’mod assolut, fatt li juri li r-rekwiżit tal-proporzjonalità ma ġiex issodisfatt. Huma jsostnu, essenzjalment, li kienu jeżistu miżuri inqas onerużi minn dawk adottati fl-iskema ta’ riżoluzzjoni u li dawn tal-aħħar ċaħħduhom mid-dritt għall-proprjetà tagħhom mingħajr ma nstemgħu minn qabel u mingħajr ma tħallsu l-ebda kumpens.

480    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jitfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjeta' u ta’ proporzjonalità', anness mat-Trattat tal-UE u mat-Trattat FUE.

481    L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

482    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex prerogattiva assoluta u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 69 u 70 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85, u tat-23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 100).

483    Minn dan jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut, iżda li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 205 iktar ’il fuq, jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet jekk dawn ikunu previsti mit-testi applikabbli, meħtieġa sabiex jintlaħaq għan ġenerali u proporzjonali għal dak l-għan.

484    Ir-rikorrenti jammettu li d-dritt għall-proprjetà tagħhom huwa suġġett għal limitazzjonijiet u ma jikkontestawx li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti lis-SRB l-possibbiltà li jiddeċiedi dwar il-konverżjoni u l-iżvalutazzjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata fil-kuntest tar-riżoluzzjoni.

485    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li minn naħa, mill-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, mill-premessa 62 tal-istess regolament li l-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà ma għandux ikun sproporzjonat.

486    Skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni, l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf.

487    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-azzjonisti tal-bank, li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli għall-istatus tal-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, dawn tal-aħħar jassumu totalment ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 73).

488    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, peress li l-azzjonisti huma responsabbli għad-djun tal-bank sal-ammont tal-kapital azzjonarju ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, sa mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ( “il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1) jirrikjedu li, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kapital ta’ bank, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn l-azzjonisti għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi assorbit it-telf subit minn dan il-bank bl-istess mod bħal fl-assenza ta’ tali għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li jaffettwa d-dritt tagħhom ta’ proprjetà (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 74).

489    Hemm lok li jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti kapitali ta’ Banco Popular, li kienu miżmuma mir-rikorrenti, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa l-konsegwenza tal-fatt li l-azzjonisti ta’ entità għandhom iġorru r-riskji inerenti fl-investimenti tagħhom u tal-fatt li, minħabba li l-entità hija suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni minħabba l-falliment tagħha, huma għandhom iġorru l-konsegwenzi ekonomiċi.

490    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li miżura li tikkonsisti fit-tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ bank Ċiprijott kienet proporzjonata mal-għan segwit minn dik il-miżura. Qabelxejn, hija rrilevat li din il-miżura kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni tal-bank, u li kienet kapaċi tikkontribwixxi għall-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Sussegwentement, hija kkonstatat li din il-miżura ma qabżitx il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dan l-għan, peress li alternattivi inqas restrittivi ma kinux fattibbli jew ma kinux jippermettu l-kisba tar-riżultati mistennija. Finalment, qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-għan segwit, il-miżura ma kinitx toħloq inkonvenjenzi sproporzjonati. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-azzjonisti tal-banek jassumu bis-sħiħ ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 330).

491    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank kien jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 331).

492    Fil-każ preżenti, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħhom kien sproporzjonat peress li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma kinitx mhedda fid-dawl tas-solvenza ta’ Banco Popular, tas-sitwazzjoni ekonomika fi Spanja u tal-prospetti ta’ tkabbir tal-ekonomija Spanjola. Huma jsostnu li l-kriżi ta’ likwidità li taffettwa lil Banco Popular ma wasslitx għal tnaqqis tal-prezzijiet tal-azzjonijiet jew għal trasferiment ta’ depożiti lejn istituzzjonijiet finanzjarji Spanjoli oħra, li għalhekk din kienet problema li taffettwa istituzzjoni finanzjarja u li ma kien ikun hemm l-ebda effett ta’ kontaġju.

493    B’dan l-argument, ir-rikorrenti jfittxu li jpoġġu f’dubju l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ falliment ta’ Banco Popular ikkawżat effett ta’ kontaġju u kien hemm riskju li twassal għal effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja.

494    Hemm lok li jitfakkar li, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u, għalhekk, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fodni proprji kienu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi li falliment tal-istituzzjoni ikollu fuq l-istabbiltà finanzjarja u, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat l-effett ta’ kontaġju fuq il-banek Spanjoli l-oħra.

495    Minn naħa, jeħtieġ jitfakkar li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fiż-żmien tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u l-paragrafu 4(c) tar-Regolament Nru 806/2014. Konsegwentement, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-bank kien ta’ solventi hija irrilevanti.

496    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jispjegawx kif is-sitwazzjoni ekonomika fi Spanja kienet ippermettit li jiġi evitat l-effett ta’ kontaġju li kien iwassal għalih il-falliment ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument ta’ natura li jikkontesta l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB fl-Artikolu 4.4.2, tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, imsemmija fil-punt 433 iktar ’il fuq, li skonthom, minħabba l-importanza sistemika tiegħu u n-natura tal-attività tiegħu, falliment ta’ Banco Popular kien jikkawża effett ta’ kontaġju fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji Spanjoli b’mudell kummerċjali simili u, konsegwentement, effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja.

497    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 211 iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni u li l-falliment ta’ bank sistemiku wieħed jew iktar jista’ jinfirex malajr għal banek oħra fl-Istat Membru kkonċernat, jew fi Stati Membri oħra.

498    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih id-depożitanti mal-banek ikkonċernati kienu jkunu esposti fil-każ ta’ fallimenti ta’ dawn tal-aħħar, ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà jistgħu jiġu ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 74).

499    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91, u tat-8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54).

500    Ir-rikorrenti jsostnu li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), ma hijiex applikabbli, peress li din il-kawża kienet tikkonċerna s-sistema finanzjarja kollha ta’ Stat Membru mhedded minn kriżi sistemika, filwaqt l-kawża ineżami tikkonċerna biss entità waħda.

501    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont il-punt 50 tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar għandu r-riskju li jinfirex malajr għal banek oħra, kemm fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll fi Stati Membri oħra. Għalhekk ma jistax jitqies li l-applikazzjoni tal-prinċipju rrikonoxxut f’din is-sentenza, li skontu l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja jista’ jiġġustifika restrizzjoni fuq id-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti, huwa limitat għas-suppożizzjonijiet fejn is-sistema finanzjarja kollha ta’ Stat Membru tkun fi kriżi sistemika. Din is-sentenza hija rilevanti meta, bħal f’dan il-każ, il-bank ikkonċernat huwa sistemikament importanti u l-likwidazzjoni tiegħu tirrappreżenta riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Spanja.

502    It-tieni, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tosservax ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, sa fejn is-SRB ma għażilx il-miżura l-inqas oneruża biex isolvi l-kriżi ta’ likwidità ffaċċjata minn Banco Popular. Huma jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tiġġustifikax l-assenza ta’ adozzjoni f’waqtha ta’ miżuri ta’ intervent bikri li setgħu solvew il-problema ta’ likwidità ta’ Banco Popular, bħal assistenza ta’ likwidità b’urġenza, u lanqas l-assenza tal-adozzjoni ta’ miżuri inqas radikali minn dawk adottati, bħall-għodod ta’ separazzjoni tal-assi jew ta’ istituzzjoni tranżitorja.

503    Hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ħames motiv, tal-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, jirriżulta li s-SRB iġġustifika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-raġunijiet għalfejn miżuri alternattivi prudenzjali jew ta’ natura privata alternattivi ma kinux prevedibbli u li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ miżuri oħra inqas onerużi li setgħu jippermettu li jiġi stabbilita mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular f’terminu suffiċjentement qasir sabiex jevitaw li din tal-aħħar tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-6 ta’ Ġunju 2017.

504    Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jirriżulta b’mod ċar li s-SRB iġġustifika l-għażla tal-għodda tal-bejgħ tal-operat bħala għodda ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB indika li din l-għodda kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan ewlieni tagħha l-protezzjoni tal-funzjonijiet kritiċi għall-funzjonament tal-ekonomija reali u l-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja.

505    Is-SRB qies ukoll, fl-Artikolu 5.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-għodod l-oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jissodisfawx l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess punt. Fir-rigward tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, is-SRB qies li, anki meta kkombinata mal-għodda tas-separazzjoni tal-assi, ma setax jiġi ggarantit li din tippermetti li tiġi rrimedjata b’mod effikaċi s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, għalhekk, li tiġi stabbilita mill-ġdid s-sodezza finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Fir-rigward tal-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja, is-SRB qies li, anki flimkien mal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi, peress li l-istituzzjoni tranżitorja kienet maħsuba sabiex iżżomm l-aċċess għall-funzjonijiet kritiċi u sabiex tbigħ lil Banco Popular f’terminu, bħala prinċipju, ta’ sentejn u, sa fejn li l-għodda tal-bejgħ tal-operat kienet tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat f’terminu qasir, din tal-aħħar ġiet meqjusa bħala li tippermetti li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni jintlaħqu b’mod iktar effettiv minn dak tal-istituzzjoni tranżitorja.

506    Għaldaqstant, is-SRB indika fl-iskema ta’ riżoluzzjoni r-raġunijiet għall-għażla tal-għodda tal-bejgħ tal-operat kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom l-għodod l-oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fir-Regolament Nru 806/2014 ma kinux xierqa.

507    Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta din l-evalwazzjoni mis-SRB. Huma jsemmu biss l-eżistenza ta’ għodod oħra ta’ riżoluzzjoni li l-applikazzjoni tagħhom kienet tikser inqas id-drittijiet għall-proprjetà tagħhom mingħajr ma jispjegaw kif dawk l-għodod setgħu ġew applikati fil-każ ta’ Banco Popular.

508    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għas-soluzzjonijiet alternattivi ppreżentati fir-rapport tal-esperti tagħhom, anness mar-rikors, li juru li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

509    Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 92 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala bażi tar-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Settembru 2019, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

510    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni, ir-rikorrenti jagħmlu biss riferiment globali għar-rapport tal-esperti anness mar-rikors, li ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tidentifika b’mod preċiż l-elementi li tista’ tqis bħala l-bażi ta’ dak l-argument.

511    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-argument huwa sempliċement iddikjarat mingħajr ma huwa sostnut minn argument, bi ksur tar-regola stabbilita fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, u li jeħtieġ li jiġi ddikjarat inammissibbli.

512    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tikser b’mod sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà tagħhom sa fejn ma kellhomx dritt għal kumpens. L-iżvalutazzjoni tal-istokk azzjonarju kollu ta’ Banco Popular mingħajr korrispettiv għall-azzjonisti tikkostitwixxi esproprjazzjoni. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ konfiska sproporzjonata.

513    Għandu jiġi kkunsidrat, kif għamlet il-Kummissjoni, li dan l-argument huwa prematur.

514    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1)(g), tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi l-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar milli kien iġarrab li kieku l-entità suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza.

515    Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-entità kkonċernata għaddiet minn proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li valutazzjoni titwettaq wara r-riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, din il-valutazzjoni tistabbilixxi jekk hemmx differenza bejn it-trattament li kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri kieku l-istituzzjoni kienet suġġetta għal proċedimenti normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni u t-trattament attwali li kienu suġġetti għalih bħala parti mir-riżoluzzjoni.

516    Jekk, bħala riżultat ta’ tali valutazzjoni, jiġi stabbilit li l-azzjonisti jew il-kredituri sofrew telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jġarrbu fi stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB jista’ jirrikorri għas-SRF sabiex jikkumpensahom.

517    Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu intiż sabiex jiggarantixxi lill-azzjonisti jew lill-kredituri tal-entità suġġetta għal riżoluzzjoni kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17(1) tal-Karta.

518    Sa fejn il-ħlas possibbli ta’ tali kumpens huwa r-riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-punt 515 iktar ’il fuq, imwettqa wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-fatt li r-rikorrenti ma kisbux kumpens sad-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huwa irrilevanti.

519    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li ma huwiex possibbli li jargumentaw li r-rispett għad-dritt għal kumpens ġust, li jista’ jiġġustifika ċ-ċaħda tad-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti, għandu jinftiehem bħala assigurat fil-każ ta’ osservanza tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat b’mod iktar ħażin kif stabbilit fl-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014. Id-differenza fl-eżitu bejn proċedura ta’ insolvenza ipotetika fi Spanja u l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex rilevanti. L-azzjonisti għandhom jiġu kkumpensati b’kont meħud tal-valur tal-ishma tagħhom fil-mument li ġew imċaħħda mid-drittijiet għall-proprjetà tagħhom. Madankollu, Banco Popular kien milqut minn problema ta’ likwidità, iżda, skont il-valutazzjoni 1, kien solventi fiż-żmien tar-riżoluzzjoni, b’tali mod li r-riżultat tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat iktar ħażin ma huwiex rilevanti.

520    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, kif għamel Banco Santander, li l-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat b’mod iktar ħażin ma tirriżultax mill-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda minn deċiżjoni futura tas-SRB sussegwenti għall-valutazzjoni 3.

521    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż li jikkontesta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju sabiex jiġu ddeterminati l-parametri tal-kalkolu tal-kumpens għandu jitqies bħala ineffettiv.

522    Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-valur tal-investiment tagħhom ma għandux jiġi kkalkulat fir-rigward tal-valur nominali tal-azzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda jikkorrispondi għall-valur tagħha fil-każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tkunx ġiet adottata. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li, fl-assenza tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, Banco Popular, minħabba s-sitwazzjoni tiegħu ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, kien jiġi stralċjat taħt proċedura normali ta’ insolvenza.

523    F’dan ir-rigward, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-telf tal-azzjonisti ta’ banek f’diffikultajiet għandu, fi kwalunkwe każ, l-istess portata, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu tkunx ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ falliment minħabba l-assenza ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq proċedura għall-għoti ta’ tali għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni minn qabel ta’ qsim tal-oneri (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 75).

524    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ titolu, l-ammont ta’ kumpens dovut jiġi evalwat fid-dawl tal-valur veru tas-suq ta’ dan it-titolu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni kontenzjuża, u mhux fid-dawl tal-valur nominali tiegħu jew tal-ammont li d-detentur tiegħu ttama li jipperċepixxi fil-mument tal-akkwist tiegħu (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 314 u l-ġurisprudenza ċċitata).

525    Kif diġà ġie rrilevat, is-solvenza fil-karti tal-bilanċ ta’ Banco Popular ikkonstatata fil-valutazzjoni 1 ma kinitx rilevanti fid-data tar-riżoluzzjoni. F’dik id-data, il-valur ta’ Banco Popular kien jikkorrispondi għall-valur tal-bejgħ tiegħu wara l-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tiegħu.

526    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular kienu jikkostitwixxu “esproprjazzjoni” mingħajr kumpens, sa fejn kumpens possibbli seta’ jiġi deċiż sussegwentement.

527    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija sproporzjonata sa fejn iċċaħħad lill-azzjonisti mid-dritt għall-proprjetà tagħhom mingħajr ma tipprovdi għas-smigħ tagħhom minn qabel.

528    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tat-tieni motiv jirriżulta, u b’mod partikolari mill-punti 234 u 235 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-persuna kkonċernata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni ta’ miżuri li jaffettwaw id-dritt għall-proprjetà tagħha.

529    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument sabiex jispjegaw kif l-assenza ta’ smigħ mis-SRB, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, affettwat id-drittijiet għall-proprjetà tagħha.

530    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kienx hemm miżuri alternattivi li jistgħu jipprekludu din is-sitwazzjoni, fit-tieni lok, li, fin-nuqqas ta’ riżoluzzjoni, Banco Popular kien ikun suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza u, fit-tielet lok, li l-azzjonisti ta’ Banco Popular kellhom jassumu r-riskju tal-investimenti tagħhom u li r-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi l-ħlas possibbli ta’ kumpens skont il-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jkun ittrattat iktar ħażin. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni li titwettaq żvalutazzjoni jew li jiġu kkonvertiti l-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent sporporzjonat jew intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, iżda għandha titqies bħala restrizzjoni għad-dritt għall-proprjetà tagħhom iġġustifikat u proporzjonat, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta.

531    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma jsostnux ksur tal-libertà ta’ intrapriża fil-kuntest tat-tmien motiv u ma jqajmux argumenti f’dan ir-rigward. L-unika riferiment għal-libertà ta’ intrapriża jinsab fit-tielet motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità.

532    Billi s-SRB għażel li jwieġeb fl-istess ħin għat-tielet u t-tmien motiv, ir-rikorrenti jiżviluppaw fir-replika argumenti ġodda relatati mal-ksur tal-libertà ta’ intrapriża mis-SRB, sa fejn Banco Popular nbiegħ mingħajr ma nstemgħu l-azzjonisti tiegħu, f’laqgħa ġenerali, jew mingħajr ma setgħu jadottaw id-deċiżjonijiet kummerċjali li huma kienu jqisu xierqa sabiex jiggarantixxu l-vijabbiltà ta’ Banco Popular.

533    Minn naħa, kif jirrileva s-SRB, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx liema drittijiet iggarantiti mil-libertà ta’ intrapriża, kif imsemmi fil-punt 266 iktar ’il fuq, ġew miksura. Min-naħa l-oħra, kif targumenta l-Kummissjoni, ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti minoritarji ta’ Banco Popular, ma jeżerċitawx attività ekonomika fis-settur bankarju u għalhekk ma jistgħux jipprevalixxu ruħhom mil-libertà ta’ intrapriża fuq din il-bażi.

534    Fi kwalunkwe każ, bħal fil-każ tad-dritt għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, il-libertà ta’ intrapriża ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tagħha jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta. Sa fejn ġie kkonstatat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent sproporzjonat u intollerabbli li jikser is-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li, għall-istess raġunijiet, ma tiksirx is-sustanza stess tal-libertà ta’ intrapriża.

535    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala, parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014

536    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. L-argumenti tar-rikorrenti huma maqsuma f’erba’ lmenti intiżi li jikkontestaw, fl-ewwel lok, l-indipendenza tal-espert li wettaq il-valutazzjoni 2, fit-tieni lok, il-koeżistenza ta’ żewġ valutazzjonijiet ex ante, fit-tielet lok, il-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2 u, fir-raba’ lok, il-kredibbiltà ta’ dik il-valutazzjoni.

537    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

538    Il-valutazzjoni 1, datata l-5 ta’ Ġunju 2017, ġiet redatta mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

539    Il-valutazzjoni 2, datata s-6 ta’ Ġunju 2017, tfasslet minn Deloitte, bħala espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

540    L-iskema ta’ riżoluzzjoni tindika li, fid-dawl tal-urġenza, il-valutazzjoni 2, imwettqa f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina dak li jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

541    Jeħtieġ li jitfakkar li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondu għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq il-Kapitolu 3 tal-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA Nru 2017/05 u Nru 2017/06, tat-23 ta’ Mejju 2017, fuq il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u fuq valutazzjoni maħsuba sabiex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara r-riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem “l-istandards tekniċi tal-EBA”).

542    L-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizza lill-EBA sabiex tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji intiżi li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni.

543    Il-Kapitolu 3 tal-istandards tekniċi tal-EBA huwa relatat mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji Nru 2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“istandards tekniċi regolatorji”) u jinkludi, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59, abbozz ta’ regolament delegat tal-Kummissjoni li jikkompleta d-Direttiva 2014/59 bi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji tal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi vvalutat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet.

