Language of document : ECLI:EU:T:2015:353

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

3 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva GIOVANNI GALLI — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti GIOVANNI — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Karattru distintiv ta’ isem u ta’ kunjom”

Fil-Kawża T‑559/13,

Giovanni Cosmetics, Inc., stabbilita f’Rancho Dominguez, California, (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. van den Berg u M. Meddens-Bakker, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn M. Rajh, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Vasconcelos & Gonçalves, SA, stabbilita f’Lisbona (il-Portugall),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-13 ta’ Awwissu 2013 (Każ R 1189/2012‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Giovanni Cosmetics, Inc. u Vasconcelos & Gonçalves, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President tal-Awla, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Frar 2014,

wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 It-talbiet tal-partijiet

[omissis]

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tirrifjuta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni fir-rigward tal-prodotti kollha li kontrihom tressqet l-oppożizzjoni;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L‑UASI jitlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq il-paragun tas-sinjali

[omissis]

 Fuq il-livell ta’ karattru distintiv u l-importanza relattiva tal-elementi li jiffurmaw it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni

[omissis]

–       Fuq l-elementi verbali tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni

[omissis]

44      Il-Bord tal-Appell qies ukoll li, skont il-ġurisprudenza, il-kunjomijiet kienu ġeneralment meqjusa iktar distintivi mill-ismijiet.

45      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, sal-ġurnata tal-llum, il-ġurisprudenza ma stabbilietx tali prinċipju għat-territorju kollu tal-Unjoni.

46      F’dak li jirrigwarda ż-żewġ sentenzi ċċitati mill-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs UASI – Fusco International (ENZO FUSCO) (T‑185/03, Ġabra, EU:T:2005:73), kienet tirrigwarda biss il-perċezzjoni tal-pubbliku Taljan (punt 54 tal-imsemmija sentenza), u li s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs UASI – Bodegas Murúa (Julián Murúa Entrena) (T‑40/03, Ġabra, EU:T:2005:285) kienet tirrigwarda biss il-perċezzjoni tal-pubbliku Spanjol (punti 40, 64, 65 u 69 tal-imsemmija sentenza).

47      F’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza ċċitata mill-UASI fir-risposta, għandu jiġi osservat dan li ġej. Fis-sentenza tal-20 ta’ Frar 2013, Caventa vs UASI – Anson’s Herrenhaus (B BERG) (T‑631/11, EU:T:2013:85, punt 48), il-Qorti Ġenerali fakkret li “l-perċezzjoni tas-sinjali magħmula mill-isem u mill-kunjom ta’ persuna, reali jew fittizja, [setgħet] tvarja fid-diversi pajjiżi tal-Unjoni” u li “ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti Stati Membri, il-konsumaturi iktar jiftakru l-kunjom milli l-isem meta [jipperċepixxu] trade marks magħmula minn isem u minn kunjom flimkien”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali stabbiliet prinċipju li huwa validu biss “f”ċerti” Stati Membri u mhux fit-territorju kollu tal-Unjoni.

48      Barra minn hekk, fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Basile u I Marchi Italiani vs UASI – Osra (B. Antonio Basile 1952) (T‑134/09, EU:T:2012:328, punt 44), il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li “il-konsumatur Taljan [kien] jattribwixxi, bħala regola ġenerali, iktar karattru distintiv lill-kunjom milli lill-isem preżenti fit-trade mark inkwistjoni”. Fid-digriet tas-6 ta’ Ġunju 2013, I Marchi Italiani vs UASI (C‑381/12 P, EU:C:2013:371, punti 70 sa 73), invokat mill-UASI fir-risposta, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkonstata li l-aggravju tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 kien jirrigwarda kwistjonijiet ta’ fatt li, bħala regola ġenerali, ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

49      F’dak li jirrigwarda d-digriet tas-16 ta’ Mejju 2013, Arav vs H. Eich u UASI (C‑379/12 P, EU:C:2013:317), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkonstata, fil-punt 44 tiegħu, li “[g]ħalkemm [kien] possibbli li, f’parti tal-Unjoni, il-kunjom ikollu, bħala regola ġenerali, karattru distintiv iktar ogħli minn dak tal-isem, [kien] jeħtieġ madankollu, f’kull każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi speċifiċi għall-każ u, b’mod partikolari, il-fatt li l-kunjom inkwistjoni [kien] rari jew, għall-kuntrarju, komuni ħafna, li [seta jkollu] effett fuq dan il-karattru distintiv”. Għalhekk, hija stabbiliet prinċipju li huwa validu biss “f’parti mill-[Unjoni]”.

50      Sentenzi oħra, bħas-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, TTNB vs UASI – March Juan (Tila March) (T‑433/09, EU:T:2011:184, punti 7, 12 u 30), tas-27 ta Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI – Pucci International (PUCCI) (T‑39/10, EU:T:2012:502, punti 53 u 54), u tat-8 ta’ Marzu 2013, Mayer Naman vs UASI – Daniel u Mayer (David Mayer) (T‑498/10, EU:T:2013:117, punti 7 u 111), jikkonċernaw biss il-perċezzjoni tal-pubbliku Spanjol jew Taljan.

51      Għalhekk, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “skont il-ġurisprudenza”, il-kunjomijiet kienu iktar distintivi mill-ismijiet. Barra minn dan, għandu jiġi kkonstatat li la l-Bord tal-Appell, u lanqas il-UASI fir-risposta u bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ma pproduċew elementi konkreti dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku fl-Istati Membri kollha li jippermettu li tiġi ġġeneralizzata r-regola li tgħid li kunjom huwa, bħala prinċipju, iktar distintiv minn isem, regola li fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali ġiet aċċettata biss għal parti mill-Unjoni.

52      Fl-assenza ta’ elementi konkreti pprodotti mill-UASI fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku fl-Unjoni kollha, ma hemmx lok li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tgħid li, f’ċerti Stati Membri, kunjom ġeneralment għandu karattru distintiv ogħla minn isem, jiġi estiż għat-territorju kollu tal-Unjoni.

53      Fid-dawl tal-fatt li, minn tal-inqas fir-rigward ta’ parti mill-Unjoni, ma huwiex stabbilit li kunjom għandu, bħala prinċipju, karattru distintiv ogħla minn isem, u fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza tal-pubbliku li jinsab barra mill-Italja ma għandhiex tipperċepixxi ebda wieħed mill-kunjomijiet Giovanni jew Galli bħala komuni ħafna jew rari, ma teżisti l-ebda bażi sabiex l-element “galli” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jingħata karattru distintiv ogħla mill-element “giovanni” fil-perċezzjoni tal-pubbliku kollu rilevanti. Għalhekk il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta attribwixxa, għall-pubbliku kollu rilevanti, karattru distintiv ogħla lill-element “galli” milli lill-element “giovanni”.

54      Huwa ċertament minnu li parti mill-pubbliku rilevanti ser tagħti karattru distintiv ogħla lill-element “galli” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni milli lill-element “giovanni”, jiġifieri dik il-parti tal-pubbliku li taf li l-element “giovanni” huwa isem Taljan komuni u li l-element “galli” ta’ din it-trade mark huwa kunjom Taljan rari, jew dik il-parti li ġeneralment tagħti karattru distintiv ogħla lil kunjom milli lil isem. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-parti l-oħra tal-pubbliku rilevanti, il-karattru distintiv intrinsiku tal-elementi “giovanni” u “galli” huwa identiku u jikkorrispondi għal karattru distintiv medju.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Giovanni Cosmetics, Inc. Hija kkundannata għall-ispejjeż.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.