Language of document : ECLI:EU:T:2018:696

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw miċ-Ċina – Bdil tal-kodiċi addizzjonali TARIC minn kumpannija – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Inċidenza diretta – Inċidenza individwali – Ammissibbiltà – Effetti ta’ sentenza ta’ annullament – Regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali”

Fil-Kawża T-364/16,

ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., stabbilita f’Ostrava-Kunčice (Ir-Repubblika Ċeka), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn G. Berrisch, avukat, u B. Byrne, solicitor, (1)

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Demeneix u J.-F. Brakeland, bħala aġenti,

konvenuta,

li tirrigwarda talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annulament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016 li tneħħi lil Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd mil-lista tal-impriżi li jaqgħu taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950 u tinkludiha taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129, għall-kodiċi kollha tan-nomenklatura magħquda msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272 tas-7 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015 L 322, p. 21),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas u A. Marcoulli (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Lulju 2008, wara lment ippreżentat mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2008, C 174, p. 7).

2        Fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni adotta r-Regolament (KE) Nru 926/2009, li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 262, p. 19).

3        Fit-30 ta’ Diċembru 2009, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, stabbilita f’Huang Shi (iċ-Ċina) (iktar ’il quddiem “Hubei”), ippreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament Nru 926/2009, sa fejn dan jikkonċernaha. Il-Kummissjoni u ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s., kif ukoll tlettax-il impriża Ewropea oħra produttriċi ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldatura (iktar ’il quddiem “Arcelor Mittal et”), intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

4        Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament Nru 926/2009, sa fejn kien jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta’ prodotti mmanifatturati minn Hubei u kien jinkludi l-ġbir ta’ dazji provviżorji stabbiliti fuq dawn l-esportazzjonijiet.

5        Fl-14 u 15 ta’ April 2014, ArcelorMittal et u l-Kunsill ippreżentaw, rispettivament, appelli kontra s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35).

6        Fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2015, L 322, p. 21).

7        Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati minn ArcelorMittal et u l-Kunsill.

8        Fis-7 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, jiġifieri tnax-il kumpannija oħra partijiet fil-proċeduri fil-Kawżi T-528/09, C-186/14 P u C-193/14 P, saru jafu li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tneħħi lil Hubei mil-lista ta’ kumpanniji li jaqgħu taħt il-kodiċi addizzjonali A 950 tat-tariffa integrata tal-Unjoni Ewropea (TARIC) u li tinkludi lil din tal-aħħar taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata inkwistjoni ttieħdet mid-direzzjoni ġenerali (DG) “Tassazzjoni u Unjoni doganali” tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat, fil-kitbiet tagħha, li t-TARIC kienet ġiet mibdula, fit-3 ta’ Ġunju 2016, mid-DG “Tassazzjoni u Unjoni doganali” billi nħoloq il-kodiċi addizzjonali inkwistjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbu li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, b’mod konformi mal-Artikolu 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fis-26 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2016, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) ċaħdet it-talba għal proċedura mħaffa.

11      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għas-Seba’ Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

12      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet numru ta’ mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

13      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja nstemgħu matul is-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018.

14      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

15      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

16      Ir-rikors huwa bbażat fuq motiv uniku, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq il-ksur tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 u tal-anness tiegħu.

17      Mingħajr ma qajjment formalment, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Qabelxejn, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Filwaqt li tfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni jopera ex tunc u li l-effetti tiegħu huma immedjati u inkondizzjonali, l-assenza ta’ dazji fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Hubei hija l-konsegwenza tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Unjoni. Kuntrarjament għal dak li jidher li jsostnu r-rikorrenti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ma “rxoxtax” il-bażi legali sabiex jiġu imposti dazji fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei. Dan ir-regolament, li jwettaq eżami mill-ġdid tal-miżuri fis-seħħ, ma stabbilixxiex miżuri ġodda, iżda żamm il-miżuri eżistenti, kif juru l-premessi tal-imsemmi regolament. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ miżuri ġodda jew sabiex jinżammu miżuri eżistenti huma differenti. Peress li, wara s-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), il-miżuri antidumping fuq prodotti mmanifatturati minn Hubei kienu ġew annullati b’effett retroattiv, l-imsemmija miżuri ma setgħux jinżammu. Fi kwalunkwe każ, l-introduzzjoni ta’ kodiċi speċifiku TARIC ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali. It-TARIC għandha rwol ta’ informazzjoni u hija biss ir-rifless ta’ atti li jipproduċu effetti legali. L-awtoritajiet doganali nazzjonali ġew legalment awtorizzati jieqfu jiġbru dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei, u dan indipendentement mill-ħolqien ta’ kodiċi TARIC li jinforma lill-pubbliku ġenerali.

