Language of document : ECLI:EU:T:2010:54

Kawża T-16/04

Arcelor SA

vs

Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Talba għal annullament — Nuqqas ta’ interess dirett u individwali — Talba għall-kumpens għad-danni — Ammissibbiltà — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali superjuri li tagħti drittijiet lill-individwi — Dritt ta’ proprjetà — Libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Libertà ta’ stabbiliment — Ċertezza legali”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Att normattiv — Direttiva

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE)

2.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(Artikoli 174 KE u 175(1) KE, u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, Anness I)

3.      Proċedura — Rikors promotur —- Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża — Sunt tal-motivi invokati

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

(Artikoli 174 KE u 175 KE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill 2003/87)

5.      Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat-Trattat

(Artikoli 3(1)(c) KE, 43 KE, 174 KE, 175 KE, u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE; Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2003/87)

6.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, Artikoli 10 KE, 174 KE sa 176 KE, u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE; Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1) u 11(1))

7.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1) u 11(1))

8.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(Artikoli 43 KE u 174 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 3(a), u 12(2) u (3))

9.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

(Artikolu 174 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1) u (3), u 11(1), u Anness III; Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358)

10.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Ċertezza legali

(Artikoli 2 KE u 3(1)(c) u (g) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 1)

1.      Il-fatt biss illi r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE ma jirrikonoxxix espressament l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn individwu kontra direttiva fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE ma huwiex biżżejjed sabiex tali rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. Fil-fatt, l‑istituzzjonijiet Komunitarji ma jistgħux jeskludu l-protezzjoni ġudizzjarja offruta lill-individwi mit-Trattat sempliċement bl-għażla tal-forma tal-att inkwistjoni, anki jekk din tkun ta’ direttiva. Bl-istess mod, il-fatt biss li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jifformaw parti minn att ta’ applikazzjoni ġenerali li jikkostitwixxi direttiva vera u mhux deċiżjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, adottat fil-forma ta’ direttiva, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jikkonċernaw individwu direttament u individwalment.

(ara l-punt 94)

2.      Minkejja illi huwa veru illi meta jadottaw att ta’ applikazzjoni ġenerali, l‑istituzzjonijiet Komunitarji għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet legali superjuri, inklużi d-drittijiet fundamentali, l-allegazzjoni li tali att jikser dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn id-drittijiet ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex ir-rikors ta’ individwu jiġi ddikjarat ammissibbli, mingħajr ma jintilef l-iskop tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 230 KE, sakemm l-allegat ksur ma jkunx ta’ natura li jindividwalizzaha bl-istess mod kif ikun individwat destinatarju.

F’dan ir-rigward, ma teżisti ebda dispożizzjoni espressa u speċifika, la fuq livell ta’ dispożizzjoni superjuri u lanqas fuq livell ta’ dritt sekondarju, li tobbliga lil-leġiżlatur Komunitarju sabiex, waqt il-proċess ta’ adozzjoni tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, jagħti attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-produtturi tal-ħadid mhux maħdum jew tal-azzar, meta mqabbla ma’ dik tal-operaturi tas‑setturi industrijali l-oħra indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, b’mod partikolari, l‑Artikolu 174 KE u l-Artikolu 175(1) KE, inkwantu bażijiet legali għall-attività leġiżlattiva tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent, ma jistabbilixxux obbligu bħal dan.

Barra minn hekk, impriża li tipproduċi l-azzar ma tistax tiġi kkunsidrata bħala individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87.

(ara l-punti 102, 103, 105)

3.      Rikors għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jakkuża bih lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet għaliex jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit, kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu.

Madankollu, jekk, fid-dawl tal-fatti fil-mument tal-preżentata ta’ rikors għad‑danni minħabba l-aġir allegatament illegali tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill meta adottaw id-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, dan id‑dannu kien neċessarjament wieħed futur peress li d-direttiva kkontestata kienet għadha qed tiġi trasposta fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u jekk, fid-dawl tal‑marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-implementazzjoni tal‑iskema għall-iskambju ta’ kwoti fit-territorji tagħhom b’applikazzjoni tal‑pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti ma setgħetx tippreċiża l-portata eżatta ta’ dan id-dannu futur fil-mument li fih ippreżentat ir‑rikors tagħha. Ma kienx indispensabbli li fir-rikors tiġi ppreċiżata, inkwantu kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, il-portata eżatta tad-dannu, u inqas u inqas li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ dannu mitlub, peress li, fi kwalunkwe każ, dan jibqa’ possibbli sal-istadju tar-replika, bil-kundizzjoni li r-rikorrent jinvoka tali ċirkustanzi u jindika elementi li jippermettu li jiġu evalwati n-natura u l-portata tad-dannu sabiex imbagħad il-konvenut ikun f’pożizzjoni li jippreżenta d-difiża tiegħu.

