Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2009 - Evonik Degussa u AlzChem Hart vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-391/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Evonik Degussa GmbH (Essen, il-Ġermanja) u AlzChem Hart GmbH (Trostberg, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Steinle, O. Andresen u I. Hermeneit, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009 (Każ COMP/39.396 - reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass), sa fejn ir-rikorrenti huma kkonċernati;

b'mod sussidjarju, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni kkontestata;

b'mod sussidjarju, fil-każ li l-ewwel talba tiġi miċħuda, temenda l-Artikolu 2(g) u (h) tad-deċiżjoni b'tali mod li SKW Stahl-Metallurgie GmbH tinżamm responsabbli in solidum għall-ammont sħiħ tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta' Lulju 2009, fil-Każ COMP/39.396 - reaġenti bbażati fuq il-karbur tal-kalċju u l-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imposta multa fuq ir-rikorrenti u kumpanniji oħra għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu fis-setturi tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju fiż-ŻEE, ħlief fi Spanja, fil-Portugall, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, fejn kienu involuti fi ftehim dwar it-tqassim tas-suq, tal-kwoti u tal-klijenti, iffissar ta' prezzijiet u skambju ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali dwar prezzijiet, klijenti u volum ta' bejgħ.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jargumentaw, fl-ewwel lok, li huma ma kisrux l-Artikolu 81 KE. F'dan ir-rigward, huma jqisu, b'mod partikolari, li huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għal ksur li kien inbeda minn kumpannija li qabel kienet sussidjarja tagħhom, SKW Stahl-Metallurgie GmbH, peress li la huma u lanqas, jekk ikun il-każ, il-predeċessuri legali tagħhom, ma jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika. Fil-fatt, ir-rikorrenti stabbilew li l-predeċessuri legali tagħhom ma eżerċitawx influwenza sinjifikattiva fuq SKW Metallurgie Stahl GmbH. B'hekk, il-konvenuta kisret ukoll il-prinċipju ta' responsabbiltà personali, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, il-prinċipju tal-ħtija u r-rekwiżiti ta' ħtija.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jopponu l-multa imposta fuqhom. F'dan ir-rigward, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 u l-Linji gwida dwar multi 2, kif ukoll l-avviż dwar l-immunità 3, il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 253 KE fir-rigward tal-konstazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabbiltà in solidum ta' SKW Stahl-Metallurgie GmbH.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08, Volum 02, p. 205).

2 - Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2).

3 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 08, Volum 02, p. 155).