Language of document : ECLI:EU:T:2006:119

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Mejju 2006 (*)

"Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali EUROHYPO – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Eżami ex officio tal-fatti – Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 – Ammissibbiltà tal-fatti ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza"

Fil-kawża T-439/04,

Eurohypo AG, stabbilita f’Eschborn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Kloth u C. Rohnke, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentati minn A. von Mühlendahl u J. Weberndörfer, bħala aġenti,

konvenut

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tas-6 ta’ Awwissu 2004 (kawża R 829/2002-4), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali EUROHYPO bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-5 ta’ Novembru 2004,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fit-23 ta’ Frar 2005,

wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fit-30 ta’ April 2002, id-Deutsche Hypothekenbank Frankfurt-Hamburg AG, li wara saret Eurohypo AG, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali EUROHYPO.

3       Is-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 36 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

"affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, finanzjamenti, analiżi finanzjarji, investimenti, assigurazzjoni".

4       Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Awwissu 2002, l-eżaminatriċi rrifjutat l-applikazzjoni skond l-Artikolu 7(1) (b) u (c), u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Fit-30 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni ta’ l-eżaminatriċi u mmotivat l-appell fis-sottomissjonijiet ippreżentati fit-30 ta’ Diċembru 2002.

6       Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2004 (iktar ‘il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba’ Bord ta’ l-Appell laqa’ parzjalment l-appell u annulla d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatriċi f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ "analiżi finanzjarji, investimenti, assigurazzjoni". L-appell ġie miċħud f’dak li jirrigwarda s-servizzi l-oħra tal-klassi 36, jiġifieri l-"affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, finanzjamenti". Essenzjalment, il-Bord ta’ l-Appell qies li s-sinjal verbali EUROHYPO kien deskrittiv fir-rigward ta’ dawn l-aħħar servizzi skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa żied li dan kien validu f’kull każ fil-pajjiżi fejn jiġi mitkellem il-Ġermaniż u li dan kien biżżejjed, skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, biex tiġi ġġustifikata ċaħda ta’ protezzjoni. Huwa kkunsidra wkoll li l-elementi "euro" u "hypo" huma indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-ħames servizzi fuq imsemmija li tista’ tinftiehem direttament u li l-abbinament taż-żewġ elementi f’kelma waħda ma jagħmilx it-trade mark inqas deskrittiva.

 It-talbiet tal-partijiet

7       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata, fil-parti li tiċħad l-appell;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

8       L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’ Istanza:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

9       Ir-rikorrenti tqajjem żewġ raġunijiet, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 u l-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

10     Skond ir-rikorrenti, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tiddisponi li "l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess", timplika li l-eżami tal-fatti jrid ikun dettaljat biżżejjed sabiex l-UASI jkun jista’ jiddetermina b’ċertezza jekk ir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 humiex ta’ ostakolu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark. L-UASI m’għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali fil-qasam u d-deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni hija riżultat ta’ kompetenza limitata. Għalhekk, meta r-raġunijiet għal rifjut ikunu ineżistenti, l-applikant għandu dritt għar-reġistrazzjoni li jirriżulta mill-fatt li l-proprjetà intellettwali, li minnha tagħmel parti l-liġi tat-trade marks ukoll, hija dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU C 364, p. 1) (iktar ‘il quddiem il-"Karta").

11     F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu biss fuq il-mod kif huwa jifhem iż-żewġ elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, "euro" u "hypo", u dan l-eżami ma kienx eżawrjenti, għaliex ma ppermettiex l-evalwazzjoni korretta tal-perċezzjoni tal-pubbliku tas-sinjal verbali EUROHYPO.

12     Minbarra dan, id-deċiżjoni kkontestata hija limitata għal konstatazzjonijiet li jirrigwardaw l-elementi separati "euro" u "hypo", iżda ma tinkludi ebda konstatazzjoni ta’ fatt fuq il-karattru deskrittiv ta’ l-isem sħiħ "eurohypo". Skond ir-rikorrenti, li kieku l-Bord ta’ l-Appell effettwa tfittxjia fuq l-internet, huwa kien jikkonstata li ma jinsab l-ebda użu ta’ dan l-isem sħiħ bħala indikazzjoni deskrittiva, iżda li l-okkorrenzi kollha ta’ dan l-isem jirreferu għall-impriża tagħha. Hija ppreżentat, bħala anness mar-rikors, l-ewwel 100 riżultat relativ għat-terminu "eurohypo" fuq l-10,000 misjuba fuq l-internet sabiex tipprova li dan is-sinjal mhuwiex użat bħala deskrizzjoni tas-servizzi finanzjarji in kwistjoni.

