Language of document : ECLI:EU:T:2021:669

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

6 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti speċifiċi ta’ superviżjoni mogħtija lill-BĊE – Deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – Ammissibbiltà – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) tal-Istati Membri parteċipanti u tal-BĊE fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Użu ħażin ta’ poter – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi T‑351/18 u T‑584/18,

Ukrselhosprom PCF LLC, stabbilita f’Solone (l-Ukraina),

Versobank AS, stabbilita f’Tallinn (l-Estonja),

irrappreżentati minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn C. Hernández Saseta u G. Marafioti, bħala aġenti, assistiti minn B. Schneider, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, D. Triantafyllou u A. Nijenhuis, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni ECB_SSM_2018_EE_1 WHD_2017-0012 tal-BĊE, tas‑26 ta’ Marzu 2018, it-tieni, tad-Deċiżjoni ECB_SSM_2018_EE_2 WHD_2017-0012, tas‑17 ta’ Lulju 2018, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni ECB_SSM_2018_EE_1 WHD_2017-0012, li permezz tagħhom il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni ta’ Versobank għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, u t-tielet, tad-Deċiżjoni ECB/SSM/2018-EE-3, tal‑14 ta’ Awwissu 2018, dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ rieżami,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn M. J. Costeira (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, D. Gratsias, M. Kancheva, B. Berke u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑25 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

1        Versobank AS, it-tieni rikorrenti, hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Estonja. L-azzjonist prinċipali tagħha huwa Ukrselhosprom PCF LLC, l-ewwel rikorrenti, li għandha 85.2622 % tal-kapital tagħha.

2        It-tieni rikorrenti kienet ikklassifikata bħala istituzzjoni inqas sinjifikattiva fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU bażiku”).

3        Bħala istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, it-tieni rikorrenti kienet tqiegħdet taħt is-superviżjoni prudenzjali tal-Finantsinspektsioon (FSA, l-Estonja), li kienet taġixxi fil-kwalità ta’ awtorità nazzjonali kompetenti (ANK), fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament MSU bażiku. Barra minn hekk, din tal-aħħar kienet kompetenti wkoll fir-rigward tas-superviżjoni tal-osservanza tar-regoli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (iktar ’il quddiem il-“ĠĦF/FT”).

4        Mill‑2015, il-FSA kkonstatat b’mod repetut ksur imwettaq mit-tieni rikorrenti marbut, minn naħa, mal-ineffettività tas-sistema tagħha fil-qasam tal-ĠĦF/FT fil-ġestjoni tar-riskji li tirriżulta mill-mudell kummerċjali tagħha u, min-naħa l-oħra, mal-inadegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza tagħha implimentati f’dan il-qasam.

5        Il-FSA wettqet diversi spezzjonijiet fuq il-post. L-ewwel waħda saret bejn it‑13 ta’ April u t‑12 ta’ Ġunju 2015.

6        Bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-repetizzjoni tal-ksur osservat, il-FSA, wara li indirizzat lit-tieni rikorrenti diversi talbiet biex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji, kienet adottat rakkomandazzjoni, fid-data tat‑8 ta’ Awwissu 2016.

