Language of document : ECLI:EU:T:2002:264

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Ottubru 2002 (*)

“Kompetizzjoni – Regolament (KEE) Nru 4064/89 – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Drittijiet tad-difiża – Effetti orizzontali u vertikali – Effetti prevedibbli ta’ konglomerat – Effett ta’ lieva – Kompetizzjoni potenzjali – Effett ġenerali ta’ tisħiħ”

Fil-Kawża T-5/02

Tetra Laval BV, stabbilita f’Amsterdam (l-Olanda), irrappreżentata minn A. Vandencasteele, D. Waelbroeck, A. Weitbrecht u S. Völcker, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan u P. Hellström, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 3345 finali, tat-30 ta’ Ottubru 2001, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2416 – Tetra Laval/Sidel),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn B. Vesterdorf, President, J. Pirrung u N. J. Forwood, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 u ta’ l-4 ta’ Lulju 2002,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi [ĠU L 395, p. 1, kif emendat, ĠU 1990, L 257, p. 13, u kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997, ĠU L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”], jipprovdi sistema ta’ stħarriġ mill-Kummissjoni tal-konċentrazzjonijiet “b’dimensjoni ta’ Komunità” fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament.

2        L-Artikolu 2 tar-Regolament jiddisponi:

“1. Konċentrazzjonijiet fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu assessjati skond id-disposizzjonijiet li ġejjin bil-ħsieb li jkun stabbilit jekk kienux kompatibbli mas-suq komuni.

Meta tagħmel dan l-assessjar, il-Kummissjoni għandha tqis:

a)      il-bżonn li tippriserva u tiżviluppa kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni bil-ħsieb, fost affarijiet oħra, ta’ l-istruttura tas-swieq kollha konċernati u l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali minn impriżi oħra fil-Komunità jew barra mill-Komunità;

b)      il-posizzjoni fis-suq ta’ l-impriżi konċernati u l-qawwa ekonomika u finanzjarja tagħhom, l-alternattivi disponibbli għall-fornituri u l-utenti tagħhom, l-aċċess tagħhom għal provvisti u swieq, kull ostakoli ġuridiċi jew impedimenti oħra għal xejriet ta’ dħul, provvista u domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti, l-interessi tal-konsumaturi intermedjarji u finali, u l-iżvilupp ta’ progress tekniku u ekonomiku basta li jkun ta’ vantaġġ għall-konsumatur u ma joħloqx tfixkil għall-kompetizzjoni.

2. Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

3. Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni.

[…]”

3        L-Artikolu 4 tar-Regolament jeżiġi li l-parti jew partijiet li jiksbu l-kontroll, jew il-kontroll konġunt, ta’ impriża oħra għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-konċentrazzjoni fi żmien ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, waqt li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regolament, li teżamina din in-notifika “malli tirċeviha”. L-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament jiddisponi, flimkien ma’ l-Artikolu 10(1) tar-Regolament, li l-Kummissjoni għandha tibda l-proċedimenti fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata fi żmien xahar jew, l-iktar, sitt ġimgħat jekk issib li l-konċentrazzjoni taqa’ fl-ambitu tar-Regolament “u toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni”.

4        Meta jinbdew il-proċedimenti wara n-notifika, is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni jkunu rregolati bl-Artikolu 8 tar-Regolament. Skond il-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu “[f]ejn il-Kummissjoni ssib li konċentrazzjoni tissodisfa l-kriterju definit fl-Artikolu 2(3) […] hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni”. L-Artikolu 10(3) tar-Regolament jiddisponi li dawn id-deċiżjonijiet “għandhom jittieħdu mhux aktar tard minn erba’ xhur mid-data li jkunu nbdew il-proċedimenti”.

5        Għalkemm l-Artikolu 7(1) tar-Regolament jiddisponi li l-konċentrazzjoni m’għandhiex tieħu effett kemm qabel ma tkun innotifikata u sakemm hija tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, fejn l-implementazzjoni ta’ offerta pubblika li tkun innotifikata lill-Kummissjoni tista’, skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament, issir “basta li minn jeħodha ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot li jmorru mat-titoli in kwistjoni jew li dan jagħmlu biss biex jippriserva l-valur sħiħ ta’ dawk l-investimenti u fuq il-bażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 4”.

6        L-Artikolu 18 tar-Regolament, li jirrigwarda s-smigħ tal-partijiet u tat-terzi persuni jiddisponi:

“1. Qabel tieħu kull deċiżjoni prevista fl-Artikoli 7(4) u 8 (2), it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi konċernati l-opportunità f’kull stadju tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv, li jagħtu l-veduti tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kontra tagħhom.

[…]

3. Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta’ difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Aċċess għall-inkartament għandu jkun miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament involuti, bla ħsara għall-interess leġittim

u ta’ impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

[…]”

7        L-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98, ta’ l-1 ta’ Marzu 1998, dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU L 61, p. 1) jiddisponi:

“Wara li tkun indirizzat l-oġġezzjonijiet lill-partijiet li jagħmlu n-notifika, l-Kummissjoni għandha, jekk tiġi mitluba, tagħtihom aċċess għall-fajl sabiex ikunu jistgħu jeserċitaw id-drittijiet tagħhom għad-difiża.

Il-Kummissjoni għandha, jekk tiġi mitluba, tagħti wkoll lill-partijiet l-oħra nvoluti li ġew nfurmati bl-oġġezzjonijiet aċċess għall-fajl sakemm dan huwa neċessarju sabiex dawn jippreparaw l-osservazzjonijiet tagħhom.”

8        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 447/98 intitolat informazzjoni kunfidenzjali, jiddisponi:

“1. Informazzjoni, inkluż dokumenti, ma għandhomx jiġu kkomunikati jew jiġu magħmula aċċessibbli sakemm dawn ikun fihom sigrieti tal-kummerċ ta’ xi persuna jew impriża, inkluż il-partijiet li jagħmlu n-notifika, partijiet oħra nvoluti jew ta’ partijiet terzi, jew informazzjoni oħra kunfidenzali li l-iżvelar tagħha mhux meqjus neċessarju mill-Kummissjoni għall-fini tal-proċedura, jew fejn dokumenti interni ta’ l-awtoritajiet huma ikkonċernati.

2. Kull parti li tgħarraf il-fehmiet tagħha taħt id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandha b’mod ċar tidentifika kull materja; li hija tikkunsidra kunfidenzali, waqt li tagħti raġunijiet, u tipprovdi verżjoni separata mhux kunfidenzali matul l-perijodu taż-żmien iffissat mill-Kummissjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Fis-27 ta’ Marzu 2001, Tetra Laval SA, kumpannija privata ffurmata taħt id-dritt Franċiż u miżmuma fl-intier tagħha minn Tetra Laval BV, kumpannija holding li tappartjeni lill-grupp Tetra Laval (iktar ’il quddiem “Tetra” jew ir-“rikorrenti”), ħabbret offerta pubblika f’isem il-grupp għax-xiri ta’ l-ishma kollha ta’ Sidel SA, li hija kumpannija kkwotata fil-borża ta’ Franza, li jinsabu fl-idejn. Fl-istess ġurnata, Tetra Laval SA kisbet madwar 9.75 % mill-kapital ta’ Sidel mingħand Azeo (5.56 %) u mingħand id-diretturi ta’ Sidel (4.19 %).

10      L-offerta ta’ xiri saret fi flus kontanti għall-prezz ta’ EUR 50 għal kull sehem u kienet, skond id-dritt Franċiż, mingħajr kundizzjoni. L-offerta ġiet approvata b’unanimità mill-bord tad-diretturi ta’ Sidel u ġiet approvata wkoll mill-azzjonisti maġġoritarji tagħha. Il-kummissjoni għat-tranżazzjonijiet fil-borża tat l-approvazzjoni tagħha fil-11 ta’ April 2001, fuq in-nota konġunta ta’ informazzjoni ta’ Tetra Laval SA u ta’ Sidel (“joint offer document”). Wara li ġiet ippubblikata fl-14 ta’ April 2001, l-offerta infetħet uffiċjalment għall-perijodu bejn is-17 ta’ April sat-22 ta’ Mejju 2001. Hija kienet tipprovdi li, fil-każ li dan iseħħ b’suċċess, l-ishma ta’ Tetra SA jerġgħu jiġu kkwotati fil-ġimgħa li tibda fil-11 ta’ Ġunju 2001, salv għar-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament.

11      Wara din l-offerta, Tetra kisbet madwar 81.3 % ta’ l-ishma ta’ Sidel li jinsabu fl-idejn. Wara li għalqet din l-offerta, ir-rikorrenti kisbet ċerti ishma oħra, b’mod li, fil-preżent, hija għandha madwar 95.20 % ta’ l-ishma u 95.93 % tad-drittijiet għall-vot ta’ Sidel.

12      Tetra tinkludi, b’mod partikolari, lill-impriża Tetra Pak li topera prinċipalment fil-qasam ta’ l-ippakkjar fil-kartun tal-likwidi alimentari, qasam li fih Tetra Pak hija l-impriża prinċipali fuq livell mondjali. Tetra topera wkoll b’mod iktar limitat fis-settur ta’ l-ippakkjar b’materjal tal-plastik, prinċipalment bħala “konvertitur” (attività li tikkonsisti fil-produzzjoni u provvista ta’ pakketti vojta lill-produtturi li jimlewhom huma stess), b’mod partikolari fis-settur tal-pakketti tal-plastik polyethylene ta’ densità għolja (iktar ’il quddiem “HDPE”).

13      Sidel tagħmel xogħol ta’ ħolqien u produzzjoni ta’ tagħmir u sistemi għall-ippakkjar, b’mod partikolari ta’ magni magħrufin “Stretch Blow Moulding” (“twessiegħ, infiħ, mudellar” iktar ’il quddiem “magni SBM”) li jintużaw fil-produzzjoni tal-fliexken tal-plastik polyethylene terephthalate (iktar ’il quddiem il-“PET”). Hija għandha pożizzjoni predominanti fuq livell mondjali fil-produzzjoni u l-provvista ta’ magni SBM. Hija topera wkoll fit-teknoloġija għat-trattament barriera, intiża sabiex tagħmel il-PET kompatibbli mal-prodotti li huma sensittivi għall-gass u d-dawl, u fis-settur tal-magni ta’ mili ta’ fliexken tal-PET kif ukoll, fuq skala iżgħar, tal-fliexken tal-HDPE.

14      Fit-18 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni irċeviet in-notifika tat-tranżazzjonijiet li bihom Tetra kisbet sehemha f’Sidel.

15      Huwa paċifiku bejn il-partijiet li t-tranżazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni” jew l-“operazzjoni nnotifikata”) jikkostitwixxu ksib fis-sens ta’ l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament u li din il-konċentrazzjoni għandha dimensjoni Komunitarja fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament.

16      Fil-5 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni, li qieset li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), iddeċidiet li tiftaħ il-proċedimenti għall-eżami approfondit previst fl-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament.

17      Fis-7 ta’ Settembru 2001, il-Kummissjoni bagħtet lil Tetra u lil Sidel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament, fejn hija tat ir-rġaunijiet li minħabba fihom hija kienet qegħda ssostni, prima facie, li l-operazzjoni nnotifikata għandha tiġi pprojbita. Ir-rikorrenti rrispondiet għall-imsemmija dikjarazzjoni fil-21 ta’ Settembru 2001.

18      Fl-24 ta’ Settembru 2001 intbagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali lil Tetra u lil Sidel, li b’mod partikolari tirrigwarda l-attivitajiet ta’ Tetra fis-settur tal-HDPE u li l-appellanti rrispondiet fl-1 ta’ Ottubru 2001.

19      Fil-25 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti pproponiet serje ta’ impenji skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament, biex tirrimedja l-problemi li jolqtu l-kompetizzjoni kif identifikati fl-ewwel dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

20      Fis-26 ta’ Settembru 2001, inżammet seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta, skond l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament Nru 447/98.

21      Fid-9 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti ppreżentat serje ta’ impenji ġodda (iktar ’il quddiem l-“impenji”) li jissostitwixxu dawk tal-25 ta’ Settembru 2001.

22      Fil-11 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni għamlet investigazzjoni speċifika tas-suq fir-rigward ta’ dawn l-impenji billi bagħtet 51 kwestjonarju lil diversi operaturi tas-settur ekonomiku in kwistjoni (klijenti, konvertituri u kompetituri) li kellhom jirrispondu sas-17 ta’ Ottubru. Hija rċeviet 34 risposta (iktar ’il quddiem ir-“risposti għall-investigazzjoni”) u, filwaqt li hija qieset dawn ir-risposti bħala globalment kunfidenzjali, hija għamlet żewġ sunti mhux kunfidenzjali li jikkorrispondu, minn naħa, għar-risposti tal-klijenti u konvertituri u, min-naħa l-oħra, għar-risposti tal-kompetituri, liema sunti hija bagħtet lir-rikorrenti.

23      L-abbozz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, li kien jirrigwarda wkoll l-impenji, ġie diskuss u approvat mill-kumitat konsultattiv fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi meta ltaqa’ fid-19 ta’ Ottubru 2001.

24      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2001 [C(2001) 3345 finali (Każ COMP/M.2416 – Tetra Laval/Sidel), iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”], il-Kummissjoni ddikjarat li l-konċentrazzjoni nnotifikata kienet inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament taż-ŻEE, u dan skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament.

25      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata fis-6 ta’ Novembru 2001.

26      Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom fid-deċiżjoni kkontestata, u wara l-proċedura amministrattiva distinta mibdija bit-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li saret lil Tetra fid-19 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni adottat, fit-30 ta’ Jannar 2002, deċiżjoni li tesponi l-miżuri meħtieġa biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettivi skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (Każ COMP/M.2416 – Tetra Laval/Sidel).

 Id-deċiżjoni kkontestata

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, għall-finijiet ta’ l-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ l-operazzjoni nnotifikata mas-suq komuni, minn naħa, iddeskriviet is-settur ta’ l-ippakkjar tal-likwidi alimentari, u mbagħad eżaminat is-swieq tal-prodotti in kwistjoni u s-suq ġeografiku in kwistjoni, u min-naħa l-oħra, analizzat l-operazzjoni nnotifikata mil-lat tal-kompetizzjoni. Wara li għamlet l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kompliet b’evalwazzjoni tal-portata ta’ l-impenji fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni preċedenti tal-konċentrazzjoni mill-aspett tal-kompetizzjoni.

 Is-settur ta’ l-ippakkjar tal-likwidi alimentari

28      Il-Kummissjoni ssostni li l-“konċentrazzjoni [nnotifikata] kellha essenzjalment impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur [industrijali] ta’ l-ippakkjar tal-likwidi alimentari”, jiġifieri essenzjalment il-prodotti tal-ħalib likwidi (iktar ’il quddiem il-“PĦL”), il-meraq u n-nettari tal-frott (iktar il-quddiem il-“meraq”), ix-xorb bla gass bit-togħma tal-frott (iktar ’il quddiem il-“XTF”), kif ukoll ix-xorb tat-te jew kafè (dawn l-erba’ prodotti, meħudin flimkien, iktar ’il quddiem imsejħin il-“prodotti sensittivi”), u b’mod partikolari fuq il-partijiet minn dan is-settur li fihom joperaw prinċipalment il-partijiet, jiġifieri “il-plastik, b’mod partikolari l-pakketti PET u l-kartun” (premessa 12). Il-Kummissjoni ddeskriviet il-PET bħala li jippermetti l-produzzjoni ta’ fliexken trasparenti. Għall-prodotti sensittivi għall-ossiġnu u d-dawl, il-PET għandu jiġi mtejjeb permezz ta’ teknika magħrufa bħala teknoloġija għat-trattament “barriera”. Il-proċess ta’ l-ippakkjar fil-PET fih tliet stadji, jiġifieri l-produzzjoni ta’ “forom”, li huma t-tubi tal-plastik użati biex jiġu prodotti l-fliexken, il-produzzjoni tal-fliexken stess permezz tal-magni SBM (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u fl-aħħar nett, il-mili tal-fliexken (premessa 20). Hija ddeskriviet imbagħad il-HDPE bħala li għandu dehra “mċajpra”. Il-proċess ta’ l-ippakkjar bil-HDPE huwa simili għal dak tal-PET, iżda jeħtieġ magni ta’ infiħ-immudellar ta’ estrużjoni (extrusion blow moulding, iktar ’il quddiem il-magni “EBM”) (premessa 26). B’kuntrast ma’ l-ippakkjar fil-plastik, l-ippakkjar fil-kartun huwa kkaratterizzat bl-integrazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, mili u għeluq tal-pakketti (premessa 28).

29      Il-Kummissjoni għamlet diversi distinzjonijiet, b’mod partikolari bejn il-prodotti ippakkjati b’mod mhux settiku u dawk b’mod settiku, skond il-prattika preċedenti tagħha f’dan il-qasam, bejn il-pakketti nnifishom u l-magni ta’ l-ippakkjar u bejn l-ippakkjar mill-produtturi ta’ likwidi alimentari, fil-fabbrika tagħhom stess, u l-ippakkjar mill-konvertituri (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Skond il-Kummissjoni, din l-aħħar distinzjoni tittaffa madankollu bl-eżistenza ta’ ftehim “hole-through-the-wall” (“toqba fil-ħajt”, iktar ’il quddiem il-ftehim HTW”), li bihom il-konvertitur jipproduċi l-fliexken f’sit maġenb dak ta’ produttur u jibgħathom lill-istess produttur fuq il-konvejer sabiex dan jimlihom.

 Is-swieq tal-prodotti in kwistjoni

30      Peress li l-“operazzjoni [innotifikata] kellha essenzjalment impatt fuq il-kompetizzjoni fis-settur [industrijali] ta’ l-ippakkjar tal-likwidi alimentari”, il-Kummissjoni kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-partijiet minn dan is-settur fejn joperaw prinċipalment il-partijiet, jiġifieri “il-plastik, b’mod partikolari l-ippakkjar fil-PET, u l-kartun” (premessa 12). Il-Kummissjoni ssostni li “d-diviżjoni skond l-użu finali tikkostitwixxi strument ta’ analiżi utli biex jiġi studjat is-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar ta’ likwidi alimentari” (premessa 44). Hija tammetti li “s-sistemi ta’ ppakkjar li jużaw materjali differenti, per eżempju l-ħġieġ u l-bottijiet tal-metall, jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti differenti mil-lat tar-regoli tal-kompetizzjoni u li, konsegwentement, is-sistemi ta’ l-ippakkjar fil-PET jappartjenu lil suq distint ta’ prodotti” (premessa 53). Fundamentalment, il-Kummissjoni ma qablitx li “l-kartun u l-PET ma jintużawx għal prodotti komuni [jew] li dawn iż-żewġ materjali ma jistgħux jintużaw flimkien” (premessa 53). Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet eżami ta’ “l-użu konġunt ta’ dawn iż-żewġ materjali u ż-żieda fl-użu tal-PET fil-futur fis-segment ta’ l-użu finali fejn, tradizzjonalment, jintuża l-kartun” (premessa 53).

31      Fir-rigward tal-pakketti tal-kartun, peress li dan huwa opak, il-Kummissjoni ssostni li dan huwa “tajjeb għall-ippakkjar ta’ prodotti li huma sensittivi għall-ossiġnu u għad-dawl, imma ma jistax jintuża għax-xorb bil-gass”. Fir-rigward ta’ l-ippakkjar fil-PET, dan “huwa trasparenti u tajjeb għax-xorb bil-gass, imma tradizzjonalment, ma kienx daqshekk tajjeb għall-prodotti sensittivi għall-ossiġnu u d-dawl” (premessa 55). Il-Kummissjoni tenfasizza li “l-PET huwa materjal li huwa tajjeb għall-ippakkjar tal-prodotti kollha li sallum kienu ppakkjati fil-kartun”, jiġifieri l-prodotti sensittivi u, kkonkludiet li “l-PET jista’ konsegwentement jikkostitwixxi materjal sostituttiv li jikkompeti mal-prodotti kollha ppakkjati fil-kartun” (premessa 57, enfasizzata fil-verżjoni oriġinali). Madankollu, dawn il-prodotti huma differenti minn xulxin peress li “l-karatteristiċi proprji tal-prodott jinvolvu l-għażla bejn is-soluzzjonijiet ta’ ppakkjar kemmxejn differenti (il-meraq għandu kontenut għoli ta’ aċtu, kontra dak tal-PĦL, waqt li x-XTF u t-te kiesaħ ma jeħtieġux daqshekk protezzjoni kontra l-ossiġnu bħall-meraq)” (premessa 58).

32      Fir-rigward tal-PET u ż-żieda fl-użu prevista għal dan il-materjal għall-prodotti sensittivi, il-Kummissjoni tiċħad l-affermazzjoni ta’ Tetra fejn tgħid li “l-użu [tal-PET] huwa limitat ħafna u li mhux ser jara tkabbir sinjifikattiv fil-futur” (premessi 59 sa 148). F’dan ir-rigward hija tippreċiża li, “s-settur li ra l-iktar tkabbir malajr tal-PET huwa dak ta’ l-ilma u tax-xorb bil-gass, essenzjalment minħabba l-użu ta’ dan il-materjal flok il-ħġieġ”, u li, “l-konsumaturi u l-produtturi jridu l-PET” (premessa 55, nota ta’ qiegħ il-paġna 22). Il-Kummissjoni tikkonstata “li illum huwa possibbli diġà li jiġi mbottiljat u mibjugħ fil-PET, il-ħalib frisk, il-ħalib bl-essenza, it-te kiesaħ, il-meraq frisk, il-meraq li jżomm fit-tul (estratt fis-sħana), ix-xorb bit-togħma tal-frott u x-xorb iżotoniku” u li hemm biss żewġ setturi fejn l-użu tal-PET joħloq dejjem problemi tekniċi, jiġifieri “il-meraq li mhux settiku u l-ħalib mingħajr essenza (UHT) li mhux settiku” (premessa 61). B’referenza għaċ-ċifri pprovduti f’isem Tetra mill-kumpannija ta’ riċerka Canadean, hija tosserva li, għalkemm l-użu tal-PET illum mhuwiex sinjifikattiv ħafna għall-PĦL u għall-meraq (jiġifieri 0.5 % f’dawn iż-żewġ setturi fl-2000), “l-istampa hija differenti ħafna għas-setturi tax-XTF u x-xorb tat-te u kafè, li ma jeħtieġux l-istess protezzjoni ta’ teknoloġija għat-trattament barriera bħall-PĦL u l-meraq”, setturi dawn fejn il-PET “diġà kisbet ishma ikbar mis-suq” (premessa 69) (jiġifieri 20 % għax-XTF u 25 % għax-xorb tat-te jew kafè waqt is-sena 2000).

33      Għall-perijodu mis-sena 2000 sas-sena 2005, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, wara li rrikorriet, b’mod partikolari, għall-istudju tas-suq tagħha stess, ta’ Canadean u ta’ “studji indipendenti” (premessa 104), jiġifieri dak ta’ PCI, Warrick u Pictet, “li kien hemm diġà sovrapożizzjoni importanti bejn il-PET u l-kartun fis-setturi tax-XTF u tax-xorb tat-te jew kafè” u li l-“PET ser jibqa’ jikseb sehem mis-suq f’dawn is-setturi għad-dannu tal-kartun”, sa tali punt li, “skond stima konservattiva ta’ 30 % tal-PET f’kull wieħed mis-setturi sal-2005, dan il-materjal ser iservi għall-imbottiljar ta’ 800 miljun litru ta’ xorb tat-te jew kafè (inkluż xorb iżotoniku) u biljun litru ta’ XTF” (premessa 144). Hija żżid li “it-titjib fit-teknika barriera u fil-mili mhux settiku PET għandhom isaħħu l-pożizzjoni tal-materjal fl-erba’ setturi ta’ prodotti [sensittivi]”, u li, “l-PET ser jara tkabbir kbir fis-setturi tal-PĦL u tal-meraq matul il-ħames snin li ġejjin” (premessa 146). Skond il-Kummissjoni, “huwa minnu li jista’ jiġi kkunsidrat li sal-2005, il-PET jilħaq sehem mis-suq ta’ mill-inqas 10 % sa 15 % għall-ħalib frisk u 25 % għax-xorb ibbażat fuq il-ħalib bl-essenza u ħalib ieħor”, imma li l-“użu tal-PET għall-ħalib UHT (li jirrappreżenta madwar 50 % tas-suq kollu tal-ħalib fiż-ŻEE) huwa inċert” (premessa 147). Filwaqt li enfasizzat l-“importanza potenzjali” tal-PET, “ta’ l-inqas fis-setturi speċjalizzati u tal-prodotti ta’ kwalità għolja tal-ħalib f’pakketti mhux settiċi, bħalma huwa l-ħalib f’porzjoni għal wieħed”, il-Kummissjoni ssostni li, “bil-PET jintuża ta’ mill-inqas għal 15 % tal-ħalib frisk, 25 % tax-xorb l-ieħor ibbażat fuq il-ħalib u 1 % biss għal ħalib UHT sal-2005, dan il-materjal ser iservi biex jiġu bbottiljati 3 biljun litru fis-sena (li jirrappreżenta madwar 9 % tat-total tas-suq Ewropew tal-[PĦL]” (premessa 147). Fir-rigward tal-meraq, skond il-Kummissjoni, “huwa minnu li tassumi li l-PET jilħaq sehem mis-suq ta’ mill-inqas 20 % tat-total tas-suq tal-meraq fiż-ŻEE sas-sena 2005”, anke jekk dan it-tkabbir ser ikun prinċipalment l-effett tal-fatt li “l-PET jiġi ssostitwit flok il-ħġieġ” (premessa 148).

34      Fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-PET u l-kartun fis-setturi fejn hemm sovrapożizzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li “is-sistemi ta’ ppakkjar fil-kartun u s-sistema ta’ ppakkjar fil-PET (u, għaldaqstant, it-tagħmir għall-ippakkjar għaż-żewġ materjali) jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti differenti” (premessa 163). Hija kkonstatat li “għalkemm fil-preżent iż-żewġ sistemi m’għandhomx, in-natura effettiva u immedjata meħtieġa sabiex jissostitwixxu wieħed lill-ieħor għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq (fi kliem ieħor, iż-żewġ sistemi ftit li xejn huma sostitwibbli ma’ xulxin), din is-sitwazzjoni taf titbiddel fil-futur meta t-teknoloġija għat-trattament barriera tal-PET titjieb u l-ispejjeż taż-żewġ materjali jersqu viċin xulxin” (premessa 163). Il-konverġenza tista’ tkun tali li ż-żewġ sistemi jistgħu, fil-futur, “jikkostitwixxu suq wieħed ta’ prodotti mill-aspett tar-regoli tal-kompetizzjoni” (premessa 163).

35      Il-Kummissjoni eżaminat imbagħad is-setturi li jikkonċernaw it-“tagħmir speċifiku ta’ kull sistema” sabiex tivverifika “jekk hemmx swieq ta’ prodotti differenti” għall kull wieħed minnhom (premessa 164).

36      Fir-rigward tas-sistemi ta’ ppakkjar PET, il-Kummissjoni sostniet li, għal dak li jirrigwarda l-magni SBM, peress li l-prodotti sensittivi għandhom il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u teżisti l-possibbiltà li dawn jingħataw prezz differenti, “jeżistu swieq differenti għal kull grupp differenti ta’ klijenti skond l-użu finali, b’mod partikolari fl-erba’ setturi tax-xorb ‘sensittiv’: PĦL, meraq, XTF u xorb tat-te jew tal-kafè” (premessa 188). Fir-rigward tad-diversi teknoloġiji għat-trattament barriera, dawn jitqiesu mill-Kummissjoni bħala li jaqgħu taħt l-istess suq ta’ prodotti, għalkemm ċerti teknoloġiji, fil-futur, jistgħu, fil-fehma tagħha, jiġu kklassifikati taħt suq differenti (premessi 198 u 199). Jeżistu wkoll żewġ swieq distinti għall-magni mhux settiċi u settiċi tal-mili PET (premessa 204), waqt li l-forom PET jikkostitwixxu, min-naħa tagħhom, suq distint ieħor (premessa 206).

37      Fir-rigward tas-sistema ta’ l-ippakkjar fil-kartun, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ konsensus fuq il-fatt li “jeżistu erba’ swieq ta’ prodotti […] dinstini: il-magni ta’ ppakkjar fil-kartun mhux settiku, il-kartun mhux settiku, il-magni ta’ ppakkjar fil-kartun settiku u l-kartun settiku” (premessa 209).

 Fuq is-suq ġeografiku in kwistjoni

38      Is-suq ġeografiku rilevanti huwa ddefinit bħala li huwa ż-ŻEE “peress li l-fornituri [tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET] joperaw fuq it-territorju kollu taż-ŻEE u li huma f’pożizzjoni li jipprovdu u fil-fatt jipprovdu t-tagħmir tagħhom fuq bażi transkonfinali” (premessi 210 u 211).

 Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-operazzjoni nnotifikata mill-aspett tal-kompetizzjoni

39      L-evalzzjoni tal-konċentrazzjoni mill-aspett tal-kompetizzjoni tinsab f’analiżi dettaljata (premessi 213 sa 408) li hija, essenzjalment, is-segwenti:

“213      L-investigazzjoni u l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni urew li l-operazzjoni setgħet issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fuq is-suq tal-magni ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku u tal-kartun settiku u toħloq pożizzjoni dominanti fuq is-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar PET, u b’mod partikolari l-magni SBM (b’kapaċità għolja u baxxa) fis-setturi tal-prodotti finali ‘sensittivi’ (PĦL, meraq, XTF u xorb tat-te jew tal-kafè).

214      Il-pożizzjoni dominanti futura ta’ l-entità l-ġdida fuq żewġ swieq viċini ħafna kif ukoll il-pożizzjoni importanti tagħha fuq it-tielet suq (magni SBM u magni tal-mili HDPE) jistgħu jsaħħu l-pożizzjoni tagħha fuq iż-żewġ swieq, joħolqu ostakoli għad-dħul fis-suq, inaqqsu għall-minimu l-importanza tal-kompetituti eżistenti u jmexxu struttura monopolistika tas-suq kollu ta’ l-ippakkjar mhux settiku u settiku ta’ prodotti ‘sensittivi’ fiż-ŻEE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40      Sabiex tiġġustifika l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel lok, li, f’dak li jirrigwarda s-suq tal-pakketti tal-kartun, ftit tbiddlu l-affarijiet wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T-83/91, Ġabra p. II-755), ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C-333/94 P, Ġabra p. I-5951, iktar ’il quddiem is-“sentenzi “Tetra Pak II”). Hija ssostni li Tetra, fis-sena 2000 fiż-ŻEE, kellha pożizzjoni dominanti fuq is-suq tal-magni ta’ l-ippakkjar fil-kartun u tal-kartun mhux settiku b’sehem mis-suq ta’ 80 % (premessi 219 u 223) u pożizzjoni “predominanti” fuq is-suq tal-magni ta’ l-ippakkjar fil-kartun u tal-kartun settiku b’sehem mis-suq ta’ [50 % sa 60 %](1) (premessi 229 u 231). Fit-tieni lok, filwaqt li rrikonoxxiet li Sidel ma kinitx dominanti fuq is-suq tal-magni SBM, il-Kummissjoni sostniet li hija għandha pożizzjoni “predominanti”, u dan peress li hija “l-unika impriża kapaċi li tforni l-firxa kollha ta’ magni SBM, kemm dawk bl-iktar kapaċità baxxa sa dawk li għandhom l-ogħla kapaċità, billi tuża dejjem l-iktar teknoloġija rotatorja avvanzata” (premessa 248). Filwaqt li nnutat li l-“importanza ta’ ġestjoni effikaċi ta’ l-operazzjonijiet tal-mili flimkien ma’ dik ta’ l-infiħ-immudellar sabiex jiġi ggarantit proċess ta’ ppakkjar nadif jew ultra nadif, tinħass b’mod partikolarifil-każ tal-prodotti ‘sensittivi’, bħalma huma l-ħalib u l-meraq tal-frott” (premessa 249), il-Kummissjoni osservat li Sidel tipproduċi magni għall-mili mhux settiku u settiku (premessa 250) u li hija għandha teknoloġija “kkumbinata” li hija innovattiva u li tippermettilha tgħaqqad f’magna waħda l-operazzjonijiet ta’ infiħ, mili u għeluq tal-bottijiet (premessa 254). Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li Sidel għandha “pożizzjoni predominanti fuq is-suq tal-magni SBM” u “pożizzjoni b’saħħitha” għat-tagħmir l-ieħor ta’ l-ippakkjar bil-PET, b’mod partikolari għall-“magni ta’ mili mhux settiku, it-tagħmir sussidjarju u s-servizzi relatati” (premessa 259).

41      Għal dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-suq tal-PET u t-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ Tetra fuq is-swieq tal-kartun, id-deċiżjoni kkontestata ttrattat, fl-ewwel lok, l-effetti orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni, u fit-tieni lok, l-“effetti ta’ lieva” (“leveraging”) li għandhom is-swieq tal-kartun fuq dak tal-PET; fit-tielet lok, l-effetti fuq is-swieq tal-kartun minħabba l-assenza ta’ pressjoni mill-kompetizzjoni maħluqa mill-PET u, fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-effetti globali fuq is-swieq tal-kartun u tal-PET.

42      Fl-ewwel lok, fir-rigward ta’ l-effetti orizzontali, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-partijiet huma kollha kemm huma attivi fuq tliet swieq ta’ prodotti distinti: “magni SBM (kapaċità baxxa), teknoloġija tat-trattament barriera u magni ta’ mili tal-PET mhux settiku” (premessa 263), l-operazzjoni notifikata ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida fuq dawn it-tliet swieq. Filwaqt li taċċetta li l-imsemmija pożizzjoni ma tikkostitwixxix pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li jista’ jintlaħaq “il-livell ta’ dominanza mill-fatt li tintuża bħala lieva l-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità li tirriżulta mill-operazzjoni fis-settur tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku u tal-kartun mhux settiku” (premessa 263).

43      Fit-tieni lok, skond il-Kummissjoni l-“effetti vertikali importanti” li joħorġu mill-“integrazzjoni vertikali ta’ l-entità l-ġdida fit-tliet sistemi ta’ ppakkjar (kartun, PET u HDPE)”, jistgħu “[j]wasslu għall-esklużjoni vertikali tal-konvertituri indipendenti” (premessa 291). Din l-esklużjoni tirriżulta mill-istruttura maħluqa mill-konċentrazzjoni li biha (premessa 292):

“i) l-entità li tirriżulta mill-operazzjoni tkun l-unika soċjetà integrata vertikalment li tippakkja l-prodotti alimentari likwidi fil-kartun (magni ta’ ppakkjar fil-kartun u rollijiet tal-kartun), HDPE (magni EBM u fliexken HDPE) u PET (magni SBM, teknoloġija tat-trattament barriera, mili mhux settiku, forom u fliexken); ii) l-ambivalenza ta’ l-entità li tirriżulta mill-operazzjoni bħala fornitur u kompetitur tal-konvertituri tista’ twassal għal kunflitt ta’ sistemi (‘channel conflict’) fuq is-suq. L-entità li tirriżulta mill-operazzjoni tista’ tinqeda bil-pożizzjoni qawwija tagħha bħala fornitur ta’ magni SBM lill-konvertituri, li huma sa ċertu punt dipendenti fuq Sidel, għax tista’ żżidilhom l-ispejjeż tagħhom u temarġinahom fis-suq bħala fornituri ta’ forom u ta’ impjanti mibnija u mgħoddiha lesti (turnkey). Tetra/Sidel tista’ tkun f’pożizzjoni li toffri l-magni SBM u l-forom flimkien billi tistrieħ, per eżempju, fuq is-suċċess ta’ l-istrateġija kummerċjali ta’ Tetra fil-qasam tal-kartun: hija tkun tista’ toffri l-magni SBM bi prezz ftit ogħla u tirkupra l-ispejjeż billi torbot lill-klijent permezz ta’ kuntratt twil għall-provvista ta’ forom standard u għat-trattament barriera. L-entità li tirriżulta mill-operazzjoni tkun tista’ toffri wkoll impjanti mibnija u mgħoddiha lesti lill-klijenti tagħha mingħajr ma tirrikorri għall-konvertituri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44      Imbagħad, hemm enfasi fuq il-portata ta’ l-integrazzjoni vertikali ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun fejn hija għandha l-“politika kummerċjali li toffri lill-klijenti tagħha soluzzjonijiet integrati fil-forma ta’ magni u ta’ kartun (rollijiet jew maqtugħin)” (premessa 296), minn naħa, fuq is-suq tal-HDPE fejn hija tipproduċi fliexken tal-HDPE fuq magni EBM, u dan bis-saħħa tal-għaqda tagħha ma’ Graham Engineering Corporation, u tipprovdihom lill-klijenti bħala konvertitur permezz ta’ ftehim HTW u, min-naħa l-oħra, fuq is-suq tal-PET. Fir-rigward tas-suq tal-PET, il-Kummissjoni tosserva li Tetra hija “t-tielet l-ikbar fornitur indipendenti ta’ forom fid-dinja, b’sehem mis-suq ta’ 10 %”, li hija tipprevedi “li tipproduċi numru limitat ta’ fliexken PET lesti mtejbin permezz tat-teknoloġija tagħha għat-trattament barriera li hija protetta taħt il-privattiva Glaskin” u li, mill-1999, hija “preżenti fis-suq tas-sistemi tat-tappijiet ta’ fliexken tal-plastik permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħha Novembal” b’“sehem mis-suq fiż-ŻEE ta’ [10 sa 20 %] fis-sena 2000” (premessa 298). Din l-integrazzjoni tiddistingwiha minn Sidel li “mhijiex kumpannija integrata vertikalment” (premessa 293). Madankollu, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni “tista’ tipprovoka kunflitt ta’ sistemi fis-suq peress li din l-entità l-ġdida hija kemm fornitur u fl-istess ħin kompetitur tal-konvertituri” (premessa 301) u tista’ “tkun f’pożizzjoni li temarġina lill-konvertituri billi tbiegħ il-magni SBM u l-forom flimkien kif ukoll l-impjanti mibnija u mgħoddiha lesti” (premessa 312). Huwa possibbli wkoll li hija tkun tista’ “temarġina lill-konvertituri ta’ dawn l-attivitajiet billi tirrifjuta li tipprovdilhom magni SBM jew billi żżidilhom l-ispejjeż tagħhom u tiffavorixxi n-negozju integrat tagħha stess” (premessa 318). Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ Tetra li toħroġ mis-suq tal-forom, il-Kummissjoni tiddikjara li hija “ma tikkonkludix li dawn il-problemi vertikali jwasslu, minnhom innifishom, għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti għat-tagħmir PET u l-forom” (premessa 324).

