Language of document : ECLI:EU:T:2013:163

Kawża T‑671/11

IPK International – World Tourism Marketing Consultants GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna għall-finanzjament ta’ proġett ta’ turiżmu ekoloġiku — Rimbors tal-ammonti rkuprati — Deċiżjoni meħuda wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni preċedenti intiża għat-tħassir tal-għajnuna — Interessi kumpensatorji — Interessi moratorji — Kalkolu”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ April 2013

1.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Rimbors tal-ammonti rkuprati — Annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni intiża għat-tħassir tal-għajnuna finanzjarja — Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni wara dan l-annullament — Bażi legali

2.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Ħlas ta’ dejn li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Interessi dovuti — Kalkolu indipendentement min-natura kumpensatorja jew moratorja tal-interessi — Għan li jiġi evitat arrikkiment indebitu tal-Unjoni

3.      Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Ħlas ta’ dejn li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Interessi dovuti — Interessi kumpensatorji — Interessi moratorji — Distinzjoni — Bażi ta’ kalkolu tal-interessi moratorji — Ammont prinċipali tad-dejn flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti

1.      Meta l-Kummissjoni tirrikonoxxi b’deċiżjoni li hija debitriċi, fil-konfront tar-rikorrent, għal ċertu ammont, inklużi l-interessi kumpensatorji, il-fatt li l-Qorti Ġenerali, f’sentenza preċedenti li tannulla deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni, ikkonstatat il-preżenza ta’ irregolaritajiet imwettqa mir-rikorrent fir-rigward ta’ għajnuna għall-finanzjament ta’ proġett ta’ turiżmu ekoloġiku, ma jistax iqiegħed f’dubju l-eżistenza tad-dejn prinċipali u lanqas il-fatt li, f’din il-miżura, il-Kummissjoni għandha tħallas interessi li għandhom jiġu kkalkolati f’konformità mar-regoli rilevanti. Fil-fatt, minkejja li l-Qorti Ġenerali kkonfermat is-sejbiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni marbuta ma’ dawn l-irregolaritajiet li jiġġustifikaw, bħala regola ġenerali, l-annullament tal-imsemmija għajnuna, hija llimitat ruħha li tannulla d-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni minħabba n-nuqqas tagħha li tosserva t-terminu ta’ preskrizzjoni, b’tali mod li ma jirriżulta l-ebda obbligu li r-rikorrenti jiġi rrimborsat l-imsemmija għajnuna. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ulterjuri tal-Kummissjoni li permezz tagħha din tirrikonoxxi madankollu l-ammont totali li għandu jitħallas lir-rikorrent, inklużi l-interessi kumpensatorji kif ukoll il-mod tal-kalkolu tagħhom, hija l-unika bażi legali tad-dejn prinċipali.

(ara l-punti 33, 34)

2.      L-obbligu tal-Kummissjoni li tħallas dejn wara sentenza li tannulla waħda mid-deċiżjonijiet tagħha jkopri mhux biss l-ammont prinċipali tad-dejn iżda wkoll l-interessi prodotti minn dan l-ammont. F’dan ir-rigward, indipendentement mid-denominazzjoni preċiża tagħhom bħala interessi kumpensatorji jew moratorji, dawn l-interessi għandhom dejjem jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tal-finanzjament mill-ġdid billi din ir-rata tiġi miżjuda b’2 punti. Din hija żieda fissa applikabbli għall-każijiet kollha, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi kkonstatat konkretament jekk din iż-żieda hijiex ġustifikata jew le fid-dawl tal-inflazzjoni, matul il-perijodu rilevanti, fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-kreditur. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tali interessi jista’ jwassal għal arrikkiment indebitu tal-Unjoni. Iż-żieda fissa tar-rata ta’ interessi b’2 punti oriġinat mill-bżonn li jiġi evitat tali arrikkiment indebitu fiċ-ċirkustanzi kollha possibbli.

(ara l-punti 36-38)

3.      Meta l-Kummissjoni hija marbuta tikkumpensa jew tirrimborsa kreditur, hija għandha obbligu inkundizzjonat tħallas, flimkien mal-ammont prinċipali, l-interessi moratorji. Fejn il-Kummissjoni, wara sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla deċiżjoni preċedenti ta’ din, irrikonoxxiet f’deċiżjoni adottata minnha, li kienet obbligata tirrimborsa l-ammont prinċipali dovut u fejn jeżisti ftehim komuni tal-partijiet fuq dan il-punt, l-interess moratorji jingħaddu mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Din is-soluzzjoni tgħodd indipendentement mill-fatt li d-deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni rrikonoxxiet id-dejn, tikkostitwixxi l-unika bażi legali tal-imsemmi dejn prinċipali.

Il-Kummissjoni hija wkoll marbuta li tikkalkola l-interessi moratorji abbażi tal-ammont prinċipali dovut, flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement. Fil-fatt, anki jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ma tawtorizzax, bħala regola ġenerali, il-kapitalizzazzjoni tal-interessi kumpensatorji li saru dovuti qabel, jew tal-interessi moratorji li jsiru dovuti wara l-għoti ta’ sentenza li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dejn, il-Kummissjoni għandha madankollu tiffissa l-interessi moratorji sad-data tal-ħlas komplet abbażi tal-ammont prinċipali tad-dejn flimkien mal-interessi kumpensatorji li saru dovuti preċedentement. Dan l-approċċ jiddistingwi l-interessi kumpensatorji ta’ natura prekontenzjuża mill-interessi moratorji ta’ natura postkontenzjuża, fejn dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-totalità tat-telf finanzjarju akkumulat, inkluż minħabba l-inflazzjoni.

(ara l-punti 41, 42)