19      Sussegwentement, u b’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Huma ma humiex individwalment ikkonċernati mill-informazzjoni li tinsab fid-database TARIC. Lanqas ma huma direttament ikkonċernati sa fejn, għalkemm l-informazzjoni li tinsab fid-database TARIC tipproduċi effetti legali, dawn huma strettament limitati għall-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri. L-effett ekonomiku eventwali tat-tneħħija tal-miżuri fil-konfronti ta’ Hubei ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ bidla legali fil-konfronti tar-rikorrenti.

20      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreleva li l-għan reali tar-rikors jista’ jkun, fil-verita’ li tinkiseb mill-Qorti Ġenerali interpretazzjoni tal-effetti tas-sentenza ta’ annullament tagħha fuq il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272. Tali talba hija inammissibbli.

21      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni.

 Fuq l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat

22      Għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri biss li jipproduċu effetti legali obbligatorji ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, jista’ jkun suġġett ta’ rikors għal annullament l-att biss li ma jistax jipproduċi effetti ta’ liġi u li lanqas ma jkun intiż li jipproduċi tali effetti. Sabiex jiġi stabbilit jekk att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, EU:C:2003:511, punti 54 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija l-att li permezz tiegħu l-Kummissjoni ddeċidiet li tneħħi lil Hubei mil-lista ta’ kumpanniji inklużi taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950 u li tinkludiha taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129, li ma jipprovdi għall-ġbir tal-ebda dazju antidumping għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni kkonfermat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li dan il-kodiċi addizzjonali “jinforma lill-awtoritajiet doganali li d-dazji antidumping ma kellhomx jiġu kkalkolati fil-moment tal-isdoganar”.

24      Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li t-TARIC hija stabbilita, aġġornata, amministrata u mxandra mill-Kummissjoni, skont l-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382). Barra minn hekk, skont it-titolu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2658/87, it-TARIC hija użata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-“applikazzjoni” tal-miżuri tal-Unjoni. Skont il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, il-kodiċi TARIC u l-kodiċi addizzjonali għandhom “japplikaw” għall-“importazzjonijiet kollha”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2658/87, is-subdiviżjonijiet komplimentari tat-TARIC, imsejħa “sub-titoli [TARIC]”, huma “meħtieġa” għall-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi tal-Unjoni li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmi regolament li jinkludi, b’mod partikolari, id-dazji antidumping. Fl-aħħar nett, it-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 2658/87 tfakkar li l-miżuri tariffarji li jinsabu fit-TARIC jagħmlu parti mit-tariffa doganali komuni.

25      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, bħala regola, japplikaw il-miżuri stabbiliti fil-kodiċi u l-kodiċi addizzjonali TARIC, għall-finijiet tal-implimentazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni għandha mhux biss il-kompenteza sabiex tistabbilixxi, taġġorna, tamministra u xxandar it-TARIC, iżda wkoll sabiex tadotta, temenda jew tħassar miżuri antidumping.

26      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħolqot kodiċi addizzjonali TARIC C 129 li ma kienx jeżisti qabel. Il-ħolqien tal-imsemmi kodiċi kellu l-effett li jissostitwixxi, għall-prodotti mmanifatturati minn Hubei, il-kodiċi TARIC li kien applikabbli għall-ġbir tad-dazji antidumping, jiġifieri l-kodiċi addizzjonali TARIC A 950. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-estratt tat-TARIC prodott fl-anness tar-rikors, il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 inħoloq fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, li huwa formalment imsemmi hemmhekk.

27      Fit-tielet lok, il-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 ippermetta, madankollu, li jiġi indikat lill-awtoritajiet doganali nazzjonali li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Hubei ma kellux iwassal għall-ġbir ta’ dazju antidumping, u dan minkejja l-eżistenza tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, li kien jipprevedi tali ġbir. Il-ħolqien tal-imsemmi kodiċi addizzjonali TARIC għalhekk ippermetta li tiġi ggarantita, b’mod uniformi, l-assenza ta’ ġbir ta’ dazji antidumping fil-konfronti tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei fuq it-territorji doganali kollu tal-Unjoni.

28      Il-Kummissjoni fil-fatt ikkonfermat, fir-risposti tagħha fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li kienu nġabru dazji antidumping bejn is-7 ta’ April 2016, data tal-għoti tas-sentenza ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u l-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 u li minn meta nħoloq l-imsemmi kodiċi l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma kienux ġabru iżjed dawn id-dazji. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 kien inħoloq sabiex jiġi sostnut l-isdoganar awtomatiku tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li l-ġbir mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tad-dazji antidumping għall-prodotti mmanifatturati minn Hubei, wara s-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), kien żbaljat. Minn dan jirriżulta li l-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 kellu, madankollu, l-effett li jibdel din is-sitwazzjoni u li l-intenzjoni tal-Kummissjoni kienet li jiġi evitat li dazji antidumping għall-prodotti mmanifatturati minn Hubei jkomplu jiġu miġbura mill-awtoritajiet doganali nazzjonali.

29      Fir-raba’ lok, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), ma kinitx inkwistjoni l-legalità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, sa fejn jikkonċerna lil Hubei, u li l-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 jirrigwarda speċifikament in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dazji antidumping previsti minn dan ir-regolament fir-rigward ta’ Hubei. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għaldaqstant, effetti legali sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C-137/92 P, EU:C:1994:247, punt 48; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C-245/92 P, EU:C:1999:363, punt 93, u tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C-659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 184).

30      Il-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 jirriżulta għalhekk minn interpretazzjoni legali, magħmula mill-Kummissjoni, tar-rabta li teżisti bejn l-annullament tar-Regolament Nru 926/2009, sa fejn jikkonċerna lil Hubei, u l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 għall-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati minn din il-kumpannija. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkonfermat, fid-difiża tagħha, li din kienet interpretazzjoni min-naħa tagħha dwar “il-kwistjoni […] dwar jekk, għall-parti stess li tkun ippreżentat ir-rikors għal annullament b’suċċess kontra d-dazji antidumping, l-effetti tal-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali ta’ dawn id-dazji kien[x] jestendi għall-miżura adottata intiża sempliċement sabiex iżżomm dawn id-dazji”.

31      Issa, tali interpretazzjoni legali ma taqax taħt l-applikazzjoni awtomatika, mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, tas-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35). Is-sitwazzjoni preżenti hija differenti għalhekk mill-każijiet fejn l-awtoritajiet doganali nazzjonali għandhom jiġbdu l-konsegwenzi, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, mill-annullament jew minn dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament li jimponi dazji antidumping billi jirrimborsa, skont il-każ, l-imsemmija dazji (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2017, Wortmann, C‑365/15, EU:C:2017:19, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata pproduċiet effetti legali, implimentati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali sa mill-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129, intiż sabiex l-imsemmija awtoritajiet ma jiġbrux iżjed dazji antidumping fir-rigward ta’ prodotti mmanifatturati minn Hubei, kif stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, minkejja li r-regolament ma ġiex annullat, u lanqas iddikjarat invalidu mill-qorti tal-Unjoni. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi, kif fil-fatt issostni l-Kummissjoni hija stess fl-opinjoni tagħha dwar is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), ippubblikata fid-9 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, C 331, p. 4). F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni indikat li kien jaqbel “li jsir rimbors tad-dazji antidumping miġbura sa din il-ġurnata [fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei] skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni, fejn dan il-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-abbrogazzjoni tad-dazji antidumping li japplikaw għall-produtturi esportaturi Ċiniżi msemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 “minbarra Hubei”.

33      Barra minn hekk, fid-dawl tal-elementi preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata tista’ wkoll tiġi kkunsidrata li hija miżura ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Kummissjoni sostniet, fid-difiża tagħha, li ma bbażatx ruħha fuq l-Artikolu 266 TFUE sabiex tadotta att legalment vinkolanti, hija indikat ukoll, fir-risposta tagħha għat-talba għal proċedura mħaffa li, “skont l-Artikolu 266 TFUE”, hija kellha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenzi u li l-ħolqien tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 kien “kompletament konformi ma’ din id-dispożizzjoni”. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 266 TFUE joħloq obbligu fuq l-istituzzjonijiet li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, billi josservaw id-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, EU:C:2000:531, punti 80 u 81, u tat-28 ta’ Jannar 2016, CM Eurologistik u GLS, C-283/14 u C-284/14, EU:C:2016:57, punti 48 u 49). L-istħarriġ ġuridiku tal-osservanza mill-istituzzjonijiet tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE huwa assigurat permezz, b’mod partikolari, tad-dritt previst fl-Artikolu 263 TFUE (digriet tat-28 ta’ Marzu 2006, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, T-451/04, li għadu ma ġiex ippubblikat, EU:T:2006:95, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T-28/03, EU:T:2005:139, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fl-aħħar nett, l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata, li huma intiżi sabiex ma jinġabrux iktar dazji antidumping fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei u stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, huma ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-impriżi li taw lok għall-investigazzjoni antidumping (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C‑76/01 P, EU:C:2003:511, punti 66 u 67).

35      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

36      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafu, tippreżenta appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

37      Peress li r-rikorrenti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, qabelxejn, jekk dawn humiex direttament u individwalment ikkonċernati minnha.

–       Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti

38      Għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, titlob li jkunu sodisfatti ż-żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna individwali u, min-naħa l-oħra, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara d-digriet tal-10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld vs Il-Kummissjoni, C-142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, dwar l-effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li ma jinġabrux iżjed id-dazji antidumping previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, imsemmija fit-TARIC, fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Hubei u, għalhekk, fuq importazzjonijiet li jikkompetu mal-prodotti kkummerċjalizzati fl-Unjoni mir-rikorrenti.

40      Ċertament, kif tirreleva l-Kummissjoni, diġà ġie deċiż li l-fatt li att jista’ jinfluwenza s-sitwazzjoni materjali tar-rikorrenti ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li dan jikkonċernaha direttament u li hija biss l-eżistenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi li tista’ tabilita persuna suġġetta għad-dritt Ewropew li tippretendi li l-att jinfluwenza l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq, tipprevalixxi ruħha mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tal-21 ta’ Settembru 2011, Etimine u Etiproducts vs ECHA, T-343/10, EU:T:2011:509, punt 41).

41      Madankollu, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa lir-rikorrenti mhux biss fid-dawl tas-sitwazzjoni materjali tagħhom, jiġifieri sa fejn il-prodotti mmanifatturati minn Hubei jirrappreżentaw, skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti u mhux ikkontestata mill-Kummissjoni, parti sinjifikattiva tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni, iżda wkoll fid-dawl tas-sitwazzjoni legali tagħhom fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri antidumping fuq il-prodott ikkonċernat.

42      B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-ilment li wassal għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 926/2009 u t-talba għal eżami mill-ġdid li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ġew ippreżentati mill-Kumitat tad-Difiża tal-Industrija tat-Tubi tal-Azzar Mingħajr Saldaturi fl-Unjoni, f’isem il-produtturi li r-rikorrenti jagħmlu parti minnu. Dawn iż-żewġ proċeduri, li oriġinaw minħabba l-ilmenti tar-rikorrenti, wasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei.

43      Għaldaqstant, billi tipprovdi li d-dazji antidumping previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ma għandhomx jiġu miġbura iktar fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei, anki meta t-talba għal eżami mill-ġdid imressqa f’isem ir-rikorrenti hija intiża, għall-kuntrarju, sabiex dawn id-dazji jiġu imposti, id-deċiżjoni kkontestata taffettwa direttament lir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punti 13 sa 16; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 30).

44      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni tal-inċidenza diretta, relatata mas-setgħa diskrezzjonali mħallija lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom, bħala regola, japplikaw il-miżuri inklużi fil-kodiċi u l-kodiċi addizzjonali TARIC, għall-finijiet tal-implimentazzjoni uniformi tat-tariffa doganli komuni. Il-Kummissjoni fil-fatt ikkonfermat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma ġabrux iżjed id-dazji antidumping fil-konfronti tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei minn meta nħoloq il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma kellhomx setgħa diskrezzjonali f’dan il-każ.

45      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti huma direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti

46      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-suġġetti li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE biss jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fir-rigward ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li jista’ jkun id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 197, 223, u tal-15 ta’ Settembru 2016, Unitec Bio vs Il-Kunsill, T-111/14, EU:T:2016:505, punt 29).

47      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-każ fejn rikors ikun ippreżentat minn diversi rikorrenti, dan huwa ammissibbli jekk xi waħda minnhom ikollha locus standi. F’tali ipoteżi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il-Kummissjoni, T-462/13, EU:T:2015:902 punt 34; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 30 u 31).

48      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minbarra t-talba għal eżami mill-ġdid imressqa f’isem ir-rikorrenti u li l-ilmenti tagħhom kienu joriġinaw minnha, is-sitt produtturi tal-Unjoni li kienu suġġett ta’ kampjun u ta’ viżiti ta’ verifika matul il-proċedura jagħmlu parti mir-rikorrenti (premessa 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272). Dawn il-produtturi suġġetti għall-kampjun, li huma b’mod partikolari msemmija mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 55 % tal-bejgħ totali lil klijenti indipendenti ġewwa l-Unjoni (premessa 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272). Huma kollha rrispondew għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni (premessa 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272). Id-data hekk miġbura mill-Kummissjoni ppermettiet li jiġi ddeterminat jekk jeżistix riskju ta’ theddida ta’ ħsara (premessa 111 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272). Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-proċedura inizjali li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 926/2009.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-istimi tar-rikorrenti fil-kuntest tat-talba tagħhom għal proċedura mħaffa, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, l-esportazzjonijiet ta’ Hubei kienu jirrappreżentaw fl-2015 bejn wieħed u ieħor terz tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni u l-kapaċitajiet mhux użati tal-produzzjoni ta’ Hubei kienu jirrappreżentaw minn 20 sa 50 % tal-konsum totali tal-prodott ikkonċernat ġewwa l-Unjoni. Dawn iċ-ċifri għandhom jitqiegħdu f’perspettiva mal-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq tal-Unjoni, li jirrappreżenta, tal-inqas fir-rigward tas-sitt produtturi tal-Unjoni li kienu suġġetti għall-kampjun fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, 55 % tal-bejgħ totali lil klijenti indipendenti ġewwa l-Unjoni.

50      Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, li għandha l-għan li ma jinġabrux iżjed id-dazji antidumping previsti mir-Regolament tal-Implimentazzjoni 2015/2272 fuq il-prodotti mmanifatturati minn Hubei, għandha inċidenza individwali, tal-inqas, fuq is-sitt produtturi tal-Unjoni, li huma wkoll rikorrenti f’dan il-każ, li kienu suġġetti għal kampjun u għal żjarat ta’ verifika fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, peress li din kienet inbdiet f’isimhom u fid-dawl tal-ilmenti li sostnew u li wasslet għat-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 264/82, EU:C:1985:119, punti 13 sa 16).

51      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kienu intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali u partijiet prinċipali fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35). Sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenzi (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), din iċ-ċirkustanza hija wkoll ta’ natura li tindividwalizza lir-rikorrenti.

52      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti huma individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, għandhom locus standi, mingħajr ma hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxix att regolamentari li ma jwassalx għal miżuri ta’ eżekuzzjoni fil-konfronti tagħhom.

53      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

54      Ir-rikorrenti jsostnu, fil-motiv uniku tagħhom, li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali u tikser l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 kif ukoll l-anness tiegħu, sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat estendiet il-portata tas-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35). Dan ir-regolament, li daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2015, issostitwixxa r-Regolament Nru 926/2009. Huwa jikkostitwixxi l-bażi legali għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq il-prodott ikkonċernat li joriġina miċ-Ċina. Ir-rikorrenti jindikaw barra minn hekk li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 kif ukoll l-anness tiegħu kienu jipprovdu li Hubei kellha tkun inkluża fil-lista ta’ impriżi li jaqgħu taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni neħħiet lil Hubei minn din il-lista. Issa, il-Kummissjoni setgħet tadotta d-deċiżjoni kkontestata biss li kieku l-imsemmija sentenzi kienu annullaw ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, sa fejn jikkonċerna lil Hubei. Madankollu, dan ma huwiex il-każ. Id-dispożittiv tal-imsemmija sentenzi kien jirreferi unikament għar-Regolament Nru 926/2009. L-estensjoni tal-effetti ta’ dawn is-sentenzi lil hinn mill-annullament tar-Regolament Nru 926/2009 huwa kuntrarju għall-ġurisprudenza. Ir-rikorrenti jsemmu b’mod partikolari s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C-239/99, EU:C:2001:101). Minn dan huma jikkonkludu li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tkun ibbażata fuq is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), sa fejn dawn ma jwasslux għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk nieqsa minn bażi legali. Hija tikser ukoll l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 kif ukoll l-anness tiegħu.

55      Barra minn hekk, anki kieku l-obbligu li għandha l-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE li timplimenta s-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), kien jinkludi dak li tħassar id-dazji antidumping fil-konfronti ta’ Hubei imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 – li r-rikorrenti ma jsostnux –, il-Kummissjoni kellha tadotta regolament li jemenda jew iħassar l-imsemmi regolament. Dan jirriżulta mill-prinċipju ġuridiku li att jista’ jitħassar biss b’att tal-istess natura. Kieku l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, hija kien ikollha tosserva d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, tikkonsulta lill-Istati Membri u tispjega b’mod iktar iddettaljat il-motivazzjoni tagħha. Barra minn hekk tali deċiżjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-kulleġġ tal-kummissarji u mhux tad-DG “Tassazzjoni u Unjoni doganali” tal-Kummissjoni.

56      Ir-rikorenti jżidu li l-argument tal-Kummissjoni, żviluppat fid-difiża tagħha, li hija ssostitwixxiet l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni huwa infondat. Hija biss l-adozzjoni ta’ regolament li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 li tippermetti li tiġi mibdula din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, kieku l-Kummissjoni setgħet temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 permezz ta’ bdil fit-TARIC, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun allura illegali minħabba l-ksur, b’mod partikolari, tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 2658/87 ma jipprovdix il-bażi legali neċessarja sabiex tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, li hija kuntrarja għal-leġiżlazzjoni antidumping fis-seħħ, jiġifieri dik mhux skaduta, mhux annullata mill-qorti tal-Unjoni jew mhux imħassra.

57      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat retroattivament id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Hubei, stabbiliti mir-Regolament Nru 926/2009, l-annullament jestendi neċessarjament għad-dazji stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272. Dazju antidumping li huwa kkunsidrat bħala li qatt ma eżista ma jistax jinżamm minn regolament li jwettaq eżami mill-ġdid tal-miżuri li jaslu biex jiskadu. Il-kodiċi TARIC il-ġdid maħluq jinforma lill-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi b’din il-konklużjoni. Il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti, peress li tirrigwarda sitwazzjoni ġuridika oħra.

58      Fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, dan huwa f’kontradizzjoni mar-raġunament segwit fir-rikors fejn il-Kummissjoni eżonerat b’mod illegali l-importazzjonijiet tal-prodotti ta’ Hubei mid-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272. Fil-fatt, tali eżenzjoni tfisser neċessarjament li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ġie ssostitwit b’dispożizzjoni ta’ att ieħor. Ma jistax ikun hemm kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Jista’ jseħħ biss il-ksur ta’ regola superjuri, iżda r-rikorrenti ma jinvokawx tali sitwazzjoni.

59      Fir-rigward tal-obbligu li tintuża bażi legali, il-Kummissjoni tenfasizza li, abbażi tar-Regolament Nru 2658/87, hija għandha l-obbligu li tistabbilixxi, tamministra, taġġorna u tippubblika d-database TARIC. Ir-Regolament Nru 2658/87 għalhekk jipprovdi l-bażi legali għall-pubblikazzjoni tal-kodiċi TARIC inkwistjoni f’din il-kawża. Il-Kummissjoni ma kellhiex tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 266 TFUE sabiex tadotta att ġuridiku vinkolanti, peress li l-effetti legali kollha fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei jirriżultaw mis-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35). Eżami mill-ġdid minħabba l-iskadenza tal-miżuri antidumping ma setax iżomm, u wisq inqas, “jirxoxta” dazji antidumping ikkunsidrati bħala li qatt ma eżistew.

60      Il-Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għal dak li jidhru li jissuġġerixxu r-rikorrenti, id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturati minn Hubei tħassru mill-ordinament ġuridiku mill-qrati tal-Unjoni. Għaldaqstant, huwa infondat li jiġi sostnut li l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 jista’ jiġi ssostitwit biss bl-adozzjoni ta’ regolament ieħor. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jinvokaw ebda ksur tar-Regolament Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)). Fir-rigward tal-ksur tal-obbligi proċedurali invokat mir-rikorrenti, dawn ma jurux li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

61      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li sentenza ta’ annullament għandha neċessarjament effett retroattiv, peress li d-data tal-konstatazzjoni ta’ illegalità tmur lura għad-data ta’ meta daħal fis-seħħ l-att annullat (sentenza tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C-199/06, EU:C:2008:79, punt 61). F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 926/2009 ġie annullat, sa fejn jikkonċerna lil Hubei, b’effett ex tunc, li jimplika li dan ir-regolament huwa kkunsidrat li qatt ma pproduċa effetti fil-konfronti ta’ din il-kumpannija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C-337/09 P, EU:C:2012:471, punt 48).

62      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, dan ġie adottat wara proċedura ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1225/2009 (li sar l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036). Skont din id-dispożizzjoni, miżura antidumping definittiva tiskadi ħames snin wara l-impożizzjoni tagħha jew wara d-data tal-konklużjoni tal-eżami mill-ġdid l-iktar reċenti li jkun kopra kemm id-dumping kif ukoll il-ħsara, “sakemm ma jiġix determinat f’reviżjoni li tal-iskadenza probabbilment twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ jew iżżomm jew tħalli jiskadu l-miżuri fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2012, Dow Chemical vs Il-Kunsill, T-158/10, EU:T:2012:218, punt 43). L-għan ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk ma huwiex li jiġu imposti, għall-ewwel darba, miżuri antidumping, iżda li jinżammu, skont il-każ, miżuri antidumping li huma fis-seħħ u li jaslu normalment għall-iskadenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Frar 2010, Hoesch Metals and Alloys, C-373/08, EU:C:2010:68, punti 65 sa 67, u tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-45/06, EU:T:2008:398, punt 94). Għaldaqstant huwa indikat, fil-premessa 122 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, li “il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi li joriġinaw [fiċ-Ċina], imposti bir-Regolament […] 926/2009, għandhom jinżammu”.

63      Fit-tielet lok, għalkemm huwa minnu li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 sempliċement iżomm il-miżuri imposti inizjalment mir-Regolament Nru 926/2009, huwa r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 li jservi ta’ bażi legali għall-ġbir tad-dazji antidumping u, b’mod iktar preċiż, huma d-dispożittiv tiegħu u l-anness tal-imsemmi regolament li jipprovdu li huwa stabbilit dazju antidumping, b’mod partikolari fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei. L-estratti TARIC msemmija fl-anness tar-rikors isemmu espressament ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 bħala bażi għall-ġbir tad-dazji antidumping fuq il-prodott ikkonċernat. L-istess jingħad fl-opinjoni dwar is-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Settembru 2016 (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

64      Sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ma ġiex annullat bis-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), huwa jgawdi, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-awtorità assoluta li tgawdi minnha sentenza ta’ annullament ma tistax twassal għall-annullament ta’ att mhux ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, anki jekk dan huwa vvizzjat bl-istess illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punt 54, u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C-239/99, EU:C:2001:101, punt 26).

65      Minn dan jirriżulta li l-annullament tar-Regolament Nru 926/2009, sa fejn jikkonċerna lil Hubei, ma jistax iwassal awtomatikament għat-tneħħija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 li ma ġewx annullati mill-qorti tal-Unjoni.

66      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 266 TFUE, hija l-istituzzjoni kkonċernata, b’mod partikolari, li għandha tevita li kull att intiż sabiex jissostitwixxi l-att annullat ma jkunx ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (setenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, EU:C:1999:407, punt 56, u tad-29 ta’ April 2004, IPK-München u Il-Kummissjoni, C-199/01 P u C-200/01 P, EU:C:2004:249, punt 83). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll l-obbligu li seta’ jeżisti, skont il-każ, fil-konfronti tal-istituzzjonijiet, li jħassru atti adottati posterjorament għall-att annullat (sentenza tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punt 30). F’dan l-istess sens, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li għandhom jiġi annullati atti bbażati fuq atti diġà annullati u li għalhekk kienu tħassru mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill, T-45/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:650, punti 46 sa 48). Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma (C-659/13 u C-34/14, EU:C:2016:74, punti 175 sa 177), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li regolament ta’ eżami mill-ġdid kien invalidu “sal-istess estent” bħar-regolament li kien impona d-dazji antidumping inizjali, peress li ż-żewġ regolamenti kienu ġew suġġetti għall-evalwazzjoni tagħha ta’ validità.

67      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, u b’mod partikolari tal-fatt li, minn naħa, l-għan tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 kien li jiġu stabbiliti miżuri simili għal dawk stabbiliti mir-Regolament Nru 926/2009 sabiex jinżammu l-effetti tagħhom, u li, min-naħa l-oħra, il-miżuri stabbiliti mir-Regolament Nru 926/2009 ġew, sussegwentement, annullati mis-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), u tad-29 ta’ Jannar 2014, Hubei Xinyegang Steel vs Il-Kunsill (T-528/09, EU:T:2014:35), il-Kummissjoni kellha d-dritt li tikkunsidra li l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenzi, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, kienet timplika li ma jinġabrux iżjed id-dazji antidumping previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 fil-konfronti tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei.

68      Madankollu, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti sussidjarjament, u peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 igawdi, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità, il-Kummissjoni kellha temendah jew tħassru permezz ta’ regolament.

69      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ir-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali, li tikkorrispondi għal prinċipju ġenerali tad-dritt, il-formalità imposta sabiex terz jiġi informat b’att għandha wkoll tinżamm għall-modifiki kollha ulterjuri tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlement vs Ripa di Meana et, C-470/00 P, EU:C:2004:241, punt 67; tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-66/96 u T-221/97, EU:T:1998:187, punt 136; tas-17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il-Kummissjoni, T-93/04, EU:T:2006:130, punt 56, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Gagliardi vs UASI – Norma Lebensmittelfilialbetrieb (MANŪ MANU MANU), T-392/04, mhux ippubblikat, EU:T:2006:400, punt 53).

70      F’dan il-każ, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 (li sar l-Artikolu 14(1) tar-Regolament 2016/1036), li jagħmel parti mid-“dispożizzjonijiet ġenerali”, id-dazji antidumping “[huma] miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji”. Dan kien il-każ għad-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 fil-konfronti tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei. Għandu wkoll jitfakkar li l-Kummissjoni għandha l-kompetenza sabiex tadotta, temenda jew tħassar miżuri antidumping.

71      Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji antidumping għal kumpannija, stabbiliti minn regolament li ma ġiex annullat jew iddikjarat invalidu minn qorti tal-Unjoni, għandu normalment iseħħ ukoll permezz ta’ regolament. Issa, f’dan il-każ, billi pprovdiet b’mod definittiv għan-nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji antidumping għall-prodotti mmanifatturati minn Hubei, ġbir li jirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, permezz tal-ħolqien ta’ kodiċi TARIC addizzjonali, il-Kummissjoni kisret ir-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali.

72      Għandu jiġi rrilevat ukoll, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li l-osservanza tar-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali kellha twassal mhux biss sabiex jiġi interprellat il-kulleġġ tal-kummissarji tal-Kummissjoni, iżda wkoll sabiex tingħata l-opinjoni tal-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 (li sar l-Artikolu 15(1) tar-Regolament 2016/1036), kif kien il-każ fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11(6) (li sar l-Artikolu 11(6) tar-Regolament 2016/1036), il-miżuri antidumping huma mħassra jew miżmuma skont l-Artikolu 11(2) “f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3)” tal-istess regolament. Bl-istess mod, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 1225/2009 (li sar l-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2016/1036) jipprovdi li d-dazji antidumping definittivi huma imposti mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta’ eżami. Dan il-kumitat u din il-proċedura ta’ eżami huma previsti mir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13). Il-proċeduri, għal tali kontroll mill-Istati Membri, għandhom b’mod partikolari jkunu ċari u jirriflettu r-rekwiżiti istituzzjonali tat-Trattat FUE (il-premessa 5 tar-Regolament Nru 182/2011). Il-konsultazzjoni tal-kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 għandha għalhekk importanza mhux biss mill-perspettiva proċedurali, iżda wkoll mill-perspettiva tar-rekwiżiti istituzzjonali tat-Trattat FUE.

73      Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata s-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kif jirrelevaw fil-fatt ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Fil-fatt, minn naħa, l-operaturi ekonomiċi, inkluż ir-rikorrenti, li janalizzaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jaslu sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272, li ma ġie la annullat, la ddikkjarat invalidu mill-qorti tal-Unjoni, u lanqas imħassar minn regolament ieħor u, għalhekk, id-dazji antidumping imposti minn dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li d-dazji antidumping previsti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 ma japplikawx għall-prodotti mmanifatturati minn Hubei. Minn dan tirriżulta kontradizzjoni ċara li tpoġġi lill-operaturi ekonomiċi, inkluż ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

74      Barra minn hekk, għalkemm l-interpretazzjoni legali segwita mill-Kummissjoni f’dan il-każ tista’ tiġi dedotta mir-riferiment għas-sentenza tas-7 ta’ April 2016, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava et vs Hubei Xinyegang Steel (C-186/14 P u C-193/14 P, EU:C:2016:209), f’nota ta’ qiegħ il-paġna tal-kodiċi addizzjonali TARIC C 129, l-osservanza tar-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali kienet tippermetti li trendi iktar espliċita l-motivazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

75      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni diġà ddeċidew, fi proċeduri oħra, li jemendaw jew iħassru regolament ta’ eżami mill-ġdid li kien iżomm fis-seħħ miżuri antidumping, bħala konsegwenza tal-annullament tar-regolament preċedenti għal dan. Dan kien il-każ, b’mod partikolari, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 989/2009 tad-19 ta’ Ottubru 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2009, L 278, p. 1), evokat mill-Kummissjoni matul is-seduta. L-adozzjoni ta’ dan ir-regolament seħħet wara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill (T-348/05, mhux ippubblikat, EU:T:2008:327). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet annullat ir-regolament preċedenti għar-regolament ta’ eżami mill-ġdid, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 945/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 658/2002 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat tal-ammonju li joriġina mir-Russja u r-Regolament (KE) Nru 132/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjoni tan-nitrat tal-ammonju li joriġina, inter alia, mill-Ukraina, wara r-reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU 2005, L 160, p. 1), li kien estenda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-miżuri antidumping. Fl-estensjoni ta’ din is-sentenza, il-Kunsill iddeċieda, fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-kumitat konsultattiv, li jadotta r-Regolament Nru 989/2009, li jħassar b’effett retroattiv ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 tat-8 ta’ Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2008, L 185, p. 1), fir-rigward tal-impriża rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-prodotti kkonċernati mill-annullament. Il-Kunsill, ħoloq ukoll, f’dan il-kuntest, kodiċi addizzjonali TARIC speċifiku għall-impriża rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-espożizzjoni tal-motivi li takkompanja l-proposta għal regolament tal-Kunsill (COM(2009) 493 finali)), il-Kummissjoni enfasizzat li din il-proposta kienet taqa’ “taħt il-kuntest tal-implementazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali”.

76      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ksur tar-regola tal-paralleliżmu tar-rekwiżiti formali mill-Kummissjoni jikkostitwixxi irregolarità li timplika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

77      L-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni. B’mod partikolari, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub, li jikkonċernaw speċifikament il-konsegwenzi ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ kumpannija matul proċedura, hija inoperanti. Fil-fatt, kif għadu kif ġie kkonstatat, il-portata tal-ksur tar-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali tmur lil hinn mill-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi sostnut, essenzjalment, li r-rikorrenti ma għandhomx interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-ksur tar-regola tal-parallelliżmu tar-rekwiżiti formali. Fil-fatt, kif indikaw ir-rikorrenti matul is-seduta, l-intress tagħhom jinsab, tal-inqas għall-ewwel, f’li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/2272 fil-konfronti tal-prodotti mmanifatturati minn Hubei. Ma tressaq ebda element mill-Kummissjoni li jippermetti li jikkonfuta tali konklużjoni.

78      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Ġunju 2016 li tirtira lil Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd mil-lista ta’ kumpanniji inklużi taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950 u li tinkludiha taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129, għall-kodiċi tan-nomenklatura magħquda kollha msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272 tas-7 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti minn ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness.

Tomljenović

Bieliūnas

Marcoulli

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ottubru 2018.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Il-lista tar-rikorrenti hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.