Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2013 – Il-Kummissjoni vs Thales développement et coopération

(Kawża T-326/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u B. Conte, aġenti, assistiti minn N. Coutrelis, avukat)

Konvenuta: Thales développement et coopération SAS (Vélizy-Villacoublay‎, Franza)

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-kumpannija Thales tħallas lura lill-Kummissjoni Ewropea l-ammonti kollha li din il-kumpannija rċeviet fuq il-bażi tal-kuntratti NEMECEL u DREAMCAR, jiġifieri, fil-kuntest tal-kuntratt NEMECEL, l-ammont ta’ EUR 700 335.66 bħala somma prinċipali flimkien mal-interessi dovuti u, fil-kuntest tal-kuntratt DREAMCAR, l-ammont ta’ EUR 812 821.43 bħala somma prinċipali flimkien mal-interessi dovuti;

tikkundanna lil Thales għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), il-Kummissjoni titlob, permezz ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-konvenuta tħallasha lura l-ammonti kollha rċevuti mis-sussidjarja preċedenti tagħha, il-kumpannija SRTI (SRTI System, Industrial Process Department), li suċċessivament saret SODETEG (Société d’Études Techniques et d’Entreprises Générales SA) u mbagħad THALESEC (Thales Engineering and Consulting), fl-ambitu ta’ żewġ kuntratti ta’ riċerka msejħa “NEMECEL” u “DREAMCAR”.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammonti inkwistjoni ġew indebitament irċevuti, wara irregolaritajiet finanzjarji serji, nuqqas ta’ osservanza ta’ impenji kuntrattwali kif ukoll okkorrenzi ta’ ksur ta’ regoli sostantivi tad-dritt. Il-kumpannija sussidjarja tal-konvenuta ddikjarat, inter alia, spejjeż eċċessivi permezz ta’ ħruġ żejjed ta’ fatturi għal sigħat li ma nħadmux.