Language of document :

Appell ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2023 minn Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) fl-24 ta’ Mejju 2023 fil-Kawża T-451/20, Meta Platforms Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-497/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd (rappreżentant: D. Jowell KC, D. Bailey, Barrister-at-Law, J Aitken, D. Das, S. Malhi u R. Haria, Solicitors, T. Oeyen, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3011 finali tal-4 ta’ Mejju 2020 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) u tal-Artikolu 24(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40628 – Prattiki ta’ Facebook relatati mad-data) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9231 final tal-11 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

jew, sussidjarjament:

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid dwar it-tieni u t-tielet aggravji tat-talba għal annullament;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri u tadatta l-kundanna fir-rigward tal-ispejjeż fis-sentenza appellata sabiex tirrifletti r-riżultat tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tqajjem l-aggravji li ġejjin.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat it-tieni motiv, u wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 132 sa 155, li t-termini ta’ tfittxija stabbiliti fil-punt 132 u fil-punt 149 tas-sentenza appellata kienu konformi mal-prinċipju ta’ neċessità li jinsab fl-Artikoli 18(1) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 1 . B’mod partikolari:

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 134, 138, 140, 143 u 146 tas-sentenza appellata meta kkonstatat, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ neċessità kien issodisfatt sempliċement għaliex il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tassumi, meqjusa kompletament fl-astratt, li t-termini ta’ tfittxija setgħu jgħinuha tiddetermina jekk l-aġir fil-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata seħħx. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti ebda piż (jew sussidjarjament piż suffiċjenti) lill-fatt li t-termini ta’ tfittxija ġenerali mhux dovuti li l-Kummissjoni kienet għażlet, meta applikati għad-dokumenti kollha tad-depożitarji matul il-perijodu kollu, kienu ser iwasslu sabiex jagħtu lok għal preponderanza kbira ta’ dokumenti li ma għandhom ebda konnessjoni mal-investigazzjoni (u li ħafna minnhom ikun fihom informazzjoni sensittiva personali jew kummerċjalment kunfidenzjali), f’ċirkustanzi fejn il-Kummissjoni kienet konxja minn qabel li dan ikun il-każ.

Il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ tfittxijiet alternattivi u iktar proporzjonati fil-punt 136 tas-sentenza appellata kif ukoll fil-punti 140, 143 u 146 li sempliċement jirreferu għall-punt 136.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 150 tas-sentenza appellata sa fejn iddeċidiet li dokumenti jistgħu jitqiesu bħala irrilevanti għall-investigazzjoni “biss wara l-applikazzjoni tat-termini ta’ tfittxija fid-databases tar-rikorrenti”. F’termini prattiċi, approċċ bħal dan għandu r-riskju reali li jagħmel il-prinċipju ta’ neċessità mhux ġudizzjarju. Fil-fatt, tagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni li huwa bla limiti u jagħmel il-prinċipju ta’ neċessità superfluwu. Ma hijiex interpretazzjoni korretta tar-rekwiżit legali tan-neċessità (u tal-proporzjonalità) li awtorità tippermetti li tapplika termini ta’ tfittxija manifestament wesgħin żżejjed fuq numru kbir ta’ dokumenti li bi tweġiba jiġġeneraw ammont kbir ta’ dokumenti irrilevanti u kunfidenzjali. Il-punt 150 injora wkoll u żnatura s-sens veru tal-provi tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet konxja minn qabel li t-termini ta’ tfittxija tagħha kienu se jaqbdu predominanza kbira ta’ dokumenti irrilevanti (kif ipprovat li kien il-każ).

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi fil-punti 152 sa 153 meta rrifjutat li tikkunsidra l-qafas legali applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni bħala rilevanti għal talbiet għal informazzjoni u billi ppermettiet lill-Kummissjoni titlob dokumenti mingħajr il-garanziji jew filtri ekwivalenti għal dawk mogħtija waqt l-ispezzjonijiet. taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti fil-punt 120 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li “evalwazzjoni globali tal-osservanza tal-prinċipju ta’ neċessità mill-Kummissjoni ma hijiex adatta”.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat it-tielet motiv, u wettqet żball ta’ liġi fil-punti 226 sa 239 tas-sentenza appellata meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet titlob dokumenti li kien fihom informazzjoni personali u li kienu wkoll marbuta mal-attivitajiet kummerċjali tal-appellanti, mingħajr ma tipprovdi xi salvagwardji jew filtru għall-informazzjoni personali.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).