Language of document : ECLI:EU:T:2016:4

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

14 ta’ Jannar 2016

Kawża T-94/13 P

Ioannis Ntouvas

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

“Appell – Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Evalwazzjoni – Rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera – Eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2010 – Ċħid tar-rikors fl-ewwel istanza – Terminu għall-preżentata tad-difiża – Proroga – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Artikolu 39(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Regolarità tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2012, Ntouvas vs ECDC (F-107/11, ĠabraSP, EU:F:2012:182), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      L-appell huwa miċħud. Ioannis Ntouvas huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Appell – Aggravji – Aggravju intiż biex tiġi kkritikata d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tipproroga t-terminu għall-preżentata tar-risposta – Ammissibbiltà

(Artikolu 257 TFUE, Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Preżentata tar-risposta – Terminu – Proroga – Ċirkustanzi eċċezzjonali – Setgħa diskrezzjonali tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 39(2))

1.      Fil-kuntest ta’ appell minn sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-miżuri adottati minnu matul il-proċedura li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-parti li tikkontestahom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura, abbażi tal-Artikolu 11 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar il-proroga tat-terminu għall-preżentata tar-risposta mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack, T-197/11 P u T-198/11 P, ĠabraSP, EU:T:2012:690, punti 92 u 93

2.      L-Artikolu 39(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi li, fuq talba mmotivata, il-President tal-imsemmi Tribunal jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jipproroga t-terminu għall-preżentata tar-risposta. F’dan ir-rigward, il-konvenut għandu jimmotiva t-talba tiegħu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni billi jinvoka l-argumenti li dan iqis rilevanti u li jsostnihom bi provi, jekk jaħseb li jkun meħtieġ, mingħajr ma dawn jikkostitwixxu elementi meħtieġa għall-validità ta’ din it-talba.

Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 39(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-President ta’ dan it-Tribunal għandu ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi dwar il-proroga tat-terminu għall-preżentata tar-risposta, li dan jista’ jagħti f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fir-rigward tal-kliem u tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna lill-imsemmi President f’dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi invokati bħala eċċezzjonali u l-opportunità li jagħti tali proroga.

(ara l-punti 37 u 44 sa 46)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Strack, T-197/11 P u T-198/11 P, ĠabraSP, EU:T:2012:690, punt 92