7        Ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni, li kienet timponi l-korrezzjoni immedjata tan-nuqqasijiet osservati matul l-ispezzjoni fuq il-post li saret fl‑2015, kienet teżiġi li t-tieni rikorrenti tieħu ċerti miżuri: l-ewwel, l-applikazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri interni fil-qasam tal-ĠĦF/FT eżistenti, iżda mhux segwiti b’mod korrett, it-tieni, l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ viġilanza previsti fil-punti 3 sa 5 tal-Artikolu 13(1) tar-Rahapesu ja terrorismi rahastamise tõkestamise seadus (il-Liġi Estonjana fil-Qasam tal-ĠĦF/FT), tad‑19 ta’ Diċembru 2007, li tittrasponi d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument ta’ meta seħħew il-fatt inkwistjoni, it-tielet, il-verifika tal-applikazzjoni tajba tal-miżuri ta’ viġilanza previsti fil-punti 3 sa 5 tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi Estonjana fil-Qasam tal-ĠĦF/FT, ir-raba’, ir-rifjut li jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet jekk l-Artikolu 27(2) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni, kien jobbligaha teżerċita dan id-dritt u, il-ħames, it-tqegħid f’konformità immedjata mal-obbligu ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 32 tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument ta’ meta seħħew il-fatti inkwistjoni, li kien jipprevedi obbligu ta’ senjalazzjoni fil-każ ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu meta l-kundizzjonijiet korrispondenti kienu ssodisfatti. Barra minn hekk, din ir-rakkomandazzjoni kienet teżiġi li l-imsemmija rikorrenti kellha tissottometti informazzjoni bil-miktub mhux iktar tard mid‑9 ta’ Diċembru 2016 dwar il-mod kif hija kienet twettaq dawn l-obbligi.

8        Il-FSA wettqet it-tieni spezzjoni fuq il-post bejn it‑13 ta’ Settembru u l‑11 ta’ Novembru 2016.

9        Barra minn hekk, bejn il‑5 ta’ Settembru u l‑14 ta’ Novembru 2016, il-FSA wettqet it-tielet spezzjoni fuq il-post. Din kienet immirata għan-nuqqasijiet osservati dwar l-operat mit-tieni rikorrenti ta’ fergħa jew sussidjarja allegatament illegali fil-Latvja.

10      Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Diċembru 2016, it-tieni rikorrenti bagħtet lill-FSA l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni.

11      Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Frar 2017, il-FSA kkomunikat lit-tieni rikorrenti li hija kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-obbligi kollha previsti fir-rakkomandazzjoni inkwistjoni. Fl‑10 ta’ April 2017, hija adottat dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli tal-imsemmija rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni FOLTF”).

12      Wara l-informazzjoni li waslet mit-tieni rikorrenti, il-FSA qieset li kien neċessarju li twettaq investigazzjoni fil-fond. Hija wettqet ir-raba’ spezzjoni fuq il-post bejn l‑4 u t‑22 ta’ Settembru 2017. Matul din tal-aħħar, hija kkonstatat ksur gravi u sinjifikattiv tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT analogu għal dak li kienet osservat matul iż-żewġ spezzjonijiet preċedenti u qieset li s-sistema ta’ kontroll intern tal-imsemmija rikorrenti kienet medjokri u insuffiċjenti.

13      Fid-data tat‑8 ta’ Frar 2018, il-BĊE rċieva min-naħa tal-FSA proposta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-tieni rikorrenti, konformement mal-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-BĊE tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-BĊE u id-diversi ANK u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (ĠU 2014, L 141, p. 1).

14      Fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 80(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, il-FSA aġixxiet, skont l-Artikolu 3 tal-Finantskriisi ennetamise ja lahendamise seadus (il-Liġi Estonjana dwar il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta’ Kriżijiet Finanzjarji), tat‑18 ta’ Frar 2015, ukoll bħala awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni kompetenti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, permezz tad-dipartiment ta’ riżoluzzjoni tagħha. Fid-data tas‑7 ta’ Frar 2018, il-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha approva l-evalwazzjoni tal-imsemmi dipartiment ta’ riżoluzzjoni li tgħid li ma kienx hemm interess ġenerali sabiex jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 39(1), (3) u (4) tal-imsemmija liġi, li tittrasponi l-Artikolu 32(1)(c) u (5) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

15      Fis‑6 ta’ Marzu 2018, il-Bord Superviżorju tal-BĊE approva l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni lit-tieni rikorrenti u ta lil din tal-aħħar terminu sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi abbozz, konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas tal-MSU. Wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, kienet infetħet proċedura ta’ likwidazzjoni kontra l-imsemmija rikorrenti u kienu ġew innominati stralċjarji.