45      Il-Kummissjoni tesponi mbagħad fid-dettall (premessi 325 sa 389) ir-raġunijiet li jwasslu għall-preokkupazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ l-isfruttar min-naħa ta’ l-entità l-ġdida tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tal-kartun “minħabba l-effett ta’ lieva” fuq is-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET, sabiex “tiddomina wkoll dan is-suq fir-rigward tal-prodotti finali ‘sensittivi’” (premessa 328). Fil-fehma tagħha, sabiex l-operazzjoni tkun inkompatibbli mas-suq komuni, huwa biżżejjed li Tetra/Sidel jkollhom din il-possibbiltà. B’hekk, il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni ma joħorġux mill-pożizzjoni okkupata fil-preżent minn Sidel fis-suq tal-magni SBM, imma mill-“pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-suq tal-kartun” (premessa 328, li tinsab enfasizzata fil-verżjoni oriġinali). Filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għar-rabta stretta bejn iż-żewġ swieq tat-tagħmir tal-produzzjoni ta’ l-ippakkjar fil-kartun u l-ippakkjar fil-PET, il-Kummissjoni tikkonstata li l-konċentrazzjoni “ser toħloq struttura fis-suq li hija estremament favorevoli sabiex jirriżultaw effetti antikompetittivi, minħabba l-fatt li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha simultanjament pożizzjoni dominanti u pożizzjoni ewlenija fuq is-swieq [rispettivi] imsemmija” (premessa 330).

46      L-analiżi tagħha “iddur fuq erba’ punti” (premessa 331). Fl-ewwel lok, is-swieq għas-sistemi ta’ ppakkjar fil-kartun u fil-PET “jappartjenu lil swieq ta’ prodotti viċini ħafna bi klijentela komuni”. Fit-tieni lok, fid-dawl tat-tkabbir futur fl-użu tal-PET fis-setturi l-ġodda tal-prodotti sensittivi, il-konċentrazzjoni ser tippermetti lill-entità l-ġdida tikseb pożizzjoni dominanti fuq is-suq tal-PET bl-isfruttar tal-pożizzjoni dominanti attwali fuq is-swieq tal-kartun li għandha Tetra. Fit-tielet lok, il-konċentrazzjoni ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fuq is-swieq tal-kartun. Fir-raba’ lok, meta dawn iż-żewġ pożizzjonijiet dominanti jingħaqdu, tikkonsolida ruħha l-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida fis-settur ta’ l-ippakkjar għall-prodotti sensittivi, u fuq kollox f’dak ta’ l-ippakkjar mhux settiku, u b’hekk jissaħħu ż-żewġ pożizzjonijiet dominanti.

47      Biex tiġġustifika l-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li l-operazzjoni nnotifikata għandha importanza strateġika għal Tetra, li Tetra għandha l-kapaċità u tkun imħajra teżerċita effett ta’ lieva, li l-kompetituri l-oħra ta’ l-entità l-ġdida ma jkunux f’pożizzjoni li jilħqu lill-imsemmija entità f’diversi aspetti, u fl-aħħar nett, li Tetra tista’ tiddiskrimina fil-prezzijiet.

48      Għal dak li jirrigwarda l-kapaċità u l-ħajra li tuża l-effett ta’ lieva, il-Kummissjoni tikkonkludi li “l-istruttura tas-suq li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun tiffavorixxi b’mod partikolari l-effetti ta’ lieva” (premessa 359):

“a)      Ikun hemm klijentela komuni li tkun teħtieġ kemm sistemi ta’ ppakkjar fil-kartun u fil-PET għall-imbottiljar ta’ likwidi ‘sensittivi’.

b)      Tetra għandha pożizzjoni dominanti partikolarment b’saħħitha fuq is-suq ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku, b’sehem ta’ iktar minn [80 sa 90 %] tas-suq u klijentela dipendenti fuqha.

c)      Tetra/Sidel jibdew b’pożizzjoni ewlenija b’saħħitha fis-suq tas-sistemi ta’ ppakkjar fil-PET, b’mod partikolari l-magni SBM, b’sehem mis-suq ta’ madwar [60 sa 70 %].

d)      Tetra/Sidel jkollha l-possibbiltà li timmira selettivament għall-klijenti jew gruppi ta’ klijenti speċifiċi, peress li l-istruttura tas-suq tippermetti li jkun hemm diskriminazzjoni permezz tal-prezzijiet.

e)      Tetra/Sidel tkun imħajra ħafna, fuq livell ekonomiku, biex tuża l-effetti ta’ lieva. Peress li l-kartun u l-PET huma sostituti ta’ xulxin fuq livell tekniku, meta klijent jgħaddi għall-PET, huwa jkun klijent mitluf għal tal-kartun, kemm peress li huwa jkun irrinunzja parzjalment għall-kartun, u kemm minħabba li ma jkunx qaleb għall-kartun f’parti mill-produzzjoni tiegħu li għaliha qabel kien jintuża materjal ieħor għall-ippakkjar. Dan iħajjar iktar lill-klijent biex jaqleb għall-PET, sabiex jikkompensa dan it-telf. Din hija r-raġuni għaliex, bil-fatt li hija tuża l-pożizzjoni li hija għandha fil-preżent fuq is-suq tal-kartun, Tetra/Sidel mhux biss issaħħaħ sehemha mis-suq tal-PET, imma tikkumbatti jew tikkumpensa t-telf potenzjali tagħha fis-suq tal-kartun.

f)      Il-kompetituri ta’ Tetra/Sidel kemm fuq is-suq tat-tagħmir tal-kartun kif ukoll fuq dak tat-tagħmir tal-PET jkunu impriżi ħafna iżgħar, fejn l-ikbar kompetitur m’għandux iktar minn [10 sa 20 %] tas-suq tal-magni ta’ l-ippakkjar fil-kartun jew tal-magni SBM”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

49      Il-modi kif jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva jkunu bbażati fuq il-pożizzjoni dominanti attwali ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku (premessa 364):

“Bl-użu b’diversi modi [ta’ din il-pożizzjoni] Tetra/Sidel jkollha l-possibbiltà li torbot il-bejgħ tat-tagħmir u l-prodotti konsumibbli għall-ippakkjar fil-kartun mal-bejgħ tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET u eventwalment ukoll tal-forom (b’mod partikolari l-forom ittrattati bit-teknoloġija ‘barriera’). Tetra/Sidel tkun tista’ tuża wkoll pressjoni jew miżuri biex tħajjar (bħalma huma l-prezzijiet predatorji, jew kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet jew skontijiet marbutin mal-fedeltà) lill-klijenti tal-kartun tagħha jixtru tagħmir tal-PET u, eventwalment, forom mingħand Tetra/Sidel u mhux mingħand il-kompetituri tagħha jew mingħand il-konvertituri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

50      Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li “diversi klijenti li jibqa’ jkollhom bżonn ta’ pakketti tal-kartun għall-parti mill-produzzjoni tagħhom jistgħu jiġu marbuta jew imħajra jixtru kemm it-tagħmir tal-kartun u t-tagħmir tal-PET tagħhom mingħand fornitur wieħed”, u li l-“klijenti li jkollhom kuntratti twal ma’ Tetra għall-bżonnijiet tagħhom ta’ pakketti tal-kartun ikunu partikolarment vulnerabbli” (premessa 365) għal din il-pressjoni.

51      Minħabba li jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva, il-kompetituri ta’ Tetra/Sidel ikunu jistgħu jiġu esklużi mis-suq tal-magni SBM għall-prodotti sensittivi għar-raġunijiet segwenti (premessa 369):

“a) huwa rrilevanti li l-kompetituri jistgħu jkomplu jbiegħu fis-setturi fejn m’hemmx bejgħ marbut (per eżempju l-ilma jew ix-xorb bil-gass mhux alkoħoliku), minħabba l-kapaċità li jiddiskriminaw bil-prezzijiet u li jimmiraw gruppi ta’ klijenti speċifiċi, ħaġa li twassal għat-tqassim tas-swieq in kwistjoni skond it-tip ta’ użu tal-prodotti; b) is-setturi ta’ prodotti ‘sensittivi’ jinkludu likwidi kumplessi ħafna, li jeħtieġu proċessi tal-PET speċjali ħafna, li b’mod partikolari jużaw it-teknoloġiji għat-trattament ‘barriera’ u l-mili mhux settiku tal-magni, jew ukoll magni SBM mhux settiċi [li jgħaqqdu l-operazzjonijiet ta’ infiħ, mili u għeluq]. Il-kompetituri ma jkollhomx inċentiv biżżejjed biex jinvestu u jikkompetu f’dawn is-setturi ta’ teknoloġija għolja tat-tagħmir tal-PET […] [u] jkunu b’hekk emarġinati minn dawk li jissejħu s-swieq tal-PET tal-‘era l-ġdida’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

52      Barra minn hekk, huma jistgħu jiġu wkoll emarġinati “mill-bqija tas-suq tal-magni SBM” (premessa 370).

53      Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ir-riżultat ikun iktar probabbli minħabba d-dgħjufija tal-pożizzjoni tal-kompetituri ta’ l-entità l-ġdida u n-nuqqas ta’ setgħa ta’ xiri fost il-klijenti tagħha. B’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni ta’ l-imsemmija kompetituri, li hija punt “kardinali” għall-Kummissjoni, l-istess Kummissjoni tikkonstata li, għalkemm it-tliet kompetituri ta’ Sidel fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja jistgħu jilħqu l-offerti ta’ Sidel, xorta jibqa’ l-fatt li “dawn il-kompetituri ma jkollhomx il-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità l-ġdida fis-suq ta’ l-ippakkjar fil-kartun” (premessa 372). Hija tippreċiża:

“Il-grupp SIG, li huwa l-uniku fost it-tliet kompetituri li jkun attiv kemm fis-suq tal-kartun kif ukoll f’dak tal-PET, ma jkollux iktar minn [10 sa 20 %] tas-suq tal-magni ta’ l-ippakkjar tal-kartun u tal-magni SBM. SIG m’għandux il-firxa sħiħa tat-tagħmir tal-PET li jkollha l-entità l-ġdida u lanqas ma għandu t-teknoloġija għat-trattament ‘barriera’, li huwa element essenzjali għall-kwalunkwe dħul fis-setturi l-ġodda tal-prodotti tal-PET. Ebda fornitur ieħor tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar ma jkun f’pożizzjoni li jbiegħ kemm it-tagħmir tal-kartun u kif ukoll it-tagħmir tal-PET.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Minn dan hija tikkonkludi “li bl-għaqda tal-kumpannija dominanti tas-suq ta’ l-ippakkjar tal-kartun Tetra, mal-kumpannija ewlenija fis-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-PET, Sidel, il-pjan tal-konċentrazzjoni jkun jinvolvi l-ħolqien ta’ struttura tas-suq li tagħti lill-entità l-ġdida l-motivazzjoni u l-għodda meħtieġa biex tittrasforma l-pożizzjoni ewlenija li hija jkollha fis-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar tal-PET, b’mod partikolari dak tal-magni SBM (b’kapaċità baxxa u għolja) użati għall-prodotti ‘sensittivi’, f’pożizzjoni dominanti”, li jkollha “effetti antikompetittivi fuq is-suq kollu tal-magni SBM” (premessa 389).

55      Għal dak li jirrigwarda l-allegati effetti fuq is-swieq tal-kartun, il-Kummissjoni ssostni li l-konċentrazzjoni “twassal għall-ħolqien ta’ struttura tas-suq li tippermetti lil Tetra ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti attwali tagħha fuq is-suq ta’ l-ippakkjar fil-kartun billi telimina sors ta’ pressjoni ta’ kompetizzjoni importanti”, ħaġa li jkollha “konsegwenzi negattivi serji fuq is-settur ta’ l-ippakkjar fil-kartun” (premessi 390 u 391). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-ħtieġa li hija b’mod partikolari tkun attenta fir-rigward tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti li diġà hija estremament qawwija, bħal f’dan il-każ.

56      Skond il-Kummissjoni, mingħajr il-konċentrazzjoni, il-kumpanniji li joperaw fis-settur tal-PET, b’mod partikolari Sidel u l-konvertituri, ifittxu strateġiji kummerċjali intiżi li jżidu l-użu tal-PET għad-dannu tal-kartun. Hija ssostni li huwa rrilevanti l-argument ta’ Tetra fejn tgħid li Sidel mhijiex kapaċi li tinfluwenza ħlief il-prezz tal-magni SBM, li jirrappreżenta biċċa żgħira wisq mill-ispiża totali ta’ l-ippakkjar, minħabba li hija l-possibbiltà li għandha Tetra li tinfluwenza l-prezzijiet kemm tal-magni tal-kartun kif ukoll tal-prodotti tal-kartun li hija importanti.

57      Fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni, “il-kumpanniji [attivi fil-]PET probabbilment jeżerċitaw kompetizzjoni ħajja, sabiex jiksbu sehem mis-suq tal-kartun” (premessa 398). Wieħed jista’ jistenna li “Tetra tiddefendi bil-qawwa l-pożizzjoni tagħha, billi tipprova ttejjeb is-soluzzjonijiet li hija toffri għall-ippakkjar fil-kartun, bl-innovazzjoni, bit-titjib fit-teknoloġiji, b’forom ġodda u tipi ta’ għeluq ġdid għall-pakketti tal-kartun, u f’ċerti każijiet, tnaqqis fil-prezzijiet tal-kartun”, kif għamlet, fil-passat, meta pproduċiet “pakketti ġodda tal-kartun li huma iktar faċli biex tużahom, bħalma huma l-pakketti tal-kartun ‘gable top’ bit-tap bil-kamin” (premessa 398). Il-konċentrazzjoni mhux biss telimina l-bżonn li Tetra teżerċita din il-kompetizzjoni b’daqstant qawwa imma tippermettilha wkoll “li tikkontrolla, b’mod sinjifikattiv, l-użu tal-kartun flok il-PET” (premessa 399). B’hekk, hija tkun tista’ minn naħa, iżżomm “il-prezzijiet tagħha tal-pakketti tal-kartun fil-livell għoli preżenti tagħhom għall-klijenti, jew għall-parti mill-produzzjoni ta’ ċerti klijenti, li ma jkunux jistgħu jaqilbu totalment jew parzjalment għall-PET, minħabba l-preferenzi tal-konsumaturi, l-ispejjeż ta’ din it-talba u l-eżistenza ta’ kuntratti twal” filwaqt li żżomm, għall-klijenti li jkunu jixtiequ jaqilbu għall-PET, “il-possibbiltà li tinfluwenza l-għażla tagħhom tal-magni ta’ l-ippakkjar, per eżempju bil-fatt li tistabbilixxi l-mument tal-qalba jew li toffri soluzzjonijiet xierqa u tal-qies, ħaġa li tippermettilha li żżid sehemha mis-suq għat-tagħmir PET” (premessa 399). B’hekk, Tetra tkun tista’ taqbeż “il-vantaġġ kbir li għandu bħalissa l-kompetitur prinċipali tagħha, il-grupp SIG, li hija l-unika kumpannija oħra fid-dinja li tipproduċi u tbiegħ kemm it-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u kif ukoll it-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET” (premessa 400).

58      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li “[il-]fatt li l-entità l-ġdida [għandha] pożizzjoni dominanti fuq żewġ swieq viċini ħafna (it-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u l-PET) u preżenza importanti fuq it-tielet suq (HDPE) jippermettilha li jkollha preżenza partikolarment qawwija fis-setturi ta’ l-ippakkjar tal-prodotti finali kkonċernati ([PĦL], meraq, [XTF], xorb tat-te jew tal-kafè)” (premessa 404). Dan isaħħaħ ukoll il-pożizzjoni li hija diġà “qawwija ħafna” (premessa 407) ta’ Tetra fis-settur ta’ l-ippakkjar tal-prodotti sensittivi u jżid l-ostakoli għad-dħul tal-kompetituri ta’ Tetra/Sidel, ħaġa li tippermettilha li “temarġina [l-imsemmija] kompetituri u [… li] ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fuq is-swieq in kwistjoni tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun u t-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET, b’mod partikolari l-magni SBM użati għall-prodotti ‘sensittivi’” (premessa 408).

 Fuq l-impenji

59      Fir-rigward ta’ l-impenji li jissemmew fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, dawn qegħdin miġbura mill-Kummissjoni bħala li jinkludu (premessa 410): “a) it-trasferiment ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra fil-qasam tal-magni SBM; b) it-trasferiment ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra fil-qasam tal-forom PET; ċ) Sidel tinżamm bħala kumpannija distinta mill-kumpanniji Tetra Pak u jinżammu l-miżuri korrettivi diġà adottati skond l-Artikolu 82 tat-Trattat; d) l-għoti ta’ liċenza għall-magni SBM ta’ Sidel intiżi għall-klijenti li jippakkjaw prodotti ‘sensittivi’ u għall-konvertituri”. Il-Kummissjoni ssostni li “mhumiex biżzżejjed biex jiġu eliminati l-problemi prinċipali fil-kompetizzjoni identifikati fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET u l-ippakkjar fil-kartun” (premessa 424). Il-waqfien proposti ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra fil-qasam tal-magni SBM u f’dak tal-forom PET ikollhom biss “effett minimu fuq il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida”, peress li l-liċenza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ Sidel fil-qasam tal-magni SBM għall-prodotti sensittivi, mhux biss tkun insuffiċjenti biex telimina l-problemi msemmija, imma lanqas ma tkun tikkostitwixxi “soluzzjoni vijabbli” (premessa 424). L-imsemmija liċenza “tista’ fil-fatt tintroduċi mekkaniżmi kumplessi fis-suq, li jwasslu għall-regolazzjoni artifiċjali tagħha” (premessa 424). Fir-rigward taż-żewġ impenji ta’ aġir li jirrigwardaw is-separazzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ Sidel minn dawk ta’ Tetra u n-nuqqas ta’ ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, dawn “huma meqjusin bħala insuffiċjenti biex isolvu l-problemi li jirriżultaw mill-istruttura li jkollu s-suq wara l-konċentrazzjoni” (premessa 424).

60      Peress li huma “globalment insuffiċjenti biex isolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni li jiġu kkaġunati”, il-Kummissjoni ssostni li l-impenji “għaldaqstant, ma jistgħux ikunu l-bażi ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni” (premessa 451).

61      Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddisponi:

“Il-konċentrazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni minn Tetra Laval BV […] fit-18 ta’ Mejju 2000, li tippermettilha li tikseb il-kontroll esklużiv ta’ l-impriża Sidel SA, qed tiġi ddikjarata li hija inkompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Proċedura

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

63      Permezz ta’ att depożitat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ressqet ukoll talba għall-proċedura mħaffa, skond l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura. Fl-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ din it-talba, ippreżentati fil-5 ta’ Frar 2002, il-Kummissjoni sostniet li din kienet iġġustifikata.

64      Fis-6 ta’ Frar 2002, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li lilha ġiet assenjata l-kawża, iddeċidiet li taqta’ l-kawża skond il-proċedura mħaffa.

65      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fit-12 ta’ Marzu 2002.

66      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti ppreżentat rikors, li ġie rreġistrat bin-numru T-80/02, fejn talbet għall-annullament tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2002 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq) u talbet sabiex dan ir-rikors jingħaqad ma’ dak tal-Kawża T-80/02. Tetra talbet ukoll, permezz ta’ att separat li ġie ppreżentat fl-istess ġurnata, sabiex tiġi applikata l-proċedura mħaffa fil-Kawża T-80/02, ħaġa li l-Kummissjoni approvat fl-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba tat-3 ta’ April 2002. Din il-kawża ġiet assenjata wkoll lill-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

67      Skond il-miżuri ta’ organizzazzjoni ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 64(3)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet intalbu, fid-19 ta’ Marzu 2002, sabiex jipparteċipaw f’laqgħa informali fl-4 ta’ April 2002 quddiem l-Imħallef Relatur.

68      Waqt l-imsemmija laqgħa informali, ir-rikorrenti aċċettat li t-talba tagħha biex din il-kawża tingħaqad mal-Kawża T-80/02 tkun tista’ titqies bħala rtirata jekk il-proċeduri orali f’dawn iż-żewġ kawżi jkunu jistgħu jsiru konsekuttivament u jekk is-sentenzi, b’applikazzjoni tal-proċedura mħaffa, jingħataw fl-istess data. Il-partijiet ġew awtorizzati matul din il-laqgħa sabiex jippreżentaw noti ta’ trattazzjoni sa mhux iktar tard minn ġimgħa qabel il-proċeduri orali dwar dawn iż-żewġ kawżi.

69      Fit-18 ta’ April 2002, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba għall-proċedura mħaffa fil-Kawża T-80/02 u ffissat id-dati konsekuttivi tas-26 u tas-27 ta’ Ġunju 2002 għas-seduti fiż-żewġ kawżi.

70      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, waqt il-laqgħa tagħha li nżammet fl-10 ta’ Ġunju 2002, li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu, preferibbilment qabel is-seduta, fit-terminu stabbilit għall-preżentata tan-noti ta’ trattazzjoni jew, fin-nuqqas, matul is-seduta, għal serje ta’ domandi bil-miktub innotifikati permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem id-“domandi bil-miktub”). Il-Kummissjoni ġiet mitluba wkoll tipproduċi dokument partikolari.

71      Fid-19 ta’ Ġunju 2002, il-partijiet ippreżentaw fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza n-noti ta’ trattazzjoni tagħhom. In-nota tar-rikorrenti kien fiha talba sabiex ċerta informazzjoni misjuba f’ċerti dokumenti ppreżentati fil-proċess tal-kawża jingħataw trattament kunfidenzjali, li għalihom il-Kummissjoni, fin-nota tagħha stess, ma tikkontestax in-natura kunfidenzjali. Il-partijiet, fl-istess ġurnata, irrispondew għad-domandi bil-mitkub u l-Kummissjoni ppreżentat id-dokument mitlub.

72      Minħabba l-impediment ta’ wieħed mill-Imħallfin ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-24 ta’ Ġunju 2002, ħatar lill-Imħallef Pirrung, skond l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, biex jikkompleta l-kworum meħtieġ għall-ġudizzju u ddiferixxa ż-żewġ seduti għat-3 u 4 ta’ Lulju 2002.

73      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti kkompletat it-talba tagħha għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni misjuba fil-proċess tal-kawża.

74      Fl-istess ġurnata, hija talbet, permezz ta’ ittra separata, li dokument, li tiegħu l-Kummissjoni diġà kellha kopja, jiġi mdaħħal fil-proċess. Dan kien ir-“rapport de gestion du Conseil d’administration” ta’ Sidel għas-sena finanzjarja 2001 (iktar ’il quddiem ir-rapport ta’ ġestjoni ta’ Sidel”). Din it-talba ġiet aċċettata permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2002 ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

75      Fuq rapport addizzjonali ta’ l-Imħallef Relatur, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-laqgħa tagħha li nżammet fis-27 ta’ Ġunju 2002, li titlob lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi diversi dokumenti, b’mod partikolari l-istudji Canadean, PCI, Warrick u Pictet, u sabiex tirrispondi għal żewġ domandi addizzjonali bil-miktub (iktar ’il quddiem id-“domandi addizzjonali bil-miktub”).

76      Fl-1 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti tagħha għad-domandi addizzjonali bil-miktub u pproduċiet id-dokumenti mitluba. Dawn id-dokumenti, salv għar-risposti li ngħataw għall-investigazzjoni, li ġew meqjusa mill-Kummissjoni bħala kunfidenzjali, ġew imdaħħla kollha fil-proċess.

77      Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta li nżammet fit-3 u fl-4 ta’ Lulju 2002.

78      Waqt is-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ ċerti risposti li ngħataw għall-investigazzjoni. Ħames risposti minnhom li, wara verifika mill-Qorti tal-Prim’Istanza, irriżultaw jew li ma kienux risposti għad-domandi li saru (erba’ dokumenti), jew li waħda minnhom kienet b’mod ċar kompletament kunfidenzjali (dokument wieħed), ma ġewx mogħtija lir-rikorrenti. Il-verżjoni msemmija tar-risposti għall-investigazzjoni, li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, iddaħħlet fil-proċess u ngħatat kopja tagħha lir-rikorrenti. Fuq talba tar-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tagħtha ġimgħa żmien biex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq din il-verżjoni tar-risposti għall-investigazzjoni. Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, ir-rikorrenti rrinunzjat għal dan id-dritt, filwaqt li madankollu baqgħet issostni l-argument tagħha fuq il-mertu fir-rigward ta’ dawn id-dokumenti.

 It-talbiet tal-partijiet

79      Peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa, li ssemmew waqt il-laqgħa informali, għall-modifika tat-talbiet tagħha, ġew issodisfatti, ir-rikorrenti talbet sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż.

80      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

81      Ir-rikorrenti tressaq essenzjalment ħames motivi in sostenn tar-rikors tagħha. Waqt il-laqgħa informali tal-4 ta’ April 2002, ir-rikorrenti enfasizzat li, kif qalet fl-atti tagħha, hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata peress li tolqot il-konċentrazzjoni kif modifikata bl-impenji (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni modifikata”). F’dan ir-rigward, hija talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tikkonċentra l-eżami tagħha fuq is-sitwazzjoni riżultanti mill-impenji li hija pproponiet.

82      Bl-ewwel motiv tagħha, li huwa ta’ natura proċedurali, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma rrispettatx id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-proċess tal-kawża. Fil-mertu, hija ssostni li l-Kummissjoni, bil-fatt li rrifjutat li tawtorizza l-konċentrazzjoni modifikata, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 2(3) tar-Regolament. It-tliet motivi invokati in sostenn ta’ din l-allegazzjoni huma bbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ effetti sostanzjali antikompetittivi tal-konċentrazzjoni modifikata, kemm, fl-ewwel lok, nuqqas ta’ effetti orizzontali u vertikali, kemm, fit-tieni lok, nuqqas ta’ effetti ta’ konglomerat, u kif ukoll, fit-tielet lok, fuq l-evalwazzjoni allegatament insuffiċjenti ta’ l-impenji mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata.

I –  Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess

A –  L-argumenti tal-partijiet

83      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tagħthiex aċċess sħiħ għall-proċess peress li diversi dokumenti, li fuqhom ibbażat ruħha ħafna l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata biex tislet ċerta konklużjonijiet kontra Tetra, qatt ma ġew ikkomunikati lilha. Minn naħa, hemm ir-rapport tal-10 ta’ Settembru 2001 ta’ espert ekonomiku estern tal-Kummissjoni, il-professur Ivaldi (iktar ’il quddiem ir-“rapport Ivaldi”), dwar l-analiżi ekonometrika tal-marġni ta’ bejgħ li kellha Sidel (iktar ’il quddiem l-“analiżi ekonometrika”), li minnu ġiet ikkomunikata lilha taqsira ta’ paġna waħda biss, u min-naħa l-oħra, ir-risposti għall-investigazzjoni li għalihom hija rċeviet biss żewġ taqsiriet. Minkejja t-talba ta’ Tetra tad-19 ta’ Ottubru 2001 sabiex tikseb aċċess sħiħ għal dawn id-dokumenti, u mhux għal taqsiriet insuffiċjenti, l-uffiċjal tas-seduta, fil-25 ta’ Ottubru 2001, ikkonferma r-rifjut għall-aċċess li kienet iddeċidiet il-Kummissjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-imsemmi rifjut huwa inkompatibbli kemm mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli interni tal-proċedura li tipproċessa t-talbiet għall-aċċess għall-fajl fil-każijiet skond l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat KEFA u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 1997, C 23, p. 3, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl”) u kif ukoll mal-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 23 et seq., u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-30/91, Ġabra p. II-1775, punti 58 et seq.).

84      Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-importanza li din tat, fid-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari għall-premessi 346 et seq.) lill-analiżi ekonometrika, kellha tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq dokumenti oħra milli fuq ir-rapport Ivaldi biss, fil-forma tat-taqsira li għaliha hija kellha aċċess.

85      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti kellha aċċess għad-dokumenti fil-fajl li saret referenza għalihom u li fuqhom hija bbażat fid-deċiżjoni kkontestata. B’referenza għall-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 447/98 u għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1999, Endemol vs Il-Kummissjoni (T-221/95, Ġabra p. II-1299, punt 65), il-Kummissjoni tafferma li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl mhuwiex iġġustifikat ħlief jekk jippermetti lill-impriża kkonċernata tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-ġustifikazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni, u dan fid-dawl ta’ l-istess oġġezzjonijiet u tad-dokumenti li fuqhom straħet il-Kummissjoni. F’dan il-każ, Tetra kienet ingħatat l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

86      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna r-rapport Ivaldi, il-Kummissjoni tosserva li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma lmentatx fir-rigward ta’ l-aċċess għall-fajl f’dak li jikkonċerna l-analiżi ekonometrika u għaldaqstant, lanqas ma tista’ issa tilmenta li nkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-qosor ta’ l-analiżi li tinsab fir-rapport imsemmi jsib spjegazzjoni fil-fatt li din kienet risposta u korrezzjoni ta’ l-analiżi ppreżentata preċedentement minn Tetra. Tetra setgħet (kif għamlu l-esperti tagħha matul il-proċedura orali quddiem il-Kummissjoni tas-26 ta’ Settembru 2001) tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dan ir-rapport. Barra minn hekk, ir-rapport kien biss element addizzjonali ta’ l-istudju tas-suq li sar mill-Kummissjoni. B’hekk, anke jekk l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kienu fondati, li ma kienux, dan ma għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li r-rapport imsemmi ma effettwax il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

87      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-risposti għall-investigazzjoni, il-Kummissjoni tafferma li dawn kienu wkoll ta’ importanza sekondarja peress li hija bbażat ruħha essenzjalment fuq l-analiżi tagħha stess dwar l-insuffiċjenza ta’ l-impenji. Minn naħa, hija tinsab obbligata li tirrifjuta l-aċċess għal dawn ir-risposti minħabba motivi ta’ kunfidenzjalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C-310/93 P, Ġabra p. I-865, punt 26). Min-naħa l-oħra, anke jekk l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 447/98 jippermetti li xi parti, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni kellha, fi kwalunkwe każ, id-dritt li tipprepara t-taqsiriet oġġettivi u mhux kunfidenzjali u li tillimita l-aċċess tar-rikorrenti għal dawn it-taqsiriet, u dan kif ġie kkonfermat fis-sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni.

88      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddiskutiet dawn ir-risposti mar-rikorrenti waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Ottubru 2001, li matulha hija ngħatalha l-aċċess għat-taqsiriet. L-imsemmi aċċess kif ukoll l-analiżi u l-konferma mill-uffiċjal tas-seduta dwar l-oġġettività tat-taqsiriet in kwistjoni żguraw li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġew irrispettati b’mod sħiħ. Fi kwalunkwe każ, peress li r-riżultati ta’ l-investigazzjoni kkonfermaw sempliċiment l-analiżi inizjali tal-Kumissjoni, m’hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jikkonkludi li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti anke kieku ngħata l-aċċess li ntalab. Għaldaqstant, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1.     Osservazzjonijiet preliminari

89      Għandu jiġi kkonstatat, preliminarjament, li l-aċċess għall-fajl fil-każijiet tal-kompetizzjoni huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li jsiru jafu bl-elementi ta’ prova li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex huma jkunu jistgħu jagħtu l-fehma tagħhom b’mod utli, abbażi ta’ dawn l-elementi, fuq il-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom il-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punti 9 u 11; BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 75). Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li jirregolaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni huma intiżi li jiggarantixxu l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża u, fil-każ ta’ deċiżjoni dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li japplikaw għall-impriżi u li jimponu multi jew penalità, il-ksur ta’ dawn il-prinċipji ġenerali matul il-proċedura ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni jista’, fil-prinċipju, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni meta dan ikun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriża kkonċernata (sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 76 u 77).

90      Għandu jiġi mfakkar ukoll li, sabiex jinstab ksur tad-drittijiet tad-difiża, huwa biżżejjed li jiġi ppruvat li n-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti in kwistjoni seta’ jinfluwenza, b’dannu lir-rikorrenti, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T-36/91, Ġabra p. II-1847, punt 78; tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T-305/94 sa T-307/94, T-313/94 sa T-316/94, T-318/94, T-325/94, T-328/94, T-329/94 u T-335/94, Ġabra p. II-931, punt 1021, u Endemol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87).

91      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat diġà li dawn il-prinċipji huma intiżi li japplikaw għall-proċeduri previsti fir-Regolament, anke jekk l-applikazzjoni tagħhom tista’ raġjonevolment tkun effettwata mir-rekwiżit tal-ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament (sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

92      Għaldaqstant, f’dan il-każ, irid jiġi vverifikat jekk id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ġewx effettwati bil-kundizzjonijiet li fihom hija ngħatat l-aċċess għal ċerti dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni.

2.     Fuq l-ewwel parti tal-motiv li tirrigwarda r-rapport Ivaldi

93      Fl-ewwel lok, safejn l-argument tal-Kummissjoni dwar id-dewmien biex issemma’ l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa validu, dan l-argument ma jistax, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jintlaqa’. Fil-fatt, l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar ir-rwol apparentament limitat ħafna li kellu l-professur Ivaldi waqt is-seduta quddiem l-uffiċjal tas-seduta ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni u l-istess Kummissjoni lanqas ma rrispondiet għar-rapport ta’ l-ekonomisti prodott minn Tetra waqt din is-seduta. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, huwa raġjonevoli li wieħed jikkonkludi li r-rikorrenti ma evalwatx, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-importanza li l-Kummissjoni kienet qed tagħti lill-analiżi ekonometrika magħmula fir-rapport imsemmi.

94      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha aċċess suffiċjenti għar-rapport Ivaldi, ħaġa li ma ġietx ikkontestata serjament. Fil-fatt, għandha tiġi aċċettata l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni fejn tgħid li l-qosor ta’ dan ir-rapport joħroġ mill-fatt li dan kien risposta għall-analiżi magħmula mir-rikorrenti stess. Minn dan isegwi li hija biss l-eżistenza ta’ dokumenti oħra dwar l-analiżi ekonometrika li saret fid-deċiżjoni kkontestata u li għaliha Tetra ma kellhiex aċċess, li tista’ turi nuqqas ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

95      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-ineżistenza ta’ dokument li għalih ikun intalab l-aċċess hija preżunta meta ssir affermazzjoni f’dan is-sens mill-istituzzjoni kkonċernata. Din hija, madankollu, preżunzjoni sempliċi li r-rikorrenti tista’ taqleb b’kull mezz, permezz ta’ indizji rilevanti u konkordanti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni, T-123/99, Ġabra p. II-3269, punt 58, u tal-25 ta’ Ġunju 2002, British American Tobacco (Investments) vs Il-Kummissjoni, T-311/00, Ġabra p. II-2781, punt 35]. Għandu jiġi konkluż madankollu, f’dan il-każ, li r-rikorrenti ma rnexxilhiex taqleb din il-preżunzjoni.