(ara l-punti 132, 135)

4.      Sabiex jingħata lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, eventwali ksur suffiċjentement serju tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom bħala għan li jikkonferixxu drittijiet lill-individwi għandu jistrieħ fuq il-fatt illi l-leġiżlatur Komunitarju jkun abbuża, b’mod manifest u gravi, mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu fil-qasam tal-ambjent taħt l-Artikoli 174 KE u 175 KE. Fil-fatt, l‑eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jirrikjedi, l-ewwel nett, li l-leġiżlatur Komunitarju jantiċipa u jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta, u, it-tieni nett, l-ibbilanċjar u l-arbitraġġ mil‑leġiżlatur Komunitarju tal-għanijiet, tal-prinċipji u tal-interessi taħt l‑Artikolu 174 KE. Dan jirriżulta fl-imsemmija direttiva permezz tal-istabbiliment ta’ serje ta’ għanijiet u ta’ sotto-għanijiet parzjalment kontradittorji.

(ara l-punti 141, 143)

5.      L-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom iħarsu, l-istess bħall-Istati Membri, il‑libertajiet fundamentali, bħal-libertà ta’ stabbiliment, li jservu sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità, b’mod partikolari dak tat-twettiq ta’ suq intern kif stabbilit fl-Artikolu 3(1)(ċ) KE.

Madankollu, minn dan l-obbligu ġenerali ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju għandu jirregola s-suġġett inkwistjoni b’mod illi l-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari meta din tieħu l-forma ta’ direttiva fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, tipprovdi soluzzjoni eżawrjenti u definittiva għal ċerti problemi mqajma fir-rigward tat-twettiq tas-suq intern jew tarmonizza kompletament il-liġijiet nazzjonali sabiex telimina kull ostakolu li jista’ jkun hemm għall-kummerċ intra-Komunitarju. Meta l-leġiżlatur Komunitarju huwa msejjaħ jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, bħas-sistema ta’ kwoti, implementata permezz tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, huwa jista’ juża approċċ maqsum fi stadji u jistabbilixxi biss armonizzazzjoni progressiva tal-liġijiet nazzjonali inkwistjoni, peress li l-implementazzjoni ta’ tali miżuri hija ġeneralment diffiċli minħabba li hija tirrikjedi, l-ewwel nett, li l-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti jistabbilixxu, abbażi ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali diversi u kumplessi, dispożizzjonijiet komuni, konformi mal-għanijiet iddefiniti mit-Trattat u li jkunu jaqblu magħhom maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill. Dan huwa wkoll il-każ tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ambjent skont l‑Artikoli 174 KE u 175 KE.

(ara l-punti 177-178)

6.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE, direttiva torbot lil kull Stat Membru destinatarju biss fir-rigward tar-riżultat li jkollu jintlaħaq iżda tħalli f’idejn l-istanzi nazzjonali sabiex jagħżlu l-forma u l-metodi, li loġikament ifisser li dan l-Istat ikollu neċessarjament marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxi l-miżuri ta’ traspożizzjoni. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit‑tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, li għalih tirreferi l-premessa 30 tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, il-Kummissjoni tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet tal‑azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membru u għaldaqstant, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju. Mill-Artikoli 174 KE sa 176 KE jirriżulta li, fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, il-kompetenzi tal-Komunità u tal-Istati Membri huma kondiviżi. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam ma tipprovdix għal armonizzazzjoni kompleta u l-Artikolu 176 KE jipprovdi għall-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ protezzjoni iktar b’saħħithom, peress li dawn huma suġġetti biss għall-kundizzjoni li jkunu kompatibbli mat-Trattat u li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

Skont dawn il-prinċipji, id-Direttiva 2003/87 inkwistjoni ma tipprovdix għal armonizzazzjoni kompleta, fuq il-livell Komunitarju, tal-kundizzjonijiet li huma l‑bażi tat-twaqqif u tal-funzjonament tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti. Fil-fatt, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din is-sistema, b’mod partikolari fl-ambitu tal-preparazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom u tad‑deċiżjonijiet awtonomi tagħhom tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) tal-imsemmmija direttiva. Konsegwentement, il-fatt biss li l-leġiżlatur Komunitarju ħalla miftuħa kwistjoni partikolari li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u ta’ libertà fundamentali, bħal-libertà ta’ stabbilimenti, b’mod li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw din il-kwistjoni fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom, naturalment b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali superjuri Komunitarji, ma jiġġustifikax, fih innifsu, il-kwalifika ta’ din l-omissjoni bħala kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont id-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali taħt l-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-direttivi jkunu effettivi, li jfisser ukoll li għandhom jinterpretaw id-dritt intern fid-dawl tal-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata d-direttiva inkwistjoni.

(ara l-punti 179, 180)

7.      Kemm il-leġiżlatur Komunitarju meta jadotta direttiva, kif ukoll l-Istati Membri, meta jittrasponu l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali, għandhom jiżguraw li jitħarsu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. B’hekk, l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-protezzjoni tal-prinċipji ġenerali rikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku Komunitarju, fosthom id-drittijiet fundamentali, jorbtu lill-Istati Membri anki meta jimplementaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja u, għaldaqstant, dawn ikunu obbligati, sa fejn ikun possibbli, li japplikaw din il-leġiżlazzjoni b’mod li ma jiksrux l-imsemmija eżiġenzi. Dawn il-prinċipji japplikaw b’analoġija għal-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE.

F’dan ir-rigward, jekk id-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, u b’mod partikolari, l-Artikoli 9(1) u 11(1) tagħha, jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, din hija, bħala prinċipju, wiesgħa biżżejjed sabiex ikunu jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva b’mod konformi mal-eżiġenzi li jirriżultaw mill‑protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet fundamentali tat-Trattat. Barra minn hekk, peress li l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva hija suġġetta għall-istħarriġ mill-qrati nazzjonali, huma dawn il-qrati li għandhom iressqu domanda preliminari skont l-Artikolu 234 KE fil-każ li jiltaqgħu ma diffikultajiet dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tagħha. Għaldaqstant, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttiva kkontestata, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar li tkun kunfliġġenti mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad‑dritt Komunitarju, jew mal-libertajiet fundamentali tat-Trattat, bħal-libertà ta’ stabbiliment. Il-leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi kkritikat li ma sabx soluzzjoni eżawrjenti u definittiva, fil-qafas ta’ direttiva, għal diffikultà li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, meta din id-direttiva tirriżerva għall-Istati marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom jirrispettaw kompletament id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 181-184)

8.      Fin-nuqqas ta’ trasferiment transkonfinali liberu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-sens tal-Artikolu 12(2) u (3), moqri flimkien mal-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, l-effikaċja u l-effiċjenza ekonomika tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jiġu ddisturbati ħafna. Huwa għal din ir-raġuni li l‑Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu ġenerali li jiżguraw li din il-libertà tkun effettiva fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva ma tipprovdi għal ebda restrizzjoni fir-rigward ta’ trasferiment transkonfinali ta’ kwoti bejn persuni ġuridiċi tal-istess grupp ta’ impriżi, irrispettivament mis-sede ekonomika u/jew soċjali tagħhom fis-suq intern. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 iċċitati iktar ’il fuq, ma jistax jiġi konkluż li din iġġib magħha restrizzjoni illegali għal-libertajiet fundamentali tat-Trattat, inkluża l-libertà ta’ stabbiliment, jew li hija twassal lill-Istati Membri sabiex ma josservawx dawn il‑libertajiet. Il-leġiżlatur Komunitarju, inqas u inqas, ma jistax jinżamm responsabbli talli, f’dan ir-rigward, huwa abbuża, b’mod manifest u gravi, mil‑limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu taħt l-Artikolu 174 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 43 KE.

(ara l-punti 188, 190)

9.      Id-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma fiha ebda dispożizzjoni li tirregola l-portata tal-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw kemm mill-insuffiċjenza ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mogħtija lil stallazzjoni kif ukoll mill-prezz ta’ dawn il-kwoti, peress li dan il-prezz huwa esklużivament iddeterminat mill-forzi tas-suq imwaqqaf wara l-istabbiliment tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti li, skont l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, hija intenzjonata li tippromwovi t‑tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward l-ispejjeż u effiċjenza ekonomika. Regolamentazzjoni Komunitarja tal-prezzijiet tal-kwoti tista’ tfixkel l-għan prinċipali ta’ din id-direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti effettiva, li fil-qafas tagħha l-ispiża tal-emissjonijiet u tal-investimenti mwettqa sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet tkun essenzjalment iddeterminata mill-mekkaniżmi tas-suq (premessa 5 tal-imsemmija direttiva). Minn dan jirriżulta li, fil-każ li l-kwoti ma jkunux biżżejjed, l-inċentiv tal-operaturi sabiex inaqqsu jew le l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra jiddependi minn deċiżjoni ekonomika kumplessa meħuda wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli fis-suq ta’ skambju u, it-tieni nett, l-ispiża ta’ eventwali miżuri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li l-għan tagħhom jista’ jkun jew li jnaqqsu l-produzzjoni, jew li jinvestu f’metodi ta’ produzzjoni iktar effikaċi fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika (premessa 20 tal-istess direttiva).

Fi skema bħal din, iż-żieda fl-ispiża tal-emissjonijiet u, għaldaqstant, fil-prezzijiet tal-kwoti, li tiddependi minn serji ta’ parametri ekonomiċi, ma tistax tiġi rregolata minn qabel mil-leġiżlatur Komunitarju, għaliex imbagħad ikun hemm riskju li jitnaqqsu, u anki jintilfu għal kollox l-inċentivi ekonomiċi li jikkostitwixxu l-bażi tal-funzjonament tagħha u b’hekk tiġi mfixkla l-effettività tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti. Barra minn hekk, it-twaqqif ta’ tali sistema, inklużi l-premessi ekonomiċi tagħha, bil-għan li jiġu osservati l-obbligi li joħorġu mill-Protokoll ta’ Kyoto, jaqa’ taħt il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandu l-leġiżlatur Komunitarju taħt l-Artikolu 174 KE u jikkostitwixxi, fih innifsu, għażla leġittima u xierqa tiegħu. Huwa fuq il-bażi ta’ din l-għażla leġittima li l-leġiżlatur Komunitarju bbaża l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti fuq il-premessa li ġejja li, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87, huma l-Istati Membri li jiddeċiedu, abbażi tal-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom u fl‑eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom f’dan ir-rigward, dwar il‑kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati u dwar l-għoti individwali tal‑imsemmija kwoti lill-istallazzjonijiet stabbiliti fit-territorju tagħhom. Din id‑deċiżjoni hija suġġetta biss għal kontroll tal-Kummissjoni li jsir minn qabel u li huwa limitat, skont l-Artikolu 9(3) ta’ din l-istess direttiva, b’mod partikolari, għall-kriterji stabbiliti fl-Anness III. B’hekk, id-differenzi li għalihom huma suġġetti l-għanijiet u l-miżuri ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet tad-diversi Stati Membri, li huma r-riżultat tal-obbligi tagħhom taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, kif rifless fil-pjan ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet stabbilit mid-Deċiżjoni 2002/358, dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall‑Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t‑twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu u, għaldaqstant, l-inċertezza fir-rigward tal‑importanza tal-kwantità totali u tal-kwantitajiet individwali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lid-diversi setturi industrijali u lill-operaturi fuq il-bażi tal‑PNA differenti, ma humiex attribwibbli għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwantu tali.

(ara l-punti 199-202)

10.    In-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-iżvilupp tas-suq ta’ skambju jikkostitwixxi element inerenti u li ma jistax jiġi separat mill-mekkaniżmu ekonomiku li jikkaratterizza l‑iskema għall-iskambju ta’ kwoti, stabbilita bid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l‑Komunità, li hija suġġetta għar-regoli klassiċi tal-offerta u d-domanda li jikkaratterizzaw suq liberu u kompetittiv skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1, moqri flimkien mal-premessa 7 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 2 KE u l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) KE. Għaldaqstant, dan l-aspett ma jistax jiġi kkwalifikat bħala li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali għaliex inkella jiġu mminati l-fundamenti ekonomiċi stess tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti kif stabbiliti mill-imsemmija direttiva skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(ara l-punt 203)