16      Fl‑14 ta’ Marzu 2018, it-tieni rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni finali. Wara li eżamina l-imsemmija osservazzjonijiet, il-BĊE kkonkluda li kien neċessarju li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni tal-imsemmija rikorrenti.

17      Abbażi tal-Artikolu 4(1)(a) u tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku, tal-Artikolu 83 tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-Artikolu 17 tal-Krediidiasutuste seadus (il-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu) tad‑9 ta’ Frar 1999, li tittrasponi d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95), il-BĊE adotta u kkomunika lit-tieni rikorrenti d-deċiżjoni tiegħu tas‑26 ta’ Marzu 2018, li tirtira l-awtorizzazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018”).

18      Fis‑27 ta’ Marzu 2018, il-qorti Estonjana kompetenti adottat deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ likwidazzjoni tat-tieni rikorrenti.

19      Fis‑26 ta’ April 2018, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-BĊE (iktar ’il quddiem il-“BAR”) irċieva talba tal-ewwel rikorrenti li kellha bħala suġġett ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018. Huwa qies din it-talba għal reviżjoni bħala ammissibbli, billi qies li l-imsemmija rikorrenti kienet ikkonċernata direttament u individwalment mill-imsemmija deċiżjoni.

20      Fit‑22 ta’ Ġunju 2018, il-BAR adotta u kkomunika lill-Bord Superviżorju tal-BĊE l-Opinjoni AB/2018/03 li permezz tagħha huwa kien ippropona lil dan tal-aħħar jikkunsidra li l-ksur sostanzjali u proċedurali invokat kien infondat u biex jadotta deċiżjoni ta’ kontenut identiku għad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018.

21      Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE segwa din l-opinjoni u adotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018”) li kienet ġiet ikkomunikata lill-istralċjarji tat-tieni rikorrenti, li fil-frattemp kienet tqiegħdet fi stralċ.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, il-BĊE rtira l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lit-tieni rikorrenti. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, huwa ħassar u ssostitwixxa d-deċiżjoni tiegħu tas‑26 ta’ Marzu 2018. Permezz ta’ deċiżjoni dwar l-ispejjeż, huwa barra minn hekk ikkundanna lill-ewwel rikorrenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ rieżami.

23      Fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE jfakkar, l-ewwel, li l-proposta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu intiża għat-tieni rikorrenti kienet ġiet adottata fi tmiem perijodu twil u kontinwu ta’ nuqqasijiet u ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli min-naħa tagħha, it-tieni, li l-ANK kienet wettqet erba’ spezzjonijiet fuq il-post mill‑2015 u kienet adottat rakkomandazzjoni fl‑2016 u, it-tielet, li, peress li l-imsemmija rikorrenti la kienet ikkonformat ruħha mat-talbiet informali u lanqas mar-rakkomandazzjoni inkwistjoni, huwa ma setax jifformula evalwazzjoni pożittiva fir-rigward tal-osservanza fil-futur minn din ir-rikorrenti tar-rekwiżiti regolatorji li kienu imposti fuqha.

24      Dejjem fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE qies li, fuq il-bażi tal-provi miġbura u tar-riżultati tal-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-FSA, il-kundizzjonijiet għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36, kif traspost fid-dritt Estonjan, kellhom jiġu kkunsidrati bħala li kienu ssodisfatti fir-rigward tat-tieni rikorrenti. Ir-raġunijiet għal tali rtirar tal-awtorizzazzjoni kienu dawn li ġejjin:

–        l-assenza, fi ħdan l-imsemmija rikorrenti, tal-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-FSA, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36;

–        l-assenza, fi ħdan din ir-rikorrenti, ta’ sistema effikaċi fil-qasam tal-ĠĦF/FT għall-ġestjoni tar-riskji li tirriżulta mill-mudell kummerċjali tagħha, minkejja tliet spezzjonijiet fuq il-post f’dan il-qasam, diversi laqgħat u twissijiet, ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni u ittra li tikkonċerna n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija rakkomandazzjoni;

–        in-nuqqas ta’ applikazzjoni, mill-istess rikorrenti, ta’ din ir-rakkomandazzjoni fit-termini u fil-qies stabbilit;

–        is-sottomissjoni, mir-rikorrenti inkwistjoni, ta’ dokumenti u informazzjoni qarrieqa u ineżatti lill-FSA u l-ksur, mill-istess rikorrenti, tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (jiġifieri, ir-Repubblika tal-Latvja).

25      B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel raġuni li fuqha huwa bbażat l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, jiġifieri l-assenza, fi ħdan it-tieni rikorrenti, tal-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-FSA, konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, il-BĊE ppreċiża, fil-punt 3.3.1(a) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li s-sistema ta’ kontrolli kienet irregolari u inadegwata bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-tip, tal-iskopijiet u tal-kumplessità tal-mudell kummerċjali tal-imsemmija rikorrenti.

26      Fir-rigward tat-tieni raġuni li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE ppreċiża, fil-punt 3.3.1(b) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li l-mudell kummerċjali tat-tieni rikorrenti kien iffokat fuq il-provvista ta’ servizzi lil klijenti professjonali mhux residenti b’valur nett għoli u li, matul l-ewwel tliet spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-FSA bejn l-2015 u l-2017, kien ġie osservat numru sinjifikattiv ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu.

27      Barra minn hekk, skont il-BĊE, l-attivitajiet tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u tal-bord superviżorju tat-tieni rikorrenti fil-qasam tal-ĠĦF/FT u tal-ġestjoni tar-riskji kienu ġew ikkunsidrati bħala irregolari, sa fejn l-imsemmi kunsill ta’ amministrazzjoni la kien stabbilixxa l-livell ta’ tolleranza tar-riskji tal-imsemmija rikorrenti, la kien implimenta sistema separata ta’ evalwazzjoni tar-riskji f’dan il-qasam, u lanqas ma kien ipprepara analiżi tar-riskji operattivi, li tinkludi analiżi fil-fond tar-riskji f’dan il-qasam, bi ksur tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 55(2) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu.

28      Għalhekk, skont il-BĊE, it-tieni rikorrenti ma kellhiex l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-Artikolu 67(1)(o) tad-Direttiva 2013/36 u b’hekk kienet tissodisfa l-kundizzjoni biex tiġi suġġetta għal irtirar tal-awtorizzazzjoni, prevista fl-Artikolu 18(f) tal-istess direttiva. Barra minn hekk, bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-rendiment preċedenti tal-imsemmija rikorrenti, huwa qabel mal-opinjoni tal-FSA li tgħid li kien ferm improbabbli li l-kunsill ta’ amministrazzjoni l-ġdid ta’ din ir-rikorrenti, ir-raba’ wieħed mill‑2015, jimplimenta b’mod serju l-bidliet imħabbra dwar is-sistema tagħha ta’ ġestjoni tar-riskji fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

29      Fir-rigward tat-tielet raġuni li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE osserva, fil-punt 3.3.1(c) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li t-tieni rikorrenti ma kinitx ikkonformat ruħha mar-rakkomandazzjoni inkwistjoni fit-terminu stabbilit tad‑9 ta’ Diċembru 2016. Fil-fehma tiegħu, permezz tal-imsemmija rakkomandazzjoni, il-FSA kienet tobbliga, b’mod partikolari, lill-imsemmija rikorrenti sabiex, l-ewwel, tapplika r-regoli proċedurali, it-tieni, tapplika b’mod korrett, fil-futur, il-klawżoli 3 sa 5 tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi Estonjana fil-Qasam tal-ĠĦF/FT, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, u tevita li tibda relazzjonijiet kummerċjali meta dan kien jirriżulta neċessarju, it-tielet, tivverifika jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet kinux ġew applikati b’mod korrett għar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti u, jekk neċessarju, tapplika mill-ġdid il-miżuri ta’ viġilanza fil-konfront tal-klijenti, ir-raba’, tevita, jekk ikun il-każ, li twettaq tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 27(2) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni inkwistjoni, il-ħames, tirreferi lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja meta attività jew ċirkustanzi oħra setgħu jkunu indizju tat-twettiq jew ta’ tentattiv ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, jew fil-każ fejn din ir-rikorrenti kellha raġuni għalfejn taħseb jew tkun taf li kien hemm ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu u, is-sitt, tipprovdi lill-FSA rapport tal-azzjonijiet meħuda sabiex tapplika l-obbligi msemmija iktar ’il fuq. Madankollu, matul it-tielet spezzjoni fuq il-post, il-FSA kienet irrilevat li l-obbligi msemmija iktar ’il fuq ma kinux ġew kompletament osservati u li kien għad hemm in-nuqqasijiet ikkritikati. Għaldaqstant, il-BĊE kkonkluda li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tar-rakkomandazzjoni inkwistjoni kien jikkostitwixxi raġuni oħra li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36.

30      Fir-rigward tar-raba’ raġuni li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE rrileva, fil-punt 3.3(d) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li t-tieni rikorrenti kienet issottomettiet informazzjoni u dokumenti qarrieqa u ineżatti lill-FSA dwar l-attivitajiet tagħha fil-Latvja, billi affermat, minn naħa, li ma kellhiex sussidjarja hemmhekk u indikat, min-naħa l-oħra, fil-komunikazzjoni tagħha tad‑9 ta’ Frar 2016 lill-imsemmija ANK, li kienet għalqet l-istabbiliment tagħha fil-Latvja, filwaqt li dan tal-aħħar kien għadu operattiv. Fil-fehma tiegħu, ir-riżultati tal-ispezzjoni fuq il-post imwettqa minn din l-ANK bejn il‑5 ta’ Settembru u l‑14 ta’ Novembru 2016, fir-realtà, kienu juru li l-imsemmija rikorrenti kienet ipprovdiet servizzi finanzjarji fil-Latvja mingħajr interruzzjoni mix-xahar ta’ Ottubru 2013. Huwa osserva li, skont l-informazzjoni kkomunikata mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni Latvjana lill-FSA, din ir-rikorrenti kienet ħolqot is-“sussidjarja” tagħha fil-Latvja bi ksur tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Latvjani, li kienu jittrasponu l-Artikoli 35 sa 38 tad-Direttiva 2013/36 dwar il-proċedura ta’ “passaport”. Fil-fehma tiegħu, tali aġir kien jikkostitwixxi ksur tal-punti 2 u 15 tal-Artikolu 17(1) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu. Huwa għalhekk ikkonkluda li l-imsemmi aġir kien jirrappreżenta raġuni supplimentari għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 18(e) tal-imsemmija direttiva.

31      Fir-rigward tal-eżami tan-natura proporzjonata tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni u, fl-ewwel lok, tan-natura xierqa ta’ tali rtirar, il-BĊE enfasizza li l-għan tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni mogħtija lil istituzzjoni ta’ kreditu kien li jintemm il-ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli mwettqa minnha u li n-neċessità li tali istituzzjoni tkun implimentat sistema ta’ governanza xierqa kienet tirriżulta mill-fatt li n-nuqqasijiet f’tali sistema jistgħu jwasslu għall-falliment tal-istess istituzzjoni kif ukoll għal problemi sistemiċi fl-Istati Membri u fil-livell globali. Huwa qies li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ksur tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil ta’ flus għal żmien twil ikkritikat lit-tieni rikorrenti, il-FSA kellha tintervjeni u li, f’dan il-każ, hija kienet qabel kollox adottat rakkomandazzjoni, u kien biss wara l-ksur tagħha li kienet ipproponiet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kellha tiġi kkunsidrata bħala miżura xierqa u proporzjonali. Huwa kkunsidra li l-imsemmija miżura kienet xierqa wkoll fir-rigward tal-ksur tal-proċedura ta’ notifika, imsejħa “ta’ passaport”, li għandha tiġi osservata sabiex tiġi stabbilita fergħa fi Stat Membru ieħor.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tan-natura neċessarja tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni biss il-gravità tal-ksur osservat, iżda wkoll il-miżuri kollha inqas onerużi li kienu diġà ttieħdu sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas attribwibbli lit-tieni rikorrenti. Bit-teħid inkunsiderazzjoni tar-repetizzjoni tal-aġir illegali tal-imsemmija rikorrenti, tal-informazzjoni inkorretta pprovduta minn din tal-aħħar fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-Latvja kif ukoll tal-ineffettività tal-azzjoni ta’ superviżjoni u ta’ spezzjoni sinjifikattiva diġà mwettqa mill-FSA, huwa qies, wara li analizza mhux biss l-azzjonijiet diġà meħuda mill-FSA, iżda wkoll il-miżuri l-oħra kollha disponibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jiġifieri l-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, li ma kienx hemm miżuri oħra inqas onerużi li setgħu jkunu effikaċi sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-legalità.

33      B’mod partikolari, il-BĊE kkunsidra li l-għażla tal-bejgħ forzat (likwidazzjoni) tat-tieni rikorrenti ma kinitx legalment possibbli. Sussegwentement, huwa elenka l-miżuri differenti analizzati filwaqt li enfasizza r-raġunijiet għalfejn huwa kien jikkunsidra li dawn ma kinux effikaċi għall-finijiet tal-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità. L-ewwel, modifika ġdida fil-kompożizzjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-imsemmija rikorrenti ma ġietx ikkunsidrata bħala miżura effikaċi, peress li, l-ewwel, din ir-rikorrenti kienet diġà wettqet diversi bidliet fil-kunsill ta’ amministrazzjoni mingħajr ma dan kien ipproduċa effetti f’termini ta’ konformità mal-obbligi legali inkwistjoni, it-tieni, l-istess rikorrenti kienet ħabbret diversi drabi, sa mill‑2015, bidla fl-istrateġija kummerċjali mingħajr ma dan it-tħabbir ġie segwit minn fatti konkreti, it-tielet, skont id-dritt Estonjan, għalkemm il-kunsill ta’ amministrazzjoni għandu s-setgħa li jinfluwenza l-istrateġija kummerċjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, dan ma għandux is-setgħa li jiddefinixxiha b’mod awtonomu, peress li r-responsabbiltà tiegħu hija limitata għat-tmexxija tal-attività ta’ kuljum tal-imsemmija istituzzjoni, ir-raba’, f’dan il-każ, il-possibbiltajiet li modifika fil-kunsill ta’ amministrazzjoni twassal għal bidla fl-istrateġija kienu dgħajfin, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li ż-żewġ pożizzjonijiet ewlenin f’dan il-kunsill huma okkupati miż-żewġ azzjonisti prinċipali tal-istituzzjoni ta’ kreditu, li jistgħu jinfluwenzaw informalment l-istrateġija u jżommu għalhekk l-istatus quo.

34      It-tieni, fir-rigward tat-terminazzjoni jew tas-sospensjoni tad-drittijiet ta’ vot ta’ ċerti azzjonisti, skont id-dispożizzjoni tad-dritt Estonjan li tittrasponi l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2013/36, il-BĊE enfasizza li peress li l-azzjonisti tat-tieni rikorrenti kienu kkonċentrati ħafna, din il-miżura kellha l-konsegwenza li l-ġestjoni tal-bank titħalla f’idejn l-azzjonisti li għandhom ishma minoritarji, li għandhom livell ta’ involviment minimu fir-rendiment tal-istituzzjoni ta’ kreditu u li huma, barra minn hekk, marbuta ħafna mal-azzjonisti maġġoritarji b’rabtiet tal-familja u ta’ interessi finanzjarji komuni, u dan seta’ jwