Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2022 minn RQ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-17 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-147/17, Anastassopoulos et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża C-7/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: RQ (rappreżentanti: M. Meng-Papantoni, H. Tagaras, avocats)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

Tiddeċiedi dwar il-kors sussegwenti tal-proċedura skont il-liġi;

Tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors tiegħu fir-rigward tal-att dannuż.

Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi:

Fir-rigward, qabelxejn, tar-responsabbiltà tal-Unjoni minħabba aġir illegali, il-Qorti Ġenerali injorat il-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta qieset li l-atti u l-ommissjonijiet tal-Eurogroupe ma setgħu fl-ebda każ iwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta qieset li s-sempliċi kisba ta’ bonds, sussegwentement skontati, minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, kienet suffiċjenti sabiex dawn jitqiesu bħala li huma f’sitwazzjoni identika jew paragunabbli fis-sens tal-ġurisprudenza.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fir-rigward tar-responsabbiltà mingħajr nuqqas. L-ewwel nett, skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali eskludiet, b’mod żbaljat, l-eżistenza stess ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas. It-tieni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura “anormali” tad-dannu.

____________