Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2011 - Spirlea u Spirlea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-669/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Darius Nicolai Spirlea (Cappezzano Piamore, l-Italja) u Mihaela Spirlea (Cappezzano Piamore) (rappreżentanti: V. Foerster u T. Pahl, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' l-preżenti rikors ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE;

tikkonstata li r-rikors huwa ammissibbli, kif ukoll

tikkonstata li r-rikors huwa fondat u, konsegwentement, li l-Kummissjoni wettqet żbalji proċedurali sinjifikattivi u ksur ieħor tal-liġi sostantiva;

tannulla, abbażi ta' dan, id-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tad-9 Novembru 2011 (SG.B.5/MKu/rc-Ares [2011]);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ordni ta' eżami stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta kisret l-obbligu ta' eżami tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-ordni ta' eżami obbligatorju previst minn dan ir-regolament.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Istat Membru ġie informat bil-motivi li huma invokaw insostenn tat-talba tagħhom għall-aċċess għad-dokumenti, filwaqt li min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata fiha biss informazzjoni fil-qosor dwar it-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta ma kkomunikatilhomx it-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi u li huma ma setgħux jikkummentaw dwar il-fondatezza tal-oppożizzjoni tal-Istat Membru fir-rigward tal-eċċezzjonijiet neċessarji għal dan il-għan, previsti fl-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq in-nuqqas tal-Kummissjoni li tiċħad it-tieni eċċezzjoni

Ir-rikorrenti jqisu li l-konvenuta kisret l-obbligu tagħha li tiċħad it-tieni eċċezzjoni invokata mill-awtoritajiet Ġermaniżi [it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001].

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' identifikazzjoni tad-dokument li r-rikorrenti talbu aċċess għalih

Ir-rikorrenti jqisu li l-konvenuta kisret l-obbligu tagħha li tiddeskrivi bi preċiżjoni d-dokument li għalih ġie rrifjutat l-aċċess f'dak li jirrigwarda l-volum u l-awtur tiegħu.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ fil-proċess ta' konsultazzjoni

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-konvenuta ma setgħetx tastjeni milli tipprovdilhom it-talba għal konsultazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Fi kwalunkwe każ, huma jsostnu li t-tweġiba tal-awtoritajiet Ġermaniżi ma ġietx ipprovduta lilhom.

Is-seba' motiv, ibbażat fuq applikazzjoni illegali tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni estendiet il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) għall-"awtoritajiet Ġermaniżi" u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fl-eżami u fil-motivazzjoni taċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

It-tmien motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' eżami speċifiku tat-talba fid-dawl tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkunsidratx id-dritt ta' aċċess għal parti mid-dokumenti previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn hija sempliċement ikkunsidrat id-dokument fit-termini tal-Artikolu 4(2) ta' dan ir-regolament.

Id-disa' motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta' interess pubbliku ikbar fl-iżvelar tad-dokument [Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001]

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).