544    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-istandards tekniċi regolatorji ma kinux vinkolanti, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ infurzar vinkolanti mfassla mill-EBA meta ġew adottati mill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji ġew inkorporati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal-14 ta’ Novembru 2017, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018, L 67, p. 8).

545    Fl-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li, meta kien qiegħed jiddeċiedi dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali ta’ Banco Popular, huwa bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, kif ikkomplementata u kkorroborata mir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB.

546    Peress li l-valutazzjoni 2 tinkludi evalutazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi, jeħtieġ li s-SRB jiġi rrikonoxxut b’setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta qies li l-valutazzjoni 2 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni.

547    Għalhekk, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 166 sa 171 iktar ’il fuq, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-SRB meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu l-valutazzjoni 2 minn kull plawżibbiltà.

–       Fuq l-ewwel ilment, dwar l-indipendenza tal-espert li wettaq il-valutazzjoni 2

548    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte ma setgħetx titqies bħala kumpannija indipendenti minħabba l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess, peress li FROB akkużat lil Deloitte b’falsifikazzjoni fil-fajl relatat mal-elenkar ta’ Bankia fil-Borża.

549    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha ssir minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż s-SRB u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll mill-entità kkonċernata.

550    Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-indipendenza tal-valutaturi huma speċifikati fl-Artikoli 37 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. L-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex il-valutatur jitqies indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u mill-entità rilevanti. Fl-ewwel lok, il-valutatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji u jista’ jagħmel il-valutazzjoni b’mod effettiv mingħajr dipendenza eċċessiva fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti. Fit-tieni lok, il-valutatur huwa legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-entità rilevanti. Fit-tielet lok, il-valutatur ma għandu l-ebda interess komuni jew kontradittorju sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 41 tal-istess regolament delegat.

551    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jallegawx li Deloitte ma kellhiex il-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex twettaq il-valutazzjoni b’mod effettiv, fis-sens tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Lanqas ma jargumentaw li Deloitte ma kinitx legalment separata mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, jiġifieri s-SRB u l-FROB, u minn Banco Popular, fis-sens tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 38 tar-Regolament delegat 2016/1075.

552    Ir-rikorrenti jsostnu l-eżistenza ta’ interess bejn il-FROB u Deloitte, li jirriżulta mill-eżistenza ta’ proċedura kriminali fi Spanja li timplika lil Deloitte, rigward l-allegata falsifikazzjoni tal-kontijiet ta’ Bankia u li fiha l-FROB jidher li hija parti ċivili. Ir-rikorrenti jispeċifikaw, madankollu, li l-FROB ma kinitx ifformulat akkuża kontra Deloitte jew wieħed mis-soċji tagħha f’din il-proċedura.

553    Jekk dan l-argument għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li Deloitte kienet tissodisfa t-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075, billi jinvokaw l-eżistenza ta’ interess komuni jew kontradittorju sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 41 tal-istess regolament delegat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq fehim żbaljat ta’ din id-dispożizzjoni.

554    Fil-fatt, skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075, għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies materjali meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, jista’ jinfluwenza, jew jista’ jiġi pperċepit b’mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valutazzjoni. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li huma rilevanti interessi komuni jew f’kunflitt mal-membri tal-entità jew il-kredituri tagħha.

555    Madankollu, ir-rikorrenti, minn naħa, ma jsostnux l-eżistenza ta’ interessi komuni jew konfliġġenti bejn Deloitte u Banco Popular u, min-naħa l-oħra, huma ma jispjegawx kif il-fatt li l-FROB saret parti ċivili fi proċedura kriminali fi Spanja li fih Deloitte ġiet investigata seta’ jinfluwenza l-ġudizzju ta’ Deloitte rigward il-valutazzjoni ta’ Banco Popular.

556    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte ma kinitx indipendenti, peress li s-SRB kien talab li tiżviluppa l-valutazzjoni 2 billi tapplika l-għodda tal-bejgħ tal-operat, mingħajr ma jippermettilha tevalwa liema għodda ta’ riżoluzzjoni kien l-iktar xieraq sabiex tissolva l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

557    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fid-dawl tal-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fil-każ li tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ tal-operat, li huma differenti mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(d) u (e) tal-istess regolament, f’każijiet fejn tiġi applikata jew l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja jew ta’ separazzjoni tal-assi.

558    L-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li, jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jiġu ssodisfatti, il-valutazzjoni tkun intiża sabiex tipprovdi l-elementi li jippermettu d-deċiżjoni dwar miżuri ta’ riżoluzzjoni xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valutazzjoni għandha tipprovdi lis-SRB l-elementi tekniċi u ekonomiċi li jippermettu l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula minn dan tal-aħħar.

559    Ma jidhirx minn din id-dispożizzjoni li huwa l-valutatur li għandu jiddefinixxi huwa stess liema tkun l-iktar għodda ta’ riżoluzzjoni xierqa. Id-deċiżjoni dwar l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi applikata tittieħed mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mhux mill-valutatur indipendenti.

560    Għaldaqstant, il-fatt li s-SRB qies li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet l-aħjar għodda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li ta mandat lil Deloitte sabiex twettaq valutazzjoni li tissodisfa l-għanijiet ta’ dak l-istrument ma jistax jitqies li jippreġudika l-indipendenza ta’ Deloitte.

561    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lmenti, relatat mal-koeżistenza ta’ żewġ valutazzjonijiet ex ante

562    Ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għall-qsim tar-rapport ta’ valutazzjoni f’żewġ dokumenti mħejjija minn awturi differenti. Huma jżidu li l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 2 huma f’kontradizzjoni ma’ dawk tal-valutazzjoni 1, li ddikjarat li Banco Popular kien solventi u vvalutat l-assi tiegħu għal EUR 8.4 biljun.

563    Għandu jitfakkar li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-valutazzjoni 1 skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet applikabbli għall-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji. B’mod partikolari, is-SRB iddikjara li l-iskop tal-valutazzjoni 1 kien li jsir kontribut sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

564    L-istandards tekniċi tal-EBA, adottati fit-23 ta’ Mejju 2017, ċertament ma kinux vinkolanti, iżda kienu disponibbli fid-data tal-valutazzjoni 2. Fil-valutazzjoni 2, Deloitte tindika b’mod espliċitu li hija kienet konformi mar-rekwiżiti tal-istandards tekniċi tal-EBA.

565    Fis-sommarju introduttorju tagħhom, l-istandards tekniċi tal-EBA jispeċifikaw in-neċessità li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ valutazzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni 1 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(a) tad-Direttiva 2014/59, li hija l-ekwivalenti tal-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u l-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(b) sa (g) tad-Direttiva 2014/59, li tikkorrispondi mal-Artikolu 20(5)(b) sa (g) tar-Regolament Nru 806/2014.

566    Il-premessa 1 tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotta fil-premessa 1 tar-Regolament Delegat 2018/345, tfakkar din id-distinzjoni bejn, minn naħa, valutazzjoni inizjali li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet applikabbli għall-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali humiex issodisfatti u, min-naħa l-oħra, valutazzjoni ulterjuri li tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni sabiex tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew iktar. L-istandards tekniċi regolatorji jistabbilixxu kriterji differenti għall-kisba tal-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2.

567    Fir-rigward tal-valutazzjoni 1, l-istandards tekniċi regolatorji jindikaw li l-kriterju rilevanti huwa li jiġi ddeterminat jekk l-entità hijiex f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fatt li jikkorrispondi għall-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

568    Madankollu, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE jew mis-SRB.

569    Għaldaqstant, fir-rigward tal-għanijiet distinti tal-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2, kien iġġustifikat li l-ewwel waħda twettqet mis-SRB u t-tieni mill-valutatur indipendenti, jiġifieri minn Deloitte.

570    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jinvokaw il-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix b’mod espliċitu għal distinzjoni bejn dawn iż-żewġ valutazzjonijiet, iżda ma jindikawx liema dispożizzjoni allegatament inkisret.

571    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kienu kontradittorji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa ineffettiv.

572    Fil-fatt, il-valutazzjoni 1, adottata fil-5 ta’ Ġunju 2017, intiża li tiddetermina jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, sabiex tistabbilixxi jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew tal-iżvalutazzjoni jew tal-konverżjoni ta’ strumenti kapitali ġewx issodisfatti, ma baqgħetx tintuża wara l-valutazzjoni mwettqa mill-BĊE fis-6 ta’ Ġunju 2017, dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

573    Ċertament, fil-valutazzjoni 1, is-SRB indika li, fid-data ta’ riferiment tal-valutazzjoni tiegħu, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2017, Banco Popular kien solventi. Madankollu, minn naħa, għandu jitfakkar li l-BĊE bbaża ruħu fuq il-ġbid kbir ta’ depożiti ta’ Banco Popular minn April sa Mejju 2017 u fuq l-inkapaċità ta’ dan tal-aħħar li jiġġenera likwidità ġdida, sabiex jikkonkludi li fis-6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-BĊE kienet ibbażata fuq il-fatt li Banco Popular ma kienx f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, u mhux fuq il-fatt li Banco Popular kien insolventi fil-karta tal-bilanċ. Għalhekk, kif ġustament jenfasizza s-SRB, il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 1 ma kinux iktar rilevanti fid-data tar-riżoluzzjoni.

574    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-differenzi fil-konklużjonijiet bejn il-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2 huma spjegati mill-fatt li, billi għandhom għanijiet differenti, huma bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti ddefiniti fl-istandards tekniċi tal-EBA. Għaldaqstant, skont l-istandards tekniċi tal-EBA, il-valutazzjoni 1 hija intiża prinċipalment sabiex tiddetermina jekk il-valur totali tal-assi tal-entità jeċċedix dak tal-obbligazzjonijiet tagħha, fi kliem ieħor, jekk l-entità hijiex solventi fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li l-valutazzjoni 2 għandha tkun ibbażata fuq il-valur ekonomiku u mhux fuq il-valur kontabbli tal-entità.

575    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni lment.

–       Fuq it-tielet ilment, dwar il-metodu użat fil-valutazzjoni 2

576    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni tal-istituzzjoni ma għandhiex titwettaq bħallikieku kienet impriża fi stralċ, iżda għandha tiġi stabbilita għal impriża f’attività, u li jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-valur tas-suq tagħha bħala istituzzjoni li twettaq l-attivitajiet finanzjarji tagħha. Huma jsostnu li l-valutazzjoni 2 hija bbażata fuq metodoloġija żbaljata, billi eskludiet kull kapaċità ta’ Banco Popular li jiġġenera riżultati futuri.

577    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2. Fil-fatt, il-valutazzjoni 2 għandha żewġ partijiet, waħda li fiha l-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular u waħda li tikkonsisti f’simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ. L-ewwel parti hija intiża li tiddetermina l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat. It-tieni parti għandha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie stralċjat fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza skont il-liġi Spanjola.

578    Is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni billi ħa inkunsiderazzjoni l-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 li fiha l-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular fil-veru sens tal-kelma. Għall-kuntrarju, billi Deloitte speċifikat li la kellha l-informazzjoni kollha neċessarja u lanqas żmien suffiċjenti sabiex tagħmel stima iktar minn sempliċement indikattiva f’dan l-istadju, it-tieni parti tal-valutazzjoni 2 tikkorrispondi għall-ewwel simulazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 3, li hija l-valutazzjoni definittiva sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie stralċjat skont proċedura normali ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, twettqet wara r-riżoluzzjoni.

579    Issa, il-valur ta’ likwidazzjoni li għalih ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu minn Deloitte, jikkorrispondi għat-tieni parti tal-valutazzjoni 2. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Deloitte ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-operat ta’ Banco Popular.

580    Fir-rigward tal-metodoloġija użata, Deloitte indikat, fil-valutazzjoni 2, li x-xenarju użat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku kien il-bejgħ tal-bank skont l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Skont l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni kienet intiża li tipprovdi elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-impenji jew it-titoli l-oħra ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti, li tipprovdi l-elementi li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b) tal-istess regolament.

581    Deloitte spjegat li “l-valutazzjoni ekonomika [tagħha] kienet intiża li tipprovdi stima tal-valur li jista’ jiġi propost minn akkwirent potenzjali għall-bank kollu kemm hu, wara proċedura ta’ rkant miftuħ, ġusta u kompetittiva (“valur tal-bejgħ” skont l-Artikolu 11 tal-istandards tekniċi regolatorji […])”.

582    Mill-premessa 6 tal-istandards tekniċi regolatorji jirriżulta li l-għażla tal-iktar bażi xierqa ta’ evalwazzjoni (valur ta’ żamma jew valur tal-bejgħ) għandha ssir skont il-miżuri speċifiċi ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

583    Fir-rigward tal-għażla tal-bażi għall-evalwazzjoni, l-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika:

“Jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet jkunu miżmuma minn entità li tkompli tkun istituzzjoni li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta’ żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa. Il-valur ta’ żamma, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku, jista’ jantiċipa n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq.

Il-valur ta’ żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl fejn l-assi jkunu ttrasferiti lejn vettura tal-immaniġġar tal-assi skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE jew lejn istituzzjoni tranżitorja skont l-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva, jew meta tintuża għodda tal-bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59/UE.”

584    Skont l-Artikolu 12(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, “[j]ekk is-sitwazzjoni ta’ entità ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ mill-bqija jkun meqjus neċessarju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni sabiex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jiġu referenzjati għall-valuri tad-disponiment mistennija f’perjodu speċifiku ta’ disponiment”.

585    Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, huma ddefiniti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2018/345.

586    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-valur tal-bejgħ ma kienx il-metodoloġija korretta biex jiġi evalwat il-valur ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-valutazzjoni 2.

587    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu wkoll, fl-ewwel lok, li l-valutazzjoni 2 tikkontradixxi l-kontijiet annwali awditjati tal-2016, it-testijiet ta’ reżistenza tal-2014 u tal-2016, ir-riżultati tal-eżami ta’ solvenza mwettaq mill-EBA fl-2016 u l-valur kontabbli tal-kapital ta’ Banco Popular li jinsab fir-rapport finanzjarju tiegħu relatat mal-ewwel trimestru tal-2017. Skont ir-rikorrenti, huwa inkonċepibbli li l-valur ta’ Banco Popular iddeterjora fi żmien daqstant qasir.

588    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed mill-elementi komparattivi invokati mir-rikorrenti ma huwa rilevanti, minn naħa, minħabba li jirriflettu biss il-valur kontabbli ta’ Banco Popular u mhux il-valur tal-bejgħ fid-data tar-riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, minħabba li jikkonċernaw il-valur ta’ Banco Popular f’data ferm qabel ir-riżoluzzjoni.

589    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 hija f’kontradizzjoni mal-valutazzjonijiet magħmula minn analisti f’dati qrib u mal-offerta tax-xiri ta’ BBVA.

590    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx għal liema analiżi jirreferu, u lanqas liema hija l-offerta għax-xiri ta’ BBVA, peress li BBVA ma ppreżentat l-ebda offerta ta’ xiri, la fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat u lanqas bħala parti mill-proċedura tar-riżoluzzjoni.

591    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-valutazzjoni 2 hija f’kontradizzjoni maż-żieda fil-prezz tal-azzjoni ta’ Banco Santander u l-prospetti ta’ benefiċċju immedjat, skont l-analiżi li tinsab fir-rapport tal-espert anness mar-rikors.

592    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv, peress li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-akkwirent wara r-riżoluzzjoni ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-validità tal-valutazzjoni tal-valur ta’ Banco Popular mwettqa fil-valutazzjoni 2.

593    Fir-raba’ lok, fir-replika, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għar-rapport tal-espert, anness mar-replika, li jindika li l-valutazzjoni 2 hija vvizzjata minn żbalji tekniċi li jistgħu jinvalidaw il-konklużjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar l-evalwazzjoni ta’ ċerti assi.

594    F’dan ir-rigward, is-SRB isostni li, fir-rigward tal-allegati żbalji tekniċi tal-valutazzjoni 2, ir-rikorrenti sempliċement għamlu riferiment b’mod globali għar-rapport tal-esperti pprovdut fl-anness għar-replika. Billi dan ir-riferiment ma jippermettix lis-SRB jidentifika l-argumenti mqajma, dan l-anness għandu jitwarrab u l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex sostanzjati biżżejjed.

595    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkompletaw it-test tar-replika fuq argument speċifiku, jiġifieri l-allegati żbalji fil-valutazzjoni 2, b’riferimenti għar-rapport tal-esperti tagħhom anness magħha. Madankollu, dawn ir-riferimenti jirreferu biss għar-rapport tal-espert b’mod ġenerali u għalhekk ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali tidentifika b’mod preċiż l-argumenti li tista’ tqis li jikkompletaw dan il-motiv.

596    Madankollu, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 509 iktar ’il fuq tikkonċerna wkoll il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika, li hija intiża, skont l-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li tissupplimenta r-rikors (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Lulju 2018, Europa Terra Nostra vs Il-Parlament, T‑13/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:428, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

597    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argument dwar l-allegati żbalji tekniċi li jinsabu fil-valutazzjoni 2 huwa sempliċement magħmul mingħajr ma huwa appoġġat minn argument, bi ksur tar-regola prevista fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Minn dan isegwi li dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġu ddikjarat inammissibbli.

598    Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet ilment jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ ilment, dwar il-kredibbiltà tal-valutazzjoni 2.

599    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte irrikonoxxiet, fil-valutazzjoni 2, li din kienet twettqet fi ftit jiem, b’aċċess limitat għall-informazzjoni u li kellha limitazzjonijiet li jaffettwaw l-affidabbiltà tagħha. Il-valutazzjoni 2 għalhekk ma tistax isservi ta’ bażi għat-teħid ta’ deċiżjoni u għaldaqstant huwa neċessarju li ssir valutazzjoni definittiva ex post.

600    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 lis-SRB, Deloitte indikat li, minħabba l-pożizzjoni diffiċli ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kienet ġiet mistiedna twettaq il-valutazzjoni tagħha fi żmien qasir ħafna. Ix-xogħol ewlieni kien limitat għal tnax-il jum mill-jum li fih hija kellha aċċess għad-dokumentazzjoni, filwaqt li proġett bħal dan kellu normalment jieħu sitt ġimgħat. Deloitte rrilevat li kien hemm għadd ta’ lakuni u inkonsistenzi fost l-informazzjoni disponibbli. Deloitte semmiet li l-valutazzjoni kellha titqies bħala inċerta u provviżorja ħafna skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 u li ġie inkluż ilqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, li jikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

601    L-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament għall-ipoteżi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9 ta’ dak l-artikolu, jiġifieri b’mod partikolari l-każ fejn ma jkunx possibbli li titlesta l-valutazzjoni permezz ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kotba u r-reġistri tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ inċertezzi inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja billi tipprovdi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li din tal-aħħar tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali.

602    B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, Deloitte sempliċement indikat li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli sabiex twettaq il-valutazzjoni, hija kellha tibbaża ruħha fuq informazzjoni mhux kompluta. Hija speċifikat li l-valutazzjoni li kienet wettqet kellha titqies bħala valutazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59.

603    Barra minn hekk, jidher ċar mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014 li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, li huwa barra minn hekk irrikonoxxut mir-rikorrenti fir-replika.

604    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-SRB kellu jwettaq valutazzjoni definittiva ex post, dan sejjer jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ħdax-il motiv.

605    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 ma hijiex ġusta sa fejn il-firxa fir-rigward tal-valur ta’ Banco Popular fil-valutazzjoni 2 hija ta’ portata esaġerata u ftit li xejn kredibbli.

606    F’dan ir-rigward, Deloitte rrilevat fil-valutazzjoni 2 li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha kien jaqa’ fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u inqas minn EUR 8.2 biljun, bl-aħjar stima f’din il-firxa ta’ inqas minn EUR 2 biljun.

607    Minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jikkontestaw il-kredibbiltà ta’ din il-firxa mingħajr ma jqajmu ebda argument speċifiku. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-portata tal-firxa hija ġġustifikata mill-metodu użat fil-valutazzjoni 2.

608    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet adottat approċċ kategorija b’kategorija, billi aġġustat il-valuri kontabbli ta’ kull klassi ta’ assi u obbligazzjonijiet sabiex jiġi stmat it-telf jew il-profitti u aġġustamenti oħra li kwalunkwe akkwirent japplika għall-valur. Hija pproduċiet firxa ta’ evalwazzjoni għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet.

609    Dan il-metodu huwa konformi mal-Artikolu 2(3) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat 2018/345, li skontu:

“Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi partikoli [partikolari], obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.”

610    B’hekk, iż-żieda tal-valuri l-iktar baxxi għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet pprovdiet l-istima baxxa tal-firxa u ż-żieda tal-ogħla valuri pprovdiet l-istima għolja tal-firxa. Għaldaqstant, dan il-metodu jispjega l-portata tal-firxa adottata fil-valutazzjoni 2.

611    Barra minn hekk, kif jindika s-SRB, minħabba l-portata tal-karta tal-bilanċ totali ta’ Banco Popular, b’ċifra totali li taqbeż EUR 130 biljun, id-differenza bejn iż-żewġ valuri fil-firxa tirrappreżenta biss madwar 7 % tal-karta tal-bilanċ. B’hekk din id-differenza tirrifletti l-grad ta’ inċertezza inerenti fil-proċess ta’ valutazzjoni.

612    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jispeċifika li l-valutazzjoni provviżorja tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 7 u 9 tal-istess artikolu “sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi”.

613    Barra minn hekk, l-inċertezzi inerenti fil-valutazzjoni 2 huma enfasizzati fl-istandards tekniċi regolatorji li minnhom jirriżulta li, meta jwettaq l-istima u l-attwalizzazzjoni tal-flussi ta’ likwidità li l-entità tista’ tistenna mill-assi u mill-obbligazzjonijiet eżistenti, il-valutatur għandu jibbaża ruħu fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi u jieħu inkunsiderazzjoni fatturi u ċirkustanzi differenti.

614    B’mod partikolari, fir-rigward tal-istimi tal-valur tal-bejgħ, l-Artikolu 12(5) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament Delegat 2018/345, jipprovdi:

“Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li l-entità tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutatur jista’ jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta’ bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta’ dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment ta’ assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valutatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta’ kalkoli bl-użu ta’ parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta’ likwidità rifless kif xieraq.”

615    L-Artikolu 12(6) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika diversi fatturi, li l-valutatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni, li jistgħu jinċidu fuq il-valuri tal-bejgħ u t-termini tal-bejgħ.

616    Minn dan jirriżulta li l-valutazzjoni 2 hija bbażata fuq suppożizzjonijiet u tiddependi minn fatturi multipli. B’hekk, skont l-istandards tekniċi regolatorji , sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ibbażat ruħha fuq stimi u valutazzjonijiet prospettivi u ppreżentat ir-riżultat tagħha fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.

617    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien u l-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10), tar-Regolament Nru 806/2014 u li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma jistgħux ifissru li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

618    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

619    Minn dan li ntqal jirriżulta li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-fatt li l-valutazzjoni 2 kienet ġusta, prudenti u realistika, fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

620    Għaldaqstant, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibli u parzjalment infondat.

 Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tikser l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 39(2)(a), (b), (d) u (f) tad-Direttiva 2014/59

621    Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, iddeterminata fid-deċiżjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, tikser l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, u l-Artikolu 39(2)(a)(b), (d) u (f) tad-Direttiva 2014/59, sa fejn din ma kinitx proċedura ta’ bejgħ kompetittiva.

622    L-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2014/59 jipprevedi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, meta tapplika l-għodda ta’ bejgħ tal-operat għal istituzzjoni jew entità għandha tbigħ jew tagħmel l-arranġamenti għall-bejgħ tal-assi, id-drittijiet, l-impenji, l-azzjonijiet jew titoli oħra ta’ proprjetà ta’ dik l-istituzzjoni li għandha l-ħsieb li tbiegħ. L-Artikolu 39(2) ta’ dik id-direttiva jistabbilixxi l-kriterji li bihom jitwettaq il-bejgħ imsemmi fil-paragrafu 1.

623    Dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ lmenti li jikkorrispondu għal erbgħa mill-kriterji previsti fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59. Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, fl-ewwel lok, ma kinitx trasparenti, fit-tieni lok, kienet tiffavorixxi lil Banco Santander, fit-tielet lok, tat lil din tal-aħħar vantaġġ indebitu u, fir-raba’ lok, ma kinitx tippermetti li jinkiseb l-ogħla prezz tal-bejgħ possibbli.

624    Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat, qabelxejn, li, fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, adottata fit-3 ta’ Ġunju 2017, meta billi ħa inkunsiderazzjoni d-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u t-tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tal-azzjonijiet tagħha, kif ukoll l-effetti negattivi li l-falliment tal-bank jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, is-SRB qies li kellu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikun jista’ jadotta miżura ta’ riżoluzzjoni jekk ikun meħtieġ u li l-effikaċja tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat kellha tiġi żgurata bil-għan li jiġu ggarantiti l-għanijiet tar-riżoluzzjoni. B’hekk, is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil din tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ b’mod konformi mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

625    Sussegwentement, il-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tmexxiet mill-FROB skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u tal-Liġi 11/2015. F’dan ir-rigward, fl-ittra ta’ proċedura adottata fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-FROB stieden lill-akkwirenti potenzjali, fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni possibbli ta’ Banco Popular, sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ u sabiex jissottomettulu offerta għall-akkwist ta’ 100 % tal-kapital ta’ Banco Popular skont it-termini u l-kundizzjonijiet deskritti f’din l-ittra.

626    Fl-aħħar lok, fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li l-isforz tal-kummerċjalizzazzjoni mwettaq fir-rigward ta’ Banco Popular mill-FROB qabel l-adozzjoni ta’ din l-iskema kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

627    Is-SRB irrileva li, fil-perijodu immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni, Banco Popular kien wettaq proċedura ta’ bejgħ privat u li, fil-ġimgħa tad-29 ta’ Mejju 2017, kien deher li din il-proċedura kienet ser tfalli. Huwa indika li d-deċiżjoni li jiġi limitat l-isforz kummerċjali għall-banek li diġà esprimew interess ġenerali fl-akkwist ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

628    Is-SRB irrileva wkoll li, wara l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ mill-FROB, finalment, ġew mistiedna żewġ banek sabiex jipparteċipaw fil-bejgħ. Huwa semma li l-akkwirenti potenzjali kollha kienu avviċinati fl-istess data, kellhom aċċess għall-istess kamra virtwali tad-data, u li l-offerti tagħhom kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet u data ta’ skadenza.

629    Is-SRB finalment ikkonstata li, miż-żewġ akkwirenti potenzjali, kien irċieva offerta valida waħda u kkunsidra li, billi l-akkwirent kien l-uniku wieħed li ssottometta offerta, kien prudenti li jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu, u b’hekk jevita insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular, li, b’mod partikolari, setgħet tippreġudika l-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

–       Fuq l-ewwel ilment, relatat mat-trasparenza tal-proċedura ta’ bejgħ

630    Ir-rikorrenti jsostnu li r-regoli tal-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular, stabbiliti fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, ma humiex trasparenti, bi ksur tal-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 39(2)(a) tad-Direttiva 2014/59. Il-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ bejgħ ġiet limitata b’mod arbitrarju għal dawk l-istituzzjonijiet biss li intervjenew fil-proċedura ta’ bejgħ privat li nbeda qabel ir-riżoluzzjoni minn Banco Popular.

631    Skont l-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament Nru 806/2014, fir-rigward tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tipprevedi d-dispożizzjonijiet għall-bejgħ, mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, tal-entità jew tal-għodda, l-assi, id-drittijiet u l-impenji kkonċernati, skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59.

632    Skont il-kriterju previst fl-Artikolu 39(2)(a) tad-Direttiva 2014/59, il-bejgħ għandu jkun kemm jista’ jkun trasparenti u ma għandux jirrappreżenta ħażin materjalment l-assi, id-drittijiet, l-obbligi, jew strumenti oħra ta’ proprjetà ta’ dik l-istituzzjoni li l-awtorità għandha l-ħsieb li tbiegħ, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u b’mod partikolari tan-neċessità li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja.

633    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti tal-bejgħ u, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi limitat l-għadd ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ bejgħ ma humiex inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni iżda fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni adottata qabel mis-SRB, fit-3 ta’ Ġunju 2017.

634    F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

635    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li att intermedju lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

636    F’dan il-każ, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ stabbilita mill-FROB kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-FROB ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li kienu ġew stabbiliti mis-SRB fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni. Minn dan jirriżulta li s-SRB, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod impliċitu kkonferma r-rekwiżiti tal-bejgħ li stabbilixxa huwa stess fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni.

637    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar intervent bikri, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li:

“Il-Bord għandu s-setgħa jesiġi li l-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali jikkuntattjaw lil akkwirenti potenzjali bil-ħsieb li ssir it-tħejjija għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni, skont il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u r-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 88 ta’ dan ir-Regolament”.

638    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tikkostitwixxi att intermedju adottat mis-SRB bil-ħsieb tar-riżoluzzjoni potenzjali ta’ Banco Popular u li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu preklużi milli jinvokaw l-illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’dik id-deċiżjoni insostenn tar-rikors tagħhom kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

639    Fir-rigward tat-trasparenza tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB indika li kwalunkwe żvelar pubbliku tal-bejgħ tal-bank għandu jiġi pospost bil-għan li jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

640    Tali possibbiltà hija espressament prevista fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59, li jipprevedi li kwalunkwe żvelar pubbliku tat-tqegħid fis-suq tal-istituzzjoni li altrimenti tkun meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1) jista’ jiġi pospost skont l-Artikolu 17(4) jew (5) tal-imsemmi regolament.

641    Il-premessa 64 tad-Direttiva 2014/59 tindika f’dan ir-rigward li:

“Informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ istituzzjoni li qed tfalli u n-negozjati ma’ akkwirenti potenzjali qabel l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju x’aktarx li tkun ta’ importanza sistemika. Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, id-divulgazzjoni lill-pubbliku ta’ din l-informazzjoni meħtieġa mir-[Regolament] (UE) Nru 596/2014 [...] tista’ tiġi ttardjata saż-żmien meħtieġ sabiex tiġi ppjanata u strutturata r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni skont id-dewmien permess taħt ir-reġim tal-abbuż tas-suq.”

642    Minn dan isegwi li t-trasparenza tal-Artikolu 39(2)(a) tad-Direttiva 2014/59 għandha tiġi interpretata bħala li tikkonċerna l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ bejgħ u mhux il-miżuri possibbli li jħabbru din il-proċedura lill-pubbliku.

643    Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ biss lill-istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat mibdija minn Banco Popular, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, is-SRB ipprovda, fl-Artikolu 2(a)(i) tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, għadd ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li jistieden lill-FROB sabiex tikkuntattja biss lil dawk il-ħames parteċipanti.

644    F’dan ir-rigward, is-SRB indika:

“Fir-rigward tal-għażla tal-akkwirenti individwali li għandhom jiġu avviċinati, il-FROB għandha f’kull każ tikkuntattja numru suffiċjenti ta’ akkwirenti, wara tfittxija tal-interess tas-suq sabiex jinvestu fl-attivitajiet tal-bank. Fid-dawl tan-neċessità li tiġi ffinalizzata l-proċedura ta’ bejgħ f’terminu ta’ żmien qasir ħafna, l-interess muri waqt il-proċedura ta’ bejgħ privat jipprovdi informazzjoni dwar l-analiżi tal-interess tas-suq. Matul il-proċedura ta’ bejgħ privat, ġew ikkuntattjati diversi offerenti potenzjali li joperaw fis-swieq Spanjoli u internazzjonali. Ħames partijiet biss esprimew l-interess inizjali tagħhom u għalhekk ġew mistiedna jissottomettu offerti mhux vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

Il-FROB għandha tikkuntattja l-ħames partijiet li ġew mistiedna jissottomettu offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

Il-kuntatt ma’ dawn il-ħames partijiet huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u mir-riskju sostanzjali li l-kummerċjalizzazzjoni f’ċirku usa’ ta’ akkwirenti potenzjali, l-iżvelar tar-riskji u l-evalwazzjonijiet jew l-identifikazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi u mhux kritiċi tal-bank jirriżultaw f’iktar inċertezza u f’telf tal-fiduċja fis-suq. Barra minn hekk, il-kuntatt ma’ għadd ikbar ta’ akkwirenti jista’ jżid il-probabbiltà ta’ ħruġ u, għaldaqstant, ir-riskju li l-bank jista’ jkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni fi żmien qasir ħafna.

Barra minn hekk, minħabba l-urġenza u ż-żmien limitat ħafna li għandu jkun disponibbli għall-proċedura ta’ dwar il-kummerċjalizzazzjoni, l-istedina ta’ iktar parteċipanti żżid il-kumplessità tal-proċedura. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mingħand il-Bank, huwa dubjuż jekk l-offerenti li għadhom ma esprimewx interess fil-proċedura ta’ bejgħ privat humiex sejrin jissottomettu offerti.

Skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament [Nru 806/2014], is-SRB se tfittex li jikseb bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni u n-neċessità li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, is-SRB sejjer iwarrab parzjalment ir-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi u, b’mod partikolari, it-theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tirriżulta mill-falliment tal-bank u mill-fatt li l-konformità man-neċessità ta’ kuntatt ma’ firxa usa’ ta’ akkwirenti tipperikola wkoll l-effettività tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.”

645    Hemm lok li jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59 jindika li, dment li ma jiġux ippreferuti indebitament l-akkwirenti potenzjali u li ma ssirx diskriminazzjoni, il-prinċipji previsti fl-istess paragrafu ma jipprekludux lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tavvicina ċerti akkwirenti potenzjali b’mod partikolari.

646    Konsegwentement, id-deċiżjoni tas-SRB li jitlob lill-FROB sabiex tikkuntattja biss lill-ħames istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

647    Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-interess li diġà ntwera minn dawn l-impriżi fix-xiri ta’ Banco Popular, u kienet iġġustifikata mit-terminu ta’ żmien qasir ħafna li fih kellha titlesta l-proċedura ta’ bejgħ. Kif enfasizza s-SRB, it-twessigħ tal-proċedura sabiex jiġi inkluż għadd ikbar ta’ parteċipanti kien jinvolvi riskju ta’ dewmien tal-proċedura, iżda jżid ukoll ir-riskji ta’ żvelar dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular u għalhekk riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

648    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, id-deċiżjoni tas-SRB li jistieden lill-FROB sabiex tikkuntattja biss lill-ħames partijiet li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx arbitrarja.

649    Barra minn hekk, huwa żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li kien arbitrarju u diskriminatorju li jiġu indirizzati biss il-ħames istituzzjonijiet Spanjoli li kienu indikaw li ma kinux interessati fix-xiri ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

650    Fil-fatt, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, dawn il-ħames istituzzjonijiet bankarji kienu l-uniċi banek li wrew interess fl-akkwist ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti ifixklu l-wiri ta’ interess fl-akkwist ta’ Banco Popular, li mmaterjalizza permezz tal-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ bejgħ privat u l-fatt li din il-proċedura fl-aħħar mill-aħħar falliet.

651    Fl-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ bejgħ privat kienet miftuħa għal kwalunkwe operatur Spanjol jew internazzjonali. Ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex istituzzjonijiet Spanjoli jew barranin oħra li ma kinux urew l-interess tagħhom fl-akkwist ta’ Banco Popular fiż-żmien tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienu jkunu interessati ftit ġimgħat wara, fl-istadju tal-bidu tal-proċedura mill-FROB. Barra minn hekk, peress li l-informazzjoni pubblika kollha dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ hija eskluża, ir-rikorrenti ma jispjegawx abbażi ta’ liema kriterji mhux diskriminatorji setgħu ġew ikkuntattjati operaturi oħra.

652    Minn dan jirriżulta li s-SRB, billi llimita, fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-proċedura ta’ bejgħ għall-ħames istituzzjonijiet li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat, ma kisirx l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 39(2)(a) tad-Direttiva 2014/59.

653    Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel ilment jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni favur Banco Santander

654    Ir-rikorrenti jsostnu li, fost il-parteċipanti fil-proċedura ta’ bejgħ privat preċedenti, Banco Santander kien ippreferut, bi ksur tal-Artikolu 39(2)(b) tad-Direttiva 2014/59. Banco Santander ġie ppreferut minħabba l-esklużjoni ta’ akkwirenti potenzjali li ma kinux ipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat u minħabba termini mqassra. Huma jqisu li Banco Santander, li kien għadda diversi xhur jistudja l-possibbiltà li jakkwista lil Banco Popular, seta’ jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni privileġġata sabiex jagħmel offerta bi prezz baxx. Banco Santander kien l-uniku bank li kompla jkollu aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular. Il-fatt li d-data ta’ skadenza għat-tweġiba għas-sejħa għall-offerti tressqet ’il quddiem għas-6 ta’ Ġunju 2017 iffavorixxa lil Banco Santander.

655    Skont il-kriterju previst fl-Artikolu 39(2)(b) tad-Direttiva 2014/59, il-bejgħ ma jiffavorixxix indebitament lill-akkwirenti potenzjali u lanqas ma jiddiskrimina.

656    Fl-Artikolu 2(a)(ii) tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB iddikjara li l-proċedura ta’ bejgħ kellha tkun trasparenti sabiex tippermetti lill-akkwirenti potenzjali li jkunu qegħdin jipparteċipaw li jkunu infurmati b’mod ġust u xieraq f’kull stadju tal-proċediment. Hija kkunsidrat li kwalunkwe informazzjoni mitluba minn wieħed mill-akkwirenti potenzjali u pprovduta lilu għandha tiġi pprovduta fl-istess ħin lill-oħrajn kollha.

657    Għandu jiġi rrilevat li, permezz ta’ dan l-ilmenti, ir-rikorrenti ma jindirizzawx id-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, u lanqas l-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda l-proċedura ta’ bejgħ kif implimentata mill-FROB. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu ksur mis-SRB tal-Artikolu 39(2)(b) tad-Direttiva 2014/59. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn approva, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB, meta din tal-aħħar kienet tiffavorixxi lil Banco Santander bi ksur tal-Artikolu 39(2)(b) tad-Direttiva 2014/59.

658    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB fir-rigward ta’ Banco Popular kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 moqrija flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59 u, b’mod partikolari, li l-akkwirenti potenzjali kollha kienu avviċinati fl-istess data, kien kellhom aċċess għall-istess kamra virtwali tad-data, u li l-offerti tagħhom kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet u l-istess data ta’ skadenza.

659    Qabelxejn, mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li l-limitazzjoni tal-proċedura għal akkwirenti potenzjali li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat kienet ġustifikata. Ir-rikorrenti ma jispjegawx kif din il-limitazzjoni hija ta’ natura li tiffavorixxi lil Banco Santander meta mqabbel mal-erba’ istituzzjonijiet l-oħra li ġew ikkuntattjati mill-FROB sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ.

660    Sussegwentement, fir-rigward tat-twettiq tal-proċedura, għandu jitfakkar ukoll li, fost il-ħames akkwirenti potenzjali kkuntattjati mill-FROB, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed kien eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali. Fl-4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u BBVA, iffirmaw ftehim ta’ nondivulgazzjoni u, fil-5 ta’ Ġunju, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data. Fis-6 ta’ Ġunju, il-FROB bagħtitilhom l-ittra ta’ proċedura kif ukoll l-ftehim tax-xiri u tal-bejgħ (Sale and Purchase Agreement).

661    Permezz tal-ittra tas-6 ta’ Ġunju 2017, il-BBVA infurma lill-FROB li kien iddeċieda li ma jissottomettix offerta. Il-BBVA indika f’din l-ittra li:

“[…] fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-prezz u ta’ kundizzjonijiet oħra imposti fl-ittra ta’ proċedura, kif ukoll tal-insuffiċjenza tal-informazzjoni disponibbli, BBVA ma jinsabx f’pożizzjoni li jissottometti offerta skont it-termini ta’ din l-ittra ta’ proċedura u tal-ftehim tax-xiri u tal-bejgħ (Sale and Purchase Agreement, SPA) ippreżentati llum.

Minkejja dan ta’ hawn fuq, aħna nikkonfermaw ukoll li jekk tkun disponibbli informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-korpi governattivi tiegħu li debitament janalizzaw it-tranżazzjoni u jekk il-kundizzjonijiet tal-proċess jistgħu jinbidlu, il-BBVA jkun interessat li jipparteċipa fih.”

662    Il-fatt li BBVA infurma lill-FROB li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu ma kinitx tippermettilu li jippreżenta offerta ma jistax jiġi interpretat li jfisser li kellu inqas informazzjoni minn Banco Santander.

663    Fir-rigward tal-argument li t-tnaqqis fit-tul tal-proċedura kien jiffavorixxi lil Banco Santander, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra ta’ proċedura, it-terminu stabbilit kien l-istess għall-parteċipanti kollha. Barra minn hekk, l-akkwirenti potenzjali kollha kienu diġà pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat u għalhekk setgħu jiksbu konjizzjoni tal-informazzjoni relatata ma’ Banco Popular u janalizzawha matul l-istess perjodu ta’ żmien.

664    Barra minn hekk, kif jenfasizza s-SRB, l-istabbiliment tat-terminu għas-6 ta’ Ġunju f’nofsillejl kien iġġustifikat mill-fatt li, fl-istess jum, il-BĊE kien iddikjara lil Banco Popular f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li għalhekk dan tal-aħħar ma kienx ikun kapaċi jopera fis-suq l-għada u li għalhekk kellha tiġi adottata riżoluzzjoni b’mod urġenti.

665    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 661 iktar ’il fuq u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-BBVA, fl-ittra tiegħu indirizzata lill-FROB, ma ġġustifikax id-deċiżjoni tiegħu li ma jagħmilx offerta minħabba nuqqas ta’ ħin.

666    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB ma ffavorixxitx lil Banco Santander u li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li din il-proċedura kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39(2)(b) tad-Direttiva 2014/59.

667    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil Banco Santander

668    Ir-rikorrenti jsostnu l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil Banco Santander, bi ksur tal-Artikolu 39(2)(d) tad-Direttiva 2014/59, peress li din tal-aħħar ippreżentat l-offerta tagħha fis-7 ta’ Ġunju 2017 fit-3:12 a.m., jiġifieri, barra t-terminu stabbilit mis-SRB u mill-FROB, u li BBVA ma kienx infurmat li seta’ jagħmel offerta wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit. Madankollu, huma jqisu li, kieku BBVA kien ġie infurmat li t-terminu kien flessibbli, huwa kien ċertament jagħmel offerta. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-kontenut tal-ittra ta’ proċedura jikkontradixxi l-argument ta’ Banco Santander li t-terminu tas-6 ta’ Ġunju 2017 f’nofsillejl kien purament indikattiv.

669    Skont il-kriterju previst fl-Artikolu 39(2)(d) tad-Direttiva 2014/59, il-bejgħ ma jagħti l-ebda vantaġġ indebitu lil xi akkwirent potenzjali.

670    Hemm lok li jitfakkar li, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB infurmat lis-SRB bir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ u indikat li Banco Santander kien issottometta offerta fis-7 ta’ Ġunju fil-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB ippropona li Banco Santander, fil-kwalità tiegħu ta’ offerent rebbieħ fil-proċedura kompetittiva ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, jinħatar bħala l-akkwirent ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

671    Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ immexxija minn FROB fir-rigward ta’ Banco Popular kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59 u aċċetta l-proposta ta’ FROB li Banco Santander jinħatar bħala akkwirenti ta’ Banco Popular.

672    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi interpretat li huwa maħsub li jikkonstata li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn approva, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-proposta ta’ FROB li taħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent, meta dan tal-aħħar kien kiseb vantaġġ indebitu matul il-proċedura ta’ bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 39(2)(d) tad-Direttiva 2014/59.

673    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB ma stabbilixxa l-ebda terminu għall-proċedura tal-għażla għall-akkwirent ta’ Banco Popular. Għaldaqstant kien b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li t-terminu għall-preżentata tal-offerti kienet ġie stabbilit mis-SRB.

674    Fl-ittra ta’ proċedura, il-FROB kien stabbilixxa skeda għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular. Din l-iskeda kienet tipprevedi li l-offerti vinkolanti kellhom jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Ġunju 2017 f’nofsillejl. Din l-iskeda kienet tindika wkoll għas-7 ta’ Ġunju 2017, fis-1.00 a.m, li jsiru kuntatti mal-offerenti sabiex tiġi ffinalizzata l-proċedura u tintgħażel l-offerta; kellha mbagħad issir, fil-5:30 a.m., l-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB (skont il-każ) u l-eżekuzzjoni tal-ftehim tax-xiri u tal-bejgħ, fis-6:30 a.m., l-att tal-eżekuzzjoni ta’ FROB u, fis-7:00 a.m., l-għeluq u t-tħabbir tat-tranżazzjoni.

675    Kif jindika Banco Santander, l-iskop tal-iskeda tal-proċedura ta’ bejgħ stabbilita fl-ittra ta’ proċedura kien li jippermetti l-konklużjonijiet tal-formalitajiet kollha fis-7 ta’ Ġunju 2017 fis-7:00 a.m., sabiex Banco Popular ikun jista’ jopera normalment wara l-ftuħ tas-swieq, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat tfixkil tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

676    Sa fejn BBVA kien ħabbar fis-6 ta’ Ġunju, qabel l-iskadenza tat-terminu, li ma kienx ser jippreżenta offerta u li ma kienx iġġustifika din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li ma kellux żmien suffiċjenti, ma jistax jitqies li l-fatt li Banco Santander iddepożita l-offerta tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu kien jagħti lil dan tal-aħħar vantaġġ indebitu fuq BBVA.

677    Id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li BBVA kien żgur jagħmel offerta kieku ġie infurmat li t-terminu stabbilit minn FROB kien “flessibbli” huwa purament spekulattiv. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni tikkontradixxi l-argument tar-rikorrenti, imqajjem fir-replika, li s-SRB kellu jiżgura ż-żamma ta’ Banco Popular sa tmiem il-ġimgħa tal-10 u l-11 ta’ Ġunju 2017 sabiex jippermetti lil BBVA jlesti l-analiżi tiegħu tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular u jagħmel offerta. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-estensjoni bi ftit sigħat tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti kienet tippermetti lil BBVA jippreżenta offerta.

678    Peress li Banco Santander kien l-uniku parteċipant fil-proċedura li ppreżenta offerta definittiva u li kien ċert, wara t-tħabbira ta’ BBVA, li l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ ma kienet ser tippreżenta offerta, il-fatt li FROB aċċetta din l-offerta, minkejja li kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ proċedura, ma setax jagħti vantaġġ indebitu lil Banco Santander.

679    Barra minn hekk, mill-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“Il-Bord għandu japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx timmina xi wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment possibbli tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni;

u

b)      jqis li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat fl-indirizzar ta’ dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv ta’ riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 14(2).”

680    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, kif indikat fil-punt 629 iktar ’il fuq, li, fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB irrileva li, peress li l-akkwirent kien l-uniku wieħed li ppreżenta offerta, kien prudenti li jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu, u b’hekk jevita insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular, li, b’mod partikolari, setgħet tippreġudika l-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

681    Fil-fatt, li kieku s-SRB ma aċċettatx il-proposta ta’ FROB li Banco Santander jinħatar bħala akkwirent ta’ Banco Popular, Banco Santander kien jiġi stralċjat. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ħames motiv, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, stralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament bl-istess mod bħar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, ġie kkonstatat li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja.

682    Il-FROB bagħat lis-SRB, ir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular f’terminu suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni u jittrażmettiha lill-Kummissjoni fil-5.13 a.m. tas-7 ta’ Ġunju 2017. B’hekk, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha li tippermetti d-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fis-6:30 a.m. fl-istess ġurnata. L-iżvolġiment tal-proċedura għalhekk ippermetta lil FROB jikkonkludi l-formalitajiet kollha u li jagħlaq il-bejgħ qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ proċedura, jiġifieri qabel is-7 ta’ Ġunju 2017 fis-7:00 a.m.

683    Minn dan isegwi li l-proposta ta’ FROB li jaħtar lil Banco Santander bħala akkwirenti ta’ Banco Popular ma tatx vantaġġ indebitu lil Banco Santander u li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 39(2)(d) tad-Direttiva 2014/59.

684    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ ilment, dwar il-fatt li l-proċedura ta’ bejgħ ma kinitx maħsuba sabiex timmassimizza l-prezz tal-bejgħ

685    Ir-rikorrenti jsostnu li ma sarx tentattiv sabiex jinkiseb l-ogħla prezz possibbli tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59. Huma jqisu li l-fatt li ġie mminimizzat in-numru ta’ akkwirenti potenzjali elimina kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni bejn id-diversi atturi fis-settur bankarju, fatt li kieku kien jippermetti li jinkiseb l-ogħla prezz possibbli tal-bejgħ.

686    Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jallegaw essenzjalment li s-SRB kiser tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59, billi llimita, fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-proċedura ta’ bejgħ għall-ħames istituzzjonijiet li pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat.

687    Skont il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59, il-bejgħ huwa maħsub sabiex jimmassimizza, kemm jista’ jkun, il-prezz tal-bejgħ tal-azzjonijiet jew titoli oħra ta’ proprjetà, assi, drittijiet jew obbligi kkonċernati.

688    Issa, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li d-deċiżjoni tas-SRB li tillimita l-proċedura ta’ bejgħ għall-ħames istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat kienet iġġustifikata min-neċessità li l-proċedura tiġi ffinalizzata fi żmien qasir ħafna u li jiġu evitati r-riskju ta’ żvelar dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular u għalhekk ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

689    Barra minn hekk, fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB indika li l-proċedura ta’ bejgħ għandha timmira li timmassimizza l-prezz tal-bejgħ, filwaqt li tqis il-ħtieġa li titwettaq riżoluzzjoni fil-pront. Huwa speċifika wkoll li l-kriterju ewlieni għall-evalwazzjoni tal-offerti kien il-prezz offrut.

690    Fl-ittra ta’ proċedura, FROB indikat li l-prezz propost fl-offerti għandu jkun daqs jew ogħla minn EUR 1.

691    Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li juri li l-limitazzjoni tan-numru ta’ akkwirenti potenzjali għall-ħames parteċipanti fil-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx tippermetti kompetizzjoni reali fil-prezzijiet bejniethom.

692    Iċ-ċirkustanzi li seħħew matul il-proċedimenti, jiġifieri li erba’ mill-ħames parteċipanti rrinunzjaw li jippreżentaw offerta vinkolanti u li l-unika offerta vinkolanti ppreżentata kienet tipproponi prezz tax-xiri ta’ EUR 1 ma jistgħux jiġu attribwiti lis-SRB.

693    Għalhekk huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni ma kinitx maħsuba sabiex timmassimizza l-prezz tal-bejgħ bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59.

694    Fir-replika, ir-rikorrenti jżidu li t-tliet opzjonijiet fl-ittra ta’ proċedura kienu jippermettu lill-offerenti jifhmu li FROB impliċitament indikalhom li t-telf kien iwassal sabiex jinqered il-kapital kollu ta’ Banco Popular jew parti minnu. Huma jsostnu li, sabiex jinkiseb prezz li jimmassimizza l-valur tal-azzjonijiet, kien ikun neċessarju li s-SRB jobbliga lill-akkwirenti potenzjali jiddeterminaw it-telf huma stess.

695    B’dan l-argument, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kontenut tal-ittra ta’ proċedura adottata minn FROB. F’dik l-ittra, FROB semma li l-offerti kellhom jindikaw il-prezz propost li jitħallas għat-trasferiment tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular skont tliet opzjonijiet.

696    Minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument tar-rikorrenti huwa purament spekulattiv u ma huwiex ibbażat fuq data fattwali, iżda fuq l-allegata impressjoni li l-offerenti siltu mill-qari tal-ittra ta’ proċedura. Min-naħa l-oħra, dan l-argument ma jippermettix li jiġi jiddeterminat dak li r-rikorrenti qegħdin jallegaw fil-konfront tas-SRB.

697    Barra minn hekk, hemm lok li jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet purament spekulattivi tar-rikorrenti li skonthom, minn naħa, Banco Santander kien konxju li huwa kien l-uniku wieħed li ppreżenta offerta u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li Banco Popular jinbiegħ bil-prezz ta’ EUR 1 ittieħdet minn qabel.

698    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

699    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tikser l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 39(2)(a), (b), (d) u (f) tad-Direttiva 2014/59.

700    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq li s-SRB mhux ser iwettaq valutazzjoni definittiva ex post

701    Bit-tliet motivi l-ġodda tagħhom invokati fir-replika, miġbura fil-ħdax-il motiv, ir-rikorrenti jargumentaw li l-fatt li, is-SRB ma wettaqx valutazzjoni definittiva ex post kien jikkostitwixxi, fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 20(3) u (11) tar-Regolament Nru 806/2014, fit-tieni lok, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal rimedju effettiv u, fit-tielet lok, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.

702    Ir-rikorrenti jindikaw li ġew infurmati bil-fatt li ma kienet ser issir l-ebda valutazzjoni definittiva ex post permezz tat-tweġiba tas-SRB għall-mistoqsija mressqa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

703    Fil-fatt, fit-30 ta’ Lulju 2018, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-qafas ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-SRB indika li l-valutazzjoni 2 ma kinitx ser tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post. Is-SRB ikkunsidra li, minħabba l-pekuljaritajiet tal-każ preżenti, kien wasal għall-konklużjoni li valutazzjoni definittiva ex post ma kienet ser isservi l-ebda għan prattiku fil-kuntest tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas ma kienet ser twassal għal deċiżjoni ta’ kumpens skont l-Artikolu 20(12), tal-istess regolament.

704    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 hija, skont id-definizzjoni, sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

705    Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 603 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014, valutazzjoni provviżorja bħall-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

706    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

707    Minn dan jirriżulta li l-fatt li ssir jew le valutazzjoni definittiva ex post, li tkun manifestament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jaffettwa l-validità ta’ din tal-aħħar.

708    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistgħux jargumentaw li, peress li ma twettqitx valutazzjoni definittiva ex post, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex suffiċjentement motivata. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ valutazzjoni definittiva ex post ma tista’ fl-ebda każ tippermetti lis-SRB jissupplimenta l-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni a posteriori.

709    Għaldaqstant, l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-ħdax-il motiv huma ineffettivi u hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

710    Ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji.

711    Minn naħa, fir-rikors u fir-replika kif ukoll permezz tal-ittri tal-15 ta’ Novembru 2018, tal-20 ta’ April 2021 u tat-28 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni ta’ diversi dokumenti.

712    Hemm lok li jitfakkar li, permezz tad-digriet ta’ miżuri istruttorji tagħha tat-12 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikoli 91(b), 92(3) u 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB tipproduċi ċerti dokumenti msemmija fil-punt 95 iktar ’il fuq. Permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mis-SRB fil-verżjoni kunfidenzjali tagħhom ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Għall-kuntrarju, l-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas-6 ta’ Ġunju 2017, mingħajr l-anness tagħha, ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħra.

713    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, fir-rikors ipproponew is-smigħ ta’ diversi xhieda.

714    Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji mressqa minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

715    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk talba għas-smigħ ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li tisma’ x-xhieda ċċitati (ara s-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 29).

716    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tal-konklużjonijiet, il-motivi u l-argumenti żviluppati fil-mori tal-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

717    Minn dan isegwi li t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

718    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mis-SRB u minn Banco Santander kif mitluba minn dawn tal-aħħar.

719    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għalhekk għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fundación Tatiana Pérez de Guzmán el Bueno et Stiftung für Forschung und Lehre (SFL) huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u Banco Santander, SA.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Van der Woude

Jaeger

Kreuschitz

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq il-portata tar-rikors

– Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikolu 18, l-Artikolu 24(2)(a) u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ukoll l-Artikoli 32, 38 u 43 tad-Direttiva 2014/59, jiksru d-dritt għal smigħ sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta

– Fuq il-portata tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

– Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 21, 22, 24 u 27 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 38 u 63 tad-Direttiva 2014/59 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17(1), tal-Karta u l-prinċipju tal-libertà ta’ intrapriża, sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta

Fuq l-ewwel u r-raba’ motiv, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) u (c) tal-Karta u fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta

– Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

– Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

– Fuq it-tielet ilment, relatat mal-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59

– Fuq l-ewwel parti, marbuta mal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

– Fuq it-tieni parti, relatata mat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

– Fuq it-tielet parti, relatata mat-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ prudenza fis-settur bankarju

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċiti fl-Artikoli 17 u 52 tal-Karta

Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014

– Fuq l-ewwel ilment, dwar l-indipendenza tal-espert li wettaq il-valutazzjoni 2

– Fuq it-tieni lmenti, relatat mal-koeżistenza ta’ żewġ valutazzjonijiet ex ante

– Fuq it-tielet ilment, dwar il-metodu użat fil-valutazzjoni 2

– Fuq ir-raba’ ilment, dwar il-kredibbiltà tal-valutazzjoni 2.

Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tikser l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 39(2)(a), (b), (d) u (f) tad-Direttiva 2014/59

– Fuq l-ewwel ilment, relatat mat-trasparenza tal-proċedura ta’ bejgħ

– Fuq it-tieni lment, dwar l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni favur Banco Santander

– Fuq it-tielet ilment, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu mogħti lil Banco Santander

– Fuq ir-raba’ ilment, dwar il-fatt li l-proċedura ta’ bejgħ ma kinitx maħsuba sabiex timmassimizza l-prezz tal-bejgħ

Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq li s-SRB mhux ser iwettaq valutazzjoni definittiva ex post

Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol