Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta' April 2009 mid-digriet mogħti fit-18 ta' Frar 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-70/07, Luigi Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-166/09 P)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla, fl-intier tiegħu u mingħajr ebda eċċezzjoni, id-digriet mogħti fit-18 ta' Frar 2009 fil-Kawża F-70/07 (iktar 'il quddiem il-"kawża inkwistjoni"), Marcuccio vs Il-Kummissjoni, mill-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza, li fil-kuntest tiegħu ngħata d-digriet ikkontestat, kien perfettament ammissibbli, fl-intier tiegħu u mingħajr ebda eċċezzjoni;

sa fejn neċessarju, tiddikjara li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta kklassifika ċerti talbiet inklużi fl-att promotur fl-ewwel istanza, fil-kawża inkwistjoni, bħala ta' "talba għall-intaxxar tal-ispejjeż" (sic, punt 16 tad-digriet ikkontestat);

sa fejn neċessarju, tiddikjara li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien kompetenti jiddeċiedi, bħala qorti tal-ewwel istanza, it-talbiet kollha tar-rikorrent (iktar 'il quddiem it-"talbiet") fil-kawża inkwistjoni; barra minn hekk

prinċipalment :

tilqa' fl-intier tagħhom u mingħajr ebda eċċezzjoni t-talbiet tal-appellant, li għall-effetti kollha tal-liġi għandhom ikunu interpretati bħala riprodotti espressament hawnhekk;

tikkundanna lill-appellata tħallas lura, lill-appellant, l-ispejjeż kollha li għamel dan tal-aħħar, kemm fil-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċeduri preżenti ta' appell; jew

sussidjarjament :

tirrinvija l-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b'kompożizzjoni differenti, sabiex tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iressaq l-aggravji segwenti insostenn tat-talbiet tiegħu:

L-illegalità tar-rinviju parzjali tal-kawża inkwistjoni lill-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 90 tal-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar 'il quddiem ir-"Regolamenti tal-Persunal") u nuqqas assolut ta' motivazzjoni;

Ksur, interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta' qorti mwaqqfa b'liġi, kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem il-"Karta");

L-illegalità taċ-ċaħda, minħabba l-inammissibbiltà preżunta tagħhom, tat-talbiet differenti minn dawk li għalihom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddikjrara li huwa inkompetenti li jittrattahom, b'mod partikolari minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-kunċett tat-talba għall-kumpens tad-danni anċillari għal talba għall-annulament ta' deċiżjoni ta' istituzzjoni Komunitarja, kif ukoll minħabba nuqqas assolut ta' motivazzjoni u żnaturament tal-fatti;

Difetti proċedurali li jistgħu jippreġudikaw b'mod gravi l-interessi tal-appellant, minħabba l-inosservanza tal-obbligu li jiġi injorat il-kontenut tal-att imsemmi fil-punt 11 tad-digriet ikkontestat, inkwantu ġie ppreżentat tard, kif ukoll minħabba t-talba li saret lill-partijiet li jressqu atti straordinarji, imbagħad imdaħħla fl-atti fil-kuntest ta' proċeduri fl-ewwel istanza, li jistgħu jippreġudikaw b'mod gravi l-interessi tal-appellant;

Ksur tar-regoli fil-qasam ta' smigħ xieraq, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

____________