Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, Afdeling Gent (il-Belġju) fit28 ta’ Diċembru 2023 – Minister van Financiën vs DRINKS 52 BVBA, NZ

(Kawża C-800/23, DRINKS 52)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank van eerste aanleg Oost-Vlaanderen, Afdeling Gent

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Minister van Financiën

Konvenuti: DRINKS 52 BVBA, NZ

Parti oħra: Openbaar Ministerie

Domandi preliminari

L-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni  (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikoli 220 u 221(1) tal-Algemene wet inzake douane en accijnzen (il-Liġi Ġenerali dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa, iktar ’il quddiem l-“AWDA”), fl-Artikoli 1382 u 1383 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili Belġjan) u fl-Artikoli 44 u 50 tal-iStrafwetboek (il-Kodiċi Kriminali Belġjan), li tipprovdi li, fil-każ li ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati l-beni kkonfiskati, ordni għall-ħlas tal-korrispettiv tal-beni suġġetti għas-sisa għandha, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) TUE, tiġi kklassifikata mhux bħala sanzjoni ta’ natura kriminali, jew saħansitra bħala sanzjoni, iżda bħala konsegwenza ċivili tal-kundanna kriminali?1

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) TUE, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit ukoll fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikoli 220 u 221(1) tal-AWDA, fl-Artikoli 1382 u 1383 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u fl-Artikoli 44 u 50 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan, li tipprovdi li, fil-każ li ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati l-beni kkonfiskati, ordni għall-ħlas tal-korrispettiv tal-beni suġġetti għas-sisa tista’ tiġi kkombinata ma’ ordni għall-ħlas ta’ multa kriminali billi jiġi applikat multiplikatur tad-dmirijiet evitati?

L-Artikolu 42 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 6(3) TUE, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit ukoll fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikoli 220 u 221(1) tal-AWDA, fl-Artikoli 1382 u 1383 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan u fl-Artikoli 44 u 50 tal-Kodiċi Kriminali Belġjan, li tipprovdi li, fil-każ li ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati l-beni kkonfiskati, ordni għall-ħlas tal-korrispettiv tal-beni suġġetti għas-sisa ma tattribwixxix lill-qorti nazzjonali setgħa ta’ mitigazzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, b’mod partikolari s-sitwazzjoni finanzjarja tal-akkużat?

____________

1 ĠU 2013 L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90 u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2.