96      Fil-fatt, in sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment id-dettalji ta’ l-analiżi ekonometrika li saret fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-każ, jirriżulta mill-fajl, b’mod partikolari mill-annessi tat-trattazzjoni tal-partijiet dwar l-eżattezza ta’ l-analiżijiet ekonometriċi opposti, li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata ħafna fuq l-informazzjoni li ngħatatilha mir-rikorrenti. L-unika informazzjoni oħra li ħadet in kunsiderazzjoni l-Kummissjoni fil-formulazzjoni tal-varjanti użati fl-analiżi tagħha, hija bbażata fuq il-kritika magħmula mill-professur Ivaldi fir-rapport tiegħu kontra l-varjanti użati fl-analiżi ta’ Tetra. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bit-titolu stess tar-rapport Ivaldi fejn jissemma’, fis-singular, “Note to the File/Internal” (“Nota għall-fajl/intern”).

97      Din il-konklużjoni mhijiex effettwata mill-argument tar-rikorrenti li huwa bbażat fuq il-komunikazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl. Fil-fatt, huwa ċar li li tiġi assistita, fil-forma ta’ parir, mogħti mill-professur Ivaldi ma jistax jikkostitwixxi “studju” li jrid ikun aċċessibbli skond ir-raba’ paragrafu tal-punt I B tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, in-natura adegwata ta’ l-analiżi magħmula fir-rapport in kwistjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-motiv li huwa bbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, bil-fatt li laqgħet li tiġi assistita mill-professur Ivaldi fl-istudju ta’ l-analiżi ekonometrika ppreżentata mir-rikorrenti, ma naqsitx mill-obbligi tagħha li hija imponiet fl-imsemmija komunikazzjoni.

3.     Fuq it-tieni parti tal-motiv li hija bbażata fuq ir-risposti għall-investigazzjoni

98      Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv dwar ir-risposti għall-investigazzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, f’dak li jikkonċerna r-risposti mogħtija minn terzi persuni għat-talbiet għall-informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, l-istess Kummissjoni hija obbligata li tieħu in kunsiderazzjoni r-riskju li impriża li tkun f’pożizzjoni dominanti fis-suq tadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni kontra l-kompetituri tagħha, il-fornituri jew il-klijenti li jkunu kkollaboraw fl-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni (sentenzi BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u Endemol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). Quddiem dan ir-riskju, it-terzi persuni li, matul l-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, jibgħatulha dokumenti li huma jqisu li jistgħu jwasslu għal-ritaljazzjoni kontrihom, għandhom dritt li jippretendu li t-talba tagħhom għall-kunfidenzjalità tiġi rrispettata.

99      Huwa possibbli, meta ċerti terzi persuni jkunu talbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata, li jkun meħtieġ li l-Kummissjoni ma tiżvelax l-identità ta’ terzi persuni oħra implikati fil-proċedura iżda li ma jkunux talbu l-kunfidenzjalità qabel ma jkunu rrispondew għad-domandi tal-Kummissjoni (sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

100    Ma jistax jiġi eskluż li dan ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità jiġġustifika wkoll il-preparazzjoni ta’ taqsiriet mhux kunfidenzjali tar-risposti kollha in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Endemol vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 u 72).

101    Fi kliem ieħor, il-fatt biss li l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 447/98 jimponi obbligu fuq kull terza persuna li titlob it-trattament kunfidenzjali li tidentifika b’mod ċar il-partijiet tar-risposta tagħha li hija tikkunsidra kunfidenzjali ma jimpedixxix lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 447/98 u skond l-iskop ta’ l-Artikolu 287 KE, li tevalwa ex officio jekk hemmx sigrieti tal-kummerċ ta’ xi terza persuna involuta fil-proċeduri, jew xi informazzjoni kunfidenzjali oħra, li jkun hemm riskju li tiġi żvelata fil-każ li jingħata aċċess sħiħ għar-risposti ta’ terzi persuni oħra li ma jkunux talbu tali trattament kunfidenzjali.

102    Madankollu, huwa l-obbligu tal-Kummissjoni, meta ssirilha talba ta’ aċċess għall-fajl minn parti notifikanti [jiġifieri parti “[k]konċernat[a]” fis-sens ta’ l-Artikolu 18(1) tar-Regolament] li tiġġustifika, ta’ l-inqas sa l-istadju tal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv skond l-artikolu msemmi, kull restrizzjoni fuq dan id-dritt ta’ aċċess, fejn kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-fajl għandha tkun interpretata b’mod restrittiv, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tipproponi li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni nnotifikata in kwistjoni.

103    Fir-rigward tar-risposti għall-investigazzjoni, għandu jiġi mfakkar li Tetra ma kellhiex aċċess ħlief għal żewġ taqsiriet mhux kunfidenzjali tar-risposti kollha għall-investigazzjoni ppreparati mill-Kummissjoni u mhux għar-risposti nnifishom, eventwalment fi verżjoni mhux kunfidenzjali (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li hija rċeviet talbiet għat-trattament kunfidenzjali min-naħa ta’ diversi awturi ta’ dawn ir-risposti, f’ċerti każijiet minħabba l-biża tagħhom li jkun hemm ritaljazzjoni kontrihom. Madankollu, wara l-verifika mill-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura, irriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx indikat lil 51 destinatarju tal-kwestjonarji ta’ l-investigazzjoni, ta’ l-inqas fil-paġna ta’ quddiem tal-faks tal-kwestjonarji msemmija, l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 447/98 li jidentifikaw b’mod ċar kull materja fir-risposti tagħhom li huma jikkunsidraw bħala kunfidenzjali. Minkejja dan in-nuqqas, sitt risposti għall-investigazzjoni, fuq total ta’ 30 risposta utli mill-34 risposta rċevuta, kien fihom talba espressa għat-trattament kunfidenzjali. Wieħed mill-awturi ta’ dawn ir-risposti pprovda lill-Kummissjoni verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposta tiegħu, u dan skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 447/98.

104    Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess tar-rikorrenti għar-risposti għall-investigazzjoni kif ukoll għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom u li tillimita dan l-aċċess għal żewġ taqsiriet mhux kunfidenzjali ta’ dawn ir-risposti hijiex ġustifikata.

105    Għandu jiġi rilevat li r-rekwiżit tal-ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali ta’ dan ir-Regolament ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika rifjut bħalma huwa dak li għandna f’dan il-każ. Għalkemm il-Kummissjoni ma kellhiex il-ħin meħtieġ biex titlob lill-awturi tar-risposti għall-investigazzjoni jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn ir-risposti, skond l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 447/98, hija kienet madankollu obbligata tindika lir-rikorrenti kif in-natura u l-portata tal-biża minn ritaljazzjoni jew effetti oħra negattivi jew li mhumiex espressi mill-awturi tar-risposti għall-investigazzjoni li kienu talbu sempliċiment li jkun hemm trattament kunfidenzjali mingħajr ma jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti tagħhom kienu biżżejjed biex jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ l-aċċess għal dawn ir-risposti inkluż fi verżjoni mhux kunfidenzjali. Għalkemm it-termini qosra ħafna fit-tieni fażi ta’ proċediment dwar konċentrazzjoni jistgħu, minħabba raġunijiet prattiċi, speċjalment meta jkunu saru diversi talbiet għat-trattament kunfidenzjali, jiġġustifikaw il-fatt li jiġu ppreparati taqsiriet mhux kunfidenzjali, il-Kummissjoni tibqa’ obbligata tiġġustifika r-rifjut globali milli tagħti l-aċċess għar-risposti għall-investigazzjoni tas-suq magħmula fir-rigward ta’ l-impenji proposti minn persuna interessata. Dan l-obbligu japplika a fortiori għar-risposti ppreżentati lilha mingħajr ma tkun saret talba, ta’ l-inqas formali, għat-trattament kunfidenzjali.

106    F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-risposta ta’ l-uffiċjal tas-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2001 għat-talba għall-aċċess għall-fajl imressqa mir-rikorrenti fid-19 ta’ Ottubru 2001 li l-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fuq l-aċċess għall-fajl f’dan il-każ tirrifletti l-pożizzjoni ġenerali tagħha. Il-Kummissjoni sostniet li l-provvista ta’ taqsiriet tar-risposti għall-investigazzjoni, li n-natura preċiża u ddettaljata tagħhom ġiet ikkonfermata mill-uffiċjal tas-seduta, kienet tikkostitwixxi aċċess għall-fajl adegwat sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża ta’ Tetra.

107    Għandu jiġu kkonstatat, fl-ewwel lok, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li ċerti awturi tar-risposti għall-investigazzjoni esprimew il-biża’ tagħhom fir-rigward ta’ ritaljazzjoni possibbli min-naħa tar-rikorrenti fil-każ li ma tiġix irrispettata l-kunfidenzjalità tar-risposta tagħhom, li dawn ir-risposti kienu jeħtieġu trattament kunfidenzjali.

108    Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet hija stess tikkonstata li l-aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ mill-inqas 30 mir-risposti għall-investigazzjoni, li l-preparazzjoni tagħhom, bit-tneħħija ta’ l-informazzjoni kunfidenzjali, kienet assolutament possibbli, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk l-aċċess mogħti biss għat-taqsiriet kisirx effettivament, f’dan il-każ, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

109    Għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fejn tgħid li hija rreferiet għar-risposti għall-investigazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex issostni biss konklużjoni li għaliha hija kienet diġà waslet fir-rigward ta’ l-impenji minħabba motivi oħra indipendenti, hija kkorroborata sa ċertu punt mid-diċitura tad-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari mill-premessi tagħha 424 u 425). Huwa minnu madankollu li ta’ l-inqas konklużjoni negattiva waħda fil-konfront ta’ l-impenji tar-rikorrenti hija ppreżentata bħala li hija “kkonfermata mill-analiżi tas-suq” (premessa 428).

110    Għandu jiġi nnutat li, f’memorandum tat-18 ta’ Ottubru 2001 u f’ilment formali mressaq minn Tetra fid-19 ta’ Ottubru 2001 quddiem l-uffiċjal tas-seduta, Tetra rrappurtat ċerti insuffiċjenzi u impreċiżjonijiet fil-kwestjonarji dwar l-investigazzjoni li għalihom hija kellha aċċess, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-diskussjoni ta’ l-impenn propost minn Tetra dwar il-liċenza għall-magni SBM ta’ Sidel. Fir-risposta tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2001, l-uffiċjal tas-seduta żvela li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni saret b’mod oġġettiv u li l-kwestjonarji ma kienux qarrieqa. Huwa indika wkoll li, peress li t-test mhux kunfidenzjali ta’ l-impenji kien ġie mehmuż mal-kwestjonarji, il-Kummissjoni ġustament setgħet tippretendi li d-destinatarji ta’ dawn il-kwestjonarji jaqraw it-test imsemmi.

111    L-ewwel nett, għandu jingħad li l-ilment u l-memorandum, it-tnejn li huma ġew mehmuża u ċċitati f’nota ta’ qiegħ il-paġna fir-rikors. Minn dan isegwi li l-oġġezzjoni mressqa mill-Kummissjoni waqt is-seduta fir-rigward tan-natura l-ġdida, u għaldaqstant, fil-fehma tagħha, inammissibbli, ta’ l-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ l-allegata impreċiżjoni tal-ħames domanda tal-kwestjonarju mibgħut lill-klijenti mhijiex iġġustifikata.

112    Madankollu ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti fejn din issostni li l-kwestjonarji, bil-fatt li jitolbu lid-destinatarji jesprimu ruħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk l-impenji “jnaqqsux b’mod sinjifikattiv” il-pożizzjoni tar-rikorrenti fl-ippakkjar fil-kartun u “jeliminawx effettivament” il-pożizzjoni b’saħħitha ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq is-suq ta’ l-ippakkjar ta’ l-alimenti likwidi sensittivi, setgħu wasslu lid-destinatarji tal-kwestjonarji biex jiżbaljaw fir-rigward tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, anke jekk ċerti destinatarji setgħu jifformulaw ir-risposti tagħhom billi jibbażaw ruħhom fuq kriterji differenti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament, l-aċċess għar-risposti in kwistjoni ma kienx meħtieġ sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tfakkar lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva dwar is-sinjifikat ta’ dawn il-kriterji.

113    Dan huwa kkonfermat bil-fatt li Tetra kellha effettivament aċċess mill-ewwel għall-kwestjonarji mibgħuta lill-klijenti u lill-konvertituri, u dan hekk kif hija ammettiet fil-memorandum tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2001. Għalkemm il-Kummissjoni kienet obbligata tagħtiha aċċess ukoll għall-kwestjonarju mibgħut lill-kompetituri tagħha, ir-rikorrenti, madankollu, ammettiet waqt is-seduta li hija kellha aċċess għalih b’mezzi oħra iktar tard. Fi kwalunkwe każ, bħalma Tetra ammettiet ukoll waqt is-seduta, l-allegazzjonijiet tagħha ma jikkonċernawx, fir-realtà, dan l-aħħar kwestjonarju. Għaldaqstant, jidher ċar li minħabba l-aċċess li hija kellha għall-kwestjonarji u minħabba t-taqsiriet tar-risposti għall-investigazzjoni ppreparati mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li fl-ilment tagħha hija tfakkar lill-uffiċjal tas-seduta dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tapplika biss il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament.

114    Fir-rigward tan-natura allegatament qarrieqa ta’ l-impenji li pproponiet Tetra dwar il-liċenza, fil-kwestjonarji mibgħuta lill-klijenti u lill-konvertituri, jirriżulta minn sempliċi qari ta’ dawn il-kwestjonarji li destinatarju li jkun attent b’mod normali, ma setax jiġi mqarraq. Għalkemm id-domandi magħmula kien fihom ċerti dettalji dwar il-liċenza li, l-iktar l-iktar, setgħu potenzjalment jqarrqu lid-destinatarju li ma jieħux ħsieb jistudjahom sew fid-dawl tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ l-impenji li ġew mehmuża fl-anness, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet intitolata tippreżumi li dak l-istudju fil-fatt ikun sar. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma werietx li, safejn id-destinatarju seta’ sab dawn id-dettalji ambigwi, is-sempliċi verifika ma’ l-impenn dwar il-liċenza ma kinitx tkun suffiċjenti biex tiċċara l-portata preċiża ta’ dan l-impenn.

115    Fi kwalunkwe każ, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-risposti għall-investigazzjoni pprovduti mill-klijenti u mill-konvertituri ma jirriżultax li huma ġew imqarrqa jew imwassla biex jitħawdu fir-risposti tagħhom. Barra minn hekk, ma jirriżultax mit-taqsiriet tar-risposti pprovduti mill-Kummissjoni lil Tetra, hekk kif studjati fid-dawl ta’ l-imsemmija verżjoni tar-risposti, li l-informazzjoni jew dettalji li setgħu jkunu utli għar-rikorrenti sabiex turi l-eżistenza ta’ din il-konfużjoni min-naħa tad-destinatarji tal-kwestjonarji, kienu nieqsa. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bid-deċiżjoni ta’ Tetra li tastjeni milli tippreżenta kummenti addizzjonali bil-miktub fuq il-verżjoni msemmija tar-risposti waqt din il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

116    Fl-aħħar nett, lanqas ma jirriżulta mit-taqsiriet tar-risposti għall-investigazzjoni, li dawn jirrappurtaw b’mod mhux fidil l-unika risposta li n-natura interament kunfidenzjali tagħha ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Prim’Istanza wara li din ġiet analizzata minnha (ara l-punt 78 iktar ’il fuq).

117    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tagħtix lil Tetra ħlief aċċess għat-taqsiriet mhux kunfidenzjali tar-risposti għall-investigazzjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża ta’ l-istess Tetra.

4.     Konklużjoni

118    Minn dan kollu jirriżulta li l-motiv li huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl għandu jiġi miċħud.

II –  Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament

A –  Osservazzjonijiet preliminari

119    Għandu jiġi mfakkar l-ewwel nett, li r-regoli sostantivi tar-Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu diskrezzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentament, l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ l-eżistenza ta’ diskrezzjoni bħal din, li hija neċessarja għad-definizzjoni tar-regoli f’dak li jirrigwarda konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġinu ta’ diskrezzjoni li fuqu huma bbażati r-regoli ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ konċentrazzjonijiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1998, France et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Kali & Salz”, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punti 223 u 224; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T-102/96, Ġabra p. II-753, punti 164 u 165, u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T-342/99, Ġabra p. II-2585, punt 64).

120    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, għandhom jiġu ddikjarati bħala li mhumiex kompatibbli mas-suq komuni l-konċentrazzjonijiet li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu. Fil-każ oppost, il-Kummissjoni hija obbligata tiddikjara bħala li hija kompatibbli mas-suq komuni kull konċentrazzjoni nnotifikata li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, meta ma jkunux issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fid-dispożizzjoni msemmija (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Mejju 1994, Air France vs Il-Kummissjoni, T-2/93, Ġabra p. II-323, punt 79; ara wkoll, f’dan is-sens is-sentenza Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 170, u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 82). Fin-nuqqas ta’ ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, il-konċentrazzjoni għandha, għalhekk, tiġi awtorizzata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti tagħha fuq il-kompetizzjoni effettiva (sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

121    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni tat-tieni sar-raba’ motiv invokati mir-rikorrenti.

B –  Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq l-assenza ta’ effetti antikompetittivi orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni modifikata

1.     Osservazzjonijiet preliminari

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-impenji li hija pproponiet eliminaw l-effetti kollha “orizzontali” u “vertikali” negattivi li potenzjalment setgħu jirriżultaw mill-konċentrazzjoni nnotifikata kif identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, inkwantu l-Kummissjoni tressaq ċerta oġġezzjonijiet kontra l-konċentrazzjoni li huma bbażati fuq dawn l-effetti (premessi 263 sa 324), Tetra ssostni li, fid-dawl ta’ l-impenji proposti minnha, l-imsemmija oġġezzjonijiet tilfu kull bażi.

123    Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha oġġezzjonijiet ta’ natura orizzontali jew vertikali. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma ssemmix il-ħolqien jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti minħabba l-effetti orizzontali jew vertikali tal-konċentrazzjoni meħuda b’mod iżolat. Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li l-konċentrazzjoni modifikata ser ikollha effetti sostanzjali ta’ din in-natura li hija ma tistax tinjora. Hija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ħadet in kunsiderazzjoni b’mod korrett tal-bqija ta’ l-effetti orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni, jiġifieri dawk li eżistew wara l-impenji, fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti tagħha ta’ konglomerat.

124    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, għalkemm il-Kummissjoni ma tibbażax id-deċiżjoni kkontestata fuq dawn l-effetti orizzontali u vertikali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija ħadithom in kunsiderazzjoni sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha fejn tgħid li l-konċentrazzjoni modifikata għandha tiġi pprojbita. B’hekk, il-Kummissjoni tafferma fid-deċiżjoni kkontestata li t-“tisħiħ u l-ħolqien tal-pożizzjonijiet dominanti” fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET, b’mod partikolari l-magni SBM b’kapaċità għolja u baxxa, u f’dak tas-sistemi ta’ l-ippakkjar fil-kartun “jirriżultaw minn diversi fatturi”, inkluż l-“effetti orizzontali u vertikali” (premessa 262). Barra minn hekk, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, u prinċipalment mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-aġent tagħha waqt is-seduta, li huma b’mod partikolari l-preokkupazzjonijiet tagħha dwar is-swieq tat-tagħmir tal-PET li huma bbażati fuq dawn l-effetti. Għandu jiġi eżaminat, għaldaqstant, il-motiv separat imressaq mir-rikorrenti fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq dawn is-swieq imsemmija, minħabba l-effetti msemmija.

2.     Fuq l-effetti orizzontali

a)     L-argumenti tal-partijiet

125    Ir-rikorrenti tosserva l-ewwel nett li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li hemm sovrapożizzjoni bejn l-effetti orizzontali bejn tliet swieq meqjusin kull wieħed għalih, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-magni SBM b’kapaċità baxxa, il-magni għall-mili tal-PET mhux settiku u t-teknoloġiji ta’ trattament barriera, il-Kummissjoni ma tipprevedix la l-ħolqien u lanqas it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fuq l-ebda wieħed minn dawn is-swieq. L-ikbar problema identifikata mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-effetti orizzontali tikkonċerna s-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa, imma d-deċiżjoni ta’ Tetra li tinfired minn Dynaplast, jiġifieri mill-attività tagħha stess fil-qasam tal-magni SBM, telimina din il-problema. Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li l-impenn tagħha li tagħti liċenza għall-magni SBM ta’ Sidel inaqqas iktar il-pożizzjoni li kellha Sidel qabel fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa.

126    Il-Kummissjoni, filwaqt li ammettiet li l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni modifikata ma jwasslux, minnhom innifishom, jiġifieri indipendentement mill-effetti l-oħra tal-konċentrazzjoni, għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, issostni li dawn isaħħu b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida fis-suq tal-PET u ma jiġux eliminati bl-impenji. Iktar minn hekk, l-impenji proposti ma jindirizzawx il-problema tat-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun li jirriżultaw, skond il-Kummissjoni, mill-eliminazzjoni ta’ Sidel bħala kompetitur potenzjali fis-suq globali tas-sistemi ta’ ppakkjar għall-prodotti sensittivi. Il-Kummissjoni tenfasizza li t-trasferiment ta’ Dynaplast ma tgaħmilx ħlief telimina sovrapożizzjoni orizzontali ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra u ta’ Sidel f’dak li jikkonċerna l-magni SBM b’kapaċità baxxa, waqt li l-impenji ma jkollhom ebda effett fuq il-pożizzjoni predominanti ta’ Sidel fir-rigward tal-magni SBM b’kapaċità għolja. Kemm fid-difiża tagħha kif ukoll fir-risposta tgaħha għad-domandi bil-miktub, il-Kummissjoni tenfasizza wkoll it-tisħiħ li ġġib il-konċentrazzjoni fil-pożizzjoni globali ta’ l-entità l-ġdida għal dak li jikkonċerna t-tagħmir PET, bħalma huma l-magni tal-mili tal-PET mhux settiku, it-teknoloġiji għat-trattament barriera u s-sistemi ta’ għeluq tal-fliexken tal-PET.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

127    Il-problemi tal-kompetizzjoni orizzontali, kif identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, huma tlieta u, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma jikkonċernawx ħlief lis-suq tal-PET. Dawn huma l-allegati effetti negattivi tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq is-swieq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa, tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku, u tat-teknoloġiji għat-trattament barriera. Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, minkejja l-impenji, jibqgħux jeżistu l-effetti orizzontali negattivi li jistgħu jikkorroboraw it-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni fuq is-suq tal-PET min-naħa ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni permezz ta’ l-użu, bħala lieva, tal-pożizzjoni dominanti attwali tagħha fis-swieq tal-kartun.

128    Fir-rigward tal-magni SBM b’kapaċità baxxa, l-impenn tar-rikorrenti li tinfired minn Dynaplast għandu bħala effett li l-konċentrazzjoni bl-ebda mod ma ssaħħaħ il-parti minn dan is-suq li għandha Sidel fil-preżent. Għaldaqstant, huwa eskluż li l-pożizzjoni ta’ Sidel tiġi msaħħa fuq dan is-suq u, a fortiori, li l-konċentrazzjoni tista’ tfixkel “sew” il-kompetizzjoni fuq din il-parti tas-suq tal-magni SBM. L-eliminazzjoni ta’ sovrapożizzjoni orizzontali ta’ l-attivitajiet ta’ dik il-parti tal-konċentrazzjoni nnotifikata li tirrigwarda l-magni, permezz ta’ l-impenji, hija rikonoxxuta wkoll fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 427). Anke jekk l-informazzjoni miksuba mir-risposti għall-investigazzjoni, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fid-difiża tagħha fuq dan il-punt, għandha ċerta valur probatorju, il-Kummissjoni ma tistax, minn naħa, tistrieħ fuq il-kontribuzzjoni ta’ Dynaplast għall-pożizzjoni ta’ Sidel fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa, jiġifieri kważi [20 sa 30 %] f’termini ta’ sehem mis-suq (premessa 266), u min-naħa l-oħra, tinvoka quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza n-nuqqas ta’ importanza u ta’ vijabbiltà ta’ dawn il-magni, imsemmi f’ċerti risposti. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li Tetra, ma setgħetx, imbagħad, issib xerrej li jixtri lil Dynaplast, kif hija kkonfermat fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub u waqt is-seduta, lanqas ma jista’ jiġġustifika l-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni, peress li dan jikkonferma biss il-pożizzjoni ftit vijabbli u, minkejja s-sehem kbir mis-suq, relattivament dgħajfa ta’ Tetra fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa qabel il-konċentrazzjoni.

129    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-konċentrazzjoni modifikata ma toħloq ebda sovrapożizzjoni orizzontali ta’ l-attivitajiet tal-kontraenti f’din il-konċentrazzjoni fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata, ta’ l-inqas għall-iskop li tiġi ġġustifikata l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, bir-referenza li għamlet il-Kummissjoni, għall-ewwel darba fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub, għall-allegata teknoloġija ġdida, magħrufa “TetraFast”, li ġiet żviluppata minn Tetra għall-magni SBM b’kapaċità baxxa.

130    F’dak li jirrigwarda lis-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha teskludi l-eżistenza ta’ effetti orizzontali sinjifikattivi u negattivi fuq il-kompetizzjoni. L-ewwel nett, il-konċentrazzjoni modifikata ssaħħaħ biss bi ftit is-sehem ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni fuq dan is-suq (jiġifieri [0 sa 10 %] tal-magni ta’ dan it-tip installati fiż-ŻEE fl-2000) jekk dan is-sehem jiġi kkalkulat fid-dawl tal-pożizzjoni attwali ta’ Sidel li titla’ sa [10 sa 20 %] tas-suq imsemmi (premessa 288). It-tieni nett, jeżistu diġà kompetituri kbar fuq dan is-suq, inklużi kompetituri ġodda li diġà kisbu parti sostanzjali mill-bejgħ f’dan is-suq (jiġifieri [40 sa 50 %]), kif jinsab rikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 251). Fl-aħħar nett, l-enfasi li saret mill-Kummissjoni, fir-risposti tagħha bil-miktub u waqt is-seduta, fuq il-potenzjal kummerċjali tal-magni tat-tip LFA-20, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata (premessa 82, nota ta’ qiegħ il-paġna 32, u l-premessa 202), li huma kapaċi li jimlew f’kundizzjoni mhux settiċi kemm il-fliexken tal-PET kif ukoll dawk tal-HDPE, ma jistax jikkorrobora t-teżi tagħha. Il-magni msemmija għadhom sallum, ta’ l-inqas skond Tetra, li ma ġietx ikkontestata fuq dan il-punt mill-Kummissjoni waqt is-seduta, fil-fażi ta’ ttestjar għandha u għand it-tliet kompetituri tagħha li qegħdin jiżviluppawhom huma wkoll.

131    Għal dak li jikkonċerna s-suq tat-teknoloġiji għat-trattament barriera, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-effetti tal-konċentrazzjoni nnotifikata, għalkemm itejbu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni, fuq dan is-suq, ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, ma jwasslux għall-“ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti” (premessa 282). Il-Kummissjoni bilkemm setgħet tikkonkludi diversament, peress li l-għaqda ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra ma’ dawk ta’ Sidel f’dan il-qasam jagħtu biss sehem mis-suq ta’ [10 sa 20 %] lill-entità l-ġdida, u dan, kif tikkonferma l-Kummissjoni fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-effetti, ta’ l-inqas potenzjali, ta’ l-abbandun min-naħa ta’ Tetra tal-liċenza tagħha fuq it-teknoloġija Sealica. Barra minn hekk, din l-istima tas-sehem minn dan is-suq hija kkontestata bil-qawwa mir-rikorrenti fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub. Ir-rikorrenti sostniet b’mod konvinċenti li, fid-dawl ta’ l-istat bikri tat-teknoloġiji in kwistjoni, l-ishma mis-suq ikkalkulati b’referenza għall-prodotti eżistenti llum mhumiex daqshekk affidabbli. Barra minn hekk, waqt is-seduta, Tetra semmiet il-problemi li fil-preżent qegħdin iqumu bl-iżvilupp tal-plażma barriers bħalma hija t-teknoloġija Actis ta’ Sidel li tintuża għall-birra, affermazzjoni din li hija kkorroborata wkoll mir-rapport annwali ta’ Sidel. Hija insistiet ukoll fuq il-fatt li t-teknoloġija l-ġdida għat-trattament barriera, speċjalment għal ċerti prodotti sensittivi bħalma huwa l-PĦL, ma tużax il-PET iżda teħtieġ il-ħolqien ta’ reżin tal-plastik ġdid. Fid-dawl ta’ dak imsemmi iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ effetti orizzontali sinjifikattivi negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq tat-teknoloġiji għat-trattament barriera.

132    Minn dan isegwi li, jekk wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-impenji, l-effetti orizzontali negattivi tal-konċentrazzjoni li għalihom irreferiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma biss minimi, jekk mhux ineżistenti, fuq id-diversi swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET in kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, inkwantu tibbaża ruħha fuq l-effetti orizzontali tal-konċentrazzjoni modifikata sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-swieq imsemmija tal-PET favur l-entità l-ġdida permezz ta’ l-effett ta’ lieva, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

3.     Fuq l-effetti vertikali

a)     L-argumenti tal-partijiet

133    Ir-rikorrenti tosserva li l-ikbar biża’ tal-Kummissjoni toħroġ mill-allegata integrazzjoni vertikali ta’ l-entità l-ġdida fil-qasam tas-sistemi ta’ l-ippakkjar fil-kartun, PET u HDPE. Peress li Tetra/Sidel jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM, hemm ikollok, skond il-Kummissjoni, “kunflitt ta’ sistemi” (“channel conflict”) li jirriżulta mid-dipendenza parzjali tal-konvertituri fir-rigward ta’ Sidel. Dan il-kunflitt jippermetti lill-entità l-ġdida li temarġina lill-konvertituri billi toffri lill-klijenti ta’ l-istess konvertituri l-pakkett sħiħ ta’ magni SBM, forom u “impjanti mibnija u mgħoddiha lesti” (“turnkey installations”), jiġifieri soluzzjoni integrata tal-PET, u b’hekk teskludi lill-konvertituri ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-biżgħat tagħha jseħħu biss jekk Sidel issir dominanti fis-suq tal-magni SBM. Hija rrikonoxxiet ukoll, madankollu, li d-deċiżjoni kummerċjali ta’ Tetra li toħroġ mis-suq tal-forom telimina kull preokkupazzjoni li tqum minħabba l-konvertituri u li l-problemi vertikali mistennija ma jkunux biżżejjed minnhom innifishom, fi kwalnukwe każ, sabiex iwasslu għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti favur l-entità l-ġdida fis-swieq tat-tagħmir tal-PET jew tal-forom. Ir-rikorrenti tikkonkludi, għalhekk, li l-konċentrazzjoni modifikata m’għandhiex effetti antikompetittivi vertikali fuq is-suq ta’ l-ippakkjar fil-PET, ma ssaħħaħx l-integrazzjoni vertikali li kellha Tetra qabel fis-swieq tal-kartun u ma toħloqx, kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni, ebda pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni EBM li jipproduċu fliexken HDPE mhux settiċi bil-manku.

134    Il-Kummissjoni ssostni li l-integrazzjoni vertikali ta’ l-entità l-ġdida tista’ twassal sabiex jiġu esklużi l-konvertituri mis-suq. Għalkemm l-integrazzjoni vertikali tagħha ma tagħmilhiex dominanti fuq is-swieq tal-provvista ta’ forom jew ta’ tagħmir tal-PET, l-opportunità li din l-integrazzjoni tagħtiha biex temarġina lill-konvertituri tkun fattur importanti fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ konglomerat tal-konċentrazzjoni. L-impenji ma jeliminawx dawn l-effetti kollha, peress li l-entità l-ġdida tkun għad tista’ toffri soluzzjoni integrata tal-PET mingħajr ta’ tipprovdi l-forom, per eżempju permezz ta’ ftehim HTW. La t-trasferiment propost ta’ l-attivitajiet ta’ Tetra fil-qasam tal-forom, u lanqas l-għoti ta’ liċenza għat-teknoloġija ta’ Sidel ma jeliminaw id-dipendenza tal-konvertituri fuq l-entità l-ġdida. L-impenji msemmija jistgħu saħansitra jiżguraw ukoll li l-entità l-ġdida żżomm pożizzjoni qawwija fil-bejgħ tal-magni SBM lill-konvertituri, peress li lanqas ma jibqa’ ebda “kunflitt ta’ sistemi” li jista’ jinkoraġġixxi lill-istess konvertituri sabiex jiksbu magni SBM mingħand il-kompetituri ta’ Sidel.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

135    Qabel xejn, għandu jingħad li l-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni modifikata jikkonċernaw essenzjalment lil Tetra, u dan kif sostniet diversi drabi l-Kummissjoni waqt is-seduta. Dawn jirriżultaw mill-fatt li, b’kuntrast ma’ Sidel, Tetra hija impriża integrata ħafna b’mod vertikali f’dak li jikkonċerna s-swieq tal-kartun mhux settiku u li, konsegwentement, hija magħrufa li toffri lill-klijenti tagħha sistemi integrati ta’ ppakkjar. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-preżenza tar-rikorrenti fi ħdan l-entità l-ġdida twassal għal tnaqqis kbir fil-kompetizzjoni fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET.

136    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-bejgħ minn Tetra ta’ l-interessi tagħha fil-qasam tal-forom jeliminaw kompletament il-preokkupazzjoni oriġinali mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konvertituri.

137    Għal dak li jirrigwarda l-biża tal-Kummissjoni, sussegwenti għall-impenji, fir-rigward tal-konvertituri, jiġifieri li l-istess konvertituri jixtru b’iktar faċilità mingħand Sidel wara li Tetra tkun iddisponiet mill-interessi tagħha fil-qasam tal-forom u li l-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida tkun, għaldaqstant, imsaħħa, ma ġiet prodotta mill-Kummissjoni ebda prova ta’ valur probatorju, ħlief għar-referenza għar-risposti għall-investigazzjoni (premessa 428). Anke jekk ma jistax jiġi eskluż li ċerti konvertituri ser ikunu inqas inkwetati li jixtru l-magni SBM mingħand l-entità l-ġdida jekk din ma tibqax attiva fil-qasam tal-forom, dan l-effett ta’ assigurazzjoni xejn ma huwa ekwivalenti għall-“kunflitt ta’ sistemi” kif ġie msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punti 232 sa 236 u 249 tagħha). Peress li fil-preżent teżisti kompetizzjoni ħajja fuq is-suq tal-forom, din l-assigurazzjoni għal ċerti konvertituri jkollha l-effett biss, avolja b’mod limitat ħafna, li tnaqqas il-possibbiltajiet għall-kompetituri ta’ Sidel li jbiegħu magni SBM lill-imsemmija konvertituri.

138    Għalkemm huwa minnu li l-konċentrazzjoni modifikata tippermetti lil Sidel, permezz tal-preżenza ta’ Tetra fuq is-suq tas-sistemi ta’ għeluq ta’ fliexken tal-plastik, toffri soluzzjoni bil-PET kważi integrata, huwa ċar li l-effetti vertikali tad-dħul ta’ Sidel f’dan is-suq permezz ta’ l-entità l-ġdida, kif ukoll it-twaqqif parallel tagħha bħala klijenta potenzjali ta’ l-operaturi l-oħra li huma diġà attivi fuq dan is-suq, huma biss minimi, u dan fid-dawl tal-pożizzjoni relattivament dgħajfa li għandha Tetra f’dan is-suq. Barra minn hekk, il-kapaċità globali ta’ l-entità l-ġdida, fil-konfront tal-kapaċità li għandha Sidel fil-preżent, li toffri soluzzjoni integrata tal-PET ma tiġix imsaħħa bil-konċentrazzjoni modifikata, u dan fid-dawl tal-fatt li Tetra ser tiddisponi ruħha mill-attività ta’ forom tal-PET. F’dan ir-rigward, jirriżulta, fil-fatt, mir-rapport annwali ta’ Sidel li l-bejgħ tal-forom imsemmija fl-2001 jirrappreżenta biss madwar 20 % tal-bejgħ tal-magni SBM ta’ Sidel, u dan minkejja l-allegat “tkabbir esponenzjali” ta’ 30 % bejn 1999 u 2000 li għalih għamlet referenza l-Kummissjoni fid-difiża tagħha.

139    Fir-rigward ta’ l-allegati effetti fuq is-suq tal-magni EBM, jinsab espressament aċċettat fid-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tar-risposta ta’ Tetra tal-1 ta’ Ottubru 2001 għad-dikjarazzjoni addizzjonali ta’ l-oġġezzjonijiet, “il-pożizzjoni ta’ l-atturi l-oħra ixxejjen il-biża’ ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-suq potenzjali tal-magni destinati għall-produzzjoni tal-fliexken [HDPE] mhux settiċi bil-manku” (premessa 297, nota ta’ qiegħ il-paġna 125). Għaldaqstant jidher ċar li l-konċentrazzjoni modifikata ma tistax ikollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-pożizzjoni tal-konvertituri attivi fis-suq tal-HDPE li, wara l-konċentrazzjoni, jibqa’ suq suġġett għall-kompetizzjoni qawwija.

140    Konsegwentement, ma ġiex ipprovat li l-konċentrazzjoni modifikata ser ikollha effetti vertikali kbar jew ta’ l-inqas sinjifikattivi fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET in kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, inkwantu hija tibbaża fuq l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni modifikata sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tal-PET imsemmija favur l-entità l-ġdida permezz ta’ l-effett ta’ lieva, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

4.     Konklużjoni

141    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta bbażat ruħha fuq l-effetti orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni modifikata, sabiex tissostanzja l-analiżi tagħha dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tal-PET in kwistjoni. Madankollu, dawn l-iżbalji ma jwasslux għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-effett ta’ konglomerat imsemmi mill-Kummissjoni jista’, waħdu, jiġġustifika l-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat il-motiv li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ konglomerat.

C –  Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ konglomerat prevedibbli

1.     Osservazzjonijiet preliminari

142    Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-konċentrazzjoni modifikata hija konċentrazzjoni tat-tip tal-konglomerat, jiġifieri magħmula bejn impriżi li essenzjalment, m’għandhomx relazzjoni ta’ kompetizzjoni preeżistenti kemm bħala kompetituri diretti kif ukoll bħala fornituri u klijenti. Dawn il-konċentrazzjonijiet ma jwasslux għal sovrapożizzjoni orizzontali veri bejn l-attivitajiet tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni u lanqas għal rapporti vertikali bejn dawn il-partijiet f’sens strett. Konsegwentement, ma jistax jiġi preżunt, b’mod ġenerali, li dawn il-konċentrazzjonijiet jipproduċu effetti antikompetittivi. Madankollu, huma jistgħu jkollhom tali effetti f’ċerti każijiet.

143    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment issostni, li l-konċentrazzjoni modifikata ser tipproduċi, b’mod prevedibbli, effett ta’ konglomerat antikompetittiv fi tliet direzzjonijiet. Fl-ewwel lok, il-konċentrazzjoni ser tippermetti lill-entità l-ġdida tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq globali ta’ l-ippakkjar fil-kartun bħala “lieva” biex tikseb pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET. Fit-tieni lok, il-konċentrazzjoni ser issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti attwali ta’ Tetra fuq is-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku u tal-kartun mhux settiku minħabba l-eliminazzjoni tal-pressjoni tal-kompetizzjoni, irrappreżentata minn Sidel, li tkun ġejja mis-swieq viċini tal-PET. Fit-tielet lok, il-konċentrazzjoni ser issaħħaħ, b’mod ġenerali, il-pożizzjoni globali ta’ l-entità l-ġdida fuq is-swieq ta’ l-ippakkjar tal-prodotti sensittivi.

144    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat in-natura intrinsikament prospettiva ta’ l-analiżi tagħha li biha hija għandha tevalwa l-effetti futuri tal- tal-konċentrazzjoni li hija jkollha quddiemha. Hija enfasizzat li, fil-każ li jkun jikkonċerna konċentrazzjoni li jkollha effett ta’ konglomerat, l-istess bħall-każ li jkun jirrigwarda konċentrazzjoni orizzontali klassika, il-preokkupazzjoni tal-Kummissjoni hija l-prevenzjoni ta’ l-aġir futur antikompetittivi li x’aktarx ikunu ser jirriżultaw mill-konċentrazzjoni u li l-analiżi tagħha għandha ssir fid-dawl tal-għaqda ta’ motivi u kapaċitajiet eżistenti tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni nnotifikata. Is-sempliċi fatt li fil-każ ta’ konċentrazzjoni tat-tip ta’ konglomerat, b’kuntrast mad-diversi tipi oħra ta’ konċentrazzjoni, il-possibbiltà li jkun hemm tali aġir ma tirriżultax direttament mill-għaqda, fuq l-istess suq wieħed, ta’ l-ishma mis-suq li jkollha l-entità l-ġdida, ma jiġġustifikax li jiġi adottat approċċ differenti.

145    Għandhom jiġu eżaminati mbagħad, it-tliet pilastri tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-effett ta’ lieva, dwar l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali u l-effett ġenerali tat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ l-entità l-ġdida.

2.     Fuq l-ewwel pilastru dwar l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva

a)     Kunsiderazzjonijiet dwar il-kuntest ġenerali tal-kawża

146    L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi osservat li r-Regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn, minn naħa, il-konċentrazzjonijiet li għandhom effett orizzontali u vertikali u, min-naħa l-oħra, dawk li għandhom effett ta’ konglomerat. Minn dan isegwi li, mingħajr din id-distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ konċentrazzjonijiet, konċentrazzjoni partikolari ma tistax tiġi pprojbita ħlief jekk iż-żewġ kriterji previsti fl-Artikolu 2(3) jkunu ssodisfatti (ara l-punt 120 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, konċentrazzjoni li jkollha effett ta’ konglomerat għandha, bħal kull konċentrazzjoni oħra (ara l-punt 120 iktar ’il fuq), tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni jekk ma jiġix ipprovat li hija toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu u li hija għandha bħala effett li tfixkel sew il-kompetizzjoni effettiva.

147    Madankollu, l-analiżi ta’ l-effetti ta’ konglomerat potenzjalment antikompetittivi ta’ konċentrazzjoni tqajjem numru ta’ problemi speċifiċi, rigward in-natura tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati b’mod preliminari. F’dan ir-rigward, ser jiġu eżaminati sussegwentement l-aspetti ta’ l-effetti ta’ konglomerat fiż-żmien u dawk li jirrigwardaw in-natura partikolari ta’ dawn l-effetti, liema effetti jistgħu jkunu kemm strutturali, fis-sens li jirriżultaw direttament mill-ħolqien ta’ struttura ekonomika, kemm rigward l-aġir, fis-sens li jirriżultaw biss jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tadotta ċerti prattiċi kummerċjali.

 i) L-effetti tal-konglomerat fiż-żmien

148    Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk konċentrazzjoni li toħloq struttura kompetittiva li ma twassalx immedjatament biex l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha pożizzjoni dominanti tistax tiġi pprojbita abbażi ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament meta x’aktarx hija tkun tippermetti lil din l-entità sabiex, permezz ta’ l-effett ta’ lieva li tuża l-parti xerrejja fis-suq li fiha hija dominanti diġà, tikseb fil-futur relattivament qarib, pożizzjoni dominanti fuq suq ieħor li fih il-parti miksuba, fil-preżent, għandha pożizzjoni predominanti, u meta l-ksib in kwistjoni jkollu effetti antikompetittivi sinjifikattivi fuq is-swieq ikkonċernati.

149    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti nsistiet fuq il-ħtieġa li tiġi pprovata b’ċertezza li l-konċentrazzjoni jkollha bħala effett li tippermettilha tikseb pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET in kwistjoni, jiġifieri mhux li tiġi pprovata l-possibbiltà li jkun hemm tali pożizzjoni, imma li tiġi prevista r-realizzazzjoni immedjata. Kif ingħad fil-punt 144 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, enfasizzat in-natura intrinsikament prospettiva ta’ l-analiżi li hija kienet obbligata tagħmel hija u teżamina l-effetti prevedibbli fuq is-suq ta’ riferiment tal-konċentrazzjoni li kellha quddiemha.

150    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li, a priori, konċentrazzjoni bejn l-impriżi attivi fuq swieq differenti normalment mhijiex tali li, mat-twettieq tagħha, iġġib magħha l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti minħabba li jingħaqdu l-ishma mis-suq li jkollhom il-kontraenti fl-għaqda. Fil-fatt, l-elementi li huma rilevanti għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-kompetituri f’suq partikolari jinsabu ġeneralment fuq dak is-suq stess, jiġifieri, b’mod partikolari l-ishma mis-suq li jkollhom il-kompetituri u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq l-istess suq. Madankollu, minn dan ma jsegwix li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’suq ma jistgħu qatt ikunu effettwati minn fatturi li huma esterni minn dak is-suq.

151    B’hekk, bħala eżempju, f’ċirkustanzi fejn is-swieq in kwistjoni huma viċini u fejn waħda mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni jkollha diġà pożizzjoni dominanti fuq suq minnhom, jista’ jirriżulta li l-mezzi u l-kapaċitajiet mgħaqqda b’din l-operazzjoni joħolqu immedjatament kundizzjonijiet li jippermettu lill-entità l-ġdida, permezz ta’ l-effett ta’ lieva, li tikseb, fil-futur relativament qarib, pożizzjoni dominanti fuq is-suq l-ieħor. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ meta s-swieq in kwistjoni għandhom it-tendenza għal konverġenza u meta, b’żieda mal-pożizzjoni dominanti li jkollha waħda mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni, il-parti l-oħra, jew waħda mill-partijiet l-oħra fil-konċentrazzjoni, ikollha pożizzjoni predominanti fuq it-tieni suq.

152    Kwalunkwe interpretazzjoni oħra ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tirriskja li ċċaħħad lill-Kummissjoni mill-possibbiltà li teżerċita kontroll fuq il-konċentrazzjonijiet li għandhom biss jew prinċipalment effett ta’ konglomerat.

153    Konsegwentement, fil-kuntest ta’ analiżi prospettiva ta’ l-effetti ta’ konċentrazzjoni tat-tip konglomerat, jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, minħabba l-effetti ta’ konglomerat li hija tikkonstata, li x’aktarx, tkun ser tinħoloq jew tissaħħaħ pożizzjoni dominanti fil-futur qarib li jkollha l-effett li tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fuq is-suq ikkonċernat, hija għandha tipprojbixxiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 221; Gencor vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 162, u Airtoursvs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

 ii) Aspetti li jirrigwardaw in-natura partikolari ta’ l-effetti tal-konglomerat

154    F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni wkoll bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni fejn konċentrazzjoni li jkollha effett ta’ konglomerat tbiddel immedjatament il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq it-tieni suq u twassal għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fuqu minħabba l-pożizzjoni dominanti li jkun hemm diġà fuq l-ewwel suq u, minn naħa l-oħra, is-sitwazzjoni fejn il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti fuq it-tieni suq ma jirriżultax immedjatament mill-konċentrazzjoni imma sseħħ biss, f’din l-ipoteżi, wara ċertu żmien u tirriżulta mill-aġir adottat mill-entità l-ġdida fuq l-ewwel suq fejn hija jkollha diġà pożizzjoni dominanti. F’dan l-aħħar każ, ma tkunx l-istruttura li tirriżulta mill-konċentrazzjoni stess li toħloq jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament, imma l-aġir futur in kwistjoni.

155    L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li jkollha effett ta’ konglomerat hija marbuta b’rekwiżiti simili għal dawk definiti mill-ġurisprudenza f’dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ dominanza kollettiva (sentenzi Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 222, u Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). B’hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ konċentrazzjoni li l-effett ta’ konglomerat antikompetittiv tiegħu jkun antiċipat, tippreżupponi eżami partikolarment mill-qrib taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw li huma rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ dan l-effett fuq il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq ta’ riferiment. Kif ikkonfermat diġà l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta l-Kummissjoni tħoss li tali konċentrazzjoni għandha tkun ipprojbita peress li toħloq jew issaħħaħ, f’perijodu prevedibbli, pożizzjoni dominanti, l-obbligu jaqa’ fuqha biex tipprovdi provi sodi in sostenn ta’ dik il-konklużjoni (sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). Peress li l-effetti ta’ konċentrazzjoni tat-tip konglomerat huma spiss ikkunsidrati bħala newtrali, jiġifieri ta’ benefiċċju, għall-kompetizzjoni fuq is-swieq effettwati, u dan kif inhu rikonoxxut, f’dan il-każ, fid-dottrina ekonomika ċċitata fl-analiżijiet annessi ma’ l-atti tal-partijiet, il-prova dwar l-effetti antikompetittivi tal-konglomerat tal-konċentrazzjoni teħtieġ eżami preċiż, ikkorroborat bi provi sodi, taċ-ċirkustanzi li allegatament jikkostitwixxu l-effetti msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

156    F’dan il-każ, l-effett ta’ lieva eżerċitat mis-swieq tal-kartun mhux settiku, kif deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, jimmanifesta ruħu, b’żieda mal-possibbiltà li l-entità l-ġdida tirrikorri għal diversi prattiċi li jikkonsistu f’li torbot il-bejgħ tat-tagħmir u ta’ prodotti konsumibbli għall-ippakkjar fil-kartun ma’ dawk tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET, inkluż li tirrikorri għall-bejgħ sfurzat (premessi 345 u 365), l-ewwel nett, fl-iffissar probabbli minn din l-entità ta’ prezzijiet predatorji (“predatory pricing”, premessa 364, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq), it-tieni nett, bl-użu ta’ kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet u, t-tielet nett, bl-għoti ta’ skontijiet marbutin mal-fedeltà. Ir-rikors għall-użu ta’ dawn il-prattiċi jippermetti lill-entità l-ġdida li tassigura ruħha li l-klijenti tagħha tas-swieq tal-kartun jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom għat-tagħmir tal-PET, kemm jista’ jkun possibbli, billi jixtru mingħand Sidel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni kkontestata tikkonstata l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku, jiġifieri s-swieq tas-sistemi ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku u tal-kartun mhux settiku (premessa 231, ara l-punt 40 iktar ’il fuq), u li l-imsemmija konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

157    Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, meta impriża tkun f’pożizzjoni dominanti, hija tkun obbligata, jekk ikun il-każ, li taġġusta b’hekk l-aġir tagħha sabiex ma teffettwax il-kompetizzjoni effettiva fis-suq, indipendentement mill-adozzjoni eventwali mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni għal dan il-għan (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1993, 322/81, Michelin vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. 3461, punt 57; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Lulju 1990, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-51/89, Ġabra p. II-309, punt 23, u tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 80).

158    Għandu jingħad, barra minn hekk, li, b’risposta għad-domandi imressqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma ċaħditx li l-eżerċizzju min-naħa ta’ Tetra, ta’ l-effett ta’ lieva permezz ta’ l-aġir espost iktar ’il fuq, jista’ jikkostitwixxi abbuż mill-pożizzjoni dominanti li kellha Tetra qabel fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Dan jista’ jkun ukoll il-każ, skond il-ħsibijiet espressi mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha, fl-ipoteżi li l-entità l-ġdida tirrifjuta milli tipparteċipa fl-installazzjoni u t-trasformazzjoni eventwali tal-magni SBM ta’ Sidel, milli tipprovdi servizz ta’ wara l-bejgħ u milli tirrispetta l-garanziji li jirrigwardaw lil dawn il-magni meta dawn jinbiegħu mill-konvertituri. Madankollu, skond il-Kummissjoni, il-fatt li aġir jista’ jikkostitwixxi ksur indipendenti ta’ l-Artikolu 82 KE ma jipprekludix li dak l-aġir jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-modi kollha li bihom jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva, liema modi jkun possibbli minħabba l-konċentrazzjoni.

159    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-Regolament jipprevedi l-projbizzjoni tal-konċentrazzjonijiet li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti li jkollhom effetti antikompetittivi sinjifikattivi, dawn il-kundizzjonijiet ma jippreżupponux li jkun hemm il-prova dwar l-aġir abbużiv u, għaldaqstant, illegali ta’ l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni bħala riżultat ta’ dik il-konċentrazzjoni. Għalkemm ma jistax jiġi preżunt, għaldaqstant, li d-dritt Komunitarju mhux ser ikun irrispettat mill-kontraenti fil-konċentrazzjoni tat-tip konglomerat, din il-possibbiltà ma tistax tiġi eskluża mill-Kummissjoni meta hija teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-konċentrazzjonijiet. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni, hija u tanalizza l-effetti ta’ dik il-konċentrazzjoni, tibbaża ruħha fuq aġir prevedibbli li jista’ jikkostitwixxi minnu nnifisu abbuż minn pożizzjoni dominanti eżistenti, hija għandha l-obbligu li tevalwa jekk, minkejja l-projbizzjoni ta’ dan l-aġir, huwa x’aktarx possibbli madankollu li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni taġixxi b’dak il-mod jew jekk, min-naħa l-oħra, in-natura illegali ta’ l-aġir u/jew ir-riskju li jinkixef tali aġir jagħmluha ftit li xejn possibbli li sseħħ tali strateġija. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, filwaqt li huwa xieraq li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-inċentivi biex jiġi adottat l-aġir antikompetittiv, bħalma huma dawk li jirriżultaw f’dan il-każ għal Tetra mill-vantaġġi kummerċjali prevedibbli fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET (premessa 359), il-Kummissjoni hija obbligata wkoll teżamina safejn l-inċentivi msemmija jkunu ser jitnaqqsu, jiġifieri eliminati, minħabba l-illegalità ta’ l-aġir in kwistjoni, minħabba l-probabbiltà li dan jinkixef, minħabba l-prosekuzzjoni tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti, kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll nazzjonali, u minħabba s-sanzjonijiet pekunjarji li jistgħu jirriżultaw minnhom.

160    Peress li l-Kummissjoni ma għamlitx din l-evalwazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, isegwi li, safejn l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-possibbiltà, jew anke l-probabbiltà, li Tetra tadotta tali aġir fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku, il-konklużjonijiet tagħha f’dan ir-rigward għandhom jiġu skartati.

161    Iktar minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti pproponiet, f’dan il-każ, impenji li jirrigwardaw l-aġir futur tagħha huwa wkoll element li l-Kummissjoni kellha bilfors tieħu in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni dwar jekk kienx x’aktarx possibbli li l-entità l-ġdida taġixxi b’mod li tagħmel possibbli l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’suq wieħed jew iktar tat-tagħmir tal-PET in kwistjoni. F’dan il-każ, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet ta’ l-impenji msemmija fl-analiżi tagħha dwar il-ħolqien fil-futur ta’ tali pożizzjoni minħabba l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva previst.

162    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni bbażatx l-analiżi tagħha dwar il-probabbiltà ta’ effett ta’ lieva mis-swieq tal-kartun mhux settiku kif ukoll mill-konsegwenzi ta’ tali effett mill-entità l-ġdida, fuq provi sodi biżżejjed. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, jeħtieġ, f’dan il-każ, li jittieħdu in kunsiderazzjoni biss aġir li, jidher x’aktarx, li mhuwiex illegali. Iktar minn hekk, bħalma l-pożizzjoni dominanti prevista ma tikkonkretizzax ruħha ħlief wara ċertu perijodu ta’ żmien, skond il-Kummissjoni sal-2005, l-analiżi prospettiva tagħha għandha tkun partikolarment plawsibbli, u dan bla preġudizzju għall-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha.

b)     L-argumenti tal-partijiet


 i) Fuq il-possibbiltà li jkun hemm effett ta’ lieva

163    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma werietx li l-entità l-ġdida ser tkun f’pożizzjoni li teżerċita l-effett ta’ lieva li jippermettilha tikseb pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar PET, b’mod partikolari fuq is-swieq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja.

164    Ir-rikorrenti tenfasizza fl-ewwel lok li l-Kummissjoni rrikonoxxiet il-fatt li t-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET u t-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhumiex prodotti kumplimentari fis-sens ekonomiku tat-terminu, imma pjuttost sostituti tekniċi (premessa 345). Madankollu, f’dan il-każ, u b’kuntrast ma’ dak li tafferma l-Kummissjoni, l-inċentiv ekonomiku biex teżerċita l-effett ta’ lieva huwa iżgħar milli fil-każ tal-prodotti kumplimentari. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-inċentiv għall-bejgħ marbut tad-diversi prodotti huwa kjarament iżgħar f’dan il-każ. It-tieni nett, f’dan il-każ m’hemmx sovrapożizzjoni sinjifikattiva tal-klijentela taż-żewġ prodotti. It-tielet nett, in-nuqqas ta’ kumplimentarjetà bejn il-prodotti in kwistjoni jeskludi l-implementazzjoni ta’ ostakoli minħabba l-inkompatibbiltà tal-magni tal-kartun ta’ Tetra u tal-magni SBM pprovduti minn fabbrikanti li mhumiex Sidel.

165    Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija sorprendenti iktar peress li l-prattika deċiżjonali tagħha tikkonferma li hija konsistentement ibbażat ruħha fuq il-kumplimentarjetà tal-prodotti biex tiġġustifika l-preokkupazzjonijiet li jirrigwardaw l-effett tal-kongolmerat [ara, inter alia, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fejn iddikjarat il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, tat-18 ta’ Jannar 1991 (Każ IV/M.0050 – AT&T/NCR)(ĠU 1991, C 16, p. 20), tat-13 ta’ Diċembru 1991 (Każ IV/M.164 – Mannesmann/VDO)(ĠU 1992, C 88, p. 13), tat-8 ta’ Novembru 1996 (Każ IV/M.836 – Gillette/Duracell)(ĠU 1996, C 364, p. 4), tad-29 ta’ Settembru 2000 (Każ COMP/M.1879 – Boeing/Hughes) u fejn iddikjarat l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni, tat-3 ta’ Lulju 2001 (Każ COMP/M.2220 – General Electric/Honeywell)].

166    Il-prova ta’ l-effett ta’ lieva minħabba t-tkabbir futur tas-swieq tal-PET mhijiex konvinċenti. Fil-fatt, dan it-tkabbir ma jirriżultax b’mod sinjifikattiv minħabba l-qlib mill-PET għall-kartun, peress li l-parti l-kbira tal-prodotti attwalment ippakkjati fil-PET ma jistgħux jiġu ppakkjati fil-kartun. Il-prodotti li jistgħu jiġu ppakkjati fil-kartun jew fil-PET ma jirrappreżentawx ħlief 5 % ta’ l-użu totali tal-PET. Iktar minn hekk, l-ippakkjar tal-birra fil-PET juri tkabbir sinjifikattiv ħafna minħabba l-abbandun possibbli ta’ l-ippakkjar fil-ħġieġ.

167    Barra minn hekk, il-klijenti l-kbar li għall-parti l-kbira tagħhom, huma l-uniċi li jużaw fl-istess ħin pakketti tal-kartun u pakketti tal-PET, ser ikunu f’pożizzjoni li jirreżistu l-eventwali effett ta’ lieva.

168    Il-Kummissjoni ssostni li l-konċentrazzjoni ser toħloq il-kundizzjonijiet strutturali li jistgħu jwasslu għall-effett ta’ lieva. F’dan ir-rigward, hija tibbaża fuq diversi elementi, jiġifieri, l-ewwel nett, fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku u l-pożizzjoni predominanti ta’ Sidel fis-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET, it-tieni nett, fuq il-pożizzjonijiet insinjifikattivi tal-kompetituri ta’ Tetra u ta’ Sidel fuq dawn is-swieq u t-tielet nett, fuq il-vantaġġ magħruf ta’ “min jasal l-ewwel” (first-mover advantage”) ta’ l-entità l-ġdida li jirriżulta mill-preżenza qawwija tagħha fis-settur tal-prodotti sensittivi komuni għas-swieq tal-kartun u tal-PET. Il-Kummissjoni tenfasizza l-qawwa finanzjarja ta’ l-entità l-ġdida li hija ħafna ogħla minn dik tal-kompetituri tagħha, il-grad għoli ta’ l-integrazzjoni vertikali tagħha, minkejja l-impenji, kif ukoll il-livell għoli ta’ kompetenza u ta’ għerf tas-sengħa ta’ din l-entità fil-qasam ta’ l-ipproċessar mhux settiku.

169    L-effett ta’ lieva jkun possibbli mhux biss meta l-prodotti kkonċernati jkunu “kumplimentari” fis-sens ekonomiku tal-kelma, imma wkoll meta jkunu “kummerċjalment” kumplimentari, jiġifieri meta l-prodotti jiġu kkunsmati mill-istess grupp ta’ klijenti. Dan ikun il-każ meta, bħal f’dan il-każ, il-prodotti in kwistjoni jkunu relatati u jappartjenu lil swieq viċini ħafna. L-eżami ta’ l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva li jinvolvi prodotti marbutin kummerċjalment (bħall-wiski u l-ġin jew il-vitamini għal diversi bżonnijiet psikoloġiċi), huwa bbażat fuq approċċ li huwa sostnut mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T-30/89, Ġabra p. II-1439, ikkonfermata fl-appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I-667, u s-sentenzi Tetra Pak II, iċċitati iktar ’il fuq).

170    Skond il-Kummissjoni, peress li Tetra għandha, bla ebda dubju, pożizzjoni dominanti fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku, u peress li l-klijenti ser jibqgħu jitolbu dawn il-pakketti biex jintużaw b’mod parallel mal-linji l-ġodda tal-PET matul il-perijodu tal-bidla għall-PET, il-Kummissjoni ssostni li l-kapaċità tar-rikorrenti biex teżerċita effett ta’ lieva fuq il-“klijenti mitlufa” waqt il-bdil futur għal dan il-materjal hija ċara.

171    Fir-rigward tas-sovrapożizzjoni tal-klijentela tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni, għalkemm il-parti l-kbira tal-produtturi ta’ prodotti sensittivi fil-preżent jużaw il-kartun, it-tkabbir potenzjali fis-sovrapożizzjoni fil-futur bejn il-pakketti tal-kartun u dawk tal-PET ser ikun ta’ 100 % jekk jinsabu teknoloġiji għat-trattament barriera li jippermettu l-użu, fuq livell kummerċjali, tal-PET għal dawn il-prodotti kollha.

172    Il-Kummissjoni ssostni li l-previżjonijiet għat-tkabbir tal-PET adottati fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 32 u 33 iktar ’il fuq) huma bbażati fuq analiżi prudenti ta’ l-istudji PCI, Warrick u Pictet (iktar ’il quddiem l-“istudji indipendenti”) u fuq sett ta’ provi sodi u koerenti miksuba minnha fl-investigazzjoni ġenerali tas-suq (premessi 141 sa 143).

173    Bħala fatturi oħra li jistgħu jwasslu sabiex jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva, il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol ta’ mexxejja li jkollha l-entità l-ġdida fir-rigward ta’ l-importanza tal-qalba mill-kartun, fejn Tetra għandha pożizzjoni dominanti kważi monopolistika fuq is-settur tal-kartun mhux settiku, għall-PET.

 ii) Fuq l-effetti ta’ l-esklużjoni mis-suq

174    Skond Tetra, peress li huwa “improbabbli” (premessa 367) li l-entità l-ġdida tirrikorri għall-bejgħ marbut jew ta’ prodotti miġbura flimkien, il-preokkupazzjonijiet tal-Kummissjoni, fir-realtà, huma bbażati fuq il-kapaċità ta’ l-entità l-ġdida biex tuża modi indiretti bħalma huma “inċentivi” jew “pressjoni” (premessa 364) sabiex tagħlaq is-swieq tal-PET. F’dan il-każ, dawn il-modi mhumiex antikompetittivi inkwantu ma jkollhomx bħala effett li jagħlqu s-swieq tat-tagħmir tal-PET in kwistjoni għall-kompetituri l-oħra. Il-prova tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija nieqsa.

175    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tiżbalja meta tagħmel distinzjoni bejn is-swieq skond il-prodott finali li jrid jiġi ppakkjat. Id-definizzjoni ta’ dawn l-allegati swieq differenti hija żbaljata wkoll peress li l-magni SBM huma ġeneriċi u jistgħu jintużaw għal kwalunkwe prodott sensittiv. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, Tetra ddikjarat li l-magni SBM jistgħu jiġu modifikati bi spiża żgħira, biex jiġu aġġustati għall-prodott li jkun ser jiġi ppakkjat. Il-magni kkumbinati u ta’ mili bis-sħana huma użati ftit biss fis-settur tal-prodotti sensittivi.

176    Fit-tieni lok, is-settur tal-prodotti sensittivi jikkostitwixxu biss parti żgħira mill-attivitajiet kollha fil-qasam ta’ l-ippakkjar fil-PET. Minn dan jirriżulta li, anke jekk l-entità l-ġdida tipprova temarġina lill-kompetituri attwali ta’ Sidel fis-suq tal-magni għall-prodotti sensittivi, hija ma tkunx f’pożizzjoni li tnaqqas, b’mod sostanzjali, ir-riżorsi finanzjarji tagħhom.

177    Fit-tielet lok, anke jekk il-previżjonijiet għat-tkabbir kbir imħabbra mill-Kummissjoni għall-prodotti sensittivi huma korretti, ftit ser ikun probabbli li l-konċentrazzjoni timpedixxi lill-kompetituri ta’ Sidel, b’mod partikolari SIG, li jitħajru jkomplu bl-espansjoni tagħhom.

178    Fir-raba’ lok, Tetra enfasizzat waqt is-seduta li l-ostakoli teknoloġiċi (essenzjalment it-teknoloġija għat-trattament barriera kontra d-dawl u l-ossiġnu) ma jaffetwawx il-prodotti sensittivi kollha bl-istess mod. B’hekk, it-teknoloġija lanqas ma toħloq problema għal dak li jikkonċerna l-ippakkjar fil-PET tax-XTF u tax-xorb tat-te jew kafè. Għaldaqstant, kull operatur attiv fis-settur tal-prodotti mhux sensittivi jkun kapaċi jidħol fis-setturi tal-prodotti sensittivi li għalihom mhija meħtieġa ebda teknoloġija speċifika. Fir-rigward tas-setturi li jeħtieġu t-trattament barriera, it-teknoloġiji għat-trattament barriera meħtieġa ma jkunux disponibbli biss għand l-entità l-ġdida, peress li din għandha biss [10 sa 20 %] tas-suq speċifiku għal dawn it-teknoloġiji.

179    Fil-ħames lok, l-importanza tas-sovrapożizzjoni eżistenti bejn il-klijentela ta’ Tetra u dik ta’ Sidel ġiet esaġerata. Il-ftit każijiet ta’ sovrapożizzjoni jikkonċernaw lill-klijenti li għandhom saħħa ta’ xiri qawwija li tippermettilhom jirreżistu pressjoni potenzjali.

180    Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ma jeżiġix li jiġi ppruvat li l-konċentrazzjoni kkontemplata twassal għall-esklużjoni definittiva tal-kompetituri. Il-kriterju ġuridiku rilevanti huwa iktar dwar jekk il-kompetituri humiex ser jiġu emarġinati; jiġifieri jekk l-entità l-ġdida tkunx f’pożizzjoni li taġixxi b’mod indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u fl-aħħar nett mill-konsumaturi (sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39).

181    L-argument ta’ Tetra li huwa intiż li juri n-nuqqas ta’ swieq differenti tal-magni SBM għall-prodotti sensittivi u mhux sensittivi ġie, ġustament, analizzat u miċħud fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 176 sa 188 u 346 sa 358). Anke l-magni SBM allegatament “ġeneriċi” ikollhom jiġu aġġustati konsiderevolment minħabba l-użu finali speċifiku tagħhom u jkunu jeħtieġu komponenti addizzjonali kumplessi. It-tqassim tas-suq tat-tagħmir tal-PET fi swieq iżgħar separati, billi ssir distinzjoni, b’mod partikolari, bejn il-prodotti sensittivi u dawk mhux sensittivi, hija ġġustifikata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-229/94, Ġabra p. II-1689, punt 56).

182    Fir-rigward tad-diskriminazzjoni fil-prezzijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-provi ppreżentati juru li d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet skond l-uzu finali diġà ġiet ipprattikata minn Sidel.

183    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata ġustament li l-kompetituri jaf ma jibqgħux imħajra jiżviluppaw l-attività tagħhom fis-settur tal-prodotti sensittivi. Kważi s-suq kollu tat-tagħmir tal-PET għadu mhux miftuħ għalihom, peress li s-swieq tal-magni SBM għadu kkonċentrat ħafna fuq Sidel li għandha sehem mis-suq ta’ madwar [60 sa 70 %]. Il-kompetituri li jibqgħu wara l-konċentrazzjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jsaħħu l-preżenza tagħhom fis-settur tal-prodotti sensittivi minħabba ostakoli għad-dħul ta’ natura teknika, kummerċjali u strateġika.

184    Għal dak li jirrigwarda t-teknoloġija għat-trattament barriera, il-Kummissjoni telenka diversi komponenti addizzjonali li, fil-fehma tagħha, huma meħtieġa biex magna SBM tkun tista’ tintuża għal-linja tal-PET għall-prodotti sensittivi, filwaqt li ssostni, b’mod partikolari waqt is-seduta, li impjant verament mhux settiku jitlob ukoll teknoloġiji kumplessi għat-trattament barriera kontra l-ossiġnu għall-meraq, għax-XTF u għax-xorb tat-te jew kafè u, fil-każ tal-PĦL, ilqugħ addizzjonali kontra d-dawl.

185    Fir-rigward ta’ l-ostakolu kummerċjali, minħabba r-riskju għoli ta’ kontaminazzjoni, il-produtturi ta’ prodotti sensittivi ma jridux jieħdu riskji mal-fornituri ta’ tagħmir tal-PET mhux settiku li mhumiex ta’ xi reputazzjoni. Ir-reputazzjoni inkontestabbli ta’ Tetra għall-mili mhux settiku tikkostitwixxi vantaġġ importanti ħafna għall-entità l-ġdida.

186    Hemm ukoll ostakolu strateġiku ieħor għad-dħul fis-suq tal-PET għall-prodotti sensittivi li jirriżulta mill-fatt li iktar minn [80 sa 90 %] tal-produtturi tal-ħalib UHT (jiġifieri mhux settiku), fil-preżent, huma klijenti tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra. Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-klijenti ta’ Tetra jkopru kważi l-PĦL u l-meraq kollu. L-entità l-ġdida jkollha b’hekk vantaġġ konsiderevoli ta’ “min jasal l-ewwel” f’dawn is-setturi. Ma’ dan jiżdiedu l-firxa wiesa’ ta’ klijenti ta’ l-entità l-ġdida, il-qawwa finanzjarja enormi tagħha, il-kapaċitajiet sostanzjali ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll il-preżenza importanti tagħha fit-tliet materjali ta’ l-ippakkjar, kartun, PET u HDPE, li kollha jintużaw, fuq skali differenti, għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi.

187    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat il-pożizzjoni qawwija ħafna li għandha Sidel fuq is-swieq tal-magni SBM b’kapaċità għolja (jiġifieri dawk li huma kapaċi li jonfħu iktar minn 8 000 flixkun fis-siegħa, iktar ’il quddiem “ffs”), fejn hija għandha, fil-preżent, l-iktar magna kapaċi fid-dinja li għandha kapaċità ta’ iktar minn […] ffs. Hija enfasizzat ukoll is-saħħa ta’ Sidel fil-magni b’kapaċità baxxa li jinsabu fl-ogħla parti f’dan is-settur tas-suq, jiġifieri eżatt taħt il-limitu ta’ 8 000 ffs, li jużaw teknoloġija rotatorja paragunabbli għal dik użata fil-magni b’kapaċità għolja.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

188    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta (b’mod partikolari mill-premessi 213 u 389, iċċitati fil-punti 39 u 54 iktar ’il fuq) li l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni dwar l-effett ta’ lieva hija bbażata fuq l-ipoteżi li tinħoloq immedjatament struttura fis-suq li tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni l-motivazzjoni u l-għodda meħtieġa biex tittrasforma l-pożizzjoni predominanti preżenti fis-swieq tat-tagħmir tal-PET, b’mod partikolari dak tal-magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja użati għall-prodotti sensittivi, f’pożizzjoni dominanti. Jirriżulta wkoll mid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punt 289) u mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 328, iċċitata fil-punt 45 iktar ’il fuq) li l-ksib, fil-futur qarib, ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tat-tagħmir tal-PET ikun permess minħabba l-effett ta’ lieva li jiġi eżerċitat minħabba l-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku, iktar milli minħabba l-pożizzjoni li għandha Sidel fil-preżent fis-swieq tal-magni SBM.

189    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjoni tas-swieq rilevanti mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti. B’hekk, għandha ssir distinzjoni bejn is-suq tal-magni SBM, minnu nnifsu maqsum iktar f’magni b’kapaċità baxxa u għolja skond in-numru ta’ ffs (premessa 167), is-suq tat-teknoloġija għat-trattament barriera (premessi 189 sa 191), is-suq tal-magni tal-mili tal-PET, minnu nnifsu maqsum iktar f’magni mhux settiċi u settiċi (premessa 201), is-suq tal-forom tal-PET (premessa 206) kif ukoll is-swieq tat-tagħmir awżiljarju, tat-tagħmir għall-ippakkjar tad-distribuzzjoni u tas-servizzi relatati ma’ diversi setturi kkonċernati (premessa 257).

190    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta s-suddiviżjoni tas-swieq tal-magni SBM skond l-użu finali tagħhom u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni ta’ suq speċifiku għall-prodotti sensittivi in kwistjoni (premessa 188), jiġifieri l-“prodotti komuni” għas-swieq tal-kartun u tal-PET (premessa 45). Biex tikkontesta din is-suddiviżjoni, Tetra ssostni essenzjalment li l-magni SBM huma ta’ natura ġenerika u mhumiex immanifatturati għal użu partikolari. Minn dan isegwi, fil-fehma tagħha, li l-effett ta’ lieva intiż għall-bejgħ tal-magni SBM ma jistax jirnexxi fid-dawl tan-numru ta’ kompetituri li huma attivi b’mod partikolari fis-suq tal-magni b’kapaċità baxxa. Konsegwentement, din il-kontestazzjoni ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest biss ta’ l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi prevedibbli ta’ l-effett ta’ lieva potenzjali fis-swieq tal-magni SBM.

191    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni tippermettix, ta’ l-inqas fil-prinċipju, lill-entità l-ġdida sabiex teżerċita effett ta’ lieva.

 i) Fuq il-possibbiltà li jiġi eżerċitat effett ta’ lieva

192    L-analiżi li l-Kummissjoni tiddedika lill-effett ta’ lieva prevedibbli, li jkun possibbli bil-konċentrazzjoni mmodifikata, hija bbażata fuq elementi pjuttost oġġettivi u ppruvati sew. Għal dak li jikkonċerna l-konnessjoni mill-qrib bejn is-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun u dak ta’ l-ippakkjar fil-PET, l-analiżi hija bbażata fuq serje ta’ elementi li, meħudin flimkien, juru b’mod suffiċjenti għad-dritt il-konklużjoni tal-Kummissjoni: iż-żewġ swieq jappartjenu lill-istess settur industrijali; il-PET jista’ jiġi użat għall-ippakkjar tal-parti l-kbira ta’ prodotti ppakkjati fil-kartun, jiġifieri l-prodotti sensittivi, sal-punt li dan il-materjal jista’ jitqies bħala prodott li huwa sostitut dgħajjef tal-kartun; il-fornituri prinċipali ta’ l-ippakkjar tal-kartun, jiġifieri Tetra (ta’ l-inqas sal-bejgħ ta’ l-attività tagħha fil-forom PET u t-trasferiment ta’ l-interessi tagħha f’Dynaplast), SIG u Elopak, huma kollha kemm huma preżenti fuq is-swieq tal-PET; ċerti klijenti jistaqsu fl-istess ħin kemm għall-magni tal-kartun u l-magni SBM u n-numru tagħhom ser jiżdied inevitabbilment fil-futur mat-tkabbir previst tal-PET għall-prodotti sensittivi (premessa 329).

193    Għal dak li jikkonċerna t-tkabbir fis-settur tal-PET, ir-rikorrenti, kif jinsab ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 72), u kif hija ammettiet ukoll matul is-seduta, taċċetta li huwa mistenni ċertu tkabbir għall-prodotti sensittivi bħalma huma x-XTF u x-xorb tat-te jew kafè. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ tkabbir mistenni għall-prodotti sensittivi l-oħra huwa kkontestat mir-rikorrenti, kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat milli tieħu in kunsiderazzjoni l-effetti tat-tkabbir prevedibbli fl-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-birra.

194    Bil-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet l-argument tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni fejn intqal li l-użu tal-PET mhuwiex ser jara xi tkabbir sinjifikattiv sal-2005 minħabba restrizzjonijiet teknoloġiċi, l-istess Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq elementi konvinċenti. Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (b’mod partikolari, il-premessi 73 sa 88) li t-teknoloġiji għall-mili mhux settiku u għat-trattament barriera attwalment disponibbli jippermettu l-użu tal-PET għall-prodotti sensittivi kollha u li dawn ser ikomplu jitjiebu. L-ikbar impediment fuq l-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji f’dan il-każ joħroġ mid-diffikultajiet kummerċjali sabiex jiġu applikati dawn it-teknoloġiji, b’mod partikolari għall-PĦL.

195    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Kummissjoni ppruvat b’mod suffiċjenti skond il-liġi li s-settur tal-PET ser jara tkabbir prevedibbli li jagħmel possibbli l-effett ta’ lieva kkonċernat. Il-livell ta’ dan it-tkabbir skond id-diversi prodotti sensittivi jrid, madankollu, jiġi ttrattat ulterjorment waqt l-analiżi ta’ l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li dan it-tkabbir ser iħajjar lill-entità l-ġdida sabiex teżerċita dan l-effett ta’ lieva.

196    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-argument tar-rikorrenti, fejn tgħid li ma teżisti ebda possibbiltà li teżerċita l-effett ta’ lieva minn suq fuq l-ieħor meta prodott ta’ suq wieħed u prodott ta’ suq ieħor huma biss, bħal f’dan il-każ, sostituti tekniċi mhuwiex konvinċenti. Jirriżulta, b’analoġija, mis-sentenza Hoffmann La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u mis-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-effett ta’ lieva jista’ jiġi eżerċitat meta l-prodotti in kwistjoni huma dawk li klijent iħoss li huma xierqa biex jużaħhom fl-istess ħin għall-istess finijiet, jiġifieri f’dan il-każ, il-pakkett ta’ ċerti tipi ta’ xorb. Din l-evalwazzjoni mhijiex effettwata bil-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ċċitata minn Tetra (ara l-punt 165 iktar ’il fuq) peress li dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw konċentrazzjonijiet li għandhom ċirkustanzi fattwali differenti ħafna minn ta’ dan il-każ. Il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta f’din il-kawża bbażat ruħha fuq elementi bħalma huma l-użu tal-prodotti in kwistjoni mill-istess grupp ta’ klijenti, jiġifieri l-produtturi ta’ prodotti sensittivi, għall-istess oġġettiv, jiġifieri l-ippakkjar ta’ dan ix-xorb, u l-fatt li l-investigazzjoni tas-suq li l-Kummissjoni għamlet tikkonferma, mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, il-volontà tal-produtturi msemmija biex jużaw iż-żewġ pakketti fl-istess ħin. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat ġustament li l-portata tal-bżonn li jħossu dawn il-produtturi għall-PET hija deċiżjoni essenzjalment ta’ kummerċjalizzazzjoni, għalkemm il-kwistjoni ta’ l-ispiża ma tistax tiġi injorata (premessa 333). Għaldaqstant, kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, huma x’aktarx ikunu ftit li xejn imħajra jabbandunaw kompletament il-kartun, imma jħossu probabbilment il-bżonn li jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom għall-PET, ħaġa li tikkorrobora r-rabta bejn il-prodotti in kwistjoni f’din il-kawża.

197    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti b’saħħitha ħafna li għandha Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku, b’madwar 80 % ta’ l-ishma mis-suq (premessa 219), u fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-suq globali ta’ l-ippakkjar fil-kartun, jiġifieri s-swieq tal-kartun mhux settiku u settiku meħudin flimkien, b’madwar [60 sa 70 %] (premessa 231), huwa ċar li parti kbira mill-produtturi ta’ prodotti sensittivi li jiddeċiedu jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom mill-kartun għall-PET huma, fil-preżent, klijenti ta’ Tetra. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-PĦL, u mingħajr kontestazzjoni min-naħa tar-rikorrenti, li “l-konsum tal-ħalib fi fliexken żgħar u ħalib bl-essenza, per eżempju, huwa mistenni jiżdied malajr” u li “l-kapaċità ta’ ppakkjar ta’ dawn il-prodotti m’għandhiex għalhekk neċessarjament tissostitwixxi l-kapaċità eżistenti” (premessa 99). Bil-fatt li kkonkludiet, ta’ l-inqas fil-każijiet ta’ introduzzjoni ta’ linji ġodda ta’ produzzjoni fl-imħaleb, li l-ispejjeż tal-qlib lejn il-PET m’għandhomx bilfors jittardjaw l-iżvilupp ta’ l-użu ta’ PET, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, hija enfasizzat b’mod korrett il-vantaġġ magħruf “ta’ min jasal l-ewwel” li l-entità l-ġdida jkollha għal dawn il-prodotti. Ma’ dan tiżdied, b’mod partikolari, il-qawwa finanzjarja tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni, b’mod partikolari dik ta’ Tetra, ir-reputazzjoni eċċezzjonali ta’ Tetra u dik magħrufa ħafna ta’ Sidel fis-swieq tal-kartun u tal-PET, rispettivament, kif ukoll il-firxa wiesa’ ta’ prodotti u servizzi, inklużi s-servizzi ta’ wara l-bejgħ, li huma joffru.

198    Il-fakultà li jkollha l-entità l-ġdida biex teżerċita l-effett ta’ lieva mhijiex effettwata bl-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni sinjifikattiva tal-klijenti ta’ kull kontraenti fil-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostniet, fid-dawl tas-sovrapożizzjoni attwali li ġiet kkonstatata u fid-dawl tat-tkabbir mistenni fl-użu tal-PET għall-prodotti sensittivi, li n-numru ta’ klijenti li jużaw, fl-istess ħin, it-tagħmir tal-kartun u t-tagħmir tal-PET ser jiżdied u jista’, ta’ l-inqas fit-teorija, jirrappreżenta sovrapożizzjoni sinjifikattiva ħafna f’dak li jikkonċerna l-pakketti tal-prodotti sensittivi (premessa 341).

199    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta sostniet li l-entità l-ġdida jkollha l-possibbiltà li teżerċita effett ta’ lieva.

200    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-entità l-ġdida tkunx imħajra, kif tafferma l-Kummissjoni, biex tuża din il-possibbiltà minħabba t-tkabbir mistenni fl-użu tal-PET.

 ii) Livell ta’ tkabbir possibbli

201    Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kif tafferma l-Kummissjoni fis-seduta, li l-inċentiv għall-entità l-ġdida biex teżerċita l-effett ta’ lieva jiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq il-livell mistenni ta’ tkabbir tas-swieq tal-PET. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-volum prevedibbli tal-prodotti sensittivi ppakkjati fil-PET sal-2005, meta mqabbel mal-volum totali futur tal-prodotti ppakkjati fil-PET, jagħmel improbabbli, jew ta’ l-inqas inaqqas b’mod sinjifikattiv, l-imsemmi inċentiv, u dan kif tafferma r-rikorrenti.

202    Skond il-Kummissjoni “l-użu tal-PET fis-setturi tal-prodotti komuni ser jara tkabbir sostanzjali matul il-ħames snin li ġejjin” (premessa 103). Hija u tagħmel l-analiżi tagħha fir-rigward tat-tkabbir imsemmi, il-Kummissjoni użat b’mod partikolari l-istudju Canadean u l-istudji indipendenti u dan lil hinn mill-istudji tas-suq tagħha stess (premessa 104). Jeħtieġ l-ewwel nett li jitiqesu l-previżjonijiet rilevanti li saru fl-istudji tagħha.

203    Għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2005, l-istudju Canadean jipprevedi tkabbir ta’ 0.7 % fl-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-PĦL u ta’ 0.6 % għal dak tal-meraq (tabella 5, premessa 105). Fir-rigward tax-XTF u tax-xorb tat-te u tal-kafè, dan jipprevedi “tkabbir iktar malajr”, ta’ 1.5 u ta’ 5.1 % (premessa 107). Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-istudju indipendenti magħmul minn Canadean fl-2000 dwar id-dħul tal-PET fis-segment tal-meraq. Skond il-Kummissjoni, minkejja l-fatt li l-istudju juri li l-PET kien “ineżistenti” f’dan is-settur fl-2000, “jekk l-Ewropa ssegwi l-eżempji ta’ reġjuni oħra, dan jippreżenta potenzjal ta’ tkabbir enormi” (premessa 126).

204    L-istudju PCI, intitolat “Il-potenzjal tal-PET għall-ippakkjar ta’ prodotti tal-ħalib likwidi – 2001”) (“The Potential for PET in the Packaging of Liquid Dairy Products – 2001”), isostni li l-PET ma jistax jikseb ishma ġodda mis-suq fil-ħalib UHT u li jilħaq perċentwal ta’ 9.2 % mis-suq għall-ħalib frisk mhux bl-essenza u 25 % għax-xorb l-ieħor ibbażat fuq il-ħalib, jiġifieri l-ħalib bl-essenza, ix-xorb ibbażat fuq il-ħalib u fuq il-jogurt. Fir-rigward tas-settur tal-ħalib frisk ta’ kuljum, l-istudju PCI ma jipprevedix li l-PET “jkun jista’ jissostitwixxi l-pakketti eżistenti, essenzjalment il-kartun u l-HDPE, prinċipalment minħabba li dan huwa settur li, ġeneralment, huwa sensittiv għall-prezz” (PCI, p. 12, iċċitata fil-premessa 129).

205    L-istudju Warrick, intitolat “Rapport ta’ Warrick fuq is-swieq ta’ l-ippakkjar ‘Swieq ta’ l-ippakkjar mhux settiku fid-dinja u fl-Ewropa tal-Punent – 2000’” (Warrick Research Report Packaging Markets, “Aseptic Packaging Markets World and Western Europe – 2000”), jipprevedi, għall-perijodu li jkopri s-snin 1999 sa 2003, tkabbir ta’ 2.4 % ta’ dan is-suq fis-sena, li jwassal għal total ta’ 28 biljun litru ppakkjat (Warrick, p. 4). Filwaqt li hija tosserva li l-ħalib u l-meraq jirrappreżentaw madwar 80 % tal-volum ta’ prodotti ppakkjati b’mod mhux settiku (ara wkoll il-premessa 131), it-tkabbir previst kull sena għall-ħalib UHT u l-ħalib bl-essenza huwa ta’ 0.8 u ta’ 1 % rispettivament u huwa previst tnaqqis żgħir għax-xorb l-ieħor ibbażat fuq il-ħalib (Warrick, p. 6). Huwa previst li l-ippakkjar mhux settiku ser jikber b’madwar 50 % għall-perijodu li jkopru s-snin 1999 sa 2003 u li dan it-tkabbir ser jirrigwarda essenzjalment lill-PET, li l-użu tiegħu jista’ jirdoppja biex jilħaq 2 biljuni ta’ pakketti fis-sena (Warrick, p. 32, ara wkoll il-premessa 136). Dan it-tkabbir ser jikkonċerna b’mod partikolari t-te lest għax-xorb (Warrick, p. 16). Madankollu, huma l-pakketti tal-kartun mhux settiku li jikkostitwixxi 70 % tal-pakketti, li jirrappreżentaw 90 % tal-prodotti ppakkjati, f’termini ta’ volum (Warrick, p. 15). Huwa mistenni tkabbir fl-użu ta’ dawn il-pakketti ta’ madwar 2 % fis-sena, biex jintlaħqu 30.8 biljun pakkett għas-sena 2003. L-applikazzjoni ideali tal-pakketti tal-PET mhux settiċi ser tikkonċerna l-prodotti ta’ kwalità għolja li ma jeħtiġux ilqugħ assolut, bħalma huma x-xorb tat-te u tal-kafè (inkluż ix-xorb iżotoniku) u eventwalment, il-meraq u x-xorb ibbażat fuq il-meraq (Warrick, p. 4). Ħafna mit-tkabbir previst ser jikkonċerna lil dawn il-prodotti (Warrick, p. 32).

206    Skond l-istudju Pictet intitolat “Rapport ta’ analiżi, Pictet – ‘Il-magni ta’ l-ippakkjar fl-Ewropa, il-qlib lejn il-PET’ – Settembru 2000” (“Analysts’ Report, Pictet ‘European Packaging Machinery, Move into PET’ – September 2000”) il-PET jippreżenta vantaġġi għallmili fuq skala kbira ta’ prodotti għal konsum, bħalma huma l-ilma minerali u x-xorb bil-gass, u d-domanda mondjali futura għall-PET ser tikber b’10 % fis-sena, ħaġa li ser tkun ikkorroborata sew bl-użu tal-fliexken għall-prodotti sensittivi għall-ossiġnu (Pictet, p. 5 u 12). Skond dan ir-rapport, “il-kontenituri tal-PET jippreżentaw vantaġġi ta’ kompetizzjoni ċari fil-konfront tal-kartun mhux settiku [u] l-plastik ser jara sehem ikbar malajr għad-dannu tal-kartun” (Pictet, p. 11, ara wkoll il-premessa 138). Għalkemm ma ngħatawx ċifri fir-rigward tat-tkabbir fl-użu tal-PET għall-ħalib, huwa mistenni tkabbir ta’ 12 sa 25 % għall-meraq, għall-perijodu bejn l-1996 sal-2006.

207    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata, l-istess bħad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punt 90), li mill-istudju tas-suq magħmul mill-Kummissjoni jirriżulta li “t-terzi persuni urew li kienu ottimisti ħafna fir-rigward tat-tkabbir futur tal-PET ladarba l-ameljorazzjonijiet fit-teknoloġija għat-trattament barriera jkunu effettivi” (premessa 143). F’tali eventwalità, numru kbira ta’ operaturi jistennew tkabbir ogħla minn 50 % sal-2005 għall-ħalib u l-meraq għad-dannu tal-kartun. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma kinitx taqbel ma’ dan il-livell ta’ ottimiżmu imma, min-naħa l-oħra, kienet adottat previżjonijiet ħafna iktar prudenti (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

208    Id-deċiżjoni kkontestata tagħmel referenza għal ċerti previżjonijiet preċedenti ta’ Tetra u ta’ Sidel. B’hekk, fi preżentazzjoni li saret f’Mejju 2000, Sidel ipprevediet li l-bejgħ ta’ PET għall-meraq u x-xorb tat-te u tal-kafè kienu ser jaraw tkabbir ta’ iktar minn […] (premessa 139), filwaqt li l-president tagħha, f’intervista mogħtija lir-rivista PET Planet u ppubblikata matul l-istess xahar, iddikjara li huwa kien qed jipprevedi tkabbir ta’ […] % dovut għal “użi ġodda tal-materjal li jinkludu l-birra, il-ħalib, il-meraq […]” (premessa 139). Għal dak li jikkonċerna lil Tetra, issir referenza fid-deċiżjoni kkontestata għall-previżjoni tagħha ta’ tkabbir ta’ [20 sa 30 %] fis-sena matul is-snin sussegwenti għas-suq tal-mili tal-PET mhux settiku (premessa 140).

209    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni tipprevedi tkabbir importanti għas-setturi tal-PĦL u tal-meraq għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2005 li twassal il-PET biex ikollu sehem ta’ l-inqas ta’ 10 sa 15 % għall-ħalib frisk u 25 % għall-ħalib bl-essenza u x-xorb ibbażat fuq il-ħalib (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-ħalib UHT, li jirrappreżenta madwar 50 % tas-suq tal-ħalib, il-Kummissjoni tammetti li t-tkabbir futur tal-PET “mhuwiex ċert” (premessa 147) iżda tipprevedi, xorta waħda, li dan ser jilħaq il-1 %. Biċ-ċifra massima ta’ 15 % prevista għall-ħalib frisk u filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni l-previżjonijiet tagħha għax-xorb l-ieħor ibbażat fuq il-ħalib, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-PET ser iservi għall-ippakkjar, fl-2005, ta’ madwar 3 biljun litru fis-sena, jiġifieri 9 % tas-suq Ewropew tal-PĦL (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-meraq, filwaqt li pprevediet tkabbir li jiġġenera 20 % tas-suq totali sal-2005, il-Kummissjoni tammetti li dan it-tkabbir ser ikun dovut prinċipalment għall-qalba mill-ħġieġ għall-PET. Għal dak li jikkonċerna x-XTF u x-xorb tat-te u tal-kafè, hija ssostni li l-PET ser ikompli jikseb ishma mis-suq għad-dannu tal-kartun fejn jilħaq 30 % f’kull wieħed minn dawn is-setturi sal-2005.

210    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-raġunament tagħha ma jistrieħx fuq il-preċiżjoni tal-previżjonijiet tagħha peress li huwa paċifiku li fil-futur ser ikun hemm tkabbir sinjifikattiv. Waqt is-seduta hija aċċettat ukoll li, fid-dawl ta’ l-inċertezzi li jibqgħu fir-rigward ta’ kemm it-teknoloġiji għat-trattament barriera meħtieġa jistgħu jiġu applikati kummerċjalment, hija ma tistax tinsisti fuq it-tkabbir sinjifikattiv tal-PET għas-suq tal-ħalib UHT u li anke t-tkabbir żgħir previst fid-deċiżjoni kkontestata jista’ jirriżulta li huwa eżaġerat. Madankollu, hija enfasizzat in-natura għal kollox plawsibbli tal-previżjonijiet tagħha fir-rigward tat-tkabbir sostanzjali possibbli fl-użu ta’ dan il-materjal sal-2005 għas-setturi tal-ħalib frisk, tal-meraq, tax-XTF u, b’mod partikolari, għal dawk tax-xorb tat-te u tal-kafè.

211    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li ma jistax jingħad li l-użu tal-PET ser jara tkabbir effettiv għall-ħalib UHT u, konsegwentement, għal madwar nofs is-suq tal-PĦL.

212    Għal dak li jirrigwarda l-bqija tas-suq tal-PĦL, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport PCI, li huwa l-unika studju indipendenti li jikkonċentra fuq is-suq tal-PĦL, jipprevedi tkabbir li bih l-użu tal-PET ser jilħaq 9.2 % tas-suq għall-ħalib frisk li mhuwiex bl-essenza fl-2005 (PCI, 0. 64). Ma’ dan jiżdied il-fatt li, għal dak li jikkonċerna l-ippakkjar mhux settiku, ir-rapport Warrick isostni li ser ikun hemm biss tkabbir minimu għall-ħalib bl-essenza, jiġifieri 1 %, u tnaqqis żgħir għax-xorb l-ieħor li huwa bbażat fuq il-ħalib, waqt li r-rapport Pictet ma jipprovidx previżjonijiet speċifiċi dwar il-PĦL. Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma pprovatx, minkejja li hija ssostni dan fir-risposta tagħha, li l-previżjonijiet tagħha f’dak li jikkonċerna l-PĦL huma bbażati fuq analiżi prudenti ta’ l-istudji indipendenti jew fuq sett provi sodi u koerenti miksuba minnha permezz ta’ l-investigazzjoni tagħha fuq is-suq. L-istimi ta’ tkabbir li hija adottat (iktar ’il fuq, punt 209) mhumiex, fil-fatt, konvinċenti ħafna. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mir-rapport PCI li hija biss il-previżjoni tas-sehem mis-suq tal-PET ta’ 25 % għax-xorb l-ieħor li huwa bbażat fuq il-ħalib (jiġifieri l-ħalib bl-essenza, ix-xorb ibbażat fuq il-ħalib u fuq il-jogurt) sal-2005 li hija bbażata fuq bażi relattivament soda (PCI, p. 63 u 64). Madankollu, kieku jseħħ dan it-tkabbir, il-volum ikkonċernat jiżdied biss bi 62 000 tunnellata għas-sena 2000, u jlaħħaq 92 800 tunnellata fl-2005, tkabbir li mhuwiex sinjifikattiv ħafna meta mqabbel mal-madwar 120 miljun tunnellata ta’ ħalib prodott fil-Komunità kull sena (PCI, p. 9). B’mod iktar ġenerali, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax b’mod adegwat kif il-PET jista’ jaqbeż lill-HDPE bħala l-materjal prinċipali li jikkompeti mal-kartun, speċjalment fis-settur importanti ta’ l-ippakkjar tal-ħalib frisk, sal-2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax la ċ-ċifra globali li tirrigwarda l-użu tal-HDPE ta’ 17.3 % għall-PĦL ipprovduta minn Canadean għas-sena 2000 (ara t-tabella 3, premessa 66), u lanqas il-previżjoni li biha din iċ-ċifra tista’ tlaħħaq id-19.5 % sal-2005 (ara t-tabella 5, fil-premessa 105).

213    Fir-rigward tal-meraq, il-previżjoni tal-Kummissjoni hija inqas konvinċenti. Filwaqt li hija stess ammettiet li t-tkabbir in kwistjoni jikkonċerna prinċipalment il-qlib mill-ħġieġ għall-PET, hija ma tagħmel ebda analiżi tas-suq tal-ħġieġ. Fin-nuqqas ta’ tali analiżi, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li tivverifika l-previżjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-meraq. Tali analiżi kienet tkun indispensabbli biex tippermetti lill-Qorti tal-Prim’Istanza tivverifika l-livell possibbli tal-qlib mill-ħġieġ għall-kartun, il-PET u l-HDPE b’mod partikolari. Din l-analiżi kienet iktar indispensabbli fid-dawl tad-differenzi, fir-rigward tal-livell ta’ tkabbir u l-perijodi ta’ analiżi adottati, bejn il-previżjonijiet rilevanti magħmula mill-istudji Canadean u Warrick, minn naħa, u dawk ta’ l-istudju Pictet, min-naħa l-oħra.

214    Minn dan isegwi li l-previżjonijiet fuq it-tkabbir imħabbra mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-PĦL u l-meraq mhumiex ipprovati b’mod suffiċjenti skond il-liġi. Ċertament, huwa probabbli li jkun hemm ċertu tkabbir f’dawn is-setturi, speċjalment għall-prodotti ta’ kwalità għolja, imma hemm nuqqas ta’ provi konvinċenti dwar il-kobor ta’ dan it-tkabbir.

215    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-istudji indipendenti li sal-2005, x’aktarx, ser ikun hemm żieda mhux ta’ min wieħed jittraskuraha fl-użu tal-PET għall-ippakkjar tax-XTF u x-xorb tat-te jew tal-kafè, inkluż ix-xorb iżotoniku. Peress li l-livell ta’ dan it-tkabbir previst fid-deċiżjoni kkontestata ma ġiex iddubitat bis-serjetà waqt is-seduta mir-rikorrenti u peress li dan ma ġiex sopravvalutat meta mqabbel ma’ dak imħabbar fl-istudji msemmija, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball f’dan ir-rigward.

216    Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-użu tal-PET x’aktarx ser jiżdied sal-2005, anke jekk b’mod inqas ċar minn dak previst mill-Kummissjoni, l-inċentiv biex jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva ma jistax jiġi eskluż. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-modi li bihom tali effett ta’ lieva jista’ jiġi implementat mill-entità l-ġdida.

 iii) Fuq il-modi li bihom jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva

217    Il-modi li bihom jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva li huma elenkati fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata (iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq) huma bbażati fuq il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Fid-dawl b’mod partikolari ta’ l-impenn ta’ Tetra dwar it-trasferiment ta’ l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-forom, l-effett ta’ lieva jseħħ permezz ta’ żewġ kategoriji ta’ miżuri: minn naħa, bil-pressjoni li twassal għall-bejgħ marbut jew ta’ tagħmir u prodotti konsumibbli għall-pakketti tal-kartun miġbura flimkien mat-tagħmir għall-pakketti tal-PET. Din il-pressjoni tista’ tiġi eżerċitata fuq il-klijenti ta’ Tetra li jkollhom bżonn ikomplu jużaw pakketti tal-kartun għall-parti mill-produzzjoni tagħhom u fuq kollox fuq il-klijenti li jkollhom kuntratti twal ma’ Tetra għall-bżonnijiet tagħhom li jirrigwardaw il-pakketti tal-kartun (premessa 365, iċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ inċentivi, bħalma huma prezzijiet predatorji, kompetizzjoni ħarxa fil-prezzijiet u skontijiet ibbażati fuq il-fedeltà tal-klijent.

218    Madankollu, l-użu ta’ pressjoni, bħalma hija l-bejgħ sfurzat jew inċentivi, bħalma huma l-prezzijiet predatorji jew skontijiet ibbażati fuq il-fedeltà li mhumiex iġġustifikati oġġettivament, minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti bħalma hija dik li għandha Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku normalment jikkostitwixxi abbuż ta’ din il-pożizzjoni. Bħalma l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat diġà, l-użu possibbli ta’ dawn l-istrateġiji ma jistax jiġi preżunt mill-Kummissjoni, kif hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġġustifika deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni li tiġi notifikata lilha skond ir-Regolament (ara l-punti 154 sa 162 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-modi li bihom jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva u li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma limitati għal dawk li, ta’ l-inqas fl-apparenza, ma jikkostitwixxux abbuż mill-pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-kartun mhux settiku.

219    Għaldaqstant, bħala konklużjoni, l-istrateġiji li jirrigwardaw il-bejgħ marbut jew ta’ prodotti miġbura flimkien li mhuwiex fih innifsu sfurzat, l-iskontijiet marbutin mal-fedeltà li huma oġġettivament iġġustifikati fis-swieq tal-kartun jew l-offerti ta’ prezzijiet vantaġġjużi għat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun jew bil-PET, għandhom jitqiesu bħala li mhumiex predatorji fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C-62/86, Ġabra p. I-3359, b’mod partikolari l-punti 102, 115, 156 u 157; sentenza tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 sa 44, li tikkonferma s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Fennelly fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96 P, Ġabra p. I-1365, I-1371, b’mod partikolari l-punti 123 sa 130). F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ħaditx in kunsiderazzjoni l-impenn li jirrigwarda s-separazzjoni bejn Sidel u l-kumpanniji li jaqgħu taħt Tetra Pak, li kien miftiehem fil-prinċipju għall-perijodu ta’ għaxar snin, li bih m’għandha ssir ebda “offerta li tirrigwarda l-prodotti tal-kartun Tetra Pak u magni SBM ta’ Sidel flimkien”.

220    Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, Tetra talbet lill-Kummissjoni tieħu nota ta’ l-obbligi eżistenti tagħha taħt l-Artikolu 3(3) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/163/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1991, dwar proċediment taħt l-Artikolu [82] tat-Trattat [KE] (IV/31.043 – Tetra Pak II) (ĠU 1992, L 72, p. 1), li jiddisponi:

“Tetra Pak m’għandhiex tipprattika prezzijiet predatorji u lanqas prezzijiet diskriminatorji u m’għandha tagħti, lill-ebda klijent, fi kwalunkwe forma li tkun, skontijiet fuq il-prodotti tagħha jew kundizzjonijiet iktar favorevoli ta’ ħlas li mhumiex iġġustifikati b’kunsiderazzjoni oġġettiva. B’hekk għall-kartun, l-iskontijiet m’għandhomx jikkonċernaw ħlief il-kwantità ordnata, li m’għandhomx jingħaddu flimkien għall-kartun ta’ tipi differenti .”

221    Minn dan isegwi li Tetra uriet biċ-ċar il-volontà tagħha li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi speċjali li l-Artikolu 82 KE jimponilha minħabba l-pożizzjoni dominanti li hija għandha fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Hija tinsisti wkoll l-aċċettazzjoni tagħha għall-obbligi kollha rilevanti li ġew imposti lilha wara l-konstatazzjoni li saret fid-Deċiżjoni 92/163 dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 82 KE dwar dawn is-swieq. Iktar minn hekk, hija intrabtet, fil-kuntest ta’ din il-kawża, sabiex ma tagħmel ebda offerta konġunta li tirrigwarda l-prodotti tal-kartun tagħha u l-magni SBM ta’ Sidel.

222    Konsegwentement, l-uniċi modi ta’ bejgħ marbut jew ta’ prodotti miġbura flimkien li jista’ effettivament jiġi pprattikat mill-entità l-ġdida jikkonsisti f’bejgħ magħmul minn Tetra lill-klijenti preżenti tagħha tas-swieq tal-kartun li ma jistax ikun obbligatorju jew sfurzat u li ma jistax jikkonċerna ħlief lit-tagħmir ta’ l-ippakkjar bil-kartun u/jew il-prodotti tal-kartun, minn naħa, u t-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET ħlief il-magni SBM, min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll li, minkejja l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 177 u 369), fl-atti u fit-trattazzjoni tagħha, fuq l-importanza tal-kapaċità ta’ l-entità l-ġdida li toffri kważi t-tagħmir kollu meħtieġ għall-istallazzjoni ta’ linja ta’ produzzjoni integrata tal-PET, jirriżulta mill-impenji li mhux ser ikun possibbli li l-istess entità tagħmel offerta konġunta lill-klijent li tirrigwarda t-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun u linja ta’ produzzjoni integrata tal-PET, ta’ l-inqas inkwantu l-istess offerta jkun fiha magna SBM ta’ Sidel.

223    Barra minn hekk, għalkemm il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-diskriminazzjoni fil-prezzijiet ipprattikata minn Sidel fil-passat mhijiex, fid-dawl ta’ l-atti tal-partijiet u t-trattazzjonijiet tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-analiżi ekonometrika li fuqha hija bbażata, ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, hija ma tistax tikkostitwixxi prova suffiċjentement soda li l-entità l-ġdida ser tkompli b’aġir simili . L-entità l-ġdida, b’kuntrast ma’ Sidel qabel il-konċentrazzjoni, ser tkun marbuta mhux biss bl-impenji, imma wkoll bid-diversi obbligi li jillimitaw l-aġir ta’ Tetra.

224    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-possibbiltajiet li ser ikunu miftuħa għall-entità l-ġdida sabiex teżerċita effett ta’ lieva ser ikunu pjuttost limitati. L-eżami tal-konsegwenzi prevedibbli ta’ l-użu ta’ tali aġir mill-entità l-ġdida għandu jieħu dan in kunsiderazzjoni.

225    Waqt l-eżami tal-konsegwenzi prevedibbli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva, għandha ssir distinzjoni bejn id-diversi swieq ta’ tagħmir tal-PET u dawk is-swieq speċifiċi tal-magni SBM.

 iv) Fuq il-konsegwenzi prevedibbli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET ħlief għall-magni SBM

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

226    Bla preġudizzju għall-kontestazzjoni tar-rikorrenti dwar id-definizzjoni tal-Kummissjoni tas-swieq distinti għal kull kategorija ta’ prodott sensittiv li jista’ jiġi ppakkjat fil-kartun jew fil-PET (ara premessi 45 u 188), jirriżulta biċ-ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-għażla tal-Kummissjoni li tillimita l-analiżi tagħha għall-prodotti sensittivi eżaminati biss tirriżulta mill-fatt li dawn il-prodotti jistagħu, effettivament, ta’ l-inqas teknikament, jiġu ppakkjati kemm fil-PET kif ukoll fil-kartun u li t-tkabbir previst fl-użu tal-PET jagħmel il-qlib ta’ l-ewwel materjal għat-tieni wieħed prevedibbli. Fil-konklużjoni ta’ l-analiżi tagħha ta’ l-effett ta’ lieva, il-Kummissjoni tipprevedi t-trasformazzjoni tal-“pożizzjoni fuq quddiem” li jkollha l-entità l-ġdida “fis-suq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET […] f’pożizzjoni dominanti” (premessa 389). Peress li din l-analiżi tirrigwarda l-magni użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi, jeħtieġ għaldaqstant li jiġu analizzati l-konsegwenzi ta’ l-effett ta’ lieva eventwali fuq id-diversi swieq tat-tagħmir tal-PET identifikati fid-deċiżjoni kkontestata.

227    Għalkemm jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kif ippreċiżata mill-Kummissjoni b’mod partikolari waqt is-seduta, li l-preokkupazzjoni prinċipali tagħha dwar il-kompetizzjoni tikkonċerna l-ħolqien futur ta’ pożizzjoni dominanti għall-entità l-ġdida fis-swieq tal-magni SBM b’mod partikolari dawk b’kapaċità għolja, hija tinsisti fuq l-ksib potenzjali ta’ pożizzjoni dominanti fuq kull suq tat-tagħmir tal-PET li fuqhom ser tkun attiva l-entità l-ġdida. Għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ l-elementi oġġettivi li jirrigwardaw dawn is-swieq tal-PET, il-plawsibbiltà ta’ din il-previżjoni hijiex sostnuta bi provi sodi.

228    Fid-dawl ta’ l-impenn ta’ Tetra li tiddisponi mill-attività tagħha fil-forom tal-PET, is-swieq ikkonċernati huma dawk tat-teknoloġija għat-trattament barriera, tal-magni għall-mili mhux settiku u settiku tal-PET, kif ukoll tas-sistemi għall-għeluq tal-fliexken tal-plastik. Huwa xieraq ukoll li jiġu kkunsidrati l-interessi ta’ Sidel fis-swieq tat-tagħmir awżiljarju, prinċipalment il-konvejer, u t-tagħmir għall-ippakkjar tad-distribuzzjoni, bħalma huma l-“palletisers” li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata waqt is-seduta mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna n-natura attraenti tal-firxa ta’ prodotti (u servizzi) li jistgħu jiġu offruti mill-entità l-ġdida.

 Fuq it-teknoloġija għat-trattament barriera

229    Id-deċiżjoni kkontestata teżamina prinċipalment il-pożizzjoni tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija plażma, fejn din tiġi applikata għall-fliexken tal-PET permezz ta’ magni speċjalizzati fi stadju differenti wara l-infiħ tal-flixkun (premessa 272). Dan l-approċċ huwa ġġustifikat u mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Dan huwa bbażat fuq l-investigazzjoni tas-suq li saret mill-Kummissjoni dwar il-konċentrazzjoni notifikata, li biha, skond l-opinjoni mifruxa ħafna fis-settur, it-teknoloġija “multi-layer”, bħal dik ta’ Tetra magħrufa bħala “Sealica”, mhijiex it-“teknoloġija rebbieħa” jiġifieri t-teknoloġija tal-futur, ħaġa li ma tistax tingħad fir-rigward tat-teknoloġija plażma. Għaldaqstant, għandu jingħad li l-pożizzjoni tal-partijiet fil-qasam tat-teknoloġija plażma u l-effetti ta’ konglomerat prevedibbli mill-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata fuq din il-pożizzjoni.

230    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tammetti li, sallum, Sidel ma ratx xi suċċess kbir bit-teknoloġija tagħha magħrufa “Atis” (premessa 273). Barra minn hekk, hija ma kkontestatx il-konstatazzjoni tar-rikorrenti waqt is-seduta li biha jingħad li din hija teknoloġija intiża għall-ippakkjar tal-birra u fejn jingħad li Sidel iffaċċat problemi biex tiżviluppa din it-teknoloġija. Il-Kummissjoni llimitat ruħha biex tinsisti fuq l-importanza tat-teknoloġija Actis Lite, li għaliha saret referenza wkoll fl-istess premessa, ta’ l-inqas għal dak li jikkonċerna l-meraq. Fir-rigward ta’ Tetra, il-Kummissjoni tirreferi għal żewġ teknoloġiji differenti (premessa 274), jiġifieri t-teknoloġija magħrufa “Glaskin”, li hija teknoloġija plażma, u Sealica, filwaqt li tinnota d-deċiżjoni kummerċjali li tabbanduna l-imsemmija teknoloġija Sealica, liema deċiżjoni kkonkretizzat ruħha sussegwentement f’wieħed mill-impenji. Hija tikkonstata li, “[f]uq is-suq globali tat-teknoloġija barriera, it-tgħaqqid tat-teknoloġiji tal-partijiet ser jagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni sehem mis-suq ta’ madwar [10 sa 20 %] f’termini ta’ numru ta’ fliexken ittrattati bit-teknoloġija barriera li ġew prodotti fl-2000” (premessa 275). Hija ppreċiżat waqt is-seduta li din l-istima hija bbażata fuq dik tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni (punt 156 tan-notifikazzjoni), filwaqt li eskludiet mill-istima ċerti teknoloġiji magħrufa “monolayer” (jiġifieri plastik imtejjeb li jkun fiha diġà xi karatteristiċi tat-trattament barriera), waqt li l-kontraenti fil-konċentrazzjoni sostnew li dawn it-teknoloġiji kellhom jiġu inklużi hemmhekk (premessa 192 u 195 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 93 u 95).

231    Madankollu, il-Kummissjoni ddikjarat li l-kumplessità teknika tas-suq jipprekludiha milli tikkonferma, jew ixxejjen l-affermazzjoni tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni fejn tgħid li t-tgħaqqid tat-teknoloġiji Actis ta’ Sidel u Glaskin ta’ Tetra ma jikkostitwixxux, anke jekk dan huwa possibbli, barriera tal-plażma imtejba “rebbieħa” (premessa 279). Madankollu, hija kkonkludiet minn dan li “t-tgħaqqid tat-teknoloġiji tal-partijiet ser itejbu essenzjalment” il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida, “iżda mhux sal-punt li jwasslu għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq” (premessa 282).

232    Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li huwa ċar li sehem mis-suq ta’ [10 sa 20 %] huwa ħafna ’l bogħod milli jfisser pożizzjoni dominanti fuq is-suq imsemmi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fil-preambolu tar-Regolament (il-ħmistax-il premessa) hemm indikat li “konċentrazzjonijiet illi, minħabba s-sehem limitat tas-suq ta’ l-impriżi konċernati, x’aktarx ma jfixklux il-kompetizzjoni effettiva jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni billi, […] indikazzjoni f’dan is-sens teżisti, b’mod partikolari meta s-sehem tas-suq ta’ l-impriżi konċernati ma jkunx iktar minn 25 %.” Id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda prova addizzjonali li tista’ tiġġustifika t-teżi tal-Kummissjoni, ħlief forsi għad-diversi referenzi għas-saħħa finanzjarja ta’ l-entità l-ġdida u għar-reputazzjoni ta’ l-allegati programmi estensivi ta’ riċerka ta’ Tetra u ta’ Sidel, li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata f’diversi okkażjonijiet mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

233    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata ma ntweriex li r-rikorrenti tinsab f’pożizzjoni aħjar meta mqabbla mad-diversi kompetituri tagħha f’dan is-suq. Fin-notifikazzjoni, il-kontraenti fil-konċentrazzjoni sostnew li hemm ta’ l-inqas 20 kompetitur ieħor, attwali u potenzjali, li jaħdmu waħidhom, flimkien jew abbażi ta’ liċenza, għar-riċerka ta’ teknoloġija ta’ prestazzjoni għolja. Fost dawn il-kompetituri hemm impriżi b’riżorsi paragunabbli għal dawk ta’ l-entità l-ġdida. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-veraċità ta’ din l-informazzjoni hija essenzjalment, ikkonfermata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-premessi 69 u 87).

234    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskoperta tat-teknoloġija tal-futur normalment tkun l-unika ċirkustanza li tippermetti lill-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi attivi f’dan is-suq li jiksbu pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni, għaldaqstant, għamlet żball meta sostniet, ta’ l-inqas abbażi ta’ l-elementi li għalihom irreferiet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni modifikata ser ittejjeb essenzjalment il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida f’dak li jikkonċerna t-trattament barriera.

235    Isegwi li, fir-rigward tas-suq tat-teknoloġiji għat-trattament barriera, l-elementi pprovduti fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex suffiċjenti skond id-dritt biex juru li, fl-ipoteżi fejn l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva previst jseħħ, il-konsegwenzi prevedibbli tiegħu jkunu ta’ tali portata li jpoġġu lill-entità l-ġdida f’pożizzjoni li jiksbu pożizzjoni dominanti f’dan is-suq sal-2005.

 Fuq il-magni għall-mili tal-PET

236    F’dak li jirrigwarda l-magni għall-mili tal-PET, il-Kummissjoni żżomm id-distinzjoni li hija għamlet b’mod partikolari fil-każ Tetra Pak II bejn s-sistemi għall-ippakkjar mhux settiċi u dawk settiċi (premessi 201 u 204). Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti (premessa 51), li, wara kollox, insistiet li l-magni għall-mili tal-PET jiġu maqsuma bejn dawn iż-żewġ swieq ta’ prodotti distinti (notifikazzjoni, punt 312, premessa 200).

237    Għalkemm huwa paċifiku li l-mili mhux settiku huwa possibbli f’kontenituri tal-ħġieġ u pakketti tal-PET u tal-HDPE, il-Kummissjoni tosserva li l-kartun jirrappreżenta l-materjal ta’ ppakkjar mhux settiku predominanti (premessa 46). Dan il-metodu ta’ mili huwa, fil-fehma tagħha, użat prinċipalment għal ċerti prodotti sensittivi, “jiġifieri l-meraq (jew ix-xorb ibbażat fuq il-meraq)u l-[PĦL]”, għalkemm dawn il-prodotti jistgħu “jiġu ppakkjati wkoll b’mod settiku, fejn imbagħad ikollhom jiġi ddstribwiti b’mod irrefriġerat”, filwaqt li “l-parti l-kbira tal-prodotti l-oħra jiġu ppakkjati b’mod settiku, iżda d-distribuzzjoni tagħhom ma teħtieġx li tkun b’mod irrefriġerat” (premessa 47). Isegwi illi parti kbira mis-suq tal-prodotti sensittivi definit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-prodotti sensittivi li jappartjenu lis-“setturi tal-prodotti komuni” (premessa 45), jiġu mimlija b’mod settiku. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-pożizzjonijiet tal-kontraenti fil-konċentrazzjoni fis-suq tal-magni għall-mili settiku tal-PET.

–       Fuq il-magni għall-mili settiku tal-PET

238    Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi biss ftit informazzjoni dwar is-suq tal-magni għall-mili settiku tal-PET. Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni fiha, taħt it-taqsima “Predominanza ta’ Sidel fit-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET”, titlu li jirrigwarda “”l-esperjenza soda ta’ Sidel fil-qasam tal-mili settiku tal-PET […] u l-magni kkumbinati innovattivi” li jinkludi l-premessi 249 sa 255. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkonstata li Sidel tipproduċi magni għall-mili settiku (premessa 250). Fit-tielet lok, fir-rigward tal-magni kkumbinati, jiġifieri l-magni SBM u l-magni għall-mili integrati f’magna waħda u li l-metodu tagħha huwa deskritt bħala innovattiv (premessa 243), issir referenza għall-firxa ta’ magni “Combi SRU” (mili settiku ultra nadif) ta’ Sidel għall-prodotti sensittivi (premessi 173 u 254). Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata (premessa 84) li Sidel diġà biegħet tliet magni kkumbinati ta’ dan it-tip lill-Istati Uniti għall-mili tal-ħalib ta’ ħajja twila (“extended shelf life”). Fl-aħħar nett, il-fatt li Tetra mhijiex preżenti fuq is-suq tal-magni għall-mili settiku u li Sidel għandha sehem mis-suq ta’ inqas minn 10 % huwa rikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata (tabella 8, premessa 299).

239    Ma jirriżultax minn din l-informazzjoni li l-entità l-ġdida, li l-pożizzjoni tagħha mhux ser tkun bl-ebda mod imsaħħa minħabba l-kontribuzzjoni ta’ Tetra, tkun f’pożizzjoni li tikseb pożizzjoni dominanti fis-suq sal-2005, jekk qatt ikollha din il-pożizzjoni. Għalkemm huwa minnu li Sidel hija l-ewwel impriża li bdiet toffri magna kkumbinata tal-PET settika għall-prodotti li mhumiex sensittivi, fatt li ġie rikonoxxut fin-notifikazzjoni nnifisha (punt 380), u għalkemm jirriżulta biċ-ċar mill-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta li l-użu attwali ta’ dawn il-magni jibqa’ kważi esklużivament limitat għal dan is-settur [56 magna kkumbinata mibjugħa fuq livell mondjali minn diversi produtturi meta mqabbla ma’ żewġ magni biss mibjugħa fis-settur tal-mili mhux settiku, jiġifieri meta jiġi eskluż il-ħalib ta’ ħajja twila, li waħda minnhom inbiegħet minn Sidel], m’hemm ebda element fid-deċiżjoni kkontestata li tippermetti li jiġi konkluż li dan il-vantaġġ ta’ Sidel ser ikun imsaħħaħ bil-konċentrazzjoni sa dan il-punt, jiġifieri b’mod spekulatorju, li hija tasal sal-2005, biex ikollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni għall-mili settiku. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-fatt li d-diffikultajiet tekniċi li fil-preżent jipprekludu l-iżvilupp u l-bejgħ tal-magni kkumbinati għall-finijiet tal-mili mhux settiku ma jeżistux għal dak li jirrigwarda l-magni għall-mili mhux settiku. B’hekk, Tetra affermat matul is-seduta, mingħajr kontestazzjoni mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, li kważi l-produtturi kollha tal-magni għall-mili settiku diġà joffru magni kkumbinati settiċi.

–       Fuq il-magni għall-mili tal-PET mhux settiku

240    Permezz tal-ksib tagħhom fl-1999, Tetra u Sidel saru attivi fis-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku. Bejn l-1998 u l-2002, is-suq ta’ dawn il-magni ra żieda ta’ [70 sa 80 %] u l-Kummissjoni ssostni, abbażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fin-notifikazzjoni, li huwa ser jibqa’ jara tkabbir ta’ ta’ l-inqas [20 sa 30 %] matul is-snin li ġejjin (premessa 250). Fir-rigward ta’ l-ishma li għandhom Tetra u Sidel minn dawn il-magni li huma diġà installati fiż-ŻEE, ishma li huma ddefiniti f’termini ta’ kapaċità minħabba li dan huwa l-iktar metodu ta’ kalkolu affidabbli biex jirrifletti l-pożizzjoni reali tagħhom fuq dan is-suq ġdid u dejjem jikber, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-entità l-ġdida “ser tokkupa pożizzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku, peress li hija waħda mit-tliet atturi prinċipali f’dan is-suq b’terz tal-magni installati, teknoloġija għall-mili tal-PET mhux settiku ta’ l-ogħla livell, reputazzjoni soda tal-marka fis-settur mhux settiku u bejgħ internazzjonali” (premessa 290). Fir-risposti tagħha għad-domandi bil-miktub, il-Kummissjoni tammetti madankollu li din il-parti mis-suq għandha b’mod iktar preċiż tinftiehem bħala li togħla biss għal [25 sa 35 %]. Hija tirrikonoxxi li Procomac hija l-“mexxejja inkontestata” f’dan is-suq, li għamlet [… %] mill-bejgħ matul il-perijodu bejn l-1998 sal-2000, li jagħtiha [30 sa 40 %] tal-magni installati fl-2000 (premessi 288 u 289). Hija rrikonoxxiet ukoll li Procomac biegħet, fuq skala mondjali, ħames magni fuq il-21 magna mibjugħa fl-ewwel żewġ trimestri tal-2001 kontra t-tliet magni mibjugħa minn Sidel (premessa 289, nota ta’ qiegħ il-paġna 121), u li mill-1998 daħlu diversi kompetituri ġodda f’dan is-suq u “ħadu sehem ta’ [40 sa 50 %] tal-bejgħ ġdid bejn l-1998 u l-2000” (premessa 288).

241    L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-għaqda bejn l-attività ta’ Tetra u ta’ Sidel f’dan is-suq ma jippermettilhomx li jiksbu direttament pożizzjoni ta’ mexxejja f’dan is-suq, peress li din l-għaqda ma ssaħħaħx ħlief bi ftit (jiġifieri [0 sa 10 %]) is-sehem li għandha Sidel fil-preżent (ara l-punt 130 iktar ’il fuq). Fid-dawl tas-saħħa ta’ Procomac u fid-dawl ta’ l-intensità tal-kompetizzjoni fis-suq, speċjalment fir-rigward tal-kompetituri l-ġodda, mhuwiex probabbli li, abbażi ta’ l-ishma mis-suq li għandhom Tetra u Sidel fil-preżent, l-entità l-ġdida tkun tista’ tikseb fil-futur qarib pożizzjoni dominanti f’dan is-suq minħabba l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva mis-swieq tal-kartun mhux settiku. Dan huwa rikonoxxut, ta’ l-inqas b’mod impliċitu, mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata peress li din issemmi biss il-“pożizzjoni b’saħħitha” li jkollha l-entità l-ġdida fuq dan is-suq (premessa 290).

242    Jeżistu madankollu diversi elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jistgħu, prima facie, jikkorroboraw it-teżi tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq sal-2005. Hemm l-analiżi interna ta’ Tetra fejn jingħad li “jidher li hemm il-possibbiltà li impriża li taġixxi b’determinazzjoni tikseb il-pożizzjoni ta’ mexxejja” (premessa 289 li tirreferi għal dokument ta’ Tetra mehmuż man-notifikazzjoni), u l-eżistenza ta’ magni għall-mili mhux settiku tat-tip “LFA-20 ON” ta’ Tetra u “Combi SRA” ta’ Sidel (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

243    Madankollu, fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ Tetra, il-fatt waħdu li din Tetra ssostni li huwa possibbli li tinkiseb il-pożizzjoni ta’ mexxejja fis-suq, u b’hekk li tiġi ssostitwita Procomac bħala l-kumpannija predominanti, m’għandux minnu nnifsu, mingħajr elementi oħra li jostsnu din l-analiżi, ebda valur probatorju u, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma juri li tali pożizzjoni tista’ imbagħad tiġi ttrasformata f’pożizzjoni dominanti. Ċertament, il-Kummissjoni tenfasizza r-reputazzjoni inparagunabbli ta’ Tetra fil-qasam tal-mili mhux settiku tal-kartun, ħaġa li tista’ tagħmel iktar attraenti x-xiri ta’ magni għall-mili mhux settiku prodotti mill-entità l-ġdida, ta’ l-inqas għall-klijenti preżenti qodma ta’ tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku li huma fi ħsiebhom jaqilbu għall-PET, anke jekk it-teknoloġija relattiva għall-kartun ma tapplikax direttament għall-magni tal-mili tal-PET. Madankollu, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata ma fihiex eżami tal-vantaġġ li għandha l-impriża Serac f’dan il-qasam, li hija, ta’ l-inqas potenzjalment, ta’ importanza kummerċjali paragunabbli.

244    Skond in-notifikazzjoni, l-impriża Serac, b’kuntrast kemm ma’ Tetra u kif ukoll ma’ Sidel, hija waħda mil-pijunieri fil-mili tal-PET mhux settiku u fil-preżent għandha pożizzjoni b’saħħitha u rikonoxxuta f’dan il-qasam b’sehem mis-suq ta’ […] [%] fis-sena 2000 (punti 244 u 250). Barra minn hekk, hija għandha wkoll pożizzjoni predominanti fis-suq tal-mili mhux settiku tal-HDPE b’sehem mis-suq li jasal sa […] [%] (punt 323). Peress li d-deċiżjoni kkontestata tagħmel referenza għall-fatt li d-distinzjonijiet tekniċi eżistenti li jisseparaw attwalment is-swieq tal-magni għall-mili tal-PET u tal-HDPE “jistgħu jittaffew fil-futur” bl-iżvilupp ta’ magni bħalma huma l-LFA-20 ON ta’ Tetra, li huma “kapaċi li jaqilbu mill-mili mhux settiku tal-HDPE għall-mili tal-PET mhux settiku u viċe versa” (premessa 202), il-Kummissjoni kellha ta’ l-inqas teżamina l-vantaġġ apparenti ta’ Serac f’dan il-qasam. Dan huwa l-każ a fortiori minħabba l-pożizzjoni relattivament modesta ta’ Tetra fuq is-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku (premessa 284), fid-dawl tal-fatt li Tetra ma setgħetx, ta’ l-inqas sad-data tan-notifikazzjoni, tbiegħ magna għall-mili mhux settiku tal-HDPE, ħlief possibbilment għall-magna waħda li qed tiġi ttestjata (notifikazzjoni, punt 322) u l-fatt li l-magna LFA-20 ON qiegħda wkoll f’fażi li tiġi ttestjata (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

245    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għamlet żball meta naqset milli teżamina l-element fundamentali dwar l-intensità tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku, suq li ser jara, skond previżjoni mhux ikkontestata, tkabbir qawwi u kontinwu. Fuq din il-kwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tgħidx kif l-entità l-ġdida ser tasal, b’modi permissibbli ta’ eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva (ara l-punti 217 sa 224 iktar ’il fuq) biex timpedixxi lill-kompetituri ġodda l-oħra milli jidħlu fis-suq. Fi kliem ieħor, anke jekk tista’ tiġi kkonstatata żieda fil-bejgħ magħqud ta’ magni SBM ma’ magni għall-mili tal-PET mhux settiku, ma ġiex ippruvat li n-numru ta’ dan il-bejgħ jista’ jilħaq livell li jista’ jhedded il-kompetizzjoni qawwija eżistenti fuq dan is-suq, li hija rrappreżentata minn Procomac (ara l-punt 240 iktar ’il fuq).

246    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-plawsibbiltà tal-previżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ksib ta’ pożizzjoni dominanti futura fis-suq tal-magni għall-mili mhux settiku hija nieqsa.

247    Fir-rigward tal-magni kkumbinati tal-PET mhux settiku, il-Kummissjoni ddeċidiet fid-deċiżjoni kkontestata li ma tittrattahomx bħala suq separat (premessa 175). Għalkemm illum hemm magna waħda biss minn ta’ Sidel ta’ dan it-tip, jiġifieri l-“Combi SRA”, installata għand produttur Spanjol tal-meraq (premessa 85), jidher ċar li, fid-dawl tal-vantaġġi ta’ dawn il-magni (jiġifieri, essenzjalment, dawk li jinsabu elenkati fil-premessa 174, il-fatt li huma jieħdu inqas spazju u jeħtieġu inqas nies minn linja ta’ produzzjoni klassika tal-PET), is-suċċess kummerċjali ta’ din il-magna jsaħħaħ il-pożizzjoni attwali ta’ Sidel fis-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku. Madankollu, huwa ħafna inqas ċar li dawn il-vantaġġi huma suffiċjenti biex jippermettu lill-entità l-ġdida tikseb pożizzjoni dominanti fuq l-istess suq permezz tal-bejgħ ta’ magni tat-tip “Combi SRA”.

248    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma kkontestatx tnejn mill-affermazzjonijiet rilevanti li saru mir-rikorrenti waqt is-seduta fir-rigward ta’ dawn il-magni. Fl-ewwel lok, Tetra sostniet li wieħed mill-inkonvenjenti tal-magni kkumbinati li, ta’ l-inqas sallum, ikkontribwixxa biex jittardja l-bejgħ fis-settur tal-mili mhux settiku qiegħed fil-fatt li l-kundizzjonijiet mhux settiċi jridu jinżammu meta jkunu qed jitbiddlu l-forom. Fit-tieni lok, l-użu ta’ dawn il-magni huwa inqas flessibbli minn dak tal-magna SBM meta mgħaqqda mal-magna għall-mili tal-PET f’linja ta’ produzzjoni tal-PET normali.

249    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 174), ma tikkontestax l-affermazzjoni li għamlet Tetra fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet fejn issostni li l-magni kkumbinati ta’ ċerti kompetituri kbar ta’ l-entità l-ġdida, jiġifieri Krones u Procomac/Sipa, “għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess vantaġġi”. Barra minn hekk, Tetra sostniet ukoll, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u insistiet dwar il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta, li Procomac/Sipa biegħet l-unika magna kkumbinata mhux settika oħra li tinsab installata diġà fl-Ewropa. Din l-affermazzjoni mhijiex ikkontestata fid-deċiżjoni kkontestata u l-Kummissjoni illimitat ruħha biex tosserva fit-trattazzjoni tagħha li din kienet magna li kienet biss tat-tip “kważi-combi”. Fi kwalunkwe każ, hija l-Kummissjoni stess li enfasizzat l-investimenti li diversi impriżi attivi fuq is-suq tal-mili mhux settiku qegħdin jagħmlu sabiex jiżviluppaw magni kkumbinati mhux settiċi. Fid-dawl tal-livell preżenti tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, huwa probabbli li ta’ l-inqas wieħed mill-kompetituri prinċipali ser jirnexxielu, fil-futur qarib, ibiegħ magna kkumbinata li hija paragunabbli għall-“Combi SRA” ta’ Sidel.

250    Fl-aħħar nett,, fir-rigward tal-magni għall-mili fis-sħana li l-importanza tagħhom, ta’ l-inqas għas-suq Ġermaniż, ġiet enfasizzata mill-Kummissjoni waqt is-seduta, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tirrikonoxxi li dawn il-magni “ftit huma użati fiż-ŻEE” (premessa 171). Jidher li Sidel biegħet biss ħames magni minn dawn fiż-ŻEE (premessa 170), fuq total li fin-notifikazzjoni ġie stmat li huwa tal-bejgħ ta’ tmienja minn dawn il-magni (punt 315). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet li dawn il-magni ma kienux jikkostitwixxu suq distint minn dak tal-magni għall-mili mhux settiku. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-magni għall-mili fis-sħana jirrappreżentaw parti żgħira mis-suq tal-magni għall-mili mhux settiku u, fit-tieni lok, li ftit huwa probabbli li din il-parti tiżdied b’mod sinjifikattiv minħabba l-inkonvenjenti intrinsiċi ta’ din it-teknoloġija (bdil fit-togħma). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sehem mis-suq ta’ l-entità l-ġdida għall-magni tal-mili fis-sħana biex turi l-ksib futur ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku.

–       Konklużjoni dwar il-magni għall-mili tal-PET

251    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tas-swieq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku u settiku, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix elementi suffiċjenti skond id-dritt biex turi li l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata tagħmel possibbli, wara li jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva fir-rigward, essenzjalment, tal-klijenti attwali tal-kartun ta’ Tetra li jixtiequ jaqilbu għall-ippakkjar tal-prodotti sensittivi bil-PET, il-ħolqien futur, u sal-2005 l-iktar tard, ta’ pożizzjoni dominanti f’dawn is-swieq.

–       Fuq is-sistemi għall-għeluq tal-fliexken tal-plastik u t-tagħmir tal-PET awżiljari

252    Fir-rigward tas-suq tas-sistemi għall-għeluq tal-fliexken tal-plastik, jirriżulta mill-pożizzjoni relattivament dgħajfa ta’ Tetra f’dan is-suq, jiġifieri sehem mis-suq ta’ [10 sa 20 %] biss (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), li huwa wisq improbabbli li l-effett ta’ lieva previst ikun suffiċjenti, ta’ l-inqas fil-futur qarib, biex jittrasforma din il-pożizzjoni f’pożizzjoni dominanti. Għalkemm il-pożizzjoni attwali ta’ Sidel fuq ċerti mid-diversi swieq tat-tagħmir tal-PET awżiljari hija aqwa minn dik ta’ Tetra fuq l-imsemmi suq għall-għeluq tal-fliexken, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-affermazzjoni tar-rikorrenti fejn hija tgħid li l-ishma mis-suq in kwistjoni ġeneralment ma jaqbżux l-[20 sa 30 %] (premessa 257). Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix risposta għall-affermazzjoni li saret fin-notifikazzjoni fejn jingħad li t-tagħmir in kwistjoni mhuwiex teknikament ikkumplikat ħafna u jista’, fi kwalunkwe każ, jiġi pprovdut faċilment “mid-diversi kumpanniji tat-tagħmir” (punt 347).

253    Għaldaqstant jidher ċar li hija nieqsa l-prova dwar il-probabbiltà tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta’ l-entità l-ġdida f’dawn is-swieq sal-2005.

–       Konklużjoni ġenerali fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET ħlief għall-magni SBM

254    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix elementi ta’ prova li huma suffiċjentement konvinċenti biex juru li, wara l-effett ta’ lieva eżerċitat mis-swieq tal-kartun mhux settiku, ser tinħoloq, favur l-entità l-ġdida sal-2005, pożizzjoni dominanti fis-swieq tat-teknoloġija għat-trattament barriera, tal-magni għall-mili mhux settiku u settiku, tas-sistemi għall-għeluq tal-fliexken tal-plastik u tat-tagħmir awżiljari.

255    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni insistiet b’qawwa fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-entità l-ġdida f’dawn is-swieq tat-tagħmir tal-PET ser jirriżulta, b’effett ta’ katina, mill-pożizzjoni miksuba fis-swieq tal-magni SBM. Madankollu jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din l-analiżi ma tidhirx espliċitament fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma ġietx ippruvata b’mod suffiċjenti skond id-dritt. Fi kwalunkwe każ, il-pożizzjoni prevedibbli ta’ l-entità l-ġdida fis-swieq tat-tagħmir tal-PET ħlief għall-magni SBM, kif ġiet ikkonstatata iktar ’il fuq, hija suffiċjentement dgħajfa tant li, anke jekk tali effett ta’ katina jkun prevedibbli, dan l-effett ma jbiddilx fundamentalment din il-pożizzjoni.

256    Fin-nuqqas ta’ provi sodi, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward ta’ l-imsemmija swieq tat-tagħmir tal-PET, l-ewwel kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament mhijiex issodisfatta.

257    Jeħtieġ issa li tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-magni SBM

 v) Fuq is-swieq tal-magni SBM

 Fuq in-natura ġenerika tal-magni SBM

258    Għandhom jiġu eżaminati l-ewwel nett l-elementi li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni meta għamlet distinzjoni bejn is-swieq iżgħar speċifiċi tal-magni SBM skond il-prodotti sensittivi, ħaġa li hija kkontestata mir-rikorrenti minħabba n-natura ġenerika ta’ dawn il-magni.

259    Il-Kummissjoni tikkonstata l-ewwel nett, fid-deċiżjoni kkontestata, li “anke għal tagħmir allegatament ‘ġeneriku’ bħall-magna SBM, huwa ġustifikat li jiġi eżaminat is-suq tat-tagħmir skond is-setturi ta’ konsum finali”, ħaġa li hija “iktar meħtieġa meta wieħed ikun qiegħed iqabbel is-sistemi sħaħ għall-ippakkjar sabiex jistabbilixxi jekk dawn jistgħux jew le jiffurmaw parti mill-istess suq ta’ prodotti” (premessa 43). Hija tirrileva mbagħad li kull prodott likwidu li huwa maħsub biex jiġi ppakkjat għandu l-“karatteristiċi proprji tiegħu li jiftħu jew ma jiftħux il-possibbiltà li tintuża forma partikolari ta’ ppakkjar”, biex imbagħad tikkonkludi favur li jsir tqassim skond l-użu finali tal-prodott u dan bħala strument ta’ analiżi tas-swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar tal-likwidi alimentari (premessa 44, iċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq). Għaldaqstant hija tagħmel id-distinzjoni bejn il-prodotti sensittivi li jappartjenu lis-“setturi tal-prodotti komuni” u l-prodotti l-oħra, abbażi tal-kapaċità tal-prodotti komuni biex jiġu ppakkjati, ta’ l-inqas mill-aspett tekniku, kemm fil-kartun u kif ukoll fil-PET, u dan b’kuntrast mal-prodotti li mhumiex sensittivi bħalma huma l-ilma minerali u x-xorb bil-gass li ma jistgħux jiġu ppakkjati fil-kartun (premessa 58). Filwaqt li aċċettat li “l-magni SBM huma, fil-parti l-kbira tagħhom, ‘ġeneriċi’” (premessa 177), il-Kummissjoni ssostni, fl-istess premessa, li “linja ta’ ppakkjar fil-PET, li minnha l-magna SBM tikkostitwixxi biss element wieħed, hija ġeneralment speċjalment addattata għall-prodotti ppakkjati mill-klijent”, ħaġa li b’mod partikolari tapplika għall-prodotti sensittivi. Dan l-argument ġie ribadit fl-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-effett ta’ lieva (premessa 369). Hija tiċċita l-eżempju tal-“SRS G Combi” ta’ Sidel, “li nħolqot għall-ippakkjar tax-xorb bil-gass [u li] ma tistax tkun ta’ sostitut għall-produttur tax-xorb li jkun jixtieq jippakkja l-meraq” (premessa 177), li għalih tkun meħtieġa l-magna “Combi SRA” mhux settika. Filwaqt li tiċċita l-komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Diċembru 1997 dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU 372, p. 5, punt 43), hija tikkonstata imbagħad li f’dan il-każ iż-żewġ kundizzjonijiet normalment meħtieġa għall-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ grupp distint ta’ klijenti, u b’hekk ta’ suq ta’ prodotti iktar dejjaq, huma sodisfatti: jiġifieri l-possibbiltà li jiġi stabbilit preċiżament għal-liema grupp jappartjeni klijent partikolari fil-mument meta huwa jixtri magna SBM u l-fatt li l-kummerċ bejn klijenti jew l-arbitraġġ permezz ta’ terzi persuni għal dawn il-magni ma jistgħux isiru (premessa 178).

260    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-enfasi li sar fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-prodotti sensittivi li jappartjenu lis-“setturi tal-prodotti komuni” hija bbażata fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-appartenenza ta’ dawn il-prodotti lill-kategorija tal-prodotti ppakkjati fil-kartun u l-possibbiltà, ta’ l-inqas mill-aspett tekniku, li dawn jiġu ppakkjati fil-PET, li, fid-dawl tal-livell ta’ tkabbir mistenni (ara l-punti 201 sa 216 iktar ’il fuq), ser issir probabbilment realtà kummerċjali pjuttost mifruxa sal-2005, ta’ l-inqas għax-XTF u x-xorb tat-te jew tal-kafè.

261    Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix provi sodi biżżejjed biex turi l-karatteristiċi allegatament partikolari tal-magni SBM użati għall-ippakkjar tal-prodotti sensittivi. Ċertament, magna kkumbinata partikolarment maħluqa għall-mili tax-xorb bil-gass ma tistax tintuża għall-meraq. Madankollu, dan bl-ebda mod ma juri li l-magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja, anke jekk dawn jiġu aġġustati qabel ma jinbiegħu skond ix-xewqat tax-xerrejja, ma jibqgħux, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, magni ġeneriċi, jiġifieri xierqa għall-ippakkjar ta’ diversi tipi ta’ prodotti.

262    Fir-rigward ta’ l-allegati karatteristiċi speċifiċi tal-forom ta’ l-ippakkjar skond il-prodotti kkonċernati, liema allegazzjoni saret mill-Kummissjoni, għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax li n-numru ta’ forom jiddetermina l-kapaċità tal-magna, tali karatteristiċi speċifiċi ma jurux li l-magni SBM, li l-forom tagħhom huma biss komponent wieħed minnhom, huma differenti l-waħda mill-oħra b’mod sinjifikattiv. Jirriżulta min-notifikazzjoni li d-dewmien medju ta’ forma hija biss madwar tliet snin, waqt li t-tul tal-ħajja tal-magna SBM hija ta’ ħmistax-il sena (punt 304). Għalkemm Sidel tipproduċi l-forom tagħha stess, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax l-informazzjoni pprovduta fin-notifikazzjoni fir-rigward tas-suq tal-forom, fejn jingħad li Sidel mhijiex attiva fuq dan is-suq (bħala fornitur tal-forom lil terzi persuni) u fejn jingħad li l-kompetizzjoni fost l-impriżi li huma attivi f’dak is-suq hija qawwija ħafna, b’mod partikolari dik ta’ SIG li, fuq is-sit ta’ l-internet, tippretendi li għandha pożizzjoni predominanti (punt 309).

263    Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tikkontesta l-affermazzjoni li saret fin-notifikazzjoni fejn jingħad li klijent, f’impjant kbir, jista’ juża diversi magni SBM sabiex jgħaqqadhom biex jissodisfa d-diversi bżonnijiet tal-produzzjoni tiegħu. Id-deċiżjoni kkontesta ma fiha ebda eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-flessibbiltà mitluba minn ċerti klijenti fir-rigward tal-forom tal-magni SBM tistax issib ġustifikazzjoni fil-ħtiġijiet marbutin ma’ dan l-użu.

264    Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal serje ta’ modifiki li jistgħu jsiru lil magna SBM sabiex jagħmluha iktar kapaċi jew iktar utli f’linja ta’ produzzjoni integrata tal-PET, bħaż-żieda ta’ sistema speċjali għall-filtrazzjoni ta’ l-arja minfuħa jew it-trattament permezz tad-dawl ultravjola biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni qabel ma jidħlu l-forom fil-magna. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li dawn il-modifiki juru li magna SBM li tiġu użata f’linja ta’ produzzjoni ta’ mili tal-PET għandha karatteristiċi partikolari ħafna, li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata (premessa 177). Tetra, filwaqt li tikkontesta l-attribuzzjoni tal-Kummissjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi ta’ komponenti oħra fil-katina tal-produzzjoni tal-PET li attribwiethom lill-magni SBM, osservat madankollu li dawn il-modifiki jirrappreżentaw biss 5 % ta’ l-ispiża ta’ magna SBM.

265    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li ma saret ebda referenza għal din l-informazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm din id-deċiżjoni ġustament tagħmel enfasi fuq l-importanza ta’ l-eżiġenzi partikolari tal-klijenti li jkollhom bżonn, b’mod partikolari, ta’ linja ta’ produzzjoni tal-mili tal-PET mhux settiku, jiġifieri jkollhom bżonn essenzjalment garanzija li dan mhux settiku, dan l-element ma jistax jiġġustifika d-definizzjoni ta’ suq iżgħar distint għall-magni SBM użati fil-linja ta’ produzzjoni tal-mili ta’ prodotti sensittivi in kwistjoni. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li kull magna SBM trid tiġi installata f’linja ta’ produzzjoni tal-PET sabiex tkun utli għax-xerrej tagħha ma jiġġustifikax li l-karatteristiċi speċifiċi tat-tagħmir tal-PET l-ieħor fl-istess linja ta’ produzzjoni, u b’mod partikolari dak għall-mili tal-PET mhux settiku, jiġu attribwiti lill-magni SBM innifishom.

266    In-natura ġenerika tal-magni SBM għandha tiġi aċċettata iktar u iktar peress li l-Kummissjoni, fis-seduta, ma kinitx f’pożizzjoni li taqleb l-affermazzjoni ta’ Tetra fir-rigward ta’ l-ispiża relattivament baxxa, meta mqabbla ma’ l-ispiża ta’ magna SBM magħrufa bħala “standard”, speċjalment fil-każ ta’ magna SBM b’kapaċità għolja, tal-modifiki li jaf ikunu mixtieqa biex din il-magna issir iktar kompatibbli ma’ l-użu ta’ magni għall-mili tal-PET mhux settiku u settiku, u, eventwalment mal-magni għall-mili mhux settiku li huma kapaċi li jaqilbu mill-PET għall-HDPE.

267    Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-magni kkumbinati, li l-użu tagħhom għall-mili mhux settiku jibqa’ limitat ħafna (ara l-punti 248 u 249 iktar ’il fuq), ma jikkostitwixxux suq distint, kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni kkontestata.

268    Fir-rigward tal-possibbiltajiet li jiġi stabbilit bi preċiżjoni f’liema grupp jappartjeni klijent partikolari fil-mument meta huwa jixtri magna SBM u jekk hux possibbli, ta’ l-inqas fil-ġurnata tallum fiż-ŻEE, li tali klijent ifittex prezz aħjar billi jirrikorri għall-arbitraġġ bejn il-fornituri disponibbli, jidher biċ-ċar li dawn il-possibbiltajiet, jekk ikunu jeżistu, japplikaw kemm għall-magni SBM użati għall-prodotti mhux sensittivi kif ukoll għal dawk użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi. Il-possibbiltà li l-entità l-ġdida tidentifika l-grupp li lilu jappartjenu l-klijent qiegħda fil-fatt li ħafna klijenti tas-swieq tal-kartun li jaqilbu għall-PET ikunu klijenti attwali ta’ Tetra. Madankollu, dan il-vantaġġ potenzjali, li jirriżulta mill-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” li għandha b’mod prevedibbli l-entità l-ġdida, ma jeskludix li dawn il-klijenti jkunu jistgħu jduru fuq fornituri oħra ta’ magni SBM jekk ma jibqgħux sodisfatti bil-kundizzjonijiet offruti mill-istess entità.

269    Abbażi ta’ l-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet b’hekk żball, minn naħa, meta kkonstatat li l-magni SBM huma “fil-parti l-kbira tagħhom, ‘ġeneriċi’” (premessa 177) u min-naħa l-oħra, billi għamlet distinzjoni bejniethom skond l-użu finali tagħhom. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix elementi biżżejjed biex tiġġustifika d-definizzjoni tas-swieq iżgħar distinti fost il-magni SBM skond l-użu finali tagħhom. Għaldaqstant, l-uniċi swieq iżgħar li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk tal-magni b’kapaċità baxxa u dawk b’kapaċità għolja.

 Fuq l-effetti prevedibbli ta’ l-esklużjoni

270    Għandu jiġi kkonstatat preliminarjament li ż-żewġ swieq distinti identifikati mill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-magni SBM għandhom differenzi notevoli f’dak li jikkonċerna l-livell u s-saħħa tal-kompetizzjoni preżenti li Sidel għandha tiffaċċja fis-swieq tal-magni SBM. Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati separatament il-konsegwenzi ta’ l-effett ta’ lieva prevedibbli eżerċitat mill-entità l-ġdida mis-swieq tal-kartun fuq is-swieq distinti tal-magni SBM b’kapaċità baxxa jew għolja.

–       Fuq is-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa

271    Għal dak li jirrigwarda l-magni SBM b’kapaċità baxxa, għandu jiġi mfakkar li l-konċentrazzjoni bl-ebda mod mhija ser issaħħaħ is-sehem mis-suq li Sidel għandha fil-preżent (ara l-punt 128 iktar ’il fuq). Il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li l-entità l-ġdida “hija bil-qabda l-attriċi prinċipali” f’dan is-suq u fejn jingħad li “ser jibqgħu fis-suq diversi kompetituri iżda li jkollhom ishma mis-suq żgħar li ma jaqbżux l-[10 sa 20 %]” (premessa 269), ma tikkostitwixxix, fid-dawl ta’ l-impenn ta’ Tetra li tinfired minn Dynaplast, li hija impriża li hija attiva f’dan is-suq, prova konvinċenti dwar il-probabbiltà ta’ ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti ta’ l-entità l-ġdida f’dan is-suq fil-futur. Il-Kummissjoni ssostni fl-atti tagħha – filwaqt li tirreferi għad-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata li l-kompetituri ta’ Sidel jistgħu jiġu esklużi mis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa (premessa 370) – li mhuwiex meħtieġ li jiġi ppruvat li l-kompetituri ta’ Sidel jkunu esklużi mis-suq sakemm jiġi ppruvat li huma jkunu ser jiġu emarġinati. Waqt is-seduta, hija insistiet fuq il-fatt li, bl-effett ta’ katina, il-konċentrazzjoni notifikata tkun tista’ tippermetti lill-entità l-ġdida tikseb pożizzjoni dominanti f’dan is-suq, fid-dawl ta’ l-eliminazzjoni tal-kompetituri ta’ Sidel u l-pożizzjoni diġà predominanti tagħha f’ċerti partijiet mis-suq, b’mod partikolari dawk tal-magni b’kapaċità baxxa li, madankollu, għandhom kapaċità għolja u mogħnija bit-teknoloġija rotatorja, jiġifieri t-teknoloġija użata fil-magni kollha b’kapaċità għolja ħlief għal dawk ta’ Sasib, li hija l-impriża li ġiet miksuba reċentement minn SIG u li l-magni tagħha jużaw teknoloġija linejari b’żewġ stadji mogħbija b’kapaċità li tilħaq […] ffs (notifikazzjoni, punt 48).

272    Biex tiġi eżaminata l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar dan is-suq, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat is-sehem minn dan is-suq li jkollha l-entità l-ġdida wara l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tammetti li Sidel għandha “sehem mis-suq ta’ [30 sa 40 %] f’termini ta’ kapaċità u ta’ unitajiet mibjugħa fiż-ŻEE fl-2000” mis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa (premessa 233). Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-kompetituri ta’ Sidel, li l-iktar wieħed importanti huwa ADS li għandu sehem mis-suq ta’ madwar [10 sa 20 %] (premessa 233), huma “ħafna iżgħar” minnha. Peress li l-Kummissjoni, f’partijiet oħra fid-deċiżjoni kkontestata, tirreferi għall-“pożizzjoni fuq quddiem, b’[60 sa 70 %] tal-magni SBM”, li għandha Sidel fil-preżent, hija naqset biċ-ċar milli tieħu in kunsiderazzjoni l-impenn ta’ Tetra fir-rigward ta’ Dynaplast (premessa 370).

273    Fin-notifikazzjoni, hemm indikat li matul il-perijodu bejn l-1998 sal-2000, is-sehem mis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa li kellha Sidel kien, mingħajr eċċezzjoni, taħt l-40 % u li dan is-sehem kif ukoll dak ta’ Tetra – din Tetra daħlet f’dan is-suq wara li xtrat lil Dynaplast li kienet fl-aqwa tagħha fl-2000, u b’hekk b’sehem ta’ 24 % – kienu biss “stimi” li setgħu wkoll ġew esaġerati (punt 56). Filwaqt li ċċitaw l-ismijiet ta’ madwar tnax-il kompetitur ieħor, li skond il-kontraenti fil-konċentrazzjoni, kienu kollha kapaċi li jipprovdu magna SBM addattata għall-bżonnijiet ta’ kwalunkwe klijent tal-magni b’kapaċità baxxa, dawn il-partijiet insistew fuq il-fatt li s-suq kien suġġett għal kompetizzjoni mhux biss kbira, imma wkoll intensa (punti 57 u 71). Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (punt 51), Tetra osservat li żewġ kompetituri l-ġodda kbar kienu daħlu sussegwentement fis-suq fl-2001, u li wieħed minnhom , Uniloy, għandu pożizzjoni predominanti fis-suq tal-magni EBM waqt li l-ieħor, Husky, għandu pożizzjoni simili fis-suq tal-magni li jipproduċu l-forom, pożizzjoni li l-importanza tagħha ġiet rikonoxxuta fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 321, nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 138).

274    Id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni din l-informazzjoni, tillimita ruħha biex tirrikonoxxi, mingħajr ebda preċiżazzjoni oħra, li mill-1998 Sidel irreġistrat tnaqqis ta’ “0 sa 10 %] biss” fuq is-suq tal-magni b’kapaċità baxxa (premessa 238). Dan l-element waħdu mhuwiex biżżejjed biex jikkorrobora l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-entità l-ġdida se jkollha tiffaċċja biss kompetizzjoni negliġibbli, b’mod partikolari mingħajr il-mezzi u l-kapaċitajiet ta’ Dynaplast. Barra minn hekk, ma saret ebda evalwazzjoni, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-atti tal-Kummissjoni dwar id-destin prevedibbli tas-sehem mis-suq ta’ Dynaplast, li baqgħet dejjem tikber sal-2000. Waqt is-seduta, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-attività ta’ Dynaplast, li, matul perijodu relattivament qasir taħt il-kontroll ta’ Tetra (mill-1994 sa l-2000) setgħet tiskeb sehem mis-suq relattivament għoli, il-Kummissjoni sostniet li dan is-suċċess inizjali seta’ jiġi attribwit lis-saħħa finanzjarja ta’ Tetra u lil-fatt li Tetra kienet f’pożizzjoni li toffri bejgħ flimkien ta’ magni SBM u forom tal-PET. F’dan il-każ, fid-dawl ta’ l-impenn ta’ Tetra li tiddisponi mill-attività tagħha fil-forom u l-fatt li Sidel mhijiex attiva fis-suq tal-forom, l-entità l-ġdida mhux ser tibqa’ tista’ tuża din l-istrateġija. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għall-kompetituri tagħha, b’mod partikolari l-kompetitur il-ġdid Husky, li hija l-impriża Kanadiża predominanti fuq livell dinji fil-produzzjoni ta’ magni li jipproduċu l-forom.

275    Id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda prova li turi li l-entità l-ġdida tkun f’pożizzjoni li tikseb sehem partikolarment kbir mill-klijenti qodma ta’ Dynaplast jew, b’mezzi oħra, tikseb, fil-futur qarib, u b’mod partikolari sal-2005, klijenti ġodda biżżejjed biex jippermettulha tasal li jkollha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa. Din il-pożizzjoni mhijiex prevedibbli a fortiori fid-dawl tal-portata u n-natura dejjem tikber tal-kompetizzjoni preżenti f’dan is-suq.

276    Kemm fl-atti tagħha kif ukoll fit-trattazzjoni tagħha, il-Kummissjoni, filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-pożizzjoni ta’ Sidel f’dan is-suq tal-magni b’kapaċità għolja u bil-fatt li xebbhet, ta’ l-inqas parzjalment, il-bejgħ tal-magni SBM b’kapaċità baxxa u l-ippakkjar tal-prodotti mhux sensittivi, enfasizzat is-saħħa ta’ l-entità l-ġdida “fis-swieq tal-PET tal-futur (jiġifieri s-swieq tax-xorb ‘sensittiv’)” (premessa 369). Skond id-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq li jkollha l-entità l-ġdida fis-“suq tal-magni SBM (indipendentement mit-tip ta’ użu) […] iħalli suġġett għall-kompetizzjoni parti żgħir biss mis-suq”, waqt li s-“swieq tal-prodotti […] mhux sensittivi huma mifqugħa u […] għandhom jikbru ftit biss” (premessa 370). Il-konklużjoni li tirrigwarda din is-saturazzjoni hija bbażata fuq relazzjoni li tidher fil-kontijiet annwali ta’ Sidel għall-1999 u fuq studju ta’ BNP-Paribas fuq Sidel, tad-9 ta’ Ottubru 2000.

277    F’dan il-każ, l-importanza tas-suq tal-magni b’kapaċità baxxa ma tistax b’hekk tiġi mminimizzata, la ġeneralment u lanqas għal dak li jikkonċerna l-prodotti sensittivi. Mill-fajl jirriżulta li, ta’ l-inqas sallum il-ġurnata, għad ma kienx hemm xi differenza kbira fl-użu kemm tal-magni b’kapaċità baxxa kif ukoll tal-magni b’kapaċità għolja fl-ippakkjar tal-prodotti mhux sensittivi. Bħalma ssostni r-rikorrenti fis-seduta, kollox jiddependi mill-bżonnijiet tal-klijenti. Mix-xorb kollu attwalment ippakkjat fil-PET, 95 % jaqa’ fil-kategorija tal-prodotti mhux sensittivi. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata ma saret ebda analiżi tat-tqassim tal-magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja skond il-prodotti. Fin-notifikazzjoni, ġie indikat li l-magni b’kapaċità għolja jiġu mibjugħa normalment lill-klijenti l-kbar, bħalma huma […], li jipproduċu volum kbir ta’ xorb bil-gass u ilma (punt 93). Fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, Tetra osservat li l-iktar magna li tgħaġġel mibjugħa minn Sidel kellha kapaċità ta’ […] ffs u nbiegħet f’[…] lil […], li huwa produttur essenzjalment ta’ l-ilma u x-xorb bil-gass (punt 44) u li l-istess dikjarazzjoni injorat il-fatt li l-magni b’kapaċità baxxa, fost varjetà sħiħa ta’ użi, jintużaw ukoll għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi (punt 45).

278    Għal dak li jirrigwarda għalhekk il-prodotti mhux sensittivi, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li tevalwa b’mod preċiż il-livell ta’ bejgħ ta’ magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja għall-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti. Huwa probabbli li fid-dawl tal-volum kbir ħafna ta’ dawn il-prodotti li huma diġà ppakkjati fil-PET (iktar minn 35 biljun litru fl-1999 għall-ilma u xorb bil-gass skond it-tabella 2 tal-premessa 56) li l-bejgħ ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ magni ser jibqa’, anke wara l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata, għaddej sod fir-rigward ta’ l-ippakkjar ta’ prodotti mhux sensittivi. L-affermazzjoni li tirrigwarda l-allegata saturazzjoni fis-suq ta’ l-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti bil-PET ma ġietx ippruvata b’mod suffiċjenti skond id-dritt. Mingħajr ma jirreferu għas-suq potenzjali enormi għall-PET li tirrappreżenta l-birra, l-istudji indipendenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw li l-ippakkjar fil-PET tal-minerali, b’mod partikolari, ser ikompli jara tkabbir regolari. Isegwi li ma teżisti ebda prova li d-domanda għall-magni SBM b’kapaċità baxxa ser tonqos b’mod sinjifikattiv għall-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2005.

279    Fir-rigward ta’ l-ippakkjar tal-prodotti sensittivi, l-analiżi li saret fid-deċiżjoni kkontestata lanqas mhija konvinċenti. Skond l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, sallum il-ġurnata l-magni b’kapaċità baxxa intużaw ħafna, jekk mhux fil-parti l-kbira, għall-prodotti sensittivi. B’hekk, skond din ir-risposta, il-prestazzjoni medja tal-magni mibjugħa minn Dynaplast użati għall-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti kienet eżatt ftit iktar minn […] ffs, waqt li dik tal-magni ta’ Sidel kienet (ta’ l-inqas fir-rigward tal-meraq) ta’ […] ffs (punt 45). Ir-rikorrenti ppreċiżat li l-użu ta’ magni b’kapaċità baxxa jsib spjegazzjoni fil-fatt li x-xorb sensittiv, fil-preżent, huwa u jibqa’ fil-parti l-kbira tiegħu, “prodott niċċa” b’volum ta’ produzzjoni li huwa iżgħar minn ta’ prodotti oħra. Il-Kummissjoni rrispondiet fid-deċiżjoni kkontestata billi kkonkludiet li l-magni SBM kollha li għandhom kapaċità ogħla minn 8 000 ffs użati għal dan il-għan għandhom jitqiesu bħala magni b’kapaċità għolja u li l-użu tal-magni b’kapaċità baxxa jsib spjegazzjoni fil-fatt li l-klijenti ma jkunux iridu jixtru magni b’kapaċità għolja meta huma jarmaw għall-ewwel darba biex jippakkjaw prodotti sensittivi fil-PET (premessi 184 u 185). Anke jekk din l-evalwazzjoni mhijiex manifestament skorretta, xorta jibqa’ l-fatt li proporzjon imdaqqas ta’ magni SBM użati għall-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi, x’aktarx, ikun jikkonċerna magni b’kapaċità baxxa. Kif sostniet ir-rikorrenti waqt is-seduta, dan l-istatus quo jidher li huwa iktar prevedibbli f’dak li jikkonċerna x-xorb iktar speċjalizzat bħalma huwa x-xorb tat-te u tal-kafè u x-XTF, li ser jaraw ċerta tkabbir, fid-dawl tal-volum ta’ produzzjoni iktar limitat tagħhom meta mqabbel ma’ dak tal-PĦL u tal-meraq. B’hekk, parti kbira mit-tkabbir prevedibbli sal-2005 fl-ippakkjar tal-prodotti sensittivi fil-PET ser jikkonċerna probabbilment il-prodotti li għalihom ikun partikolarment xieraq l-użu ta’ magni b’kapaċità baxxa.

280    Id-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, ma tagħmilx analiżi suffiċjenti ta’ l-użu attwali u futur tal-magni SBM b’kapaċità baxxa. Jidher biċ-ċar li, bil-ħruġ ta’ Tetra minn dan is-suq, il-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida ser tibqa’, essenzjalment, intatta meta mqabbla mal-pożizzjoni attwali ta’ Sidel. F’dan il-każ, Sidel ser tkun ’l bogħod milli tokkupa pożizzjoni dominanti. Għalkemm l-entità l-ġdida tibqa’ l-iktar impriża importanti f’dan is-suq, b’sehem mis-suq ta’ madwar [30 sa 40 %], hija għandha tiffaċċja l-kompetizzjoni ta’ mill-inqas tnax-il impriża oħra, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kompetituri l-ġodda li għadhom kif daħlu fis-suq (ara l-punt 272 iktar ’il fuq).

281    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix provi suffiċjentement sodi biex turi li, wara l-effett ta’ lieva fir-rigward tal-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra li jixtiequ jixtru magna SBM b’kapaċità baxxa jew sistema ta’ ppakkjar fil-PET li jkun fiha magna SBM b’kapaċità baxxa, l-entità l-ġdida ser tkun f’pożizzjoni li temarġina lill-kompetituri tagħha, b’mod partikolari lil dawk li l-klijentela tagħhom hija magħmula prinċipalment minn produtturi tax-xorb mhux sensittivi u tal-birra, sal-punt li jirnexxielja tittrasforma l-pożizzjoni attwali tagħha f’pożizzjoni dominanti sal-2005. Din il-konklużjoni tapplika a fortiori meta l-offerta ta’ bejgħ ta’ prodotti miġbura flimkien magħmula mill-entità l-ġdida ma tistax tinkludi din il-magna.

282    Fir-rigward ta’ l-argument li bih il-ksib ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni b’kapaċità baxxa tista’ tkun possibbli, minħabba l-effett ta’ katina li jirriżulta mill-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fil-futur fis-suq tal-magni b’kapaċità għolja, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, l-analiżi li saret fid-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix din il-possibbiltà, u għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex f’pożizzjoni li teżaminaha.

283    Konsegwentement, fir-rigward tal-magni SBM b’kapaċità baxxa, għandu għalhekk jiġi konkluż li, safejn il-Kummissjoni tipprevedi l-ħolqien probabbli ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq sal-2005, in segwitu għall-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq is-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja

284    Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament enfasizzat il-predominanza ta’ Sidel f’dan is-suq. Bħalma l-Kummissjoni nnutat waqt is-seduta, b’sehem mis-suq ta’ [60 sa 70 %] f’termini ta’ kapaċità, Sidel hija tliet darbiet ikbar minn kull wieħed mit-tliet kompetituri prinċipali u kważi [45 sa 55 %] ikbar mill-kompetituri kollha f’dan is-suq. Għaldaqstant, hija għandha bil-qabda l-pożizzjoni ta’ fuq nett f’dan is-suq. Madankollu, hija m’għandhiex pożizzjoni dominanti (premessa 248) u Tetra mhija ser tagħti xejn lill-entità l-ġdida f’dak li jikkonċerna lil dan is-suq.

285    Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi evalwat, l-ewwel nett, jekk il-konċentrazzjoni modifikata tkunx tippermetti lill-entità l-ġdida, permezz ta’ l-effett ta’ lieva eżerċitat fir-rigward tal-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra, li sal-2005 taqbad biżżejjed klijenti oħra fis-suq tal-PET biex tikseb pożizzjoni dominanti fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja u jekk, f’dan il-każ, tiddgħajjifx b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni li tibqa’.

286    Ċertament, għal dak li jikkonċerna lix-XTF u x-xorb tat-te jew tal-kafè u probabbilment għall-meraq, ta’ l-inqas dawk ta’ kwalità għolja, l-entità l-ġdida ser tkun f’pożizzjoni li toffri lill-klijenti tagħha fis-swieq tal-kartun li jkunu jridu jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom għall-PET, bejgħ flimkien ta’ magni għall-mili tal-PET mhux settiku jew ta’ magni kkumbinati flimkien ma’ komponenti importanti oħra minn sistema tal-PET bħalma huma s-sistemi ta’ għeluq tal-fliexken. Dawn l-offerti jistgħu jkunu attraenti għal dawn il-prodotti fid-dawl ta’ l-importanza tal-garanzija li dan mhux settiku għal dawn il-klijenti u tar-reputazzjoni tajba li għandha Tetra fil-qasam tal-mili mhux settiku, speċjalment bħala fornitur tat-tagħmir għall-ippakkjar tal-kartun mhux settiku. Dan jista’ a fortiori jkun il-każ għall-klijenti li jkollhom kuntratti fit-tul ma’ Tetra.

287    Madankollu, hemm ċertu elementi li jnaqqsu l-importanza prevedibbli ta’ dawn il-vantaġġi, li l-parti l-kbira minnhom ma ġewx analizzati b’mod adegwat fid-deċiżjoni kkontestata.

288    Fl-ewwel lok, il-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” in kwistjoni f’din il-kawża ġie ssopravvalutat. L-estensjoni tat-tkabbir prevedibbli fl-użu tal-PET fost il-klijenti attwali ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku mhijiex sostanzjali (ara l-punti 201 sa 216 iktar ’il fuq). B’hekk, ftit li xejn huwa probabbli li l- imħaleb klijenti tagħha jkunu jixtiequ jaqilbu mill-kartun għall-PET fid-dawl tan-nuqqas ta’ lqugħ kontra d-dawl li jista’ jiġi applikat, fuq livell kummerċjali, b’mod sodisfaċjenti u bi spiża ogħla għal dan il-materjal milli l-kartun u l-HDPE (ara l-punt 34 iktar ’il fuq). Kieku kellu jkun hemm qlib sostanzjali lejn il-plastik, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax, b’mod adegwat, ir-raġunijiet li għalihom dan il-qlib ma jkunx, kollu jew parti minnu, lejn il-HDPE minflok il-PET. Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-fatt li l-Kummissjoni lanqas ma tinsisti fuq il-probabbiltà ta’ tkabbir kbir fl-użu tal-PET sal-2005 għall-ħalib UHT, li huwa settur importanti ħafna għall-PĦL. Barra minn hekk, huwa ċar li s-sehem mis-suq tal-PĦL li għandu diġà l-HDPE, li huwa l-materjal li illum huwa l-kompetitur prinċipali tal-kartun, għandu jikber sal-2005 fis-setturi importanti tal-ħalib UHT u tal-ħalib frisk, kemm skond l-istudji Canadean u kif ukoll skond l-istudju indipendenti PCI.

289    Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar partikolari l-ħalib frisk, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax b’mod adegwat ir-rapport bejn l-HDPE u l-PET. Fid-dawl tad-differenza fl-ispejjeż favur l-HDPE, li titla’ sa 10 %, huwa ta’ l-inqas daqstant probabbli li l-klijenti eżistenti ta’ Tetra li jixtiequ jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom tal-ħalib frisk lejn il-plastik jagħżlu l-HDPE iktar milli l-PET. Fil-fatt, il-ħalib frisk mhuwiex prodott li għalih il-vantaġġi kummerċjali li għandu l-PET huma ta’ xi importanza partikolari. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tispjega għaliex Tetra, li taġixxi bħala konvertitur fis-suq tal-HDPE, ser tkun ippreokkupata iktar tara lill-klijenti tagħha jaqilbu għall-PET minflok sempliċiment li tbiegħelhom, permezz ta’ ftehim HTW, fliexken tal-HDPE tal-plastik minfuħin skond il-bżonnijiet tagħhom, bħalma hija tagħmel fil-preżent fir-Renju Unit, skond ma jingħad fin-notifikazzjoni (punt 326). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat ukoll li l-entità l-ġdida ser tkun f’pożizzjoni li tipprovdi partijiet sinjifikattivi mil-linja ta’ produzzjoni tal-mili tal-HDPE, bħalma huma l-magni EBM u l-magni għall-mili tal-HDPE mhux settiku u settiku. Barra minn hekk, peress li t-teknoloġiji għat-trattament barriera mhumiex rilevanti għall-ħalib frisk, li jiġi mqassam f’katina rrefriġerata, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva jiġi kkunsidrat bħala strateġija utli għall-entità l-ġdida għal dak li jikkonċerna dawn il-prodotti, peress li diversi kompetituri ta’ l-entità l-ġdida jkunu kapaċi joffru kemm il-magni SBM kif ukoll il-komponenti l-oħra fil-linja ta’ produzzjoni tal-PET settiku li huwa meħtieġ għall-maħleb li jkun jixtieq jaqleb mill-produzzjoni tal-ħalib frisk fil-kartun għall-PET.

290    Fir-rigward tal-meraq, minkejja l-fatt li l-“Kummissjoni tantiċipa […] qlib sostanzjali mill-ħġieġ għall-PET u qlib iktar limitat mill-kartun għall-PET” (premessa 148), ma saret ebda analiżi dwar is-suq tal-ħġieġ. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li dan il-fatt ipoġġi b’mod partikolari lill-kompetituri tagħha SIG, Krones u KHS (Klöckner), li t-tlieta huma attivi fis-swieq ta’ l-ippakkjar fil-ħġieġ u fil-PET, f’pożizzjoni li biha jgawdu mill-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” fil-konfront tal-klijenti li jaqilbu mill-ħġieġ għall-PET. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma werietx b’mod suffiċjenti skond id-dritt il-portata tal-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” li jkollha l-entità l-ġdida fir-rigward tat-tkabbir, ta’ daqs mhux ċert, li x’aktarx iseħħ matul il-perijodu li jkopri s-snin 2000 sa 2005 fl-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-meraq.

291    Għal dak li jikkonċerna x-XTF u x-xorb tat-te jew tal-kafè, huwa paċifiku li l-volum ta’ prodotti ppakkjati jibqa’ pjuttost limitat. Anke b’żieda sal-2005 ta’ 20 sa 30 % għax-XTF u ta’ 25 sa 30 % għax-xorb tat-te jew tal-kafè (jiġifieri li tilħaq total ta’ 1.8 biljun litru ppakkjat fis-sena), il-portata f’termini ta’ volum tal-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” li ser ikollha l-entità l-ġdida ser ikun limitat. Barra minn hekk, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax il-previżjoni ta’ Canadean fir-rigward ta’ l-użu tal-kartun f’dawn is-setturi (użu ta’ 37 u ta’ 46 % huwa previst għal dawn il-prodotti sal-2005 meta mqabbel ma’ 42 u ta’ 53 % għas-sena 2000), hija ma tagħtix ir-raġuni li għaliha dawn iż-żidiet fl-użu tal-PET ser ikunu jippermettu lill-entità l-ġdida tikseb, b’effett ta’ lieva eżerċitat fir-rigward tal-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra, sehem mis-suq addizzjonali tal-magni SBM b’kapaċità għolja li jkun biżżejjed biex hija tikseb pożizzjoni dominanti. Din il-prova kienet a fortiori meħtieġa peress li huwa ta’ l-inqas probabbli li parti sostanzjali mill-magni użati fil-linji l-ġodda ta’ produzzjoni tal-PET destinati għal dawn il-prodotti niċċa jkunu magni b’kapaċità baxxa, li għalihom hemm kompetizzjoni qawwija ħafna (ara l-punti 271 sa 283 iktar ’il fuq).

292    Fit-tieni lok, l-impenn ta’ Tetra li ma toffrix il-bejgħ flimkien tal-prodotti tagħha tal-kartun u tal-magni SBM inaqqas il-portata ta’ l-effett ta’ lieva. Fil-fatt, klijent attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra jaf jiġbdu l-prezz attraenti ta’ xi komponent ta’ sistema għall-ippakkjar fil-PET li mhijiex magna SBM, b’mod partikolari l-komponent l-iktar importanti, jiġifieri l-magna għall-mili tal-PET mhux settiku, filwaqt li jixtri magna SBM mingħand wieħed mill-kompetituri attwali ta’ Sidel. Għalkemm huwa minnu li din l-għażla mhix possibbli jekk l-offerta ta’ prodotti miġbura flimkien tkun tikkonċerna magna kkumbinata, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-użu ta’ dawn il-magni, ta’ l-inqas għal dak li jikkonċerna s-suq tal-mili mhux settiku – li, b’mod ġenerali, huwa l-iktar wieħed ikkonċernat bit-tkabbir previst fl-użu tal-PET fis-setturi tal-prodotti sensittivi –, ser isir biżżejjed mifrux sabiex l-entità l-ġdida tkun tista’ effettivament tevita, permezz tal-bejgħ ta’ magni kkumbinati, l-impenn tagħha li tagħmilx offerti li jirrigwardaw it-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u l-magni SBM flimkien.

293    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni għamlet żball meta kkonstatat li, apparti SIG, “ebda fornitur ieħor tat-tagħmir għall-ippakkjar ma jkun f’pożizzjoni li joffri fl-istess ħin kemm it-tagħmir tal-kartun u tagħmir tal-PET” (premessa 372). Skond id-deċiżjoni kkontestata stess, eżempju reċenti ta’ l-introduzzjoni tal-PET għall-ħalib frisk huwa dak tal-maħleb Ċek OLMA. F’dan il-każ, hija Elopak li tipprovdi s-“sistema l-ġdida għall-ippakkjar fil-PET” in kwistjoni (premessa 94). Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li Elopak “ikkonkludiet xi ftehim mal-produtturi tat-tagħmir tal-PET biex tirrispondi għall-bżonnijiet tal-klijenti tagħha” (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 146, premessa 329). Għaldaqstant jidher ċar li ta’ l-inqas żewġ kompetituri kbar ta’ Tetra fis-swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun qegħdin diġà f’pożizzjoni li joffru fl-istess ħin prodotti tal-kartun u PET, u dan mingħajr il-limitazzjonijiet li jeżistu għall-firxa tat-tagħmir tal-PET in kwistjoni, li japplikaw għall-offerti ta’ prodotti miġbura flimkien li tista’ tagħmel l-entità l-ġdida. Fid-dawl b’mod partikolari tas-sovrapożizzjoni dejjem tikber tas-swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u fil-PET previst fid-deċiżjoni kkontestata, kien meħtieġ li ssir analiżi adegwata ta’ l-importanza potenzjali tal-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” li għandhom SIG u Elopak.

294    Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-evalwazzjoni tagħha ta’ l-effetti ta’ lieva prevedibbli eżerċitati mill-entità l-ġdida, hija wkoll ostakolata bil-fatt li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli tanalizza b’mod adegwat il-kompetizzjoni fis-suq tal-magni b’kapaċità għolja li Sidel trid tiffaċċja. Il-kompetizzjoni tat-tliet kompetituri prinċipali, jiġifieri SIG, SIPA u Krones hija, fil-fatt, issottovalutata. Dawn il-kompetituri setgħu jżidu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq minn [10 sa 20 %] sa [35 sa 45 %] fi tliet snin (mill-1997 sal-2000), fejn kull wieħed kiseb sehem mis-suq suq paraganuabbli, ħaġa li mhijiex ta’ min wieħed jinjoraha. Peress li s-suq huwa għalhekk manifestament suq suġġett għal kompetizzjoni dejjem tikber u, ta’ l-inqas, pjuttost sinjifikattiva, id-deċiżjoni kkontestata kellha teżamina b’mod iktar dettaljat kemm din il-kompetizzjoni tista’ tirreżisti prattiċi ta’ lieva min-naħa ta’ l-entità l-ġdida.

295    Fil-fatt, hija biss il-pożizzjoni ta’ SIG li ġiet eżaminata, u dan b’mod qasir. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li hija m’għandhiex “il-firxa sħiħa ta’ tagħmir tal-PET li għandha l-entità l-ġdida”, kif ukoll it-“teknoloġija ‘barriera’, li hija essenzjali għal kull dħul fis-setturi l-ġodda ta’ prodotti tal-PET” (premessa 372). Din l-affermazzjoni, mingħajr preċiżazzjonijiet oħra li f’dan il-każ huma nieqsa, ma tistax tiġi rrikonċiljata mal-kontenut tan-notifikazzjoni li turi, b’mod partikolari, il-pożizzjonijiet mhux ta’ min jinjorahom ta’ SIG fis-swieq tal-magni għall-mili tal-PET mhux settiku u settiku; fejn l-imsemmija pożizzjoni għal dan l-aħħar suq ġiet permezz tal-ksib reċenti ta’ Sasib. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li jeżistu “iktar minn għoxrin impriża” (premessa 87) li għandhom soluzzjonijiet tekniċi differenti f’dak li jikkonċerna l-ilqugħ kontra l-ossiġnu utli għall-meraq, il-mod li bih SIG ser tkun prekluża milli tikkompeti ma’ l-entità l-ġdida f’dan is-suq – fejn it-tkabbir, f’termini ta’ volum ser ikun probabbilment l-ikbar – ma jinsabx fid-deċiżjoni kkontestata. Inkwantu dan it-tkabbir jiġi mill-ħġieġ, SIG ser ikollha vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” li minnu ma tkunx tista’ tibbenefika l-entità l-ġdida. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-affermazzjoni tar-rikorrenti fejn jingħad li SIG kellha wkoll it-teknoloġija għat-trattament barriera meħtieġa għax-XTF u x-xorb tat-te u tal-kafè.

296    Iktar minn hekk, fin-noti tat-trattazzjoni u fit-trattazzjoni tagħha, Tetra enfasizzat li, waqt preżentazzjoni li saret f’April 2002 fl-ewwel kungress mondjali tal-PET, SIG iddeskriviet ruħha bħala fornitur li għandha l-kapaċità li toffri linja ta’ produzzjoni sħiħa għall-ippakkjar fil-PET. Minn din il-preżentazzjoni jirriżulta li SIG, b’kuntrast ma’ l-entità l-ġdida kif ser tirriżulta, b’mod partikolari, mill-impenn ta’ Tetra li tiddisponi mill-attività tagħha fil-forom, minn issa jibda jkollha preżenza fuq is-suq tal-forom. Barra minn hekk, jirriżulta min-notifikazzjoni li SIG għandha pożizzjoni importanti ħafna fis-suq tal-produzzjoni tal-forom għall-magni SBM, u għandha esperjenza ta’ iktar minn 50 sena fil-qasam tal-forom (punt 309).

297    Minn dan isegwi, abbażi ta’ l-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni għamlet żball meta ssottovalutat l-importanza tal-pożizzjoni attwali ta’ SIG fis-suq tal-magni b’kapaċità għolja u xejnet il-pożizzjonijiet li għandhom il-kompetituri prinċipali l-oħra ta’ l-entità l-ġdida, b’mod partikolari SIPA u Krones, f’dan is-suq.

298    Jeħtieġ ukoll li jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-magni SBM b’kapaċità għolja, l-istess bħal dawk b’kapaċità baxxa, huma effettivament ġeneriċi. Għaldaqstant il-kompetituri ta’ l-entità l-ġdida jista’ jkun li jokkupaw pożizzjonijiet importanti fil-bejgħ tal-magni SBM b’kapaċità għolja lill-produtturi tax-xorb mhux sensittivi u lill-birreriji li jippermettulhom li jirreżistu l-eżerċizzju eventwali ta’ l-effett ta’ lieva min-naħa ta’ l-entità l-ġdida, liema effett ikun bbażat fuq il-pożizzjoni ta’ l-istess entità l-ġdida fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun mhux settiku, fil-konfront tal-bejgħ ta’ magni SBM b’kapaċità għolja. Il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fejn jingħad, fil-fatt, li dan ma jistax ikun il-każ mhijiex ibbażata fuq provi suffiċjenti skond id-dritt.

299    Barra minn hekk, peress li l-effett ta’ lieva, li jeffettwa b’mod partikolari s-suq tal-magni b’kapaċità għolja, skond il-Kummissjoni, isir prevedibbli bit-tkabbir fis-settur tal-PET, jeħtieġ li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-birra tirrappreżenta parti sinjifikattiva mit-tkabbir previst f’dan is-settur. Il-fatt li l-birra ma tistax tiġi ppakkjata fil-kartun mhuwiex biżżejjed, waħdu, biex jiġġustifika n-nuqqas assolut li dan il-prodott sensittiv differenti jittieħed in kunsiderazzjoni (fejn l-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-birra jeħtieġ, skond il-premessa 41, kemm trattament barriera kontra d-dawl u kif ukoll kontra l-ossiġnu) fid-dawl ta’ l-iżvilupp tas-swieq tal-PET. Dan huwa a fortiori l-każ peress li ż-żieda fl-ippakkjar fil-PET hija prevista mhux biss mir-rikorrenti, imma wkoll fl-istudju Pictet.

300    Skond in-notifikazzjoni, kien previst tkabbir fl-ippakkjar tal-birra fil-PET ta’ madwar 10 % fis-sena għall-ħames snin li ġejjin (punt 86). Iktar minn hekk, bil-qlib ta’ 5 % tal-produzzjoni dinjija tal-birra għall-ippakkjar fi fliexken tal-PET, dan is-suq jara 15-il biljun pakkett fis-sena, li jagħmlu paragunabbli mas-suq attwali tax-xorb bil-gass mibjugħ fil-pakketti tal-PET fl-Ewropa (punt 15). Din il-previżjoni hija kkorroborata, ta’ l-inqas parzjalment, bl-istudji indipendenti ċċitati mill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-previżjonijiet tagħha stess dwar it-tkabbir fis-setturi tal-prodotti komuni. B’hekk, skond l-istudju Pictet, is-suq vast tal-birra qiegħed fil-punt li jinfetaħ għas-suq tal-PET (“the vast beer market is about to be opened for PET”, p. 10). In-notifikazzjoni tippreċiża wkoll li l-PET huwa użat diġà fl-Ewropa fl-ippakkjar tal-birra minn ċerti birreriji kbar, bħalma huma […] u dan grazzi għat-teknoloġiji għat-trattament barriera tat-tip multilayer ipprovduti mill-kompetituri ta’ Tetra u ta’ Sidel (prinċipalment Schmabach-Lubeca) (punti 119 u 157).

301    F’dan il-każ, peress li l-birra ma tiġix ippakkjata fil-kartun, l-entità l-ġdida m’għandha l-ebda possibbiltà biex teżerċita l-effett ta’ lieva fir-rigward tal-birreriji li jaqilbu mill-ħġieġ u l-bottijiet tal-metall għall-PET. Barra minn hekk, peress li xi wħud mill-kompetituri l-kbar ta’ l-entità l-ġdida fis-swieq tal-magni SBM [jiġifieri SIG, Krones u KHS (Klöckner)] huma attivi wkoll fis-swieq ta’ l-ippakkjar fil-ħġieġ u fil-bottijiet tal-metall, huma jkollhom il-vantaġġ ta’ “min jasal l-ewwel” fir-rigward tal-birreriji li jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom għall-PET. Jekk iseħħ tkabbir sinjifikattiv sal-2005 fir-rigward tal-birra, l-inċentivi għall-kompetituri ta’ l-entità l-ġdida biex jibqgħu fis-suq tal-magni SBM jintensifikaw. F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda analiżi dwar l-importanza potenzjali ta’ dan l-aspett.

302    Għandu jiġi osservat ukoll li, skond in-notifikazzjoni, it-teknoloġija għat-trattament barriera meħtieġa għall-ippakkjar tal-birra fil-PET tista’ tiġi mmodifikata biex tiġi applikata għall-prodotti sensittivi li jiffurmaw is-setturi tal-prodotti komuni, ta’ l-inqas għall-meraq (punti 119 u 157). Waqt is-seduta, ir-rikorrenti tenniet dan l-argument fejn sostniet li l-birra tippreżenta problemi tekniċi diffiċli ħafna biex jintuża l-PET (b’mod partikolari r-riskju li d-dijossidu tal-karbonju jaħrab mill-pakkett), imma li, jekk jiġu solvuti dawn il-problemi, it-teknoloġija in kwistjoni tista’ tintuża sabiex il-PET kemm mhux settiku u settiku jintuża għal affarijiet oħra. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tanalizza dan l-element, li huwa potenzjalment importanti ħafna.

303    Fil-kuntest ta’ l-analiżi prospettiva li saret mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-prodotti sensittivi l-oħra, hija suppost kellha tispjega r-raġunijiet li għalihom it-tkabbir potenzjali, sal-2005, fl-ippakkjar tal-birra fil-PET ma ġġustifikax l-analiżi ta’ l-influwenza li dan seta’ jkollu fuq l-inċentiv li jkollha l-entità l-ġdida biex teżerċita l-effett ta’ lieva fir-rigward tal-prodotti sensittivi li jaqgħu fis-setturi komuni definiti fl-analiżi tal-Kummissjoni.

304    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ġustament, waqt is-seduta, qajmet il-kwistjoni tal-konvertituri. Peress li l-konvertituri mhuwmiex attivi fis-swieq tal-kartun mhux settiku, l-implementazzjoni ta’ politika kummerċjali mill-entità l-ġdida intiża li teżerċita effett ta’ lieva ma tistax ixxekkilhom wisq fil-provvista ta’ fliexken tal-PET, fil-kuntest tal-ftehim HTW, u eventwalment, tal-magni SBM li huma jkunu xtraw mingħand il-produtturi tal-prodotti sensittivi, inklużi l-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra, li jagħżlu li jaqilbu parti mill-produzzjoni tagħhom għall-PET. L-istruttura industrijali attwali, jiġifieri dik li tirriżulta mill-istrateġija kummerċjali tal-fornituri tat-tagħmir tal-PET sabiex jikkonċentraw fuq il-bejgħ tat-tagħmir tal-PET iktar milli jagħmlu offerti għal sistema sħiħa bil-forom u mingħajrhom, tiffaċilita l-attività tal-konvertituri u hija rikonoxxuta fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 293 u 294). L-istess deċiżjoni kkontestata ma tispjegax kif iż-żieda sostanzjali sal-2005 fl-imsemmi bejgħ ta’ sistemi kompluti mill-entità l-ġdida meta mqabbel ma’ l-ammont attwali (jiġifieri 20 % tal-bejgħ ta’ magni SBM ta’ Sidel fl-2001) jista jkun biżżejjed biex jemarġina lill-konvertituri.

305    Il-Kummissjoni ssostni, madankollu, li l-konvertituri jiddependu, “sa ċertu punt”, fuq Sidel għax-xiri ta’ magni SBM u li huma “ser jibqgħu jiddependu fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni” (premessa 310). Waqt is-seduta, hija żiedet tgħid li l-assenza ta’ konvertituri fis-swieq tal-kartun hija ta’ inkonvenjent għalihom jekk huma jkunu jixtiequ jbiegħu magni SBM lill-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra. F’dan il-każ, fid-dawl tal-livell attwali tal-kompetizzjoni eżistenti, inkluż fis-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja, il-konklużjoni dwar id-dipendenza tal-konvertituri fuq Sidel mhijiex konvinċenti. Kieku l-kundizzjonijiet tal-bejgħ offruti mill-entità l-ġdida kellhom isiru inqas attraenti, il-konvertituri dejjem jibqgħalhom il-possibbiltà li jixtru dawn il-magni mingħand il-kompetituri attwali ta’ Sidel (ara l-punt 137 iktar ’il fuq), b’mod partikolari SIG, waqt li SIG u Elopak ikunu jistgħu joffrulhom ukoll tagħmir tal-kartun fil-każ li l-klijenti tal-konvertituri jkunu jridu provvista waħda konġunta ta’ tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET u bil-kartun.

306    Konsegwentement, fir-rigward tas-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja, l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni ma jiġġustifikawx il-konklużjoni tagħha fejn tgħid li sal-2005, kemm il-kompetituri ta’ l-entità l-ġdida kif ukoll il-konvertituri ser jiġu emarġinati minħabba l-effett ta’ lieva li teżerċita din l-entità fir-rigward tal-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra li, matul dan il-perijodu, jkunu jixtiequ jaqilbu totalment jew parzjalment għall-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-prodotti sensittivi.

 Konklużjoni dwar il-magni SBM

307    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata ma tippruvax b’mod suffiċjenti skond id-dritt li l-entità l-ġdida, sal-2005, tista’ tikseb pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-magni b’kapaċità baxxa u għolja u, b’hekk, li l-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikoli 2(3) tar-Regolament huma ssodisfatti għal dak li jikkonċerna dawn is-swieq.

 vi) Konklużjoni ġenerali dwar l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva

308    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, bil-fatt li bbażat ruħha fuq il-konsegwenzi ta’ l-effett ta’ lieva eżerċitat mill-entità l-ġdida sabiex tissostanzja l-konklużjoni tagħha fir-rigward tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET sal-2005, b’mod partikolari dawk tal-magni SBM b’kapaċità baxxa u għolja użati għall-prodotti sensittivi, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

309    Peress li l-kundizzjonijiet mitluba mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament mhumiex issodisfatti f’dak li jikkonċerna l-effett ta’ lieva previst mill-Kummissjoni, għandu jiġi analizzat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dak li jikkonċerna t-tieni pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni dwar is-swieq tal-kartun.

3.     Fuq it-tieni pilastru tar-raġunament li jirrigwarda t-tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali fis-swieq tal-kartun

a)     Kunsiderazzjonijiet preliminari

310    Id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-konċentrazzjoni modifikata tkun tippermetti lil Tetra ssaħħaħ “il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq ta’ l-ippakkjar fil-kartun billi telimina sors ta’ pressjoni tal-kompetizzjoni importanti” (premessa 390). Din il-kawża tqajjem għalhekk il-kwistjoni dwar jekk huwiex permess li l-Kummissjoni, meta hija tkun tixtieq tipprojbixxi konċentrazzjoni minħabba li hija tkun ser issaħħaħ xi pożizzjoni dominanti eżistenti, li f’dan il-każ hija l-pożizzjoni tal-parti xerrejja fis-swieq tal-kartun mhux settiku, tibbaża ruħha fuq l-eliminazzjoni, jew kif hija ppreċiżat waqt is-seduta, ta’ l-inqas fuq tnaqqis sostanzjali tal-kompetizzjoni potenzjali, iżda dejjem tikber, li tirriżulta mill-parti miksuba f’suq viċin ieħor, f’dan il-każ Sidel li għandha pożizzjoni importanti fis-swieq tal-PET.

311    Il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza Tetra Pak II, in sostenn ta’ l-analiżi tagħha dwar l-importanza tat-tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali msemmija. Hija ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-impenji bl-ebda mod ma kienu ser inaqqsu l-effetti negattivi li kienu ser jirriżultaw fuq il-kompetizzjoni li tirriżulta minn dan it-tnaqqis u li għalhekk, il-konċentrazzjoni tkun tippermetti lil Tetra tħossha inqas mhedda fis-swieq tal-kartun mhux settiku, ħaġa li ssarraf f’tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ l-istess Tetra peress li l-kompetizzjoni f’dawn is-swieq hija diġà limitata ħafna.

312    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, meta l-Kummissjoni tibbaża fuq l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni potenzjali, anke jekk tal-kompetizzjoni li tkun mistennija tikber, sabiex tiġġustifika l-projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni notifikata, l-elementi identifikati bħala li jikkostitwixxu t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandhom ikunu bbażati fuq provi sodi. Is-sempliċi fatt li l-impriża xerrejja tokkupa diġà pożizzjoni dominanti ċara ħafna fis-suq ikkonċernat, għalkemm huwa element importanti, kif tikkonstata d-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex suffiċjenti minnu nnifsu biex jiġġustifika l-konklużjoni li t-tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali li trid tiffaċċja din l-impriża tikkostitwixxi tisħiħ tal-pożizzjoni tagħha.

b)     L-argumenti tal-partijiet

313    Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li s-swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET u bil-kartun jibqgħu distinti minħabba, b’mod partikolari, l-elastiċità reċiproka dgħajfa fid-domanda b’referenza għall-prezz taż-żewġ materjali. Ir-rikorrenti ssostni li l-fatturi li jirrigwardaw il-kummerċjalizzazzjoni u t-teknoloġiji għat-trattament barriera huma, u ser jibqgħu, determinanti għall-għażla tal-pakkett u ser jimpedixxu, fil-futur, li tiżdied din l-elastiċità reċiproka fil-prezzijiet bejn il-PET u l-kartun.

314    L-argumenti speċifiċi tal-Kummissjoni dwar l-istrateġiji li Tetra tista’ ssegwi permezz ta’ l-entità l-ġdida biex issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku huma żbaljati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tiżbalja meta tippretendi li l-entità l-ġdida ser tkun imħajra ma tbaxxix il-prezzijiet tagħha u biex tieqaf tkun innovattiva fis-swieq tal-kartun.

315    Għal dak li jikkonċerna l-prezzijiet, il-konċentrazzjoni notifikata ma jkollhiex effett fuq l-inċentivi ta’ l-entità l-ġdida biex tbaxxi l-prezzijiet tal-kartun, peress li, fl-ewwel lok, il-klijenti tas-swieq tal-kartun li jaqilbu għall-PET għandhom ir-riskju li jfornu lilhom infushom bi provvisti minn wieħed mill-kompetituri ta’ Sidel, u fit-tieni lok, l-entità l-ġdida ċertament tasal biex tippreferi tbiegħ sistema ta’ ppakkjar fil-kartun flok magna SBM.

316    Għal dak li jikkonċerna l-innovazzjoni, il-konċentrazzjoni lanqas ikollha effett fuq ir-ritmu ta’ l-innovazzjonijiet fis-swieq tal-kartun. L-ewwel nett, in-nuqqas ta’ innovazzjoni fir-rigward tal-kartun jibbenefikaw minnu l-kompetituri attwali ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun. It-tieni nett, kif jixhed il-passat, il-mutur prinċipali ta’ l-innovazzjoni fil-kartun qiegħed fil-preferenzi tal-konsumaturi u fl-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni u mhux fil-fatt li wasal il-PET fis-suq ta’ l-ippakkjar.

317    Skond il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss tirrikonoxxi li l-entità l-ġdida tista’ sempliċiment tnaqqas it-teħid mill-qawwa tagħha fis-swieq tal-kartun imma tesponi wkoll li l-konċentrazzjoni notifikata “issaħħaħ” id-dominanza ta’ Tetra f’dawn is-swieq (premessa 399). Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza Tetra Pak II, il-Kummissjoni ssostni li meta l-pożizzjoni dominanti ma titħalliex tiddgħajjef favur sors estern ta’ kompetizzjoni, din il-prevenzjoni tista’ tiġi kkwalifikata bħala “tisħiħ” għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament.

318    Il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-fatt li s-sistemi għall-ippakkjar fil-kartun u fil-PET ma jappartjenux għall-istess suq, huma jistgħu jersqu lejn xulxin fil-futur u li diġà teżisti ċerta reċiproċità sinjifikattiva bejniethom. F’dan il-każ, peress li s-swieq tal-kartun mhux settiku huwa kkonċentrat ħafna, il-kompetizzjoni fl-istess swieq diġà ddgħajfet sal-punt li kull tnaqqis addizzjonali, anke dak li jirriżulta minħabba sorsi esterni, jista’ jkollu impatt sinjifikattiv. Il-Kummissjoni tafferma li l-kartun u l-PET ser jiġu użati fil-futur biex jiġu ppakkjati l-istess prodotti. B’hekk, il-PET ser jeżerċita pressjoni fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku mingħajr ma jkun meħtieġ li ż-żewġ materjali jappartjenu lill-istess suq tal-prodott rilevanti.

319    Fir-rigward tal-politika tal-prezzijiet ta’ Tetra, il-Kummissjoni ssostni li l-entità l-ġdida ser ikollha kapaċità ikbar biex taġixxi indipendentement mill-kompetituri tagħha. Din l-entità tista’ tattira lill-klijenti li jkunu jixtiequ jaqilbu mill-kartun għall-PET filwaqt li żżomm għoljin il-prezzijiet tal-kartun jew billi żżidhom b’iktar faċilità milli Tetra kienet tkun tista’ żżidhom kieku ma seħħitx il-konċentrazzjoni. L-entità l-ġdida jkollha, fi kwalunkwe każ, inċentiv ħafna iżgħar biex tikkompeti ħalli żżomm il-klijenti marġinali, peress li x’aktarx il-parti l-kbira tal-klijenti attwali tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra li jintilfu, ikunu attirati minn Sidel.

320    Fir-rigward tar-ritmu ta’ l-innovazzjoni fil-qasam tal-kartun, dan jiġi mbagħad determinat prinċipalment mill-kompetizzjoni li tkun ġejja mill-PET. Meta Tetra tipprovdi pakketti tal-kartun speċifiċi lill-klijenti tagħha, dan tagħmlu biex tippermettilhom jikkompetu ma’ prodotti ppakkjati fi fliexken tal-PET. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinsisti li t-titjib fl-għaġġla fil-produzzjoni tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun, li l-importanza tagħha tinsab rikonoxxuta fl-istudju indipendenti Warrick, ikun jista’ jippermetti lil Tetra tirreżisti aħjar it-theddida tal-kompetizzjoni li joħloq il-PET.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

321    Qabel ma tiġi eżaminata l-portata tal-kompetizzjoni potenzjali li tista’ tiġi eliminata jew imnaqqsa mill-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata, għandu jiġi vverifikat jekk il-ġurisprudenza Tetra Pak II, invokata mill-Kummissjoni, hijiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel xejn li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fejn jingħad li Tetra għad għandha pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-kartun mhux settiku u pożizzjoni predominanti fis-swieq tal-kartun settiku (ara l-punt 40 iktar ’il fuq).

322    Bħalma ssostni d-deċiżjoni kkontestata (premessi 224, 226 u 227), għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li, fil-prinċipju, ma jeżisti ebda impediment sabiex fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, tapplika t-teorija tal-“linkijiet ta’ l-irbit”, li l-applikazzjoni b’mod eċċezzjonali tagħha ġiet rikonoxxuta fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE mill-ġurisprudenza Tetra Pak II. L-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tieni pilastru tar-raġunament tagħha irrigwardat it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti attwali ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku li tirriżulta mill-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali min-naħa ta’ Sidel fis-swieq viċini tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET. F’dan il-każ, il-kawża li wasslet għas-sentenzi Tetra Pak II kienet tikkonċerna preċiżament aġir li seħħ fuq is-swieq tal-kartun settiku li kien, b’eċċezzjoni, jikkostitwixxi abbuż mill-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun mhux settiku, skond l-Artikolu 82 KE, peress li ż-żewġ kategoriji ta’ swieq kienu “marbutin mill-qrib” u li Tetra kienet sabet ruħha “f’sitwazzjoni li tixbah dik ta’ pożizzjoni dominanti fis-swieq in kwistjoni kollha” (sentenza tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

323    Madankollu, ir-referenza għall-ġurisprudenza Tetra Pak II mhijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li din il-kawża tikkonċerna biss l-effetti ta’ l-eliminazzjoni, jew tat-tnaqqis sinjifikattiv tal-kompetizzjoni potenzjali li, skond il-Kummissjoni, hija kbira u dejjem tikber. Huwa biżżejjed li jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li fost il-kriterji ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament li l-Kummissjoni trid tosserva fil-kuntest ta’ l-assessjar tagħha tal-konċentrazzjonijiet nnotifikati hemm l-“istruttura tas-swieq kollha kkonċernati u l-kompetizzjoni […] potenzjali minn impriżi […]” Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta eżaminat is-sinjifikat tat-tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali li tirriżulta mis-swieq tat-tagħmir tal-PET fis-swieq tal-kartun. Madankollu, huwa l-obbligu tagħha li turi li tali tnaqqis, jekk dan jeżisti, ikun intiż biex isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti ta’ Tetra fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku.

324    Bil-fatt li ssostni li minħabba l-konċentrazzjoni modifikata ser tiġi eliminata pressjoni kbira tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tibbaża prinċipalment fuq it-tkabbir konsiderevoli li hija tipprevedi fl-użu tal-PET għall-ippakkjar tal-prodotti sensittivi. F’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi ta’ l-ewwel pilastru dwar l-effett ta’ lieva (ara l-punti 201 sa 216 iktar ’il fuq) li dan it-tkabbir, ħlief għal dak li jirrigwarda x-XTF u x-xorb tat-te u tal-kafè, x’aktarx ikun ħafna inqas ċar minn dak li taħseb il-Kummissjoni. Fir-rigward tax-XTF u x-xorb tat-te u tal-kafè, id-deċiżjoni kkontestata stess tirrikonoxxi li l-influwenza potenzjali tagħhom fuq il-pożizzjoni tal-kartun, fid-dawl tan-natura “inqas importanti” ta’ dawn is-setturi, hija iktar limitata minn dik li tiġi minn prodotti sensittivi oħra (premessa 393). Għaldaqstant, abbażi ta’ l-elementi invokati fid-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit biċ-ċertezza meħtieġa biex tiġi ġġustifikata l-projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni jekk l-implementazzjoni tal-konċentrazzjoni modifikata tpoġġix lil Tetra f’sitwazzjoni fejn hija tkun tista’ tkun iktar indipendenti milli kienet fil-passat fil-konfront tal-kompetituri tagħha fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku.

325    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ż-żewġ elementi ta’ fatt fir-rigward ta’ l-aġir futur ta’ Tetra li fuqhom tibbaża l-Kummissjoni biex turi l-allegati effetti negattivi tal-konċentrazzjoni modifikata fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku, mhumiex, fi kwalunkwe każ, ippruvati b’mod suffiċjenti skond id-dritt. B’hekk, ma ġiex ippruvat li, fil-każ li tiġi eliminata jew imnaqqsa l-pressjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mis-swieq tal-PET, Tetra tkun imħajra ma tbaxxix il-prezzijiet tal-pakketti tal-kartun tagħha u biex tieqaf tkun innovattiva.

326    Fil-fatt, għal dak li jikkonċerna l-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax il-konstatazzjoni ta’ l-istudju indipendenti Warrick li għalih tagħmel riferenza u li skondu l-ispiża tal-“PET hija attwalment ta’ 30 sa 40 % ogħla minn tal-kartun” u li “biex ikun kompetittiv fuq l-ispiża totali”, il-prezz tal-pakkett tal-PET “irid ikun 5 sa 10 % inqas minn dak tal-kartun mhux settiku, sabiex jikkompensa l-ispiża iktar baxxa tad-distribuzzjoni tas-sistemi ta’ pakketti tal-kartun” (premessa 90).

327    Fir-rigward tal-klijenti tas-suq tal-kartun “li huma iktar sensittivi għall-prezz” li indikaw lill-Kummissjoni, waqt l-investigazzjoni tagħha tas-suq, “li mhumiex fi ħsiebhom jaqilbu mill-kartun għall-PET ħlief jekk il-prezzijiet tal-kartun jiżdiedu konsiderevolment, b’20 % jew iktar” (premessa 397), jidher ċar li t-tnaqqis fil-prezz tal-kartun mhuwiex meħtieġ biex jinżammu marbuta mas-swieq tal-kartun. Bil-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kkonstatat biss li “dawn l-istess klijenti probabbilment ikunu skoraġġuti milli jaqilbu mill-kartun għall-PET jekk it-tnaqqis fil-prezz tal-kartun iżid id-differenza fil-prezz bejn sistema ta’ ppakkjar fil-kartun u sistema ta’ ppakkjar fil-PET” (premessa 397), id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għaliex Tetra, mingħajr il-konċentrazzjoni, tkun obbligata tagħmel dan it-tnaqqis fil-prezz sabiex iżżomm il-klijenti msemmija. Fil-fatt, dawn il-klijenti ma jaqilbux għall-PET sakemm il-prezz tal-kartun ma jiżdiedx ta’ l-inqas b’20 % jew sakemm ikun hemm l-istess tnaqqis fil-prezz tal-PET. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni fejn jingħad li, fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni, Tetra “tiddefendi b’qawwa l-pożizzjoni tagħha […] f’ċerti każijiet, [permezz] ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-kartun” (premessa 398) mhijiex ibbażata fuq provi sodi. Peress li l-Kummissjoni, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, issemmi l-possibbiltà li Tetra, ladarba sseħħ il-konċentrazzjoni, tkun iktar faċli għaliha tgħolli l-prezzijiet tagħha fis-swieq tal-kartun mhux settiku fil-konfront ta’ dawn il-klijenti, hija ma tispjegax, b’mod partikolari, għaliex dan ma jkunx jippermetti lill-kompetituri ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun li huma attivi wkoll fuq is-suq tal-PET, bħal SIG u Elopak, biex jibbenefikaw minnu.

328    Fir-rigward tal-produtturi tax-xorb li jaqilbu mill-kartun għall-PET minħabba raġunijiet kummerċjali, minkejja l-fatt li l-PET huwa konsiderevolment ogħla mill-kartun, dawn il-klijenti “li mhumiex sensittivi għall-prezz” ma jkunux neċessarjament persważi sabiex iżommu l-pakkett tal-kartun minħabba tnaqqis fil-prezz ta’ dan il-materjal. Id-deċiżjoni kkontestata ma turix ir-raġuni għaliex il-kumpanniji li huma attivi fis-swieq tat-tagħmir tal-PET li, mingħajr il-konċentrazzjoni modifikata, “joħolqu probabbilment kompetizzjoni ħajja sabiex jiksbu sehem mis-suq tal-kartun” (premessa 398), jibdlu l-aġir tagħhom wara l-konċentrazzjoni in kwistjoni. Fl-ipoteżi fejn ma tibqax teżisti l-pressjoni li toħloq Sidel, imkien ma ġie spjegat fid-deċiżjoni kkontestata għaliex, mingħajr l-emarġinazzjoni tal-kompetituri ta’ l-istess Sidel minħabba l-effett ta’ lieva li ma jiġix eżerċitat b’suċċess, il-kumpanniji l-oħra li huma attivi fis-swieq tat-tagħmir tal-PET ma jibqgħux f’pożizzjoni li jippromwovu l-vantaġġi tal-PET lill-klijenti tas-swieq tal-kartun ta’ Tetra. Il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fejn tgħid li Tetra tkun esposta għal inqas pressjoni biex tbaxxi l-prezzijiet tal-kartun tagħha, fil-każ li hija tkun tista’ tikseb lil Sidel mhijiex, għaldaqstant, ibbażata fuq provi konvinċenti.

329    Fir-rigward ta’ l-inċentiv allegatament imnaqqas li Tetra tħoss biex tkun innovattiva wara li tiġi implementata l-konċentrazzjoni modifikata, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mill-ispjegazzjoni mogħtija fl-atti u fit-trattazzjoni tal-Kummissjoni, li, fil-preżent, il-kompetizzjoni fid-diversi swieq tal-kartun seħħet prinċipalment bl-innovazzjoni. Skond il-Kummissjoni, l-introduzzjoni minn Tetra fil-passat “ta’ pakketti ġodda tal-kartun li huma iktar faċli biex wieħed jużahom, bħalma huma l-pakkett tal-kartun ‘gable top’ bit-tapp bil-kamin” (premessa 298), turi r-realtà tal-ħtieġa li jkun hemm l-innovazzjoni. F’dak il-każ, skond l-osservazzjonijiet li għamlet Tetra waqt is-seduta, liema osservazzjonijiet ma ġewx ikkontestati fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, dawn l-innovazzjonijiet ma kienux dovuti għall-pressjoni li tirriżulta mis-swieq tat-tagħmir tal-PET imma, min-naħa l-oħra, għad-domanda tal-konsumaturi ta’ prodotti ppakkjati fil-kartun. Anke jekk il-ksib ta’ Sidel inaqqas il-pressjoni fuq l-innovazzjoni li tirriżulta mill-kompetizzjoni indiretta, imma dejjem tikber, li tiġi mis-swieq tat-tagħmir tal-PET, ta’ l-inqas għal dak li jikkonċerna l-pakkett tax-XTF u tax-xorb tat-te u tal-kafè fejn huwa prevedibbli tkabbir mhux insinjifikattiv sal-2005, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdi ebda risposta għad-domanda dwar ir-raġuni għaliex id-domanda tal-klijenti li jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu bil-kartun mhux ser tibqa’ timbotta lejn l-innovazzjoni fil-futur speċjalment fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Għalkemm il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod korrett, b’mod partikolari, il-possibbiltà li Tetra ttejjeb il-ħin tal-produzzjoni tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun tagħha, id-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-inċentiv għal dan it-titjib jisparixxi minħabba li Sidel tkun ġiet mixtrija. Dan jirriżulta li huwa terġa’ inqas probabbli peress li ma ġiex ikkontestat li n-negozju ta’ Tetra fis-swieq tal-kartun huwa vijabbli ħafna. Għaldaqstant ftit huwa probabbli li Tetra, wara li tiġi implementata l-konċentrazzjoni modifikata, tkun inqas imħajra tkompli tinvesti fi kwalunkwe innovazzjoni possibbli għal dak li jikkonċerna l-firxa tat-tagħmir u tal-prodotti li hija toffri lill-klijenti tagħha tas-swieq tal-kartun.

330    Din il-konklużjoni hija kkorroborata bil-preżenża kontinwa tal-kompetituri ta’ l-entità l-ġdida fis-swieq tal-kartun mhux settiku. Għalkemm sehem Tetra f’dawn is-swieq huwa qawwi ħafna bħalissa, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-pożizzjoni tagħha hija “ftit iċken” (premessa 220) minn dik li hija kellha fl-1991. Imkien ma tidher ir-raġuni li għaliha l-kompetituri ta’ Tetra, b’mod partikolari SIG, “il-kompetitur prinċipali tagħha” (premessa 400), li għandhom sehem mis-suq ta’ [10 sa 20 %], ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mid-deċiżjoni eventwali ta’ l-entità l-ġdida biex tkun inqas innovattiva. Tali spjegazzjoni kienet terġa’ iktar meħtieġa minħabba li SIG kienet attiva, b’mod partikolari, fis-swieq tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-kartun u tat-tagħmir ta’ l-ippakkjar fil-PET u, b’kuntrast ma’ l-entità l-ġdida, mhijiex suġġetta għall-ebda limitazzjoni fir-rigward ta’ l-offerti magħquda li jirrigwardaw il-kartun u l-magni SBM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li Tetra għandha “għerf tas-sengħa” u “superjorità teknika” fis-settur tal-kartun mhux settiku u li SIG bħalissa ma tistax “tikkompeti mas-sistema tad-dawwara kontinwa (continuous reel) għall-ippakkjar fil-kartun mhux settiku ta’ Tetra” (premessa 218) mhuwiex biżżejjed biex jintwera li SIG jew il-kompetituri tagħha l-oħra mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jibbenefikaw mid-deċiżjoni eventwali ta’ l-entità l-ġdida li tkun inqas innovattiva fil-kartun. Ir-referenza li saret mill-Kummissjoni waqt is-seduta għall-ispejjeż kbar marbutin ma’ l-innovazzjoni fis-swieq in kwistjoni, għalkemm hija rilevanti u x’aktarx korretta, ma tistax minnha nnifisha tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li l-kompetituri ta’ Tetra mhux ser ikunu f’pożizzjoni li jibbenefikaw mid-deċiżjoni ta’ l-entità l-ġdida sabiex tkun inqas innovattiva.

331    Il-Kummissjoni kienet żbaljata wkoll meta kkonstatat li, apparti Tetra, il-grupp SIG “huwa l-unika kumpannija oħra fid-dinja li tipproduċi u tbiegħ kemm it-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u kif ukoll it-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET” (premessa 400), peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessa 94 u nota ta’ qiegħ il-paġna 146, premessa 329), il-grupp Elopak huwa wkoll f’pożizzjoni li jagħmel dan, u dan minħabba akkordji konklużi ma’ kumpanniji oħra attivi fis-swieq tat-tagħmir tal-PET (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 291 iktar ’il fuq). Għalkemm din il-kapaċità ta’ Elopak kienet magħrufa mill-Kummissjoni fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-istess Kummissjoni ma spjegatx għaliex hija kkunsidratha irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

332    Konsegwentement, ma jirriżultax b’mod suffiċjenti skond id-dritt li l-entità l-ġdida tkun inqas imħajra milli hija Tetra fil-preżent sabiex tkun innovattiva fil-qasam tal-kartun.

333    Minn dan isegwi li l-elementi invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma jurux, b’mod suffiċjenti skond id-dritt, li l-effetti tal-konċentrazzjoni modifikata fuq il-pożizzjoni li għandha Tetra, prinċipalment fis-swieq tal-kartun mhux settiku, bl-eliminazzjoni ta’ Sidel bħala kompetitur potenzjali, ikunu tali li l-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2(3) tar-Regolament ikunu sodisfatti. Fil-fatt, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li ma ġiex ippruvat li l-pożizzjoni ta’ l-entità l-ġdida, fil-konfront tal-kompetituri tagħha fis-swieq tal-kartun, tissaħħaħ.

4.     Fuq it-tielet pilastru li jirrigwarda l-effett ġenerali tat-tisħiħ

334    L-aħħar pilastru tar-raġunament tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-effett tal-konglomerat tal-konċentrazzjoni modifikata jirrigwarda l-pożizzjoni globali li jkollha l-entità l-ġdida fis-setturi ta’ l-ippakkjar ta’ prodotti sensittivi, jiġifieri “pożizzjoni dominanti fiż-żewġ swieq viċini ħafna (tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u fil-PET) u preżenza importanti fuq it-tielet suq (HDPE)” (premessa 404). Skond il-Kummissjoni, l-entità l-ġdida tkun b’hekk f’pożizzjoni li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-kartun u fil-PET billi toħloq l-otsakli għad-dħul f’dawn is-swieq u billi temarġina lill-kompetituri tagħha.

335    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan il-pilastru tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda l-pożizzjoni globali ta’ l-entità l-ġdida fl-ippakkjar tal-prodotti sensittivi. F’dan il-każ, dawn l-effetti tal-konċentrazzjoni notifikata ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament mill-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ewwel żewġ pilastri tar-raġunament tal-Kummissjoni. Peress li l-analiżi dwar dawk iż-żewġ pilastri hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 146 sa 333 iktar ’il fuq), it-tielet pilastru għandu jiġi miċħud ukoll, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat fid-dettall.

5.     Konklużjoni ġenerali fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ konglomerat prevedibbli

336    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma turix b’mod suffiċjenti skond id-dritt li l-konċentrazzjoni modifikata ser ikollha effetti antikompetittivi sinjifikattivi ta’ konglomerat. B’mod partikolari, hija ma turix b’mod suffiċjenti skond id-dritt li ser tinħoloq pożizzjoni dominanti kwalunkwe fuq wieħed mid-diversi swieq tat-tagħmir għall-ippakkjar fil-PET in kwistjoni u li l-pożizzjoni attwali ta’ Tetra fuq is-swieq tal-kartun mhux settiku tissaħħaħ. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta pprojbixxiet il-konċentrazzjoni modifikata abbażi ta’ l-elementi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effett previst ta’ konglomerat.

III –  Konklużjoni globali

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi orizzontali, vertikali u ta’ konglomerat għandhom jiġu ddikjarati ġġustifikati mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

338    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata qegħda tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

339    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-konvenuta tilfet u r-rikorrenti talbet li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li l-istess konvenuta tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2001) 3345 finali, tat-30 ta’ Ottubru 2001, li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni u mal-ftehim ŻEE (Każ COMP/M.2416 – Tetra Laval/Sidel) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Vesterdorf

Pirrung

Forwood

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Ottubru 2002.

Reġistratur

 

      President

H. Jung

 

      B. Vesterdorf












Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

Is-settur ta’ l-ippakkjar tal-likwidi alimentari

Is-swieq tal-prodotti in kwistjoni

Fuq is-suq ġeografiku in kwistjoni

Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-operazzjoni nnotifikata mill-aspett tal-kompetizzjoni

Fuq l-impenji

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I – Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess

A – L-argumenti tal-partijiet

B – Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel parti tal-motiv li tirrigwarda r-rapport Ivaldi

3. Fuq it-tieni parti tal-motiv li hija bbażata fuq ir-risposti għall-investigazzjoni

4. Konklużjoni

II – Fuq il-motivi bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament

A – Osservazzjonijiet preliminari

B – Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq l-assenza ta’ effetti antikompetittivi orizzontali u vertikali tal-konċentrazzjoni modifikata

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-effetti orizzontali

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3. Fuq l-effetti vertikali

a) L-argumenti tal-partijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Konklużjoni

C – Fuq il-motiv li huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ konglomerat prevedibbli

1. Osservazzjonijiet preliminari

2. Fuq l-ewwel pilastru dwar l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva

a) Kunsiderazzjonijiet dwar il-kuntest ġenerali tal-kawża

i) L-effetti tal-konglomerat fiż-żmien

ii) Aspetti li jirrigwardaw in-natura partikolari ta’ l-effetti tal-konglomerat

b) L-argumenti tal-partijiet

i) Fuq il-possibbiltà li jkun hemm effett ta’ lieva

ii) Fuq l-effetti ta’ l-esklużjoni mis-suq

c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

i) Fuq il-possibbiltà li jiġi eżerċitat effett ta’ lieva

ii) Livell ta’ tkabbir possibbli

iii) Fuq il-modi li bihom jiġi eżerċitat l-effett ta’ lieva

iv) Fuq il-konsegwenzi prevedibbli li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET ħlief għall-magni SBM

Kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq it-teknoloġija għat-trattament barriera

Fuq il-magni għall-mili tal-PET

– Fuq il-magni għall-mili settiku tal-PET

– Fuq il-magni għall-mili tal-PET mhux settiku

– Konklużjoni dwar il-magni għall-mili tal-PET

– Fuq is-sistemi għall-għeluq tal-fliexken tal-plastik u t-tagħmir tal-PET awżiljari

– Konklużjoni ġenerali fuq is-swieq tat-tagħmir tal-PET ħlief għall-magni SBM

v) Fuq is-swieq tal-magni SBM

Fuq in-natura ġenerika tal-magni SBM

Fuq l-effetti prevedibbli ta’ l-esklużjoni

– Fuq is-suq tal-magni SBM b’kapaċità baxxa

– Fuq is-suq tal-magni SBM b’kapaċità għolja

Konklużjoni dwar il-magni SBM

vi) Konklużjoni ġenerali dwar l-eżerċizzju ta’ l-effett ta’ lieva

3. Fuq it-tieni pilastru tar-raġunament li jirrigwarda t-tnaqqis tal-kompetizzjoni potenzjali fis-swieq tal-kartun

a) Kunsiderazzjonijiet preliminari

b) L-argumenti tal-partijiet

c) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Fuq it-tielet pilastru li jirrigwarda l-effett ġenerali tat-tisħiħ

5. Konklużjoni ġenerali fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effett ta’ konglomerat prevedibbli

III – Konklużjoni globali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Data kunfidenzjali mħassra.