Language of document :

Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2017 – Pilla vs Il-Kummissjoni u EACEA

(Kawża T-784/16) 1

(“Rikors għal annullament u għad-danni – Miżuri provviżorji – Talba għal għajnuna legali mressqa wara l-preżentata ta’ rikors – Programm “Creative Europe (2014-2020)” – Sejħa għal proposti dwar is-sostenn għal azzjoni preparatorja – Deċiżjoni li tiċħad il-kandidatura għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ kriterju ta’ eliġibbiltà – Sussidji disponibbli biss għall-persuni ġuridiċi – Ksur tar-rekwiżiti formali – Assenza tal-imputabbiltà tal-atti lill-ECEA – Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Rinaldo Pilla (Venafro, l-Italja) (rappreżentanti: A. Silvestri, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Aresu u C. Gheorghiu, aġenti) u L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) (rappreżentanti: H. Monet u V. Sansonetti, aġenti)

Suġġett

Fl-ewwel lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Settembru 2016 li tiċħad il-kandidatura ppreżentata mir-rikorrent fil-kuntest tas-sejħa għal proposti “EAC/S05/2016, Support for a preparatory action to create an EU Festival Award and an EU Festival Label in the field of Culture: EFFE (Europe for Festivals – Festivals for Europe)” tas-26 ta’ April 2016, fit-tieni lok, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali, prinċipalment, tikkonstata u tiddikjara l-ammissabbiltà tal-kandidatura tar-rikorrent jew, sussidjarjament, tannulla il-“proċedura ta’ għażla nnifisha”, fit-tielet lok, talba intiża għall-ksib tas-sospensjoni tal-proċedura ta’ għażla u, fir-raba’ lok, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament sofra minħabba ċ-ċaħda tal-kandidatura tiegħu.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud għaliex manifestament inammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat kontra l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

Ir-rikors huwa miċħud parzjalment għaliex manifestament inammissibbli u parzjalment għaliex manifestament infondat fid-dritt, sa fejn dan huwa indirizzat kontra l-Kummissjoni Ewropea.

It-talba għal għajnuna legali hija miċħuda.

Rinaldo Pilla huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1     ĠU C 6, 9.1.2017.