Language of document : ECLI:EU:C:2017:480

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-20 ta’ Ġunju 2017(1)

Kawża C-670/16

Tsegezab Mengesteab

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva, Minden, Ġermanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 – Talbiet biex jittieħed inkarigu fis-sens tal-Artikolu 21(1) – Terminu għat-tressiq ta’ talba biex jittieħed inkarigu – Mument minn meta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun issottomessa skont l-Artikolu 20(2) – Mument minn meta t-terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) jibda jiddekorri – Jekk nuqqasijiet ta’ konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal appell jew reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(1)”






1.        F’din il-kawża għal deċiżjoni preliminari l-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva, Minden, il-Ġermanja) titlob gwida ddettaljata dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi aspetti tar-Regolament Dublin III (2) u ta’ ċerti atti tal-Unjoni Ewropea li huma l-bażi tal-proċeduri stabbiliti minn dak ir-regolament (3). L-ewwel nett, tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li ssottometta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru “A”, iżda dak l-Istat jitlob lill-Istat Membru “B” biex jieħu l-inkarigu jagħmel l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu u l-Istat Membru “B” isir l-Istat Membru responsabbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, il-persuna kkonċernata jkollhiex id-dritt tikkontesta d-deċiżjoni ta’ trasferiment tal-Istat Membru “A” skont l-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-regolament abbażi li t-talba biex jittieħed inkarigu kienet tkun saret wara li t-terminu stabbilit fir-Regolament Dublin III kien ikun skada? It-tieni nett, xi jkun seħħ preċiżament li jindika l-bidu tal-perijodu li fih Stat Membru “A” (iktar ’il quddiem “Stat Membru li jagħmel it-talba”) ikollu jagħmel talba biex jittieħed inkarigu? Jinqalgħu għadd ta’ domandi sekondarji bħal dawn dwar dan, bħal: il-perijodu jibda meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta lilu nnifsu lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u jagħmel it-talba inizjali tiegħu għal protezzjoni internazzjonali? Jew meta awtoritajiet ta’ Stat Membru joħorġu dokument li jkun jikkonferma li l-persuna kkonċernata jkollha d-dritt tibqa’ f’dak l-Istat Membru sakemm tinqata’ l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali u li hija tkun intitolata għal ċerta assistenza matul dak il-perijodu, inklużi akkomodazzjoni u benefiċċji tas-sigurtà soċjali? Jew meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ssottomessa għand l-awtoritajiet kompetenti (u, jekk huwa hekk, x’jikkostitwixxi s-“sottomissjoni” ta’ tali applikazzjoni)?

 Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

2.        L-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) jiggarantixxi d-dritt għall-ażil bl-osservanza kif imiss tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève, tat-28 ta’ Lulju 1951, dwar l-istatus ta’ refuġjati (5) u skont it-Trattati.

3.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi li kull persuna li jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (6).

4.        Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-portata tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta li jikkorrispondu għal drittijiet skont il-KEDB għandhom ikunu l-istess.

 Is-sistema ta’ Dublin — ħarsa ġenerali

5.        L-oriġinijiet tas-sistema ta’ Dublin imorru lura għall-mekkaniżmu bejn l-Istati fil-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (7) Is-sistema ta’ Dublin tistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex tkun stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jiddetermina applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Dawk id-dispożizzjonijiet kienu inkorporati fil-Konvenzjoni ta’ Dublin (8) li kienet iddaħħlet fl-acquis tal-Unjoni mit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997 u sussegwentement kienet issostitwita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (9).

 Ir-Regolament Dublin III

6.        Id-dikjarazzjonijiet li ġejjin huma magħmula fil-premessi:

–        Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali (10).

–        Id-Direttiva dwar proċeduri (11) għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali regolati skont ir-Regolament Dublin III, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva (12).

–        Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (13).

–        Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament Bublin III, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. (14) Ir-Regolament Dublin III jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-Karta, u għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ (15).

7.        L-Artikolu 2 jagħti d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(a)      ‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 20(1) TFUE u li mhijiex ċittadin ta’ Stat li jipparteċipa [fir-Regolament Dublin III] permezz ta’ ftehim mal-Unjoni Ewropea;

(b)      ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) [tad-Direttiva dwar il-kwalifika (16)];

(c)      ‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;

[…]”

8.        Il-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III huwa li l-Istati Membri għandhom “jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li [t]applika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III […] juru li huwa responsabbli”. Konformement mal-Artikolu 3(2), fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati fil-Kapitolu III, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet issottomessa għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jikkodifika s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża N.S. et (17) u jgħid:

“Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 [tal-Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.”

9.        L-Artikolu 4(1) jgħid, “Malli applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata fis-sens tal-Artikolu 20(2) fi Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti tiegħu għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament […]” (18). L-Istati Membri jintalbu wkoll jintervistaw applikanti skont l-Artikolu 5(1) (19).

10.      Il-Kapitolu III huwa magħmul mill-Artikoli 7 sa 15. L-Artikolu 7(1) jgħid li l-kriterji tal-Kapitolu III għandhom ikunu applikati skont il-ġerarkija stabbilita f’dak il-kapitolu. L-Istat Membru responsabbli għandu jkun iddeterminat fuq is-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant kien issottometta għall-ewwel darba l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għand Stat Membru [Artikolu 7(2)].

11.      Fuq nett tal-ġerarkija hemm dawk il-kriterji relatati ma’ minorenni (Artikolu 8) u ma’ membri tal-familja (Artikoli 9, 10 u 11). Il-qorti tar-rinviju ma indikatx li dawn huma rilevanti fil-kawża prinċipali.

12.      L-Artikolu 13(1) jiddisponi:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) [tar-Regolament Dublin III], inklużi d-data li jirreferi għalihom [ir-Regolament Eurodac], li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

13.      Konformement mal-Artikolu 17(1), “[p]ermezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti [fir-Regolament Dublin III]”.

14.      Skont l-Artikolu 18(1)(a), l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat jieħu inkarigu ta’ applikant li jkun issottometta applikazzjoni fi Stat Membru differenti. F’każijiet bħal dawn, l-Artikolu 18(2) jgħid li l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

15.      Ir-regoli tal-proċeduri għal “teħid ta’ inkarigu” u “teħid lura” huma stabbiliti fil-Kapitolu VI. L-Artikolu 20 jiddisponi:

“1.      Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

2.      Applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir.

[…]”

16.      L-Artikolu 21(1) jgħid:

“Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ [riżultat pożittiv] mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 [tar-Regolament Eurodac], it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-“hit” skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

17.      Konformement mal-Artikolu 22(1), l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u jkun jeħtieġlu jieħu deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant fi żmien xahrejn minn meta jkun irċieva t-talba. Bis-saħħa tal-Artikolu 22(2), għandhom ikunu użati ċerti provi u indizji. L-Artikolu 22(7) jiddisponi li jekk l-Istat Membru mitlub jonqos milli jaġixxi fil-perijodu ta’ xahrejn speċifikat fl-Artikolu 22(1) dan ikun ifisser li huwa jkun aċċetta t-talba biex jittieħed inkarigu fil-proċedura biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli b’rabta mat-talba biex jittieħed inkarigu.

18.      Il-proċeduri għal talbiet għal teħid lura huma stabbiliti fl-Artikoli 23 sa 25. Meta Stat Membru li applikant ikun issottometta għandu applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jqis li Stat Membru ieħor ikun responsabbli, huwa jkun jista’ jagħmel talba għal teħid lura [Artikolu 23(1)]. Din it-talba għandha ssir kemm jista jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta huwa jkun irċieva riżultat pożittiv mill-Eurodac. Meta t-talba biex persuna tittieħed lura tkun ibbażata fuq evidenza minbarra data miksuba mis-sistema Eurodac, l-Istat Membru jkollu tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet issottomessa sabiex iressaq it-talba tiegħu [Artikolu 23(2)]. In-nuqqas li ssir talba għal teħid lura fil-perijodi stabbiliti jkollu r-riżultat li r-responsabbiltà li jsir eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tibqa’ tal-Istat Membru fejn tkun ġiet issottomessa l-applikazzjoni l-ġdida [Artikolu 23(3)].

19.      Hemm terminu ta’ xahrejn biex issir talba għal teħid lura skont l-Artikolu 24(2). F’każijiet fejn ikun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac, ma tiġix issottomessa applikazzjoni ġdida fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun joqgħod fit-territorju ta’ dak l-Istat mingħajr dokument ta’ residenza. Fl-assenza ta’ provi miksuba mis-sistema Eurodac, it-terminu jkun ta’ tliet xhur mid-data meta l-Istat Membru li jagħmel it-talba jsir jaf li huwa jista’ jkun responsabbli għall-persuna kkonċernata. Jekk it-talba għal teħid lura ma ssirx fil-perijodi stabbiliti fl-Artikolu 24(2), l-Istat Membru li jagħmel it-talba għandu jagħti lill-persuna kkonċernata opportunità biex jissottometti applikazzjoni ġdida (20).

20.      Skont l-Artikolu 26, meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta li jieħu inkarigu ta’ (jew jieħu lura) applikant, l-Istat Membru li jkun għamel it-talba għandu jinnotifika lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li hija tiġi ttrasferita lejn l-Istat Membru responsabbli. Dik id-deċiżjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

21.      L-Artikolu 27(1) jiddisponi li applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, mid-deċiżjoni ta’ trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. Konformement mal-Artikolu 27(3), l-Istati Membri għandhom jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom li appelli jew reviżjonijiet minn deċiżjonijiet ta’ trasferiment jissospendu tali deċiżjonijiet u jħallu lill-persuna kkonċernata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-kontestazzjoni.

22.      L-Artikolu 29 jikkonċerna l-modalitajiet u t-termini b’rabta ma’ trasferimenti. L-Artikolu 29(1) jgħid li t-trasferiment “mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu [ta’] jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3)”.

23.      L-Artikolu 35(1) jipprevedi li “Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bla dewmien bl-awtoritajiet responsabbli speċifiċi biex jissodisfaw obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament, u kull emenda għalihom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet ikollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jeżegwixxu x-xogħlijiet tagħhom u b’mod partikolari għat-tweġibiet fil-limiti ta’ żmien preskritt għal talbiet għal informazzjoni, talbiet biex jittieħed inkarigu ta’ jew talbiet biex jittieħdu lura applikanti.”

 Ir-Regolament Eurodac

24.      L-għan tas-sistema maħluqa mir-Regolament Eurodac huwa li tgħin biex ikun iddeterminat liema Stat Membru jkun responsabbli skont ir-Regolament Dublin III biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ssottomessa minn ċittadin ta’ pajjiż terz u, mod ieħor, biex jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dan l-aħħar imsemmi regolament (21). Riżultat huwa ddefinit bħala “l-eżistenza ta’ tqabbila jew tqabbil stabbilit mis-Sistema Ċentrali permezz ta’ tqabbil bejn informazzjoni dwar marki tas-swaba’ rreġistrata fil-bażi tad-data ċentrali kompjuterizzata u dawk trażmessi minn Stat Membru fir-rigward ta’ persuna […]” (22).

25.      Konformement mal-Artikolu 9, kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-iktar fis possibbli u mhux iktar tard minn 72 siegħa wara li tkun ġiet issottomessa l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, jittrażmettihom flimkien mad-data msemmija fl-Artikolu 11(b) sa (g) ta’ dan ir-regolament lis-sistema ċentrali (23). Kull data tinżamm għall-perijodu ta’ għaxar snin. L-obbligu li tinġabar u tiġi trażmessa data dwar marki tas-swaba’ japplika wkoll fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinqabdu b’konnessjoni ma’ qsim irregolari ta’ fruntiera esterna [Artikolu 14(1) u (2)]. Id-data miġbura tiġi rreġistrata fis-sistema ċentrali. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ tħejjija ta’ statistika, id-data hekk irreġistrata għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ tqabbil mad-data dwar applikanti għal protezzjoni internazzjonali (24).

 Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni Dublin.

26.      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jistabbilixxi l-arranġamenti speċifiċi magħmula biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III b’rabta mat-trażmissjoni u mal-ipproċessar ta’ talbiet biex jittieħed inkarigu u għal teħid lura ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali (25). Formola standard għal talbiet biex jittieħed inkarigu hija annessa mar-Regolament ta’ Implementazzjoni. It-talba għandha tinkludi, inter alia, kopja tal-provi u tal-indizji kollha li juru li l-Istat Membru mitlub ikun responsabbli jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u d-data relatata ma’ riżultat pożittiv mill-Eurodac (26).

27.      L-Anness II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jinkludi “Lista A” u “Lista B”, li jindikaw il-mezzi ta’ prova biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Dublin III. Il-Lista A tagħmel riferiment għal prova formali li tiddetermina r-responsabbiltà sakemm ma tkunx ikkonfutata minn prova kuntrarja. Fl-ewwel inċiż ta’ dik il-lista tissemma tqabbila pożittiva mill-Eurodac minn tqabbil tal-marki tas-swaba’ tal-applikant ma’ marki tas-swaba’ meħuda skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac.

 Id-Direttiva dwar il-kwalifika

28.      Id-Direttiva dwar il-kwalifika tistabbilixxi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għal stat uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (27). Id-definizzjonijiet li ġejjin huma inklużi f’dawk elenkati fl-Artikolu 2:

“(a)      ‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ rifuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja.

[…]

(h)      ‘applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali’ tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ rifuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha

[…]”

 Id-Direttiva dwar proċeduri

29.      Id-Direttiva dwar proċeduri tistabbilixxi proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (28). Id-direttiva tapplika għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju tal-Unjoni (29). L-Istati Membri għandhom jinnominaw awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami ta’ applikazzjonijiet skont il-proċeduri rilevanti kollha. L-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni dwar jekk l-awtorità determinanti tkunx ukoll responsabbli għall-ipproċessar ta’ każijiet skont ir-Regolament Dublin III (30).

30.      Skont l-Artikolu 6(1), meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lil awtorità kompetenti skont id-dritt nazzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjonijiet bħal dawn, ir-reġistrazzjoni għandha sseħħ mhux iktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li ssir l-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ssir lil awtoritajiet oħra li ma jkunx kompetenti biex jirreġistraw il-persuna kkonċernata skont id-dritt nazzjonali, madankollu, ir-reġistrazzjoni għandha ssir mhux iktar tard minn sitt ijiem tax-xogħol wara li tkun saret l-applikazzjoni. Dawk l-awtoritajiet għandhom jgħarrfu lil applikanti dwar fejn u kif ikunu jistgħu jiġu ssottomessi applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 6(2) l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna li tkun għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha opportunità effettiva li tissottomettiha malajr kemm jista’ jkun (31). Bla ħsara għall-Artikolu 6(2), l-Istati Membri jistgħu jitolbu li applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jkollhom jiġu ppreżentati personalment u/jew f’post magħżul [Artikolu 6(3)]. L-Artikolu 6(4) jgħid li “[m]inkejja l-paragrafu 3, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat”.

31.      Applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun intitolat jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat għall-fini biss tal-proċedura tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu (32).

 Id-Direttiva dwar l-akkoljenza

32.      Id-Direttiva 2013/33/UE li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (33), kif iddefinita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti fi żmien ħmistax-il jum wara li jkunu “ssottomettew” l-applikazzjoni tagħhom, dwar benefiċċji li huma jkunu intitolati għalihom u dwar obbligi li huma jkollhom iħarsu b’rabta ma’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza [Artikolu 5(1)]. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi żmien tliet ijiem minn meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet issottomessa, applikant jinħariġlu dokument li jiċċertifika l-istatus tiegħu bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali, jew li jiddikjara li huwa jkun tħalla joqgħod fit-territorju tal-Istat Membru waqt li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha pendenti jew tkun qiegħda tiġi eżaminata [Artikolu 6(1)].

 Id-dritt nazzjonali

33.      Jidher mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li meta ċittadin ta’ pajjiż terz japplika għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, is-sistema nazzjonali tiddistingwi bejn, minn naħa, talba informali magħmula lill-awtoritajiet (bħal dawk responsabbli mill-kontroll fuq il-fruntieri, il-pulizija, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni, jew ċentru ta’ akkoljenza għal nies li jkunu qiegħdin ifittxu ażil) u, min-naħa l-oħra, is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali għand il-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (uffiċċju federali għall-migrazzjoni u refuġjati: iktar ’il quddiem il-“BAMF”), li huwa l-korp maħtur skont id-dritt nazzjonali biex jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal ażil u huwa kompetenti jieħu deċiżjonijiet skont il-liġi b’rabta ma’ ċittadini barranin.

34.      Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz l-ewwel jintbagħat fiċ-ċentru ta’ akkoljenza rilevanti li għandu jinforma lill-BAMF. L-awtoritajiet Ġermaniżi jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li tkun qiegħda tfittex ażil (iktar ’il quddiem l-“attestazzjoni”). Minn hemm ’il quddiem huwa jitħalla joqgħod il-Ġermanja sakemm tingħalaq il-proċedura relatata mal-applikazzjoni tiegħu għal ażil. Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata appuntament u jintalab jidher personalment fl-uffiċċju lokali tal-BAMF biex jissottometti l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

35.      Tsegezab Mengesteab (iktar ’il quddiem l-“applikant”) huwa ċittadin Eritrew. Qal li kien daħal għall-ewwel darba fit-territorju tal-Unjoni Ewropea fl-Italja fl-4 ta’ Settembru 2015, billi qasam il-Baħar Mediterran mil-Libja. Wasal il-Ġermanja fit-12 ta’ Settembru 2015 wara li kien ivvjaġġa bl-art mill-Italja. Fl-14 ta’ Settembru 2015 l-awtoritajiet Ġermaniżi l-ewwel tawh attestazzjoni li nħarġet mill-gvern reġjonali ta’ Oberbayern bi tweġiba għat-talba informali tiegħu għal ażil. Fit-8 ta’ Ottubru 2015 l-awtorità ċentrali tal-immigrazzjoni ta’ Bielefeld ħarġitlu t-tieni attestazzjoni. Fl-14 ta’ Jannar 2016 T. Mengesteab bagħat it-tieni attestazzjoni lill-BAMF u huwa reġa’ bagħatha fis-6 ta’ Frar 2016. Fit-22 ta’ Lulju 2016, T. Mengesteab issottometta applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali għand il-BAMF.

36.      Fid-19 ta’ Awwissu 2016 eżami tad-database tal-Eurodac wera li l-marki tas-swaba’ ta’ T. Mengesteab kienu ttieħdu fl-Italja (riżultat mill-Eurodac IT2LE01HRQ) iżda li huwa ma kienx għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk. L-awtoritajiet Ġermaniżi għamlu talba biex jittieħed inkarigu lill-kontropartijiet tagħhom Taljani fl-istess jum. L-awtoritajiet Taljani ma weġbux għal dik it-talba.

37.      B’deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2016, li biha kien innotifikat T. Mengesteab fis-16 ta’ Novembru 2016, il-BAMF qal li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx ammissibbli u, għalhekk irrifjuta l-applikazzjoni tiegħu għal ażil u ordna li jiġi ttrasferit fl-Italja. Il-BAMF kien tal-fehma li l-Italja iktar milli l-Ġermanja kienet l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu, minħabba li huwa kien qasam b’mod irregolari l-fruntiera esterna tal-Unjoni meta vvjaġġa għall-Italja mil-Libja u li ċ-ċirkustanzi tiegħu, għalhekk, kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

38.      Fis-17 ta’ Novembru 2016, T. Mengesteab ikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u applika għas-sospensjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment. Il-qorti aċċettat u ssospendiet l-ordni ta’ tneħħija fit-22 ta’ Diċembru 2016.

39.      T. Mengesteab issottometta li l-Ġermanja hija responsabbli biex teżamina l-applikazzjoni tiegħu, minħabba li t-talba biex jittieħed inkarigu kienet saret wara li kien skada l-perijodu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III. Fil-fehma tiegħu ż-żmien biex issir it-talba biex jittieħed inkarigu kien beda jiddekorri malli huwa kien għamel it-talba informali tiegħu għal ażil fl-14 ta’ Settembru 2015. Din tibqa’ tkun il-pożizzjoni meta jkun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac, minħabba li l-perijodu iqsar ta’ xahrejn tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21 huwa intiż li jħaffef il-proċedura biex jittieħed inkarigu.

40.      Il-BAMF irribatta, l-ewwel nett, billi ssottometta li r-regoli dwar it-termini tar-Regolament Dublin III ma setgħux ikunu appellati jew tintalab reviżjoni tagħhom minn applikanti minħabba li ma jistabilixxux drittijiet individwali. It-tieni nett, iqis li t-termini stabbiliti ma jibdewx jiddekorru qabel ma ssir applikazzjoni formali għal ażil.

41.      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun ċerta jekk T. Mengesteab jistax jikkontesta l-mod kif joperaw it-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III fi proċeduri bbażati fuq l-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-regolament. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob gwida b’mod partikolari dwar x’tikkostitwixxi s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Dublin III.

42.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi:

“(1)      Applikant għall-ażil jista’ jinvoka trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preżentazzjoni tat-talba sabiex jittieħed inkarigu [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (Dublin III)]?

(2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, applikant għall-ażil jista’ wkoll jinvoka trasferiment ta’ responsabbiltà meta l-Istat Membru mitlub jibqa’ dispost sabiex jieħu l-inkarigu tiegħu?

(3)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, huwa possibbli li jiġi dedott mill-kunsens espliċitu jew impliċitu [Artikolu 22(7) tar-Regolament (Dublin III)] tal-Istat Membru mitlub li dan jibqa’ dispost li jieħu inkarigu tal-applikant għall-ażil?

(4)      It-terminu ta’ xahrejn previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jista’ jintemm wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] meta l-Istat Membru rikorrent iħalli jiddekorri iktar minn xahar wara l-bidu tat-terminu ta’ tliet xhur qabel ma jibgħat talba għal konsultazzjoni tad-database Eurodac?

(5)      Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li ġiet ippreżentata fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III] b’effett mill-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil jew unikament bir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni formali għall-ażil? B’mod partikolari:

(a)      Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil huwa formola jew rapport fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III]?

(b)      L-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III] hija l-awtorità kompetenti sabiex tirċievi l-formola jew tistabbilixxi r-rapport, jew l-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-ażil?

(c)      Rapport ippreparat mill-awtoritajiet huwa meqjus ukoll bħala li wasal għand l-awtorità kompetenti meta l-kontenut essenzjali tal-formola jew tar-rapport ikunu ġew ikkomunikati lilha jew huwa meħtieġ li l-oriġinal jew kopja tar-rapport ikunu ġew trażmessi lilha?

(6)      Id-dewmien bejn l-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew l-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala applikant għall-ażil u t-tressiq ta’ talba sabiex jittieħed inkarigu jista’ jwassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru rikorrent b’applikazzjoni analoga tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jew jeħtieġ li l-Istat Membru rikorrent jagħmel użu mid-dritt li jassumi r-responsabbiltà tiegħu skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament [Dublin III]?

(7)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal waħda mill-alternattivi tas-sitt domanda, minn liema perijodu jista’ jitqies li talba sabiex jittieħed inkarigu tressqet b’mod eċċessivament tardiv?

(8)      Talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ inkarigu li fiha l-Istat Membru rikorrent jindika unikament id-data ta’ dħul fit-territorju tiegħu u d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni uffiċjali għall-ażil iżda mhux id-data tal-ewwel applikazzjoni għall-ażil jew dik tal-ewwel ħruġ ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni inkwantu applikant għall-ażil, titqies li tressqet fit-terminu tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament [Dublin III] jew tali applikazzjoni hija ‘ineffettiva’?”

43.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-Ġermanja, mill-Ungerija u mill-Kummissjoni Ewropea Fis-seduta tal-25 ta’ April 2017 dawn it-tliet partijiet għamlu sottomissjonijiet orali, kif għamlu T. Mengesteab u r-Renju Unit.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

44.      Il-qorti tar-rinviju tgħid fid-digriet tar-rinviju tagħha li T. Mengesteab kien daħal fit-territorju tal-Unjoni Ewropea billi vvjaġġa mil-Libja għall-Italja min-naħa għall-oħra tal-Mediterran. Bħala ċittadin Eritrew huwa kien ikun jeħtieġlu jkollu fil-pussess tiegħu viża meta kien ikun qiegħed jaqsam il-fruntieri esterni tal-l-Istati Membri tal-Unjoni (34). Presumibbilment dan ma kienx il-każ u d-dħul tiegħu fit-territorju tal-Unjoni kien irregolari minħabba li ma kienx konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (35). F’dan il-kuntest, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jieħdu bħala l-punt tat-tluq tagħhom li T. Mengesteab jaqa’ taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III u li l-Italja hija l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-regolament.

45.      Kemm hija fondata, fis-sens ta’ din id-dispożizjoni, il-premessa tal-qorti tar-rinviju li d-dħul ta’ T. Mengesteab fl-Italja kien irregolari?

46.      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III ma tqajmitx espressament f’dawn il-proċeduri. Kwistjoni simili dwar il-qsim ta’ fruntieri tal-art minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li vvjaġġaw mill-Balkani tal-Punent bejn il-ħarifa tal-2015 u r-rebbiegħa tal-2016 tinsab bħalissa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi A.S. (36) u Jafari. (37) Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab f’dawn il-kawżi tagħti gwida dwar it-tifsira tal-espressjoni “qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru” tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III flimkien mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(4)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn kundizzjoni waħda jew iktar tal-Artikolu 5(1) ta’ dak l-att (bħal pussess ta’ viża valida) għal raġunijiet umanitarji jew minħabba l-obbligi internazzjonali tagħhom, billi jawtorizzaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jidħol fit-territorju tagħhom.

47.      Dik il-kwistjoni kienet tqieset b’rabta mal-każ ta’ T. Mengesteab? Jekk le, għandu jsir eżami bħal dan?

48.      Din hija kwistjoni kemm diffiċli kif ukoll sensittiva, sfieqa b’mistoqsijiet politiċi mhux imlissna u tisfa skomda immensament bl-istejjer traġiċi ta’ nies li jmutu meta jkunu qiegħdin jipprovaw jaqsmu l-Mediterran. Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma qajmitx il-kwistjoni, madankollu huwa rilevanti jiġi ddeterminat kif ir-Regolament Dublin III japplika għal dan il-każ partikolari. Jekk l-Artikolu 13(1) ma huwiex il-kriterju adattat tal-Kapitolu III, id-domandi attwali li saru jistgħu ma għadhomx jeħtieġu risposta.

49.      Bħala sfond infakkar li f’April 2015 il-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu possibbli biex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-telf ta’ ħajjiet umani fil-baħar (38). Bħala konsegwenza, numru kbir ta’ operazzjonijiet ikkoordinati ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ (iktar ’il quddiem “SAR”), jew operazzjonijiet ta’ kontroll fuq il-fruntieri li wkoll għandhom tali responsabbiltajiet, kienu twettqu mill-Unjoni u mill-Istati Membri kostali bħall-Italja, sikwit flimkien mal-Frontex (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta). (39)

50.      Jidher li hemm assunzjoni impliċita li applikanti potenzjali għal protezzjoni internazzjonali li jaslu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkunu qasmu baħar kellhom bilfors jaqsmu l-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru “b’mod irregolari” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III. Jidhirli li din l-assunzjoni mhux dejjem tapplika neċessarjament f’kull każ.

51.      Meta xi ħadd jiżbarka qawwi u sħiħ u mingħajr ma jinqabad wara li jkun qasam baħar u, imbagħad, xi żmien wara, jippreżenta lilu nnifsu lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat jew ta’ Stat Membru ieħor biex jitlob protezzjoni internazzjonali, l-assunzjoni li huwa kellu bilfors jaqsam il-fruntiera tal-ewwel Stat Membru “b’mod irregolari” tkun waħda ġusta: tkun, tabilħaqq, kważi ċertament korretta. Meta wieħed jiġi salvat f’baħar miftuħ minn dgħajsa minfuħa mimlija żżejjed bin-nies u qiegħda tegħreq, il-pożizzjoni legali tkun iktar ikkumplikata b’mod sinjifikattiv. Il-pożizzjoni jista’ jkollha sfumatura ulterjuri jekk persuna tiġi salvata fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru.

52.      Id-dmir li tingħata assistenza lil persuni f’perikolu fuq il-baħar jikkostitwixxi “waħda mill-karatteristiċi l-iktar antiki u fundamentali tal-liġi tal-baħar” (40). L-Artikolu 98(1)(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem “UNCLOS”) jgħid li kull Stat għandu jeżiġi li l-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sakemm ikun jista’ jagħmel hekk mingħajr ma jikkawża perikolu gravi għall-bastiment, għall-ewkwipaġġ jew għall-passiġġieri, inter alia, jipproċedi kemm jista’ jkun malajr biex isalva persuni fil-perikolu. L-Artikolu 98(2) tal-UNCLOS jipprevedi li kull Stat kostali għandu jippromwovi t-twaqqif, l-operazzjoni u l-manutenzjoni ta’ servizz ta’ tfittxija u salvataġġ fir-rigward tas-sikurezza fuq il-baħar u ’l fuq minnu (41).

53.      “Post ta’ sikurezza” huwa post fejn operazzjonijiet ta’ salvataġġ jitqiesu li jkunu ntemmu. Huwa wkoll post fejn is-sikurezza tal-ħajja ta’ dawk li jsalvaw ma tkunx iktar mhedda u fejn il-ħtiġijiet umani bażiċi tagħhom (bħal ikel, kenn u ħtiġijiet mediċi) ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti. Barra minn dan, ikun post minn fejn ikunu jistgħu jsiru arranġamenti ta’ trasport għad-destinazzjoni li jkun imiss jew finali ta’ dawk li jkunu salvaw (42). Madankollu, ma jkunx hemm fl-istess waqt obbligu speċifiku fuq Stat kostali (jew fuq l-Istat tal-bandiera tal-bastiment, jew fuq l-Istat li jorganizza l-operazzjoni SAR) li jippermetti lil dawk salvati jiżbarkaw fit-territorju tiegħu (43). Bħala prinċipju (u ovvjament bla ħsara għall-prinċipju ta’ non-refoulement), ċittadini ta’ pajjiżi terzi salvati minn bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew fl-ilmijiet territorjali ta’ Stat Membru jkunu jistgħu jiġu żbarkati f’pajjiż mhux tal-Unjoni Ewropea (44). Għaxar snin ilu, fl-2007, il-Kummissjoni nnotat il-problemi marbuta mal-identifikazzjoni tal-port l-iktar adattat għal żbark (45). Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali kien ippropona fl-2009 li l-gvern responsabbli miż-żona SAR kellu jaċċetta żbark ta’ persuni salvati jekk ma kien jinstab ebda post ta’ sikurezza ieħor, iżda dik il-proposta iktar tard ma kinitx aċċettata (46). Wara inizjattiva fl-2010 mill-Kunsill (47), li kienet annullata għal raġunijiet proċedurali mill-Qorti tal-Ġustizzja (48), ir-Regolament Frontex stabbilixxa r-regola kontinġenza li ġejja fil-każ ta’ operazzjonijiet SAR: l-Istat Membru ospitanti u l-Istat Membru parteċipanti għandhom jikkooperaw maċ-ċentru ta’ koordinazzjoni biex jidentifikaw post ta’ sikurezza, iżda jekk dan ma jkunx possibbli “malajr kemm jista’ jkun raġonevolent prattiku”, il-persuni salvati jkunu jistgħu jiġu żbarkati fl-Istat Membru ospitanti tal-operazzjoni (49). Madankollu, ir-Regolament Frontex ma japplikax fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżi terzi (50), u r-regolament kien ikkritikat minħabba li kien naqas jipprovdi “rekwiżiti legali ċari għal żbark fil-każ ta’ sitwazzjonijiet [SAR]” (51).

54.      Mill-ħarsa ġenerali qasira li tajt huwa ċar li l-punt fejn jiltaqgħu l-liġi internazzjonali tal-baħar, id-dritt umanitarju internazzjonali (fil-forma tal-Konvenzjoni ta’ Genève tal-1951) u d-dritt tal-Unjoni ma jagħtix risposta evidenti u finali għad-domanda jekk dawk salvati waqt li jkunu jaqsmu l-baħar Mediterran u żbarkati fi Stat Membru kostali tal-Unjoni (tipikament, iżda mhux esklużivament, il-Greċja jew l-Italja) għandhomx jitqiesu bħala li jkunu qasmu l-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru “b’mod irregolari” għall-finijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III.

55.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni tajba li tagħti lill-qorti tar-rinviju l-gwida meħtieġa hawnhekk. Minħabba li l-kwistjoni ma tqajmitx fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Istati milquta mir-Regolament Dublin III (52) ma kinux avżati dwar il-kwistjoni. Ma kinux, għalhekk, f’qagħda li jieħdu deċiżjoni informata dwar jekk jissottomettux osservazzjonijiet bil-miktub li kienu jindirizzaw dan il-punt.

56.      Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-fatti attwali li huma l-bażi tad-digriet tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tafx jekk T. Mengesteab kienx salvat mill-baħar (u, jekk huwa hekk, minn min), jew jekk kienx, tabilħaqq, awtorizzat jidħol l-Italja għal raġunijiet umanitarji jew skont l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali. Jista’ jkun li, għall-kuntrarju, il-movimenti tiegħu kienu għalkollox klandestini. F’dak il-każ, huwa iktar probabbli li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III japplika b’mod inekwivoku għaċ-ċirkustanzi tiegħu.

57.      Għal dawn ir-raġunijiet, għalkemm inqis li jiena għandi nenfasizza l-problema, jidhirli li l-interpretazzjoni t-tajba tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III fil-kuntest ta’ qsim bil-baħar li jintemm f’wasla fit-territorju ta’ Stat Membru kostali hija kwistjoni li għandha tistenna li tiġi ddeterminata f’kawża oħra fejn tqajmet direttament minn qorti nazzjonali. Għalhekk ngħaddi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi

58.      Id-domandi mill-ewwel sat-tielet għandhom rabta mill-qrib bejniethom. Essenzjalment ifittxu jistabbilixxu jekk T. Mengesteab jistax jikkontesta d-deċiżjoni biex huwa jiġi ttrasferit mill-Ġermanja għall-Italja bħala l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu.

 L-ewwel domanda: osservazzjonijiet ġenerali

59.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju titlob li jkun aċċertat jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jippermettix applikant għal protezzjoni internazzjonali jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment meta l-Istat Membru li jagħmel it-talba (hawnhekk il-Ġermanja) jonqos milli jkun konformi mat-terminu ta’ tliet xhur biex jagħmel tali talba kif stabbilit fl-Artikolu 21(1).

60.      Il-Ġermanja u r-Renju Unit jissottomettu li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun “le”. T. Mengesteab u l-Ungerija huma tal-fehma kuntrarja. Il-Kummissjoni argumentat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li applikant seta’ jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment għal dik ir-raġuni. Fis-seduta l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha. Hija ssottomettiet li d-dritt ta’ applikant għal appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III ma kienx ikopri d-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament li jistabbilixxu t-termini li matulhom l-Istati Membri għandhom jagħmlu talba biex jittieħed inkarigu.

61.      Jidhirli li l-ewwel domanda tinvolvi żewġ kwistjonijiet ġenerali, jiġifieri l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III u l-għan tad-dritt għal rimedju effettiv tal-Artikolu 27(1). Essenzjalment, il-kwistjoni hija jekk l-azzjonijiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari n-nuqqas li wieħed jaġixxi fit-termini stabbiliti fir-regolament, għandhomx ikunu bla ħsara għal skrutinju ġudizzjarju permezz ta’ kawża miġjuba quddiem qorti minn applikant għal protezzjoni internazzjonali li tikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment.

62.      Fl-eżami ta’ dawn il-kwistjonijiet jidhirli li jkun essenzjali jitqiesu ċerti prinċipji ġenerali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma affermati fil-premessi tar-Regolament Dublin III (53). Għalhekk, l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt minħabba li la l-Istati Membri tagħha u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jevitaw stħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta jew mat-Trattati, li jistabbilixxu sistema sħiħa ta’ rimedji u proċeduri legali intiżi biex jippermettu stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni. Minbarra dan, id-drittijiet fundamentali jagħmlu parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dan il-għan il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-ispirazzjoni tagħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u b’mod partikolari mill-KEDB li għandha sinjifikat speċjali f’dan ir-rigward (54).

63.      Id-drittijiet fundamentali inkwistjoni huma, inter alia, ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huma ggarantiti mill-Artikolu 47 tal-Karta. Dan tal-ewwel huwa wieħed mid-drittijiet proċedurali koperti mid-dritt għal smigħ. Dan tal-aħħar jinkludi rekwiżit li l-awtorità rilevanti tagħmilha possibbli għall-persuna kkonċernata li tiddefendi d-drittijiet tagħha u li jkollha aċċess għal rimedju effettiv għall-ksur kollu tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (55). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 47 għandu portata usa’ ta’ applikazzjoni mid-drittijiet korrispondenti tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (56).

64.      Meqjusa dawn il-prinċipji ġenerali għall-interpretazzjoni tal-Artikoli 21(1) u 27(1) tar-Regolament Dublin III, inqis li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun “iva”, għar-raġunijiet li sejjer ngħaddi biex nispjega. L-implikazzjonijiet prattiċi għall-każ ta’ T. Mengesteab jiddependu mir-risposta għall-ħames domanda, li hija dwar il-kwistjoni ta’ meta l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li tkun “issottomessa”. Dak l-istadju jindika l-bidu tal-perijodu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) (57).

 L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III

65.      Filwaqt li huwa minnu li ma jingħadx espliċitament li t-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III huma suġġetti għal appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1), tali interpretazzjoni ma hijiex kuntrarja għat-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma hija inkompatibbli mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni (58).

66.      It-tensjoni bejn drittijiet individwali u l-mekkaniżmi stabbiliti bejn l-Istati mill-proċeduri rregolati mis-sistema ta’ Dublin kienet irrikonoxxuta sa mill-ħolqien tas-sistema (59). Minħabba li s-sistema ta’ Dublin oriġinarjament tnisslet biex tipprovdi mekkaniżmu għall-Istati Membri biex jiddeterminaw malajr ir-responsabbiltà tal-Istat biex jittratta applikazzjoni għal ażil, l-eżistenza ta’ din it-tensjoni forsi ma hijiex ta’ sorpriża (60).

67.      Madankollu, il-mod kif din it-tensjoni għandha tiġi riżolta sewwa nbidel tul iż-żmien. L-ewwel nett, għandhom issa jitqiesu d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta bħala d-dritt primarju (61). It-tieni nett, l-istorja leġiżlattiva turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta introduċa r-Regolament Dublin III, xtaq jiżgura li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu kompletament kompatibbli mad-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll mad-dritt internazzjonali. F’dan ir-rigward, “saret enfażi partikolari fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-salvagwardji legali u proċedurali għal persuni suġġetti għall-proċedura ta’ Dublin u biex huma jkunu jistgħu jiddefendu aħjar id-drittijiet tagħhom […]” (62). Dik l-enfażi fuq id-drittijiet fundamentali hija evidenti fl-iskema u fil-kuntest tar-Regolament Dublin III. Flimkien huma jifformaw l-isfond li fih l-Artikolu 21(1) għandu jiġi interpretat (63).

68.      Huwa ċar mill-iskema tar-Regolament li l-għan ewlieni huwa li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jeżamina malajr kemm jista’ jkun applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li kienet issottomessa f’wieħed mill-Istati Membri (64). Id-determinazzjoni għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dan il-għan skont l-Artikolu 35(1). Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw it-termini ta’ żmien speċifikati fir-Regolament Dublin III.

69.      Skont l-Artikolu 3(1), l-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed, li jkun dak li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III jindikaw bħala responsabbli. Il-prinċipju ġenerali huwa li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata applikazzjoni għal ażil hija tal-Istat Membru li jkun ħa l-ikbar parti fid-dħul jew fir-residenza tal-applikant fit-territorju tal-Unjoni. Huma l-kriterji tal-Kapitolu III dwar dħul irregolari fit-territorju tal-Unjoni [jiġifieri l-Artikolu 13(1)] li sikwit jiġu applikati biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, waqt li l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 11 tal-Kapitolu III dwar il-minorenni u l-unità tal-familja jintużaw inqas ta’ spiss (65). Is-sistema ta’ Dublin hija intiża li tiżgura li applikant ma jisfax bħal mekkuk bejn Stati Membri jew jitħalla f’orbita mingħajr ma jkun hemm ebda Stat Membru li jkun irid jeżamina t-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Il-kliem “Stat Membru wieħed”’ jindika li applikanti ma jkunux intitolati jissottomettu applikazzjonijiet multipli f’għadd ta’ Stati Membri (iktar ’il quddiem “forum shopping” (66)).

70.      Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun issottomessa għand Stat Membru [Artikolu 20(1) u (2) tar-Regolament Dublin III]. Meta Stat Membru li għandu tkun ġiet issottomessa applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jqis li Stat Membru ieħor ikun responsabbli jeżamina l-applikazzjoni, huwa jista’ jitlob li dak l-Istat Membru jieħu inkarigu tal-applikant. Talbiet biex jittieħed inkarigu għandhom isiru malajr kemm jista’ jkun jew mhux iktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni tkun ġiet issottomessa skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2). L-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun ġiet issottomessa ma jkunx obbligat jagħmel dan, minħabba li l-proċedura ta’ teħid ta’ inkarigu hija diskrezzjonali. Jekk ma jagħmilx tali talba huwa jibqa’ l-Istat Membru responsabbli.

71.      Barra minn dan, l-istorja leġiżlattiva turi li meta r-Regolament Dublin II kien issostitwit bil-Konvenzjoni ta’ Dublin, it-terminu għal talbiet biex jittieħed inkarigu tnaqqas minn sitt xhur għal tlieta (67). It-termini rriveduti fir-Regolament Dublin II (li ma humiex riflessi fir-Regolament Dublin III) kellhom rabta mal-proċeduri ta’ ammissibbiltà f’dik li dak iż-żmien kienet id-Direttiva dwar proċeduri (68). Il-Kummissjoni qalet fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħha dak iż-żmien li l-mekkaniżmu li kien jiddetermina l-Istat Membru responsabbli ma setax jiffunzjona jekk, inter alia, applikazzjonijiet ma kinux jiġu pproċessati fit-termini miftiehma (69).

72.      Jekk Stat Membru fil-fatt jiddeċiedi li jagħmel talba biex jittieħed inkarigu, it-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) ikunu obbligatorji u huma stretti. Ma hemmx dispożizzjoni għall-Istati Membri biex jestenduhom u l-leġiżlatura ma pprovditx biex l-Istati Membri jidderogaw mit-termini speċifikati f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

73.      L-Istat Membru li għandu tkun ġiet issottomessa applikazzjoni jista’ ovvjament jippreżenta lil Stat Membru ieħor talba għal teħid inkarigu ta’ applikant għall-ażil li għandha tingħata risposta pożittiva. F’dan il-każ, huwa ma jkunx responsabbli għall-eżami fuq il-mertu tal-applikazzjoni għall-ażil. Madankollu huwa jista’ wkoll (i) jiddeċiedi li ma jagħmilx talba biex jittieħed inkarigu; (ii) jagħmel talba fil-perijodu ta’ tliet xhur stabbilit fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III li leġittimament jiġi miċħud mill-Istat Membru mitlub (minħabba nuqqas ta’ provi); jew (iii) jagħmel tali talba wara li l-perijodu ta’ tliet xhur ikun skada. F’kull waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi jkun għall-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (70). Dan naturalment iħalli konsegwenza sustantiva għall-applikant innifsu. Huwa ma jiġix ittrasferit minn Stat Membru “A” għal Stat Membru “B”. Huwa joqgħod fl-ewwel Stat Membru waqt li t-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali tkun qiegħda tiġi pproċessata u deċiża. L-impatt sustantiv fuq l-applikant għandu jvarja skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. F’okkażjonijiet fejn il-proċedura ta’ Dublin tagħmel progress ġmielu l-effetti ta’ dak il-proċess fuq il-progress ġenerali tat-talba tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali aktarx li jkunu inqas milli kieku kienu jkunu f’każijiet meta applikazzjoni tkun suġġetta għal dewmien, b’mod partikolari fil-fażi preliminari li fiha jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli (71). F’dak ir-rigward it-termini stabbiliti, inklużi dawk tal-Artikolu 21(1), jipprovdu element ta’ ċertezza lil applikanti, kif ukoll lill-Istat Membru kkonċernat. Id-diversi termini stabbiliti huma ċentrali għall-operazzjoni tas-sistema ta’ Dublin inġenerali.

74.      Dan l-aspett huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet li kienu issottomessi biex jipprovdu jew isaħħu drittijiet individwali, bħad-dritt għall-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) u d-dritt ta’ notifika tad-deċiżjoni ta’ trasferiment stabbiliti fl-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament Dublin III.

75.      Inżid li jsegwi mill-kliem tal-Artikolu 29(3) li l-iskema leġiżlattiva tikkontempla li persuna tista’ tiġi ttrasferita bi żball u li dak it-trasferiment jista’ jinqaleb f’appell jew f’reviżjoni (72).

76.      Jiena, għalhekk, nikkonkludi li l-kliem u l-għanijiet, flimkien mal-iskema leġiżlattiva tar-Regolament Dublin III, jindikaw li fil-każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jkunu konformi mat-termini b’rabta ma’ talbiet biex jittieħed inkarigu, applikanti għandhom ikunu jistgħu jikkontestaw deċiżjonijiet ta’ trasferiment, b’mod partikolari meta n-nuqqas li jitħarsu dawk it-termini jkollu impatt fuq il-progress tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-individwu kkonċernat.