13     Barra minn hekk, l-UASI lanqas ma wera li l-pubbliku kkonċernat ma jarax fit-trade mark EUROHYPO indikazzjoni ta’ l-oriġini.

14     Skond l-UASI, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 bl-ebda mod ma tispeċifika l-mod kif għandu jipproċedi għall-eżami tal-fatti. Fil-każ tat-trade marks verbali, l-UASI għandu jieħu in kunsiderazzjoni kif is-soltu t-terminu jinftiehem mill-pubbliku jew minn parti mill-pubbliku li lejh hija mmirata t-trade mark, mingħajr ma huwa neċessarju li jipproċedi għal eżami aktar fil-fond ta’ jekk in-natura reġistrabbli tat-trade mark tistax tiġi eskluża, filwaqt li jittieħed in kunsiderazzjoni kif is-soltu jinftiehem it-terminu in kwistjoni. Dan huwa ċarament il-każ f’din il-kawża.

15     Minbarra dan, id-dritt ta’ proprjetà intelletwali li joħroġ mill-Karta mhuwiex dritt assolut u r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 jikkostitwixxu limitazzjonijiet għal dan id-dritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

16     Ir-rikorrenti allegat, sostanzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, li tipprovdi "[f]i proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess", għaliex l-eżami tal-fatti li għamel il-Bord ta’ l-Appell ma kienx eżawrjenti.

17     Skond il-ġurisprudenza, l-eżami effettwat mill-awtorità kompetenti għat-trade marks għandu jkun preċiż u komplet sabiex jiġi evitat li trade marks ma jiġux irreġistrati b’mod irregolari. Għalhekk, huwa meħtieġ, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, li jiġi assigurat li t-trade marks li l-użu tagħhom jista’ validament jiġi kkontestat quddiem il-qrati ma jiġux irreġistrati [ara, fir-rigward ta’ l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata].

18     Madankollu, l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 ma tippreċiżax il-mod kif l-UASI għandu jipproċedi għall-eżami tal-fatti.

19     Barra minn hekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, kif interpretata mill-qorti Komunitarja. Għalhekk, kien biżżejjed li sabiex ħa d-deċiżjoni tiegħu l-Bord ta’ l-Appell applika l-kriterju tal-karattru deskrittiv, kif interpretat mill-ġurisprudenza, mingħajr ma kellu jiġġustifika lilu nnifsu permezz tal-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Telepharmacy Solutions vs L-UASI (TELEPHARMACY SOLUTIONS), T‑289/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54, u tat-22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs L-UASI (PAPERLAB), T‑19/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34].

20     F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell analizza t-tifsira ta’ l-elementi "euro" u "hypo" għall-konsumatur Ġermaniż kif ukoll it-tifsiriet possibbli tat-terminu kompost "eurohypo" (punti 13 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ikkonstatar tan-nuqqas ta’ referenzi għal riċerka supplimentari fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bħal rapport tar-riżultati ta’ riċerka fuq is-siti ta’ l-internet, mhuwiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-Bord ta’ l-Appell issostitwixxa l-interpretazzjoni tiegħu tat-terminu in kwistjoni ma’ dik tal-pubbliku kkonċernat. Il-fatt li l-Bord ta’ l-Appell, ġie biżżejjed konvint dwar il-karattru deskrittiv ta’ l-elementi "euro" u "hypo" u tat-terminu "eurohypo" biex jikkonkludi li kellu jirrifjuta r-reġistrazzjoni, u għażel li ma jagħmilx tfittxijiet supplimentari mhuwiex kuntrarju għall-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94.

21     Minbarra dan, fir-rigward tan-natura fundamentali tad-dritt ta’ proprjetà intelettwali, kif jirriżulta, skond ir-rikorrenti, mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, li jgħid li "l-proprjetà intelletwali hi protetta", huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan id-dritt mhuwiex assolut u li t-trade mark Komunitarja teżisti b’mod partikolari fil-limiti imposti mill-Artikolu 4, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 40/94.

22     Barra minn hekk, fir-rigward tar-riżultati ta’ tfittxija fuq l-internet magħmula mir-rikorrenti u annessi mar-rikors, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’ Istanza li terġa teżamina ċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-elementi ta’ fatt invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza mingħajr ma qabel ikunu ġew ippreżentati quddiem waħda mill-awtoritajiet ta’ l-UASI għandhom jiġu mwarrba [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs L-UASI – Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T‑237/01, Ġabra p. II‑411, punti 61 u 62, ikkonfermata fl-appell permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Alcon vs L-UASI, C‑192/03 P, Ġabra p. I‑8993; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs L-UASI (Calandre), T‑128/01, Ġabra p. II‑701, punt 18; tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67; ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granjas Castelló (CASTILLO), T‑85/02, Ġabra p. II‑4835, punt 46, u ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs L-UASI UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

23     Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-opinjoni tal-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-karattru deskrittiv jew distintiv tas-sinjal verbali EUROHYPO huma diretti kontra l-korrettezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu analizzati fil-kuntest ta’ l-eżami tat-tieni raġuni.

24     Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-ewwel raġuni għandha tiġi respinta.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

25     L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li l-Bord ta’ l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu ta’ rifjut biss fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

26     Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li l-elementi "euro" u "hypo" setgħu jagħtu lok għal assoċjazzjoni mal-munita Ewropea u mal-kelma "Hypothek" (ipoteka), iżda ma għarafx it-tifsiriet l-oħra possibbli ta’ dawn iż-żewġ elementi. B’hekk, "euro" ma tindikax biss il-munita ta’ l-Unjoni Ewropea, iżda hija ukoll l-abbrevjazzjoni tat-terminu "Europe", bħal fl-isem ta’ l-ajruplan "Euro-fighter" jew fl-isem ta’ waħda mill-kumpanniji tar-rikorrenti, "Eurohypo Europäische Hypothekenbank der Deutschen Bank AG". L-element "hypo" mhuwiex neċessarjament marbut mat-terminu "Hypothek" biss, iżda ġej mill-Grieg, kif juru t-termini Ġermaniżi "Hypothese" (ipoteżi), "Hypotenuse" (ipotenuża), "Hypochonder" (ipokondrijaku) jew "Hypozentrum" (ipoċentru). Barra minn hekk, it-terminu użat l-iktar spiss biex jindika obbligu in rem li jaggrava fuq bini immobbli huwa "Grundschuld" (dejn iggarantit permezz ta’ obbligu li jaggrava fuq proprjetà). L-abbrevjazzjoni "hypo" normalment ma tintużax mill-pubbliku Ġermaniż, għall-kuntrarju ta’ abbrevjazzjonijiet oħra bħal "Disco" għal "Discothek" (diskoteka) jew "Auto" għal "Automobil" (karozza).

27     Minbarra dan, ir-rikorrenti allegat li s-sinjal verbali EUROHYPO, meta jitqies bħala kelma waħda, ma jikkostitwixxix deskrizzjoni tas-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata. Is-sinjal verbali EUROHYPO mhuwiex normalment użat fil-lingwa Ġermaniża biex jiddeskrivi servizzi finanzjarji u t-tfittxija fuq l-internet imsemmija fil-punt 12 iktar ‘il fuq turi n-natura mhux tas-soltu ta’ l-użu ta’ din il-kelma f’sens deskrittiv.

28     Il-prinċipji li joħorġu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI (C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, iktar ‘il quddiem is-"sentenza BABY-DRY"), kollha huma applikabbli f’din il-kawża, għaliex it-terminu "eurohypo" jikkostitwixxi "invenzjoni lessikali" u mhux isem li s-soltu jintuża għas-servizzi finanzjarji in kwistjoni. Minbarra dan, in-nuqqas ta’ sing bejn l-elementi "euro" u "hypo" jenfasizza l-fużjoni grafika taż-żewġ elementi biex jinħoloq abbinament ta’ kliem ferm partikolari.

29     Il-fatt li numru ta’ banek oħra jużaw l-element "hypo" fl-isem tal-kumpanniji tagħhom jindika li l-abbinamenti tat-termini li fihom l-element "hypo" għandhom bħala funzjoni li jindikaw l-oriġini kummerċjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji in kwistjoni. Is-sinjal verbali EUROHYPO għalhekk huwa kapaċi jinftiehem bħala indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali ta’ dawn is-servizzi.

30     Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li, biex jiġi evalwat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv, għandu jiġi eżaminat l-użu li jkun sar minnha. Minħabba l-użu intensiv tas-sinjal EUROHYPO fil-qasam tas-servizzi in kwistjoni u l-preżenza qawwija tiegħu fil-mezzi tax-xandir, il-pubbliku kkonċernat huwa mdorri bl-użu ta’ dan is-sinjal, li għalhekk akkwista l-karattru distintiv meħtieġ għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Biex turi l-użu intensiv tat-terminu "eurohypo", ir-rikorrenti ppreżentat f’anness mar-rikors, minbarra d-dokumenti msemmija fil-punt 12 iktar ‘il fuq, ir-rapport ta’ l-attività tal-grupp tagħha għas-sena 2003, rapport fuq il-banek li jsellfu l-flus kif ukoll informazzjoni maħruġa mis-sit tagħha ta’ l-internet.

31     Minbarra dan, il-fatt li s-sinjal verbali EUROHYPO jistà jiġi rreġistrat huwa kkonfermat bir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Żvizzeru Nru 03932/2002 EUROHYPO u tat-trade mark verbali internazzjonali Nru 638974 EUROHYPO, li l-protezzjoni tagħha tesdendi għall-Ġermanja, għall-Awstrija u l-Iżvizzera, li jikkostitwixxu ż-żona lingwistika Ġermaniża kollha.

32     Skond l-UASI, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ibbaża ruħu, sabiex jirrifjuta l-applikazzjoni għat-trade mark EUROHYPO għas-servizzi in kwistjoni, fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94, peress li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ġew espressament imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata u l-applikazzjoni tagħhom ukoll tirriżulta mill-kontenut tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tittratta ż-żewġ raġunijiet għal rifjut separatament fir-rikors.

33     L-UASI jsostni li l-pubbliku jipperċepixxi l-element "euro" bħala l-munita ta’ l-Unjoni Ewropea u li dan l-element jibqa’ deskrittiv, anki jekk jingħatalu s-sens ta’ "Europa", għaliex dan jagħti indikazzjoni tat-territorju li fuqu jingħataw is-servizzi. Bl-istess mod, l-element "hypo" huwa pperċepit, mill-pubbliku, bħala l-abbrevjazzjoni tal-kelma "ipoteka". Kull tifsira oħra ta’ l-element "hypo" mogħtija mir-rikorrenti mhijiex rilevanti, għaliex nieqsa minn kull rabta mas-servizzi finanzjarji kkonċernati. L-ambigwità tat-termini "euro" u "hypo", kif allegata mir-rikorrenti, ukoll hija irrilevanti.

34     Biex juri li l-element "hypo" hija abbrevjazzjoni li tintuża komunement, l-UASI pproduċa fl-anness tar-risposta tiegħu r-riżultati ta’ tfittxija fuq l-internet, li huma ammissibbli, billi r-rikorrenti kienet diġà tiddisponi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, mill-indikazzjonijiet kollha li huma utili biex tinftiehem din id-deċiżjoni u biex tiġi kkontestata l-legalità tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, KWS Saat vs L-UASI (Nuance d’orange), T‑173/00, Ġabra p. II‑3843, punti 56 et seq, u tal-31 ta’ Marzu 2004, Fieldturf vs L-UASI (LOOKS LIKE GRASS… FEELS LIKE GRASS… PLAYS LIKE GRASS), T‑216/02, Ġabra p. II‑1023, punt 41].

35     Il-Bord ta’ l-Appell ukoll ġustament ikkonstata li l-abbinament taż-żewġ elementi "euro" u "hypo" m’għamilx l-espressjoni sħiħa inqas deskrittiva. Hija tiddeskrivi għall-konsumatur medju, fir-rigward tas-servizzi kkonċernati, l-offerta relativa għall-finanzjament jew għall-amminstrazzjoni tas-self ipotekarju fiż-żona ta’ l-Euro.

36     Minbarra dan, l-UASI jippreċiża li l-fatti tas-sentenza BABY-DRY kienu ferm differenti mill-każ in eżami, billi, din il-kawża kienet tinvolvi abbinament mhux tas-soltu ta’ kliem. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks magħmula bil-prefiss "euro" hija partikolarment rilevanti u tikkonferma l-prassi ta’ l-UASI li tikkunsidra l-element "euro" bħala li għandu karattru deskrittiv u mhux distintiv [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T‑359/99, Ġabra p. II‑1645, punt 27].

37     L-UASI jfakkar li trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 hija, għalhekk, neċessarjament nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament (sentenza TELEPHARMACY SOLUTIONS, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 24).

38     Fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark, is-sinjal EUROHYPO kollu kemm hu mhuwiex adattat biex, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, issir distinzjoni bejn is-servizzi tar-rikorrenti u dawk ta’ impriżi oħra, billi jikkostitwixxi għamla ordinarja ta’ kliem, magħmula minn żewġ indikazzjonijiet deskrittivi u nieqsa minn elementi ta’ imaġinazzjoni.

39     F’dak li jirrigwarda l-użu intensiv tat-trade mark, l-UASI jirrimarka li, jekk ir-rikorrenti b’hekk trid tinvoka l-karattru distintiv miksub permezz ta’ l-użu skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma tqajjimx tempestivament, peress li ġiet biss imsemmija, b’mod ġeneriku, il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq waqt il-proċeduri quddiem l-UASI mingħajr ma l-ebda element ma stabbilixxiha. Id-diversi dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors sabiex jiġi indikat l-użu intensiv tat-trade mark m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’ Istanza.

40     Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet nazzjonali preċedenti, ir-rikorrenti la ddikjarathom quddiem l-eżaminatriċi u lanqas quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Barra minn hekk, l-UASI jfakkar li d-dritt Komunitarju tat-trade marks jikkostitwixxi leġiżlazzjoni awtonoma u li r-reġistrazzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu, l-iktar, indikazzjoni tan-nuqqas ta’ raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni fit-territorji kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’ Istanza

41     Għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jippretendi l-UASI, jirriżulta mill-punt 12 ‘il quddiem tad-deċiżjoni kkontestata li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali EUROHYPO għas-servizzi "affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, finanzjamenti" tirreferi biss għall-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, l-analiżi effettwata fil-punti 13 sa 16 li fuqha hija bbażata din id-deċiżjoni ta’ rifjut tirrigwarda l-karattru deskrittiv tas-sinjal verbali EUROHYPO.

42     Skond ġurisprudenza kostanti, kull waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija indipendenti u titlob eżami separat. Minbarra dan, dawn ir-raġunijiet għal rifjut għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ l-interess pubbliku li fuqu hi bbażata kull waħda minnhom. L-interess pubbliku li jittieħed in kunsiderazzjoni għandu jirrifletti kunsiderazzjonijiet differenti skond ir-raġuni għal rifjut in kwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI, C‑329/02 P, Ġabra p. I‑8317, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

43     Madankollu, jeżisti overlap evidenti bejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafi (b) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza TELEPHARMACY SOLUTIONS, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44     Jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’ Istanza li trade mark verbali li tiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94, hija, minħabba f’hekk, bilfors nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn l-istess prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-istess Regolament (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Campina Melkunie, C‑265/00, Ġabra p. I‑1699, punt 19, u Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 86; sentenza TELEPHARMACY SOLUTIONS, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 24).

45     F’din il-kawża, l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata timplika li għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord ta’ l-Appell weriex li s-sinjal verbali EUROHYPO kienx jiddeskrivi s-servizzi "affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, finanzjamenti" li jaqgħu fil-klassi 36. Jekk dan huwa l-każ, ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni joħroġ minn applikazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll minn applikazzjoni tajba ta’ l-Artikolu 7(1)(c) ta’ l-istess Regolament u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkonfermata. Jekk, għall-kuntrarju, is-sinjal in kwistjoni ma jiddeskrivix servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk il-Bord ta’ l-Appell tax raġunijiet oħra biex jikkunisdra li s-sinjal mitlub huwa nieqes minn karattru distintiv.

46     Skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mod kif jinftiehem mill-pubbliku li lejh huma mmirati l-prodotti jew is-servizzi [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (CARCARD), T‑356/00, Ġabra p. II‑1963, punt 25].

47     F’din il-kawża, is-servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata kollha għandhom x’jaqsmu mal-qasam finanzjarju u huma definiti bħala "affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji, finanzjamenti".

48     F’dak li jirrigwarda l-pubbliku li lejh huma mmirati s-servizzi, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li dan jikkonsisti fil-konsumatur medju. Peress li s-servizzi in kwistjoni huma servizzi finanzjarji intizi għall-konsumaturi kollha, hemm lok għall-konferma ta’ din l-analiżi, li min-naħa tagħha r-rikorrenti ma tikkontestax. Peress li r-raġuni assoluta għal rifjut tqajmet biss fir-rigward ta’ waħda mil-lingwi mitkellma fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Ġermaniż, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat il-karattru deskrittiv tat-trade mark huwa l-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż.

49     Il-Bord ta’ l-Appell analizza t-tifsira ta’ l-elementi "euro" u "hypo" għall-pubbliku kkonċernat fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonkluda, għal kull wieħed mill-elementi, li kien jiddeskrivi s-servizzi in kwistjoni.

50     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li sinjal verbali huwa deskrittiv jekk, għallinqas f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, jiddeskrivi karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, Ġabra p. I‑12447, punt 32, u s-sentenza PAPERLAB, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 34).

51     Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’ Istanza kkonstatat li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li l-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi l-element "euro", fil-qasam finanzjarju, bħala l-munita uffiċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u bħala li jiddeskrivi din iż-żona monetarja. Dan l-element jiddeskrivi għalhekk, għallinqas f’wieħed mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, karatteristika tas-servizzi finanzjarji in kwistjoni. Il-fatt li l-element "euro" jista’, kif allegat ir-rikorrenti, jinftiehem ukoll bħala abbrevjazzjoni tal-kelma "Ewropa" ma jaffettwax din il-konklużjoni.

52     Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li, fil-kuntest tas-servizzi finanzjarji, l-element "hypo" jinftiehem mill-konsumatur medju bħala abbrevjazzjoni tat-terminu "ipoteka". M’għandhomx jitqajmu dubji dwar dan minħabba l-fatt li, kif allegat ir-rikorrenti, dan it-terminu jista’ jkollu tifsiriet oħra fil-qasam mediku jew fil-Grieg antik. Billi l-ipoteka hija garanzija klassika fil-qasam finanzjarju, b’mod partikolari fil-qasam tal-proprjetà immobbli, il-Bord ta’ l-Appell seta’ validament jikkunsidra li l-element "hypo" jiddeskrivi f’waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu, karatteristika tas-servizzi finanzjarji in kwistjoni għall-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li t-terminu użat l-iktar spiss biex jindika obbligu in rem li jaggrava fuq bini immobbli huwa "Grundschuld" huwa irrilevanti, billi ma jeskludix li l-element "hypo" ifakkar lill-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniz f’ipoteka.

53     Madankollu, f’dan il-kuntest għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli d-dokumenti li jinkludu r-riżultati tat-tfittxija fuq l-internet ippreżentati mill-UASI fl-anness mar-risposta. Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 22 iktar ‘il fuq dwar ir-riżultati ta’ tfittxija fuq l-internet ippreżentata mir-rikorrenti bħala anness mar-rikors, elementi ta’ fatt invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza mingħajr ma qatt qabel ikunu tressqu quddiem waħda mill-awtoritajiet ta’ l-UASI għandhom jiġu skartati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi respint l-argument ta’ l-UASI li dawn l-elementi ta’ prova huma ammissibbli, billi r-rikorrenti diġà kienet tiddisponi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata, mill-indikazzjonijiet kollha utili biex tinftiehem din id-deċiżjoni u biex tiġi kkontestata l-legalità tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza. Fil-fatt, is-sentenzi Nuance d’orange u LOOKS LIKE GRASS… FEELS LIKE GRASS… PLAYS LIKE GRASS invokati mill-UASI jirrigwardaw il-kwistjoni jekk il-fatt li Bord ta’ l-Appell ma jkunx ikkomunika parti mir-riżultat ta’ tfittxija fuq l-internet imsemmija fid-deċiżjoni tiegħu jikkostitwixxix ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94. Is-soluzzjoni mogħtija f’dawn is-sentenzi ma tistax għalhekk tiġi trasposta, billi, f’dan il-każ, l-UASI pproduċa elementi ta’ prova quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza li ma tteħdux in kunsiderazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell.

54     Billi s-sinjal verbali EUROHYPO huwa kelma komposta, għad irid jiġi evalwat jekk il-karattru deskrittiv, ikkonstatat fir-rigward ta’ l-elementi li jiffurmawh, jeżistix ukoll fir-rigward tal-kelma komposta stess. Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza li trade mark magħmula minn kelma komposta minn elementi li kull wieħed minnhom jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun qed tintalab ir-reġistrazzjoni wkoll tiddeskrivi l-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, ħlief jekk hemm differenza perċettibbli bejn il-kelma u s-sempliċi somma ta’ l-elementi li jiffurmawha, fatt li jippresupponi jew li, minħabba l-karattru mhux tas-soltu ta’ l-abbinament meta mqabbel ma’ l-imsemmija prodotti jew servizzi, il-kelma toħloq impressjoni suffiċjentement differenti minn dik li tipproduċi s-sempliċi għaqda ta’ l-indikazzjonijiet mogħtija mill-elementi li jiffurmawha, b’tali mod li l-kelma tegħleb is-somma ta’ l-imsemmija elementi, inkella li l-kelma daħlet fil-lingwaġġ ta’ kuljum u akkwistat tifsira tagħha, b’tali mod li issa hija awtonoma mill-elementi li jiffurmawha. F’dan l-aħħar każ, hemm għalhekk lok li jiġi vverifikat jekk il-kelma li akkwistat tifsira tagħha hijiex hi stess deskrittiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Koninklijke KPN Nederland, punt 44 iktar ‘il fuq, punt 104).

55     F’dan il-każ, minn naħa, is-sinjal verbali EUROHYPO huwa sempliċi għaqda ta’ żewġ elementi deskrittivi li ma toħolqx impressjoni suffiċjentement differenti minn dik li tipproduċi s-sempliċi għaqda ta’ l-elementi li jiffurmawha biex tegħleb is-somma ta’ l-imsemmija elementi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma wrietx li din il-kelma komposta daħlet fil-lingwaġġ ta’ kuljum u akkwistat tifsira tagħha. Għall-kuntrarju, hi allegat li s-sinjal verbali EUROHYPO ma daħalx fl-użu ta’ kuljum tal-lingwa Ġermaniża biex jiddeskrivi servizzi finanzjarji.

56     Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li allegat ir-rikorrenti, is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza BABY-DRY ma tistax tiġi trasposta f’dan il-każ. Il-frażi in kwistjoni f’din il-kawża kienet invenzjoni lessikali li ma kinitx normali fl-istruttura tagħha, li mhuwiex il-każ tas-sinjal verbali EUROHYPO.

57     Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell leġittimament ikkunsidra li s-sinjal verbali EUROHYPO kien jiddeskrivi s-servizzi "affarijiet finanzjarji; affarijiet monetarji; affarijiet relatati mal-proprjetà immobbli, servizzi finanzjarji u finanzjamenti" inklużi fil-klassi 36 u għaldaqstant, nieqes minn karattru distintiv. Minn dan jirriżulta li, skond dak li ntqal fil-punt 45 iktar ‘il fuq, mhemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-Bord ta’ l-Appell ressaqx raġunijiet oħra biex jikkunsidra li s-sinjal mitlub kien nieqes minn karattru distintiv.

58     F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq l-użu intensiv tat-trade mark, peress li r-rikorrenti kkonfermat fis-seduta li dan l-ilment tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza, hemm lok li jiġi ddikjarat inammissibbli, flimkien mad-dokumenti ppreżentati in sostenn tiegħu (ara l-punt 30 iktar ‘il fuq), skond l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura li jiddisponi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta’ l-Appell. L-argumenti bbażati fuq ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali tas-sinjal verbali EUROHYPO fil-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera, ukoll invokati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza, għandhom jiġu ddikjarati bħala inammissibbli għall-istess raġunijiet. Minbarra dan, is-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma, magħmula minn numru ta’ regoli u b’għanjiet speċifiċi, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs L-UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47].

59     Minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li t-tieni raġuni tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, għandha tiġi miċħuda.

60     Konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

61     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi ordnata tbati l-ispejjez ta’ l-UASI, kif mitlub minn dan ta’ l-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

Jaeger

Tiili

Czúcz

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Mejju 2006.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.