 L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III

77.      Il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Abdullahi (73) għandhiex tapplika għall-każ ta’ T. Mengesteab. Il-kawża Abdullahi kienet dwar ċittadina Somala li l-ewwel kienet daħlet fit-territorju tal-Unjoni fil-Greċja. S. Abdullahi mbagħad kompliet tivvjaġġa fl-Ungerija sal-Awstrija, fejn talbet ażil. L-awtoritajiet Awsrijaċi kienu tal-fehma li skont il-kriterju rilevanti tal-Kapitolu III l-Ungerija kien l-Istat Membru responsabbli (74). L-awtoritajiet Ungeriżi qablu li jeżaminaw l-applikazzjoni tagħha. Abdullahi ssottomettiet li għall-kuntrarju, il-Greċja kienet l-Istat Membru responsabbli minħabba li hemmhekk kien fejn hija kienet daħlet l-ewwel fit-territorju tal-Unjoni (75). Din il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li d-dritt ta’ appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, f’ċirkustanzi fejn Stat Membru jkun qabel li jieħu l-inkarigu ta’ applikant għal ażil abbażi li huwa tabilħaqq kien l-Istat Membru tal-ewwel dħul fl-Unjoni Ewropea, l-uniku mod li bih l-applikant seta’ jopponi dan kien billi jsostni li kien hemm defiċjenzi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet għall-akkoljenza ta’ applikanti għal ażil f’dak l-Istat Membru, li jipprovdu raġunijiet sustanzjali biex wieħed jemmen li l-applikant għal ażil ikollu jħabbat wiċċu ma’ riskju reali li jkun suġġett għal trattament inuman u degradanti skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tal-Karta.

78.      Jidhirli li d-deċiżjoni fil-kawża Abdullahi hija limitata għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dak il-każ. Il-pożizzjoni ta’ T. Mengesteab hija differenti.

79.      L-ewwel nett, T. Mengesteab ma huwiex jikkontesta l-applikazzjoni tal-kriterju rilevanti tal-Kapitolu III (Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III). It-tieni nett, l-interpretazzjoni tar-Regolament Dublin II fil-kawża Abdullahi kważi nqalbet bil-bidliet introdotti bir-repetizzjoni li ġiet wara tar-Regolament Dublin (76). L-għanijiet u l-iskema ġenerali tar-regolament evolvew. Minħabba f’hekk id-dritt ta’ appell jew reviżjoni huwa inqas ristrett milli kien bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Dublin II. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III relatati mas-salvagwardji għal applikanti dwar l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għal applikanti u l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu intervista personali wkoll ma kinux inklużi fir-regolament ta’ qabel (77). Il-bidliet fl-iskema leġiżlattiva huma kkonfermati mill-għanijiet iddikjarati li titjieb il-protezzjoni mogħtija lil applikanti fis-sistema ta’ Dublin u bl-introduzzjoni ta’ rimedju effettiv li jkopri kemm l-eżami tal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant (78).

80.      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III li jgħid li applikanti għandu jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv fil-forma ta’ appell jew reviżjoni minn deċiżjoni ta’ trasferiment, kien eżaminat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Ghezelbash (79) u Karim (80).

81.      F’kull waħda minn dawk il-kawżi applikant għal protezzjoni internazzjonali talab li jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru fejn kien jinsab biex jiġi ttrasferit għal Stat ieħor li kien qabel mal-ewwel Stat Membru li jieħu responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni tiegħu. Fil-kawża Ghezelbash il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet [b’rabta ma’ applikazzjoni allegatament żbaljata tal-kriterju tal-Kapitolu III dwar viżas (Artikolu 12 tar-Regolament Dublin III)] li, biex tkun żgurata konformità mad-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv introdott mir-Regolament Dublin III fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment kellu jkopri (i) l-eżami tal-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament u (ii) l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li fih il-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil kellha tiġi ttrasferita (81). Fil-kawża Karim il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 19(2) (li ma huwiex wieħed mill-kriterji tal-Kapitolu III iżda jagħmel parti mill-Kapitolu V tar-Regolament Dublin III) kienet suġġetta għal appell jew reviżjoni skont l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament, billi qalet li: “[…] l-applikazzjoni [tar-Regolament Dublin III] tistrieħ essenzjalment fuq it-tmexxija ta’ proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, identifikat abbażi tal-kriterji msemmija fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament […]” (82).

82.      T. Mengesteab u l-Ungerija jissottomettu li l-ġurisprudenza Ghezelbash u Karim tapplika f’din il-kawża. Il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni huma tal-fehma li dawk il-kawżi japplikaw biss f’ċirkustanzi limitati, jiġifieri meta applikant għal protezzjoni internazzjonali jgħid li l-kriterji tal-Kapitolu III kienu applikati ħażin jew meta d-dispożizzjoni inkwistjoni jkollha rabta mill-qrib mal-applikazzjoni ta’ dawk il-kriterji. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika d-deċiżjonijiet tagħha fil-kawżi Ghezelbash u Karim u tindika b’mod ċar il-limiti tad-drittijiet ta’ applikant skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

83.      Jidhirli li filwaqt li Ghezelbash u Karim ma kinux ikopru espressament il-kwistjoni jekk applikant għal ażil setax jikkontesta nuqqas ta’ konformità mat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, il-prinċipji stabbiliti f’dawk il-kawżi, madankollu, japplikaw ugwalment f’din il-kawża (83).

84.      Ngħaddi mill-ewwel biex nindirizza l-oġġezzjonijiet li tressqu li applikanti fil-pożizzjoni ta’ T. Mengesteab jitħallew jistrieħu fuq l-Artikolu 21(1) fi proċeduri ta’ reviżjoni jew appell kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment.

85.      L-ewwel argument li tressaq mill-Ġermanja, mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni (din tal-aħħar fis-seduta) huwa li applikant ma jistax jinvoka nuqqas ta’ konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) minħabba li l-perijodi hemmhekk stabbiliti jirregolaw relazzjonijiet bejn Stati, bejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-Istat Membru mitlub. Isegwi li tali relazzjonijiet ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ kontestazzjoni minn individwu.

86.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix, minħabba li s-sistema ta’ Dublin ma għadhiex iktar mekkaniżmu purament bejn l-Istati. Din ma baqgħetx il-pożizzjoni malli s-sistema ta’ Dublin kienet inkorporata fl-acquis tal-Unjoni bħala r-Regolament Dublin II, bħalma juri l-materjal ta’ tħejjija għal dak l-att (84). Il-pożizzjoni saret anki iktar ċara bl-introduzzjoni tar-Regolament Dublin III (85).

87.      It-tieni oġġezzjoni, imressqa prinċipalment mir-Renju Unit, hija li t-termini stabbiliti huma kwistjonijiet ta’ materja proċedurali. Ir-Renju Unit jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn kwistjonijiet li jagħtu lok għal drittijiet sustantivi (bħal applikazzjoni ħażina tal-kriterji tal-Kapitolu III) u dawk li jikkonċernaw (kif tgħid hi) biss il-proċedura.

88.      Fil-fehma tiegħi l-pożizzjoni ma hijiex tant ċara daqs kemm ir-Renju Unit jissuġġerixxi. Jidhirli li distinzjoni magħmula b’dan il-mod tista’ twassal għal applikazzjoni artifiċjali tar-regolament u tista’, tabilħaqq, ma tkunx konformi mal-Karta.

89.      Huwa minnu li l-iffissar ta’ termini jitqies minn ħafna bħala li huwa kwistjoni ta’ materja proċedurali. Madankollu, il-mod kif jopera t-terminu skont l-Artikoli 21(1) tar-Regolament Dublin III għandu implikazzjonijiet sustantivi kemm għall-applikanti kif ukoll għall-Istati Membri kkonċernati (86).

90.      Huwa ġeneralment irrikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali jivvizzja eżerċizzju ta’ setgħa meta l-eżerċizzju ta’ setgħa jkun jista’ jaffettwa r-riżultat tal-proċedura. F’dan ir-rigward kemm il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal smigħ kienu tali rekwiżiti proċedurali essenzjali (87). B’rabta ma’ talba biex jittieħed inkarigu, ladarba t-terminu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ikun skada, jiskattaw il-konsegwenzi msemmija fit-tielet subparagrafu – jiġifieri li l-Istat Membru li jagħmel it-talba jibqa’ responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

91.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, b’rabta ma’ kontestazzjonijiet tal-validità li jinżammu listi ta’ deċiżjonijiet, li stħarriġ ġudizzjarju jestendi għal jekk, inter alia, ikunux ġew osservati regoli ta’ proċedura u li l-qrati tal-Unjoni jkunu kompetenti jaġġudikaw dwar jekk l-awtorità tal-Unjoni kinitx konformi mas-salvagwardji proċedurali rilevanti (88). Fil-fehma tiegħi dawn il-prinċipji japplikaw ugwalment f’din il-kawża.

92.      Il-mod kif joperaw it-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, li jirrigwardaw il-legalità ta’ talba biex jittieħed inkarigu u deċiżjoni ta’ trasferiment sussegwenti bbażata fuq din it-talba, huwa rrelatat ma’ kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt dwar l-applikazzjoni ta’ dak ir-regolament li fuqu qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw skrutinju ġudizzjarju skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

93.      Nenfasizza li deċiżjoni minn din il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens qatt ma tieħu post il-proċess fil-livell nazzjonali. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess għal rimedju. Ma jsegwix li kull kontestazzjoni li titressaq tirnexxi fil-merti. Madankollu, biex id-dritt għal rimedju effettiv tal-Artikolu 27(1) jiġi eżerċitat b’mod li jkollu tifsira, qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu jekk deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq qbil li jittieħed inkarigu skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III tkunx ittieħdet b’konformità mal-proċeduri stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni u mal-garanziji bażiċi stabbiliti f’dak ir-regolament (89).

94.      Biex dak id-dritt ikun effettiv f’ċirkustanzi meta applikant jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment minħabba li l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkun naqas fil-konformità mal-perijodu stabbilit fl-Artikolu 21(1) biex jagħmel talba biex jittieħed inkarigu, il-qorti nazzjonali jkun jeħtiġilha teżamina, inter alia, l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III konformement mal-kliem tiegħu, l-iskema u l-għanijiet tal-leġiżlatura. Diġà għidt li t-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) ma għandhomx element ta’ flessibbiltà (90). Applikant li jitħalla jkollu aċċess għall-qrati meta jkun inkiser terminu jippermetti jkun hemm skrutinju ġudizzjarju biex jiġi żgurat li, fejn iċ-ċirkustanzi joffru ġustifikazzjoni, dak l-applikant tabilħaqq ikollu verament rimedju effettiv.

95.      Ir-Renju Unit u l-Kummissjoni huma korretti meta jgħidu li l-Artikolu 21(1) ma huwiex imfassal f’termini li jagħtu drittijiet individwali. Madankollu, ma jsegwix li kienet, għalhekk, l-intenzjoni tal-leġiżlatura li ma tippermettix individwi jinvokaw nuqqas ta’ konformità mal-perijodu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament Dublin III. Termini vinkolanti kienu introdotti l-ewwel darba fir-Regolament Dublin II biex jagħtu lill-Istati Membri inċentivi biex jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil malajr kemm jista’ jkun u biex jevitaw is-sitwazzjoni li applikanti għal protezzjoni internazzjonali jitħallew “f’orbita” għal perijodi twal ta’ żmien (91). Għalhekk, applikant għandu interess li s-sistema ta’ Dublin topera b’mod effettiv biex l-Istat Membru responsabbli jiġi ddeterminat malajr u l-każ tiegħu jgħaddi ’l quddiem għall-fażi fejn l-applikazzjoni sustantiva tiegħu tiġi evalwata. Meta ma jkunx hemm dewmien bejn, li l-ewwel jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli u, wara, tiġi eżaminata u ddeterminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan għandu wkoll vantaġġi għall-Istati Membri. Proċess malajr u effiċjenti jnaqqas il-probabbiltà ta’ movimenti sekondarji lejn Stati pperċepiti li jipproċessaw applikazzjonijiet skont ir-Regolament Dublin III iktar malajr.

96.      Talba biex jittieħed inkarigu li ssir jum wieħed wara li jkunu skada t-terminu ta’ tliet xhur tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III tkun tajba biżżejjed biex tirrendi ineffettiv kull trasferiment li jsir wara, jew għandhom ikunu pprojbiti biss trasferimenti f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformita lampanti, bħal sena jew iktar?

97.      Hawnhekk ninnota li l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva dwar proċeduri tispeċifika sitt xhur bħala l-perijodu li matulu għandu jingħalaq l-eżami tat-talba sustantiva għal protezzjoni internazzjonali. Jidhirli li l-perijodu biex issir talba biex jittieħed inkarigu ma jistax f’ċirkustanzi normali jaqbeż dak li matulu ssir evalwazzjoni sustantiva (92). Għalhekk, perijodu ta’ iktar minn sitt xhur (jiġifieri iktar mid-doppju tat-terminu ta’ żmien speċifikat mil-leġiżlatura) pjuttost jindika li l-għanijiet tar-Regolament Dublin III kienu qegħdin jiġu mhedda. Id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ma kinitx tkun qiegħda ssir “malajr” u l-applikant kien, tabilħaqq, ikun “f’orbita” sakemm tinstab soluzzjoni għal din il-fażi preliminari qabel ma ssir evalwazzjoni tal-applikazzjoni sustantiva tiegħu. Madankollu, ovvjament ikun għall-qorti nazzjonali li tiddetermina kull każ individwali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha.

98.      Inżid li minħabba li kontestazzjonijiet skont l-Artikolu 27(1) għandhom effett sospensiv, il-pożizzjoni tal-Istat Membru mitlub ma tkunx neċessarjament ippreġudikata meta deċiżjoni ta’ trasferiment tiġi kkontestata. Applikanti li jirnexxilhom jikkontestaw bħala tali ma jiġux “ippremjati”. Kontestazzjoni li tirnexxi tfisser biss li l-pożizzjoni ta’ kontinġenza stabbilita fir-Regolament Dublin III imbagħad tibda tapplika u l-Istat Membru li jkun għamel it-talba jibqa’ responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

99.      It-tielet oġġezzjoni, imressqa kemm mir-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, hija li dritt ta’ appell jew reviżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mat-termini jinkuraġġixxu l-forum shopping.

100. Jiena mhux konvint b’dan l-argument.

101. Ma hemmx indikazzjoni li T. Mengesteab huwa ssuspettat li wettaq attività bħal din. Għalhekk, dak it-tħassib partikolari ma għandux postu hawnhekk. Wieħed għandu jiftakar ukoll li r-Regolament Dublin III għandu dispożizzjonijiet speċifiċi biex jeħduha kontra dak il-fenomenu, l-iktar l-arranġamenti għal talbiet ta’ teħid lura tal-Artikoli 23 sa 25 (93). Il-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 21(1) minħabba li t-terminu ta’ tliet xhur ikun skada hija kwistjoni differenti minn forum shopping.

102. Jekk applikant ikun issottometta żewġ applikazzjonijiet f’żewġ Stati Membri differenti dan ikun jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ forum shopping. F’każ bħal dan it-termini tal-Artikolu 23 ikunu japplikaw u l-awtoritajiet kompetenti jkunu suġġetti għall-perijodu ta’ tliet xhur stabbilit. Jekk it-termini ma jkunux issodisfatti, ir-responsabbiltà mbagħad tkun tal-Istat Membru fejn tkun saret l-applikazzjoni l-ġdida. Madankollu, dik il-konsegwenza toħroġ mill-iskema leġiżlattiva nfisha, u mhux mid-dritt għal appell jew reviżjoni (94).

103. Ir-raba’ oġġezzjoni hija tal-Kummissjoni waħedha. Titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrestrinġi d-dritt għal reviżjoni jew appell skont l-Artikolu 27(1) billi torbtu esklużivament ma’ dawk id-dispożizzjonijiet fejn il-kwistjoni tkun dwar id-drittijiet fundamentali tal-applikant (95). Nifhem li l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li d-dritt għall-ażil huwa ggarantit sakemm naturalment jitħares il-prinċipju ta’ non-refoulement. Għalhekk, il-Kummissjoni targumenta li għandu jkun hemm dritt għal appell jew reviżjoni biss meta l-kwistjoni tkun dwar id-dritt għall-ħajja tal-familja jew id-drittijiet tat-tfal jew meta jkun hemm defiċjenzi sistemiċi fis-sistema ta’ ażil tal-Istat li fih l-applikant ikollu jiġi ttrasferit (96).

104. Ma hijiex parti mill-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri li tistħarreġ il-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni għal “Regolament Dublin IV”. Madankollu, jiena stess ma ninterpretax il-kliem “id-dritt għal rimedju effettiv” b’dak il-mod. Dan il-kliem għandu jiġi interpretat b’riferiment għall-Artikoli 41 u 47 tal-Karta (97), kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Ghezelbash u Karim (98).

105. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tkun qiegħda toħloq ukoll distinzjoni arbitrarja dwar l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III, minħabba li każijiet dwar applikazzjoni ħażina tal-kriterji relatati ma’ minorenni jew fejn ikun hemm rabtiet tal-familja (Artikoli 8 sa 11) ikunu suġġetti għall-Artikolu 27(1), iżda każijiet ta’ applikazzjoni żbaljata tal-kriterji tal-Artikoli 12 sa 15 (viżas u rekwiżiti ta’ dħul) ġeneralment ma jkunux.

106. Ma huwa xejn ċar għalija li tali pożizzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Karta.

107. Eżami tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jitlob li dik id-dispożizzjoni tinqara flimkien mal-Artikolu 26(1). Dan tal-aħħar jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jinnotifikaw applikant b’deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda kontrih. L-Artikolu 27(1) jiggarantixxi d-dritt għal smigħ, li huwa dritt tad-difiża, u jeżisti biex jipprovdi rimedju effettiv kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment żbaljati (99). Fl-assenza tar-rekwiżiti ta’ notifika tal-Artikolu 26(1), l-Artikolu 27(1) ma jkunx jista’ jissodisfa dawk il-funzjonijiet. Isegwi mill-kliem ċar tal-Artikolu 27(1) – “appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi” – li l-mod kif joperaw it-termini ta’ żmien huwa kopert minn dik id-dispożizzjoni. Tali interpretazzjoni hija konsistenti mad-drittijiet tad-difiża u mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huma relatati, kif spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kadi II (100).

108. Fl-assenza ta’ esklużjoni espressa fl-Artikolu 27(1) fir-rigward tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1), inqis li jkun kuntrarju għall-kliem, għall-għanijiet u għall-iskema tar-Regolament Dublin III, li d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal aċċess għal protezzjoni ġudizzjarja jkunu ristretti bil-mod kif issuġġerit.

109. Huwa ċar li l-kriżi tar-refuġjati fl-aħħar tal-2015 u fil-bidu tal-2016 ħolqot sitwazzjoni eċċezzjonali li qiegħdet lill-Istati Membri f’pożizzjoni diffiċli u kienet ta’ piż fuq ir-riżorsi disponibbli (101). Madankollu, ma naċċettax dan bħala ġustifikazzjoni biex titnaqqas il-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija mir-regoli stabbiliti fir-Regolament Dublin III.

110. Nikkonkludi, għalhekk, li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun intitolat jippreżenta appell minn jew jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda bħala riżultat ta’ talba biex jittieħed inkarigu meta l-Istat Membru li jkun għamel it-talba ma kienx konformi mat-terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-regolament meta ssottometta tali talba.

 Fuq it-tieni domanda

111. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tistax tikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment anki jekk l-Istat Membru mitlub jaqbel li jieħu l-inkarigu u jsir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali.

112. Fil-każ ta’ T. Mengesteab l-Italja ma tatx risposta għat-talba tal-Ġermanja biex jittieħed inkarigu. Hija indikata bħala l-Istat Membru responsabbli bis-saħħa tal-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III, minħabba li l-awtoritajiet Taljani naqsu jaġixxu fil-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament.

113. Jidhirli li d-dritt ta’ applikant għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 27(1) ma jiddependix mir-reazzjoni (jew min-nuqqas ta’ reazzjoni) tal-Istat Membru mitlub. Il-kliem tal-Artikolu 27(1) jindika li r-rimedju li huwa jagħmel disponibbli huwa rrelatat mad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-Istat Membru li jagħmel it-talba. L-għan tiegħu huwa li tkun żgurata superviżjoni ġudizzjarja dwar jekk dik id-deċiżjoni tteħditx fuq bażi tajba fil-fatt u fid-dritt. Huma dawn l-elementi li jkunu s-suġġett ta’ skrutinju f’appell jew f’reviżjoni, milli l-azzjonijiet tal-Istat Membru mitlub li għandu jagħmel ċerti kontrolli fi żmien xahrejn minn meta jirċievi t-talba biex jittieħed inkarigu [Artikolu 22(1)].

114. Għalhekk, jekk applikant jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq nuqqas ta’ konformità mat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, jekk l-Istat Membru mitlub jaqbilx mat-talba biex jittieħed inkarigu huwa irrilevanti. Il-pożizzjoni tibqa’ l-istess meta l-Istat Membru mitlub isir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 22(7).

115. Fid-dawl tar-risposti li jiena qiegħed nipproponi għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq ir-raba’ domanda

116. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li, fil-każ ta’ riżultat pożittiv mill-Eurodac fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jinqabad minn awtoritajiet ta’ Stat Membru b’rabta ma’ qsim irregolari tal-fruntieri skont it-tifsira tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac, talba biex jittieħed inkarigu għandha tintbagħat fi żmien xahrejn minn meta jiġi riċevut dak ir-riżultat.

117. Permezz tar-raba’ domanda l-qorti tar-rinviju titlob li jiġi aċċertat jekk dak il-perijodu ta’ xahrejn jibdiex wara li jkun skada t-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ewwel l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, biex b’hekk l-Istat Membru li jkun għamel it-talba jkollu perijodu totali ta’ ħames xhur li fih ikun jista’ jagħmel it-talba biex jittieħed inkarigu. Alternattivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) jipprevedi terminu iqsar f’każijiet ta’ riżultat pożittiv mill-Eurodac (102)?

118. L-Ungerija u l-Kummissjoni jissottomettu li l-perijodu ta’ xahrejn huwa awtonomu u ma jibdiex fi tmiem it-terminu ta’ tliet xhur skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III. Ir-Renju Unit ma jaqbilx ma din is-sottomissjoni. Iqis li jkun konsistenti mal-kliem ta’ dak ir-regolament jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) jiġi interpretat bħala li jfisser li l-perijodu ta’ xahrejn huwa addizzjonali għat-terminu ta’ tliet xhur.

119. Il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jindika li t-terminu ġenerali biex issir talba biex jittieħed inkarigu huwa ta’ tliet xhur. Il-kelma “‘minkejja” fil-bidu tat-tieni subparagrafu tfisser li, għalkemm hemm ir-regola ġenerali, hemm dispożizzjoni partikolari għal dawk il-każijiet fejn ikun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac. Jiena nifhimha bħala li terminu ta’ xahrejn huwa ssostitwit bħala alternattiva għall-perijodu ġenerali ta’ tliet xhur, milli addizzjonali għalih, għar-raġunijiet li ġejjin.

120. L-ewwel nett, riżultat pożittiv mill-Eurodac miksub minn tqabbil tal-marki tas-swaba’ ta’ applikant ma’ marki tas-swaba’ meħuda skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac jikkostitwixxi evidenza probatorja ta’ dħul irregolari minn fruntiera esterna tal-Istati Membri tal-Unjoni (103). Tali evidenza hija prova formali li tiddetermina jekk Stat Membru jkunx, tabilħaqq, l-Istat Membru responsabbli għall-finijiet tar-Regolament Dublin III (104). Riżultat pożittiv mill-Eurodac jgħin biex dak il-proċess jitwettaq iktar malajr milli f’każijiet fejn ma jkunx hemm evidenza ta’ dik ix-xorta (105). Għalhekk, l-Istat li jagħmel it-talba għandu jeħtieġlu inqas żmien biex jistabbilixxi jekk ikollux jagħmel talba biex jittieħed inkarigu.

121. It-tieni nett, l-idea li riżultat pożittiv mill-Eurodac jiffaċilita d-determinazzjoni malajr tal-proċeduri ta’ Dublin III tittenna fid-dispożizzjonijiet dwar talbiet għal teħid lura (106). F’każijiet bħal dawn, talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir malajr kemm jista’ jkun u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta Stat Membru jkun irċieva riżultat pożittiv mill-Eurodac, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III. Meta t-talba biex persuna tittieħed lura tkun ibbażata fuq evidenza oħra minbarra riżultat pożittiv mill-Eurodac, dak il-perijodu jkun ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun ġiet issottomessa bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2).

122. Bl-istess mod, f’każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolament Dublin III (dwar talbiet ta’ teħid lura relatati ma’ persuni li jkunu qegħdin fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr dokument ta’ residenza li ma jkunux issottomettew applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali), issir distinzjoni bejn drabi meta jkun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac u ċirkustanzi meta ma jkunx hemm tali evidenza. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(2) jipprevedi perijodu ta’ xahrejn meta jkun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi terminu ta’ tliet xhur meta ma jkunx hemm tali evidenza. Skont l-Artikolu 25(1) l-Istat Membru mitlub għandu jagħti risposta malajr kemm jista’ jkun għal talba biex persuna tittieħed lura, u f’kull każ mhux iktar tard minn xahar wara li tkun saret it-talba. Madankollu, huwa jkollu biss ġimagħtejn biex jagħti risposta f’każijiet meta t-talba biex persuna tittieħed lura tkun ibbażata fuq riżultat pożittiv mill-Eurodac.

123. It-tielet nett, it-termini fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 21(1) jibdew jiddekorru bi ġrajjiet differenti. Għal tal-ewwel, huwa s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li huwa rilevanti. Għal tat-tieni, huwa meta tasal l-informazzjoni mis-sistema ċentrali tal-Eurodac dwar riżultat pożittiv. Biex jintlaħaq il-perijodu ta’ ħames xhur, ikun meħtieġ li x-xahrejn imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jiġu ttrattati bħala li jibdew fi tmiem il-perijodu ta’ tliet xhur irrispettivament minn meta l-informazzjoni relatata mar-riżultat pożittiv tkun saret disponibbli. Tali interpretazzjoni hija, madankollu, kuntrarja għall-kliem espress tat-test.

124. Ir-Renju Unit esprima t-tħassib li l-Istati Membri xi drabi jkollhom diffikultajiet japplikaw ir-Regolament Eurodac. Spjega li jkun hemm każijiet meta n-nies iweġġgħu apposta biex jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet kompetenti jiksbu marki tas-swaba’. Ikun hemm ukoll drabi meta jkun diffiċli jinkisbu marki tas-swaba’ minħabba li l-ponot tas-swaba’ ta’ persuna jkunu ġarbu ħsara maż-żmien minħabba xogħol manwali.

125. Filwaqt li ma għandix dubju dwar il-leġittimità tat-tħassib tar-Renju Unit, ma nemminx li l-problemi li huwa identifika jista’ jkollhom rimedju billi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jiġi interpretat bil-mod li jissuġġerixxi hu.

126. Huwa l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac li jintroduċi obbligu li jittieħdu marki tas-swaba’ (107). Skont dan ir-regolament marki tas-swaba’ għandhom jittieħdu fil-pront, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet issottomessa applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u f’kull każ, mhux iktar tard minn tnejn u sebgħin siegħa wara l-preżentazzjoni (108). It-terminu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jikkonċerna biss l-obbligi tal-Istati Membri b’rabta ma’ talbiet biex jittieħed inkarigu. Dan ma jispeċifikax il-perijodu li matulu għandhom jittieħdu l-marki tas-swaba’ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara li tkun ġiet issottomessa l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Biex ikollhom riżultat pożittiv mill-Eurodac il-marki tas-swaba’ għandhom mid-definizzjoni tagħhom stess ikunu diġà ġew irreġistrati fis-sistema ċentrali Eurodac (minħabba li, pereżempju, huma jkunu ttieħdu u ġew trażmessi b’rabta ma’ qsim irregolari tal-fruntieri lejn Stat Membru ieħor [skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac]). Dak l-istadju fil-proċess jiġi qabel it-talba biex jittieħed inkarigu. Għalhekk jidhirli li sakemm ir-Renju Unit huwa mħasseb li l-Istati Membri jistgħu jiġu ppreġudikati b’perijodu iqsar ta’ xahrejn skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-fehma tiegħu hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III. It-terminu ta’ xahrejn ma jibdiex jiddekorri f’każijiet fejn ma jitteħdux marki tas-swaba skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Eurodac biex jitqabblu ma’ marki tas-swaba’ li jkunu jeżistu diġà fis-sistema ċentrali Eurodac, jew fejn (għal kwalunkwe raġuni) ma hemmx marki tas-swaba’ li jaqblu f’dik is-sistema. F’każijiet bħal dawn ikun japplika l-perijodu ġenerali ta’ tliet xhur.

127. Huwa minnu li jekk il-perijodu ta’ xahrejn stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) jikkoinċidix mat-terminu ġenerali ta’ tliet xhur jew jekk dak il-perijodu jibdiex wara li l-perijodu tat-terminu ġenerali ta’ tliet xhur ikun skada ma huwiex (forsi) ċar mit-test tad-dispożizzjoni.

128. Madankollu, għan ewlieni tal-proċedura ta’ Dublin huwa li l-Istat Membru responsabbli għandu jiġi ddeterminat malajr. Dan ikun inkompatibbli ma’ dak l-għan jekk il-perijodu ta’ xahrejn jitqies li jibda jiddekorri wara li t-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) ikun skada (li joħloq perijodu ta’ ħames xhur) (109). Għalhekk, f’każijiet fejn ikun hemm riżultat pożittiv mill-Eurodac, il-perijodu biex tiġi sottomessa talba biex jittieħed inkarigu jibda meta l-Istat Membru li jkun għamel it-talba jirċievi informazzjoni li tikkonferma li l-marki tas-swaba’ jkunu tqabblu fis-sistema ċentrali tal-Eurodac. Tali riżultat pożittiv mill-Eurodac jikkostitwixxi evidenza probatorja ta’ dħul irregolari minn fruntiera esterna tal-Istati Membri tal-Unjoni. Konsegwentement, dak il-perijodu biex tiġi sottomessa talba biex jittieħed inkarigu f’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkun iqsar mit-terminu ġenerali ta’ tliet xhur.

129. Jiena, għalhekk, nikkonkludi li l-perijodu ta’ tliet xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi t-terminu ġenerali li fih għandhom isiru talbiet biex jittieħed inkarigu. Il-perijodu iqsar ta’ xahrejn stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) japplika f’dawk il-każijiet fejn tqabbil ta’ marki tas-swaba’ miksub skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac jiżvela riżultat pożittiv skont it-tifsira tal-Artikoli 2(d) u 14(1) ta’ dan ir-regolament. Dan il-perijodu ta’ xahrejn ma huwiex addizzjonali għat-terminu ġenerali ta’ tliet xhur u, għalhekk, ma jistax jibda jiddekorri wara li l-perijodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III ikun skada. F’każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jirċievu riżultat pożittiv, it-terminu ta’ xahrejn jibda jiddekorri minn dak il-waqt u jkollu l-effett li jnaqqas il-perijodu ġenerali ta’ tliet xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1).

 Fuq il-ħames domanda

130. Permezz tal-ħames domanda l-qorti tar-rinviju titlob li tiġi stabbilita t-tifsira tal-kliem “[a]pplikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies li kienet iddepożitata meta formola sottomessa mill-applikant jew rapport ippreparat mill-awtoritajiet ikun wasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat” tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III. Hija tispjega li skont is-sistema Ġermaniża attestazzjoni li tkun tgħid li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz huwa persuna li tkun qiegħda tfittex ażil tinħareġ għall-ewwel darba bi tweġiba għal talba inizjali informali għal ażil. Malli dik it-talba tiġi rreġistrata, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu mbagħad jagħmel applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali lill-BAMF, l-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Dublin III. L-attestazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet wara li tkun saret it-talba informali tikkostitwixxi s-“sottomissjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament Dublin III, jew l-applikazzjoni tkun issottomessa biss meta applikazzjoni formali tiġi rreġistrata bħala li kienet sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti?

131. Il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jissottomettu li applikazzjoni tkun issottomessa biss malli ssir l-applikazzjoni formali u din tkun waslet għand l-awtoritajiet kompetenti. T. Mengesteab u l-Ungerija ma jaqblux ma’ din il-fehma. T. Mengesteab jargumenta li s-sottomissjoni tat-talba informali għal ażil tikkostitwixxi s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III u meta jseħħ dan jibda jiddekorri l-perijodu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1). L-Ungerija hija tal-fehma li l-attestazzjoni maħruġa wara li tkun saret talba informali għal ażil tirrappreżenta “r-rapport” mibgħut mill-awtoritajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III.

132. Il-qorti tar-rinviju tqis li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li tkun ġiet issottomessa meta l-awtoritajiet nazzjonali joħorġu attestazzjoni lil applikant li tkun tindika li huwa jkun intitolat ikollu r-residenza tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat sakemm tintemm il-proċedura ta’ ażil, u jirċievi assistenza, bħal akkomodazzjoni u ċerti benefiċċji tas-sigurtà soċjali.

133. Fl-opinjoni tiegħi, il-fehma tal-Ġermanja, tar-Renju Unit u tal-Kummissjoni tirrifletti interpretazzjoni aħjar tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III.

134. Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jitqiesu mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mir-regoli li minnhom hija tkun tagħmel parti (110).

135. Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija ddefinita fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kwalifika bħala li tfisser “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha” (111). Dan il-kliem huwa biżżejjed wiesa’ biex jinkludi kemm talba informali għal protezzjoni internazzjonali magħmula lil awtoritajiet ta’ Stat Membru (bħall-pulizija, gwardji tal-fruntiera, awtoritajiet tal-immigrazzjoni jew il-persunal ta’ ċentru ta’ akkoljenza), u applikazzjoni formali ssottomessa mal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Dublin III.

136. Ir-Regolament Dublin III minnu nnifsu ma jagħtix definizzjoni ta’ x’tikkostitwixxi s-“sottomissjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. B’rabta ma’ kwistjonijiet proċedurali dwar l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, id-Direttiva dwar proċeduri evidentement għandha rabta mill-qrib mar-regoli tar-Regolament Dublin III (112).

137. L-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar proċeduri jiddistingwi bejn żewġ stadji b’rabta mal-proċess ta’ applikazzjoni: l-ewwel meta persuna tagħmel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u t-tieni meta dik il-persuna jkollha opportunità tissottometti tali applikazzjoni (113). B’rabta mal-ewwel stadju, l-Artikolu 6(1) jgħid li l-applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata fi żmien tliet ijiem tax-xogħol wara li tkun saret (114). Fir-rigward tat-tieni stadju [li ma huwiex kopert mit-termini tal-Artikolu 6(1)], l-Artikolu 6(2) jgħid li persuna li tkun għamlet applikazzjoni għandu jkollha opportunità tissottomettiha “malajr kemm jista’ jkun” (115). L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar proċeduri jtenni l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, billi jgħid li “‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha titqies bħala li ġiet riċevuta ladarba formola ppreżentata mill-applikant jew, fejn dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, rapport uffiċjali, ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat”. Id-Direttiva dwar proċeduri, bħar-Regolament Dublin III, ma tiddefinixxix x’tikkostitwixxi s-“sottomissjoni” ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u ma hemmx regoli proċedurali speċifiċi stabbiliti. Dawk il-materji, għalhekk, jibqgħu suġġetti għal regoli nazzjonali.

138. Il-kliem “sottomissjoni” fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III jissuġġerixxi proċedura formali relatata mal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (116). Dik l-applikazzjoni ssir jew billi titlesta formola jew billi xi ħadd iħejji rapport uffiċjali f’isem l-applikant. Ma hemmx formola standard għal applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali annessa mad-Direttiva dwar proċeduri jew mad-Direttiva dwar il-kwalifika. Huwa, għalhekk, għal kull Stat Membru li jiddetermina l-kontenut eżatt tal-formola u tar-rapport. Jista’ jkun li applikanti normalment ikunu responsabbli biex ilestu l-formoli huma stess, forsi bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ta’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru. Ċerti applikanti jistgħu, madankollu, ma jkunux kapaċi jlestu formola, u, għalhekk, hemm dispożizzjoni biex jitlesta rapport minn parti terza li jkun jista’ jintuża minflok formola ta’ applikazzjoni. Din il-fehma tidher li hija sostnuta mill-Artikolu 20(2) li jgħid “Fejn applikazzjoni ma ssirx bil-miktub, iż-żmien li jgħaddi bejn id-dikjarazzjoni ta’ intenzjoni u l-preparazzjoni ta’ rapport għandu jkun kemm jista’ jkun qasir”. Sa fejn nista’ ngħid jiena, l-attestazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet responsabbli biex jirċievu applikanti ma hijiex formola jew rapport għall-finijiet ta’ dik id-dispożizzjoni. L-għan tal-attestazzjoni huwa biss li jiġi kkonfermat l-istatus tal-applikant sakemm issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu u biex jiġi żgurat li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-akkoljenza (117). Ma hijiex intiża li tirreġistra x-xorta ta’ informazzjoni ddettaljata dwar applikant li tkun meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jipproċessaw l-applikazzjoni tiegħu għal ażil.

139. Rekwiżit ieħor tal-Artikolu 20(2) huwa li l-formola jew ir-rapport ikun jeħtiġilhom jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti biex l-applikazzjoni titqies bħala ssottomessa. Fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu dawk maħtura skont l-Artikolu 35(1), milli awtorità nazzjonali li jkollha dmirijiet ġenerali f’sistema ta’ Stat Membru dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Dan huwa hekk minħabba li l-att ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali immedjatament jagħti lok biex iseħħu ċerti affarijiet fl-iskema tal-Proċedura ta’ Dublin. Jindika l-bidu ta’: (i) il-proċess biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni (Artikolu 1); (ii) l-obbligu li l-applikant jingħata informazzjoni dwar il-Proċedura ta’ Dublin [Artikolu 4(1)]; (iii) il-ħila ta’ Stat Membru li jiddeċiedi jekk jeżerċitax id-diskrezzjoni tiegħu li jsir l-Istat Membru responsabbli bħala eċċezzjoni li r-responsabbiltà tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-kriterji tal-Kapitolu III [Artikolu 17(1)]; u (iv) it-termini relatati ma’ talbiet biex jittieħed inkarigu jew għal teħid lura (skont, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 rispettivament) (118).

140. Għalhekk, biex tkun skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq formola jew f’rapport skont regoli proċedurali nazzjonali u jkun jeħtiġilha tasal għand l-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Dublin III. Dik l-awtorità tkun responsabbli biex, inter alia, tirċievi l-applikazzjoni. Jekk hija wkoll l-istess awtorità li tassisti lil applikanti jħejju l-applikazzjoni hija kwistjoni li hija rregolata mid-Direttiva dwar proċeduri.

141. Il-qorti tar-rinviju tgħid li skont is-sistema Ġermaniża ċittadin ta’ pajjiż terz li jagħmel talba għal protezzjoni internazzjonali (l-ewwel stadju) lil awtoritajiet nazzjonali, bħal dawk responsabbli għall-kontroll fuq il-fruntieri, il-pulizija jew l-immigrazzjoni, għandu jintbagħat f’ċentru ta’ akkoljenza biex jiġi rreġistrat. Huwa ċ-ċentru ta’ akkoljenza li mbagħad għandu jinnotifika lill-BAMF [l-awtorità kompetenti maħtura skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament Dublin III] bit-talba għal protezzjoni internazzjonali. Il-persuna kkonċernata għandha tinħarġilha attestazzjoni. Dawn l-istadji għandhom jitwettqu qabel ma applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (it-tieni stadju) tiġi ssottomessa għand il-BAMF.

142. Jidher, għalhekk, li d-dokument li huwa rilevanti għat-talba informali għal protezzjoni internazzjonali (l-ewwel stadju), ma ġiex issottomess għand il-BAMF. Ukoll, ma hemm xejn li jindika li t-talba informali ssir fuq formola skont Artikolu 20(2) (119). It-talba informali ma hijiex rapport għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li ma titħejjiex mill-awtoritajiet nazzjonali. Anzi tinħoloq mill-applikant innifsu.

143. Jidhirli wkoll li l-attestazzjoni maħruġa bi tweġiba għat-talba informali bl-istess mod ma tkunx rapport skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III. Dan minħabba li l-attestazzjoni ma hijiex talba għal protezzjoni internazzjonali magħmula minn ċittadin ta’ pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva dwar il-kwalifika. Pjuttost tkun tweġiba uffiċjali għat-talba informali tal-applikant. Tirreġistra l-istatus provviżorju tal-persuna kkonċernata sakemm tiġi ddeterminata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u tikkonferma li huwa jkun intitolat għal assistenza li għandha tingħata skont id-Direttiva dwar l-akkoljenza (120). Jidher li aktarx, fil-fatt ikun id-dokument skont id-dritt nazzjonali maħruġ skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-akkoljenza li jiċċertifika l-istatus tal-applikant u li jikkonferma li huwa jkollu permess joqgħod fl-Istat Membru kkonċernat sakemm tkun ġiet iddeterminata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

144. L-interpretazzjoni kuntrarja tal-Artikolu 20(2) mill-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq partikolaritajiet proċedurali tas-sistema Ġermaniża. Madankollu, dawn jistgħu ma jkunux riflessi bnadi oħra fl-Unjoni Ewropea. Stati Membri oħra jistgħu ma joħorġux neċessarjament attestazzjoni formali bi tweġiba għal talba informali għal protezzjoni internazzjonali. Jidhirli, għalhekk, li d-data meta tkun inħarġet l-attestazzjoni ma tistax tikkostitwixxi l-waqt meta l-applikazzjoni tkun ġiet issottomessa.

145. L-Ungerija tissottometti li, jekk l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kellha titqies li tkun issottomessa meta tasal għand l-awtoritajiet kompetenti, dan ikun qiegħed jagħti lill-Istati Membri ħafna libertà ta’ azzjoni. Speċifikament, ikun qiegħed jippermettilhom jikkontrollaw kemm jgħaddi żmien bejn meta ċittadin ta’ pajjiż terz jagħmel l-ewwel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u meta huwa eventwalment jissottometti l-applikazzjoni tiegħu, biex jiżguraw li applikazzjonijiet ikunu ssottomessi biss fil-mument meta l-amministrazzjoni nazzjonali tkun tista’ tiggarantixxi li hija tkun tista’ tissodisfa t-termini biex tagħmel talbiet biex jittieħed inkarigu jew għal teħid lura. Dan jista’ jwassal għal trattament arbitrarju ta’ każijiet individwali li jista’ jhedded il-mod kif jaħdmu l-proċeduri ta’ Dublin, partikolarment fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli. Il-qorti tar-rinviju tesprimi tħassib simili.

146. Huwa minnu li r-Regolament Dublin III ma għandux regoli dwar il-perijodu bejn it-talba informali u s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali. Ma hemm xejn li bih l-Istati Membri jkun jeħtiġilhom jaġixxu f’ċertu terminu, ħlief għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar proċeduri, li jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li persuna li tkun għamlet applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollha opportunità effettiva tissottomettiha malajr kemm jista’ jkun. Ir-riżultat huwa li Stat Membru, tabilħaqq, ikun liberu “jikkontrolla” kemm jitħaffew applikazzjonijiet għal ażil li huwa jippermetti jiġu ssottomessi.

147. L-iżvantaġġ li jista’ jkun hemm għal individwi li jirriżulta minn dik il-flessibbiltà għandu jiġi evalwat skont il-problemi li jinħolqu fil-Proċedura ta’ Dublin jekk l-Artikoli 20(2) u 35(1) kellhom jiġu skartati u talbiet informali magħmula lil awtoritajiet nazzjonali minbarra dawk maħtura skont din l-aħħar dispożizzjoni kellhom jitqiesu li jkunu ekwivalenti għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni. Fil-fehma tiegħi, din l-aħħar interpretazzjoni taf iktar tħarbat il-proċedura ta’ Dublin u tintroduċi element ta’ inċertezza dwar meta applikazzjoni tkun attwalment ġiet issottomessa. Barra minn dan, hija tkun qiegħda tirrendi inoperabbli l-kalkolu tat-terminu.

148. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni aħjar tal-Artikolu 20(2) hija dik li tqis b’mod sħiħ il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 35(1).

149. Jidhirli li l-leġiżlatura ħallietha għal regoli proċedurali nazzjonali biex jiġi stabbilit meta l-formola jew ir-rapport skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) ikunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. F’każijiet fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar proċeduri, ikun hemm inqas lok għal konfużjoni b’rabta ma’ dan l-aspett tal-proċedura, minħabba li l-applikazzjoni jkollha ssir mill-persuna nfisha (bħalma jseħħ fil-Ġermanja) jew tiġi ssottomessa f’post magħżul apposta (121). Dak ikun il-waqt meta r-rapport ikun “wasal” għand l-awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2).

150. Isegwi li t-talba informali ta’ T. Mengesteab għal protezzjoni internazzjonali u l-attestazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali fl-14 ta’ Settembru 2015 u fit-8 ta’ Ottubru 2015 ma jikkostitwixxux is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III u lanqas dawk l-attestazzjonijiet ma kienu jikkostitwixxu rapport skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-perijodu ta’ żmien li fih l-awtoritajiet kompetenti kienu obbligati jagħmlu t-talba biex jittieħed inkarigu ma bediex jiddekorri f’waħda minn dawn id-dati. Beda fit-22 ta’ Lulju 2016 meta T. Mengesteab issottometta l-applikazzjoni formali tiegħu għal protezzjoni internazzjonali mal-BAMF. It-talba biex jittieħed inkarigu li kienet saret fid-19 ta’ Awwissu 2016, għalhekk, kienet konformi mat-terminu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1).

151. Għalhekk nikkonkludi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li tkun ġiet issottomessa skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III meta formola jew rapport jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti maħtura għall-finijiet li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward: (i) ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ma huwiex formola jew rapport; (ii) l-awtorità kompetenti hekk maħtura tkun dik responsabbli biex tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun ġiet issottomessa fl-Istat Membru kkonċernat; u (iii) l-applikazzjoni titqies li tkun waslet għand l-awtorità kompetenti skont ir-regoli nazzjonali li jagħtu effett lid-Direttiva dwar proċeduri.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

152. Fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ħames domanda, u filwaqt li l-kwistjoni hija fl-aħħar mill-aħħar waħda għall-qorti tar-rinviju, jidhirli li t-talba biex jittieħed inkarigu fil-każ ta’ T. Mengesteab ma kinitx ineffettiva u li r-responsabbiltà biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali ma għandhiex, għalhekk, tmur lura awtomatikament għall-Ġermanja skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob li tiġi aċċertata jekk id-dewmien ta’ għaxar xhur bejn it-8 ta’ Ottubru 2015 (meta nħarġet it-tieni attestazzjoni) u d-19 ta’ Awwissu 2016 (li kienet id-data tat-talba biex jittieħed inkarigu), ifissirx li l-Ġermanja hija obbligata teżamina l-applikazzjoni ta’ T. Mengesteab skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III (Domanda 6). Jekk, tabilħaqq, dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema perijodu ta’ żmien bejn il-ħruġ ta’ attestazzjoni u meta ssir talba biex jittieħed inkarigu jikkostitwixxi dewmien mhux raġonevoli biex tiġi sottomessa tali talba (Domanda 7).

153. Ir-risposta qasira hija li l-Istati Membri ma jistgħux jintalbu jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III biex jeżaminaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għal raġunijiet umanitarji. F’dawk iċ-ċirkustanzi ma jkunx strettament neċessarju li tiġi eżaminata s-seba’ domanda (122).

154. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) evidentement hija kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni (123). Isegwi mill-kliem li d-dispożizzjoni hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali tal-Artikolu 3(1) li l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandu jiġi ddeterminat b’riferiment għall-kriterji tal-Kapitolu III. Il-kliem “kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali […]” jindika li l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) hija fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru. Ma hemmx mekkaniżmu fir-Regolament Dublin III li jġiegħel Stat Membru jinvoka din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-premessa wara d-domanda tal-qorti tar-rinviju li dewmien bejn l-attestazzjoni u t-talba biex jittieħed inkarigu jista’ jirriżulta fi Stat Membru jkun jeħtieġlu japplika l-Artikolu 17(1) tista’ tkun difettuża (124). Bl-istess mod, ma hemmx bażi legali fir-Regolament Dublin III biex jiġi kkonstatat li perijodu speċifiku ta’ żmien ma jkunx raġonevoli.

155. Fl-opinjoni tiegħi, dewmien bejn il-ħruġ ta’ ċertifikat li jirreġistra individwu bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali u s-sottomissjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu ma jistgħux jirriżultaw li Stat Membru li jkun għamel it-talba jkun jeħtieġlu jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III. Fid-dawl ta’ dik it-tweġiba ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għas-seba’ domanda.

 Fuq it-tmien domanda

156. Permezz tat-tmien domanda l-qorti tar-rinviju titlob għal gwida dwar l-informazzjoni li għandha jkollha talba biex jittieħed inkarigu biex tali talba tkun effettiva. Hija tixtieq tkun taf b’mod partikolari jekk ikunx biżżejjed li jingħataw dettalji dwar id-data tad-dħul fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u d-data meta applikant ikun issottometta l-applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali, jew jekk ikunx meħtieġ ukoll li tkun inkluża d-data tat-talba informali għal protezzjoni u d-data tal-ħruġ tal-attestazzjoni.

157. L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin għandu formola standard għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li għandha timtela meta ssir talba biex jittieħed inkarigu. Dik il-formola ma tinkludix dettalji relatati mal-ewwel talba informali għal ażil jew mad-data tal-attestazzjoni. Barra minn dan, ma hemmx rekwiżiti ta’ dik ix-xorta fl-Artikolu 21.

158. It-tmien domandi kollha magħmula mill-qorti tar-rinviju huma relatati. Meqjus dan u fid-dawl tal-fehmiet li esprimejt, b’mod partikolari b’risposta għall-ewwel u l-ħames domanda, isegwi li jiena nqis li ma hemmx ħtieġa li talba biex jittieħed inkarigu tinkludi dettalji tat-talba informali għal protezzjoni internazzjonali u d-data tal-attestazzjoni.

159. Jiena, għalhekk, nikkonkludi li, filwaqt li talba biex jittieħed inkarigu skont Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III għandha ssir fuq formola bħal dik li hemm fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Dublin, l-Istati Membri ma jeħtiġilhomx jinkludu d-data tal-ewwel talba informali għal protezzjoni internazzjonali jew id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali.

 Konklużjoni

160. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandu jogħġobha tagħti risposta għad-domandi magħmula mill-Verwaltungsgericht Minden (qorti amministrattiva, Minden, il-Ġermanja) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ssottomessa għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dak ir-regolament, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun intitolat jippreżenta appell minn jew jitlob għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda bħala riżultat ta’ talba biex jittieħed inkarigu meta l-Istat Membru li jkun għamel it-talba ma kienx konformi mat-terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-regolament meta ssottometta tali talba.

(2)      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni jekk l-Istat Membru mitlub jaqbilx mat-talba biex jittieħed inkarigu tkun irrilevanti. Il-pożizzjoni tibqa’ l-istess meta l-Istat Membru mitlub isir l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tal-Artikolu 22(7) tar-Regolament Nru 604/2013.

(3)      Ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għat-tielet domanda.

(4)      Il-perijodu ta’ tliet xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprevedi t-terminu ġenerali li fih għandhom isiru talbiet biex jittieħed inkarigu. Il-perijodu iqsar ta’ xahrejn stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1) japplika f’dawk il-każijiet fejn tqabbil ta’ marki tas-swaba miksub skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac jiżvela riżultat pożittiv skont it-tifsira tal-Artikoli 2(d) u 14(1) ta’ dan ir-regolament. Dan il-perijodu ta’ xahrejn ma huwiex addizzjonali għat-terminu ġenerali ta’ tliet xhur u, għalhekk, ma jistax jibda jiddekorri wara li l-perijodu stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ikun skada.

(5)      Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li tkun ġiet issottomessa skont it-tifsira tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 604/2013 meta formola jew rapport jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti maħtura għall-finijiet li jiġu ssodisfatti l-obbligi ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward: (i) ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ma huwiex formola jew rapport; (ii) l-awtorità kompetenti hekk maħtura tkun dik responsabbli tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li tkun ġiet issottomessa fl-Istat Membru kkonċernat, u (iii) l-applikazzjoni titqies li tkun waslet għand l-awtorità kompetentià skont ir-regoli nazzjonali li jagħtu effett lid-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

(6)      Dewmien bejn il-ħruġ ta’ ċertifikat li jirreġistra individwu bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali u s-sottomissjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu ma jistgħux jirriżultaw li Stat Membru li jkun għamel it-talba jkun jeħtieġlu jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

(7)      Ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għas-seba’ domanda.

(8)      Filwaqt li talba biex jittieħed inkarigu skont Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandha ssir fuq formola bħal dik li hemm fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru li jagħmel it-talba ma jkunx jeħtieġlu jinkludi f’dik il-formola, id-data tal-ewwel talba informali għal protezzjoni internazzjonali jew id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).


3 –      Ara b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 […] u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) u r-Regolament Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 (ĠU 2014, L 39, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin”).


4 –      ĠU 2010, C 83, p. 389, iktar ’il quddiem il-“Karta”.


5 –      Iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 u li daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954 [Ġabra ta’ trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], kif ikkompletata mill-Protokoll relatat mal-istatus ta-refuġjati, konkluż f’New York fil-31 ta’ Jannar 1967, li kien daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Ottubru 1967.


6 –      Id-drittijiet korrispondenti għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 47 tal-Karta huma stabbiliti fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).


7 –      Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9; iktar ’il quddiem is-“CISA”). Ir-regoli relatati mad-determinazzjoni tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal ażil kienu jinsabu fl-Artikoli 28 sa 38. Dawk ir-regoli kienu ġew issostitwiti bis-sistema ta’ Dublin.


8 –      ĠU 1997, C 254, p. 1.


9 –      Ir-Regolament tat-18 ta’ Frar 2003 (ĠU 2003, L 50, p. 1; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II” – dan ir-regolament kien issostitwit permezz tar-Regolament Dublin III). Il-kriterji applikati biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali llum huwa stabbilit fil-Kaptitolu III tar-Regolament Dublin III (iktar ’il quddiem il-“kriterji tal-Kaptitolu III”).


10 –      Premessa 5.


11 –      Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 6; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar proċeduri”).


12 –      Premessa 12.


13 –      Premessa 19.


14 –      Premessa 32.


15 –      Premessa 39.


16 –      Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”).


17 –      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865).


18 –      L-informazzjoni mogħtija lill-applikanti għandha tinkludi materjal dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment [Artikolu 4(1)(d)].


19 –      L-intervista personali tista’ titħalla barra jekk l-applikant ikkonċernat jaħrab jew jekk huwa jkun diġà pprovda l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli [Artikolu 5(2)].


20 –      L-Istat Membru mitlub ikollu xahar mid-data meta jirċievi talba għal teħid lura biex jieħu deċiżjoni. Meta talbiet bħal dawn ikunu bbażati fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dan it-terminu jitnaqqas għal ġimagħtejn [Artikolu 25(1)]. Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodi msemmija fl-Artikolu 25(1) tkun tfisser aċċettazzjoni li l-persuna kkonċernata tittieħed lura [Artikolu 25(2)].


21 –      Artikolu 1.


22 –      Artikolu 2(d). Is-sistema tikkonsisti f’database ċentrali kompjuterizzata (iktar ’il quddiem is-“sistema ċentrali”) [Artikolu 3(1)].


23 –      Id-data huma elenkati fl-Artikolu 11 tar-Regolament Eurodac. Jinkludu dan li ġej: is-sess tal-applikant; in-numru ta’ referenza użat mill-Istat Membru ta’ oriġini; id-data li fiha jkunu ttieħdu l-marki tas-swaba’; id-data li fiha d-data jkunu ġew trażmessi lis-sistema ċentrali u l-user ID tal-operatur.


24 –      Artikolu 15.


25 –      Premessa 3.


26 –      Artikolu 1.


27 –      Artikolu 1.


28 –      Artikolu 1.


29 –      Artikolu 3(1).


30 –      Artikolu 4(1) u (2). “Awtorità determinanti” hija ddefinita fl-Artikolu 2(f) bħala li tfisser “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.


31 –      Meta applikant ma jissottomettix applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikolu 28 li jipprevedi l-applikazzjoni tal-proċedura fil-każ ta’ rtirar impliċitu jew abbandun ta’ applikazzjoni.


32 –      Artikolu 9(1).


33 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013 L 180, p. 96) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-akkolljenza”).


34 –      Ara Artikolu 1 u l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom fil-pussess tagħhom viżas meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom ikunu eżenti minn dan ir-rekwiżit (ĠU 2001, L 81, p. 1).


35 –      Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1). Dan ir-regolament minn dak iż-żmien ’il hawn kien tħassar u kien issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU 2016, L 77, p. 1), li jissejjaħ ukoll il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fiż-żmien inkwistjoni meta T. Mengesteab qasam il-fruntiera esterna tal-Unjoni għall-Italja (jiġifieri fit-12 ta’ Settembru 2015) kienet il-verżjoni ta’ qabel tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li kienet fis-seħħ, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1051/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 295 p. 1). Nagħmel riferiment għal dik il-verżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen f’dawn il-konklużjonijiet.


36 –      Kawża C‑490/16, sentenza pendenti.


37 –      Kawża C‑646/16, sentenza pendenti.


38 –      Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tad-29 ta’ April 2015 dwar it-traġedji l-iktar reċenti fil-Mediterran u l-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil, 2015/2660(RSP), paragrafu 1.


39 –      L-operazzjonijiet inkwistjoni huma rregolati mir-Regolament (UE) Nru 656/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li jistabbilixxi regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 189, p. 93; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Frontex”).


40 –      De Vattel, E., The Law of Nations (1834), p. 170, iċċitat minn Moreno-Lax, V., “Seeking Asylum in the Mediterranean: Against a Fragmentary Reading of EU Member States’ Obligations Accruing at Sea”, 23(2) International Journal of Refugee Law (2011), p. 174 sa 220, f’paġna 194).


41 –      Il-Konvenzjoni internazzjonali għas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar tal-1974 (SOLAS) kif emendata, tapplika għall-bastimenti kollha, kemm jekk sidhom ikun il-gvern kemm jekk ikunu sidien kummerċjali; ara wkoll ir-Regolament 33(1), Kapitolu V, Anness tal-Konvenzjoni SOLAS, u l-punti 2.1.10, 1.3.2, tal-Anness tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar tfittxija u salvataġġ marittimi tal-1979 (SAR), 1405 UNTS 109.


42 –      Dan it-terminu ma huwiex iddefinit fil-Konvenzjonijiet SOLAS jew SAR, iżda fil-Linji gwida tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar it-trattament ta’ persuni salvati mill-baħar, Riżoluzzjoni MSC.167(78), adottata fl-20 ta’ Mejju 2004. Il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta definizzjoni f’termini kważi identiċi għall-Artikolu 2(12) tar-Regolament Frontex. Post ta’ sikurezza jista’ jkun fuq l-art jew jista’ jkun abbord unità ta’ salvataġġ jew bastiment adattat ieħor jew faċilità fuq il-baħar li tkun tista’ sservi bħala post ta’ sikurezza sakemm dawk li jkunu ġew salvati jiżbarkaw fid-destinazzjoni tagħhom li jkun imiss.


43 –      Ara Moreno-Lax, V., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, p. 175.


44 –      Ara Moreno-Lax, V., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, p. 196. Dwar ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, ara Butler, G., u Ratcovich M., “Operation Sophia in Uncharted Waters: European and International Law Challenges for the EU Naval Mission in the Mediterranean Sea”, 85(3) Nordic Journal of International Law (2016), p. 235 sa 259, f’paġna 249.


45 –      Ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, studju dwar l-istrumenti tad-dritt internazzjonali b’rabta mal-immigrazzjoni illegali bil-baħar, SEC (2007) 691.


46 –      OMI, “Prinċipji relatati ma’ proċeduri amministrattivi għal żbark ta’ persuni salvati mill-baħar” (2009), FAL.3/Ċirkulari 194.


47 –      Ara Parti II tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/252/UE, tas-26 ta’ April 2010, li tissupplimenta l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen rigward is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operattiva kkoordinata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, L 111, p. 20. Il-modalità proposta kienet li għal operazzjonijiet konġunti taħt l-awspiċji tal-Frontex, l-iżbark kellu jsir fil-pajjiż terz minn fejn il-bastiment li kien qiegħed iġorr il-persuni jkun telaq u jekk dan ma jkunx possibbli, kellha tingħata prijorità lill-Istat Membru ospitanti tal-operazzjoni (ara punt 2.1).


48 –      Sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑355/10, EU:C:2012:516). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kunsill ma kellux is-setgħa jadotta l-miżuri kkontestati waħdu.


49 –      Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Frontex.


50 –      Il-Parlament Ewropew, “Migranti fil-Mediterran: ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem”, p. 43.


51 –      Ara Klein, N., “A Maritime Security Framework for the Legal Dimensions of Irregular Migration by Sea”, f’Moreno-Lax, V., u Papastravridis, E., “Boat Refugees” and Migrants at Sea: A Comprehensive Approach (Brill/Nijhoff, Leiden/Boston: 2017), p. 35 sa 59, f’paġna 49.


52      Għal deskrizzjoni dettaljata tal-Istati li japplikaw ir-Regolament Dublin III, ara l-punt 23 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża A.S., C‑490/16, u Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:443.


53 –      Ara, b’mod partikolari, il-premessi 32 u 39 tar-Regolament Dublin III.


54 –      Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni(C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 283 u l-ġurisprudenza ċċitata).


55 –      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 99 u 100) (iktar ’il quddiem “Kadi II”); ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:186, punti 82 u 83).


56 –      Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b’rabta mal-Artikolu 47 (ĠU 2007, C 303, p. 2).


57 –      Ara l-punt 130 et seq. iktar ’il quddiem dwar il-ħames domanda.


58 –      Ara l-premessa 5 tar-Regolament Dublin III.


59 –      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2001) 447 finali, tas-26 ta’ Lulju 2001, għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2001, C 304E, p. 192).


60 –      Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.


61 –      Is-CISA u l-Konvenzjoni ta’ Dublin kienu ġew qabel il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, C 364, p. 1) ipproklamata solennement mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill u li kienet approvata mill-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew ta’ Nice. Ir-Regolament Dublin II kien ippubblikat qabel ma l-Karta kienet kisbet l-istatus ta’ Trattat fl-2009.


62 –      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni COM(2008) 820 finali, p. 11, u l-premessa 19 tar-Regolament Dublin III.


63 –      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59).


64 –      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 57).


65 –      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-Proposta tal-Kummissjoni COM(2016) 270 finali għal “Regolament Dublin IV”.


66 –      Nifhem li l-kunċett ta’ “forum shopping” jirreferi għall-abbuż ta’ proċeduri ta’ ażil fl-għamla ta’ applikazzjonijiet multipli għal ażil sottomessi mill-istess persuna f’diversi Stati Membri bil-għan uniku li hija testendi r-residenza tagħha fl-Istati Membri, ara (COM(2008) 820 finali) tat-3 ta’ Diċembru 2008, p 4. It-terminu jintuża wkoll b’tifsira usa’ biex ikopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jixtiequ jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru partikolari. Sejjer nuża l-espressjoni fl-ewwel tifsira f’dawn il-konklużjonijiet biss partikolarment minħabba li għan ewlieni tar-regoli tas-sistema ta’ Dublin huwa li tali applikazzjonijiet multipli ma jitħallewx isiru. L-użu tal-espressjoni “forum shopping” kien ikkritikat bħala li jiżgwida u mhux xieraq, ara “The reform of the Dublin III Regulation” (studju għall-Kumitat LIBE kkummissjonat mid-dipartiment tal-politika għad-drittijiet taċ-ċittadini u affarijiet kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew), p. 21.


67 –      Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi fl-abbozz tar-Regolament Dublin III li dak il-perijodu għandu jitnaqqas ulterjorment għal xahar wieħed.


68 –      Dawk il-proċeduri huma llum stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar proċeduri.


69 –      Ara l-punt 3.3, p. 4, tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ COM(2001) 447 finali.


70 –      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1). Ara wkoll il-punti 18 u 19 iktar ’il fuq dwar talbiet għal teħid lura. B’rabta mal-interpretazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Dublin III u l-applikazzjoni tat-termini, ara l-kawża Hasan (C‑360/16, pendenti).


71 –      Ara l-punti 96 u 97 iktar ’il quddiem.


72 –      L-interpretazzjoni tal-Artikolu 29 hija eżaminata fil-kawża Shiri (C‑201/16, li bħalissa tinsab pendenti).


73 –      Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013 (C‑394/12, EU:C:2013:813).


74 –      L-Artikolu 10(1) ta’ Dublin II kien ekwivalenti għall-Artikolu 13(1) ta’ Dublin III.


75 –      Dak iż-żmien, ir-ritorn ta’ applikanti għal ażil lejn il-Greċja kien ġie sospiż. Dan kien jippermetti lil S. Abdullahi titlob li l-applikazzjoni tagħha tkun eżaminata fl-Awstrija.


76 –      Il-Kummissjoni kienet emendat it-test tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ applikant għal rimedju effettiv jew li jitlob reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment fil-proposta tagħha COM(2008) 820 finali; ara b’mod partikolari l-premessa 17 u l-Artikolu 26 intitolat “Rimedji”, kif proposti. Dak it-test kien emendat waqt li kienet għaddejja l-proċedura ta’ kodeċiżjoni. It-test relatat mar-rimedji f’dawk li llum huma l-premessi 9 u 19 u l-Artikolu 27(1) kien iddaħħal mil-leġiżlatura. Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari bbażata fuq kompromess li huwa laħaq mal-Parlament Ewropew li pprovda, b’mod partikolari, biex jissaħħu s-salvagwardji legali u d-drittijiet għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali; ara l-fajl interistituzzjonali 2008/243/COD.


77 –      Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 4(1)(d), 5 u 26 tar-Regolament Dublin III.


78 –      Premessi 9 u 19 tar-Regolament Dublin III.


79 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑63/15, EU:C:2016:409).


80 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016 (C‑155/15, EU:C:2016:410).


81 –      Punti 38 u 39.


82 –      Punt 23.


83 –      Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 44 sa 46 u 51 sa 53), u ara l-punt 62 iktar ’il fuq.


84 –      Ara, pereżempju, COM(2001) 447 finali, p. 3.


85 –      Ara, pereżempju, il-punt 74 iktar ’il fuq u l-premessa 19 tar-Regolament Dublin III.


86 –      Ara punt 73 iktar ’il fuq.


87 –      Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni(C‑402/05 P u C-415/05 P, EU:C:2008:461, punti 326 u 338).


88 –      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Kadi II (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 117 u 118).


89 –      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 61). B’rabta mas-salvagwardji u mal-garanziji proċedurali, ara b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 26 tar-Regolament Dublin III.


90 –      Ara l-punt 72 iktar ’il fuq.


91 –      Ara l-kummenti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Dublin IV (COM(2016) 270, p. 21); il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Dublin II (COM(2001) 447 finali); u l-Proposta tal-Kummissjoni għal Dublin III (COM(2008) 820 finali).


92 –      L-informazzjoni mogħtija lil applikanti stabbilita fl-Artikolu 4 u deskritta fl-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin għandha dan il-passaġġ li ġej: “Jekk niddeċiedu li pajjiż ieħor huwa responsabbli għall-applikazzjoni tiegħek, se nipprovaw nibagħtuk f’dak il-pajjiż malajr kemm jista’ jkun sabiex l-applikazzjoni tiegħek tkun tista’ tiġi kkunsidrata hemmhekk. Il-proċedura kollha ta’ Dublin, sakemm tiġi ttrasferit f’dak il-pajjiż tista’, taħt ċirkostanzi normali, tieħu sa 11-il xahar”. L-enfażi mhijiex tiegħi: tirrifletti t-test tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin. Dak huwa twil kważi d-doppju tas-sitt xhur permess għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni sustantiva u għalija jissuġġerixxi li l-fażi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli kultant jaf jieħu fit-tul wisq. L-evalwazzjoni sustantiva tista’ tkun delikata u kumplessa u tista’ tinvolvi iktar minn stadju wieħed, minħabba li f’xi sistemi nazzjonali l-ewwel issir evalwazzjoni jekk l-applikant għandux jingħata status ta’ refuġjat, u jekk dan ma jirnexxix, imbagħad jiġi kkunsidrat jekk għandux jingħata protezzjoni sussidjarja: ara pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 55 et seq). Ma huwiex ċar għalija għaliex l-istadju preliminari (li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli) jeħtieġlu iktar żmien mill-evalwazzjoni sustantiva.


93 –      Ara ulterjorment l-Artikoli 3(1) u 20(4) u (5) tar-Regolament Dublin III.


94 –      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi fil-proposta tagħha għal Regolament Dublin IV li r-responsabbiltà ma għandhiex tmur lura għand l-Istat Membru li jagħmel it-talba b’rabta ma’ talbiet għal teħid lura. Madankollu, hija ma tagħmilx l-istess suġġeriment dwar talbiet biex jittieħed inkarigu (il-każ ta’ T. Mengesteab). Ara l-paġna 16 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni b’rabta ma’ COM(2016) 270 finali.


95 –      Huwa importanti wkoll jiġi nnotat li d-dritt limitat għal rimedju effettiv jew għal reviżjoni li l-Kummissjoni tipproponi jkun ifisser li d-dritt għal rimedju seta’ rari jkun segwit b’suċċess. L-ewwel nett, il-Greċja hija l-uniku Stat Membru li fih ma jintbagħtux lura dawk li jkunu qiegħdin ifittxu ażil. Qabel ma kienet ittieħdet id-deċiżjoni fl-2011 li applikanti ma jiġux ittraferiti lejn il-Greċja, kien hemm għadd ta’ kawżi quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li kienu jikkundannaw il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fil-Greċja u kien hemm materjal sustanzjali miġbur minn organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar dan. Tkun kontestazzjoni sinjifikattiva għal kull individwu li jressaq każ simili mingħajr appoġġ simili b’rabta mal-Istati Membri l-oħra. It-tieni nett, applikanti individwali rarament jistrieħu fuq il-kriterji dwar il-familja tal-Kapitolu III, u l-Istati Membri wrew li kienu jsibuha bi tqila jaċċettaw talbiet simili meta kienu jsiru (ara l-paġna 10 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni b’rabta mal-proposta għal COM(2016) 270 finali).


96 –      Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni b’rabta mal-proposta għal COM(2016) 270 finali. Essenzjalment, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi s-soluzzjoni li hija ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja iżda li ma kinitx irnexxiet fil-kawżi Ghezelbash u Karim.


97 –      Filwaqt li l-Artikolu 41 tal-Karta huwa espress f’termini tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-Istati Membri huma suġġetti għall-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba meta huma jaġixxu fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni; ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, M. (C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 82); u s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50). B’rabta mad-dritt għal smigħ u għad-dritt għal rimedju effettiv, ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq.


98 –      Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbas, (C‑63/15, EU:C:2016:409), u Karim (C‑155/15, EU:C:2016:410).


99 –      Ara wkoll l-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament Dublin III li jitlob li l-Istati Membri jgħarrfu lil applikanti bil-possibbiltà li jikkontestaw deċiżjoni ta’ trasferiment. Ara wkoll Kawża C‑647/16 Hassan (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


100 –      Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013 (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 115 sa 117).


101 –      Fis-seduta il-Ġermanja indikat li tul il-perijodu bejn l-2007 u l-2011 l-għadd medju ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali kien medja ta’ 39 000 kull sena. Fl-2012 dan l-għadd żdied id-doppju għal 78 000; fl-2013 l-għadd kien ta’ 127 000; fl-2014 kien 202 000; fl-2015 kien 477 000; u 746 000 fl-2016. Ma ssemma ebda għadd għall-ewwel tliet xhur tal-2017.


102      Huwa possibbli li r-raba’ domanda tal-qorti nazzjonali (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-perijodu ta’ xahrejn jistax jintuża bħala forma ta’ estensjoni flessibbli tal-perijodu normali ta’ tliet xhur, fejn l-Istat Membru ma jkunx bagħat malajr biżżejjed talba lid-database Eurodac. Madankollu, matul is-seduta, din il-kwistjoni ġiet indirizzata, b’mod partikolari kemm mir-Renju Unit u mill-Kummissjoni – jekk il-perijodu rilevanti kienx [3 + 2] xhur u mhux biss xahrejn f’każ ta’ talba lid-database Eurodac. La r-rappreżentant ta’ T. Mengesteab u lanqas ir-rappreżentant tal-Ġermanja ma kkontestaw dan l-approċċ. Dan huwa wkoll l-approċċ li sejjer nagħmel użu minnu f’din il-kwistjoni.


103 –      Ara l-ewwel inċiż tal-punt 7 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin. Tali informazzjoni hija rilevanti għall-argumenti legali u fattwali li jissemmew fit-talba biex jittieħed inkarigu kif stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1560/2003.


104 –      Artikolu 22(3)(a)(i) tar-Regolament Dublin III.


105 –      Premessa 30 tar-Regolament Dublin III. Ara wkoll il-Parti B tal-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin, li tistabbilixxi l-informazzjoni mibgħuta lil applikanti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Dublin.


106 –      Ara l-Artikoli 23 sa 25 tar-Regolament Dublin III u l-punti 18 u 19 iktar ’il fuq.


107 –      Ara wkoll l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Eurodac.


108 –      L-istess skadenzi jinsabu fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Eurodac. Il-Kummissjoni bħalissa għandha żewġ proċeduri ta’ ksur għaddejjin kontra l-Italja u l-Greċja minħabba li naqsu jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament Eurodac.


109 –      Ara l-premessa 30 tar-Regolament Dublin III u l-punt 24 iktar ’il fuq.


110 –      Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2013, MA et (C‑648/11, EU:C:2013:367, punt 50).


111 –      L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-kwalifika jirregola l-evalwazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 4(1) applikanti jistgħu jintalbu jissottomettu kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi ssostanzjata l-applikazzjoni.


112 –      Ara l-premessa 12 tar-Regolament Dublin III u l-punt 30 iktar ’il fuq.


113 –      Ara rispettivament l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva dwar proċeduri.


114 –      Dak il-perijodu jiġi estiż għal sitt ijiem tax-xogħol jekk l-applikazzjoni ssir lil awtoritajiet nazzjonali li ma jkunux maħtura għal dak il-fini skont id-dritt nazzjonali, bħall-pulizija [ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)]. Ma hemmx distinzjoni fid-Direttiva dwar l-akkoljenza bejn is-sottomissjoni ta’ talba informali għal protezzjoni internazzjonali u s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni formali. Il-kelma “preżentazzjoni” tintuża fiż-żewġ istanzi.


115 –      L-Istati Membri huma intitolati jitolbu li l-applikazzjoni tiġi ssottmessa fiżikament u/jew f’post magħżul (Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar proċeduri).


116 –      Il-kelma “lodge” (issottometta) hija ddefinita fl-Oxford English Dictionary bħala “to present (a complaint, appeal, claim etc.) formally to the proper authorities”. It-traduzzjoni ta’ “lodged” fl-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III fil-Franċiż hija “introduite”. Madankollu, minħabba li “lodge” ma tintużax b’mod konsistenti fit-test li flimkien jagħmlu s-sistema tal-Ażil Komuni Ewropew, jiena mhux sejjer noqgħod fuq argument purament lingwistiku biex nikkjarifika l-interpretazzjoni tagħha (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1145 iktar ’il fuq).


117 –      Ara l-punti 32 u 34 iktar ’il fuq.


118 –      Għandi nżid għas-saħħa tal-bon ordni li mhux it-termini kollha tar-Regolament Dublin III jiddependu mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-Artikolu 13(1), meta applikant jaqsam b’mod irregolari l-fruntiera ta’ Stat Membru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, ir-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tintemm tnax-il xahar wara d-data li fiha l-applikant ikun qasam il-fruntiera b’mod irregolari. Ir-responsabbiltà ma hijiex marbuta mas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.


119 –      Jidher mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III li l-applikazzjoni formali għal protezzjoni internazzjonali għandha ssir fuq formola li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti, sakemm l-applikazzjoni ma ssirx permezz ta’ rapport li jintbagħat lil dawk l-awtoritajiet; ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


120 –      Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar proċeduri u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar l-akkoljiment rispettivament.


121 –      Ara l-punti 33 u 34 iktar ’il fuq.


122 –      Ara ulterjorment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III li japplika meta jkun impossibbli li applikant jiġi ttrasferit minħabba li jkun hemm raġunijiet sustanzjali biex wieħed jemmen li jkun hemm difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għal applikanti f’dak l-Istat Membru.


123 –      Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 54).


124 –      Ma huwiex probabbli li Stat Membru li sempliċement jonqos milli jaġixxi wara li jkun ħareġ attestazzjoni jista’ jitqies li jkun invoka l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel in-notifiki kif imiss fin-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika “DubliNet” stabbilit skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Dublin u l-Eurodac; ara t-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(1). Jiena espressament sejjer inżomm lura milli nidħol fil-kwistjoni ta’ jekk (u jekk iva, f’liema stadji) nuqqas ta’ azzjoni kontinwa fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sejra tagħti lill-Istat Membru inattiv responsabbiltà sabiex jeżamina l-mertu, u f’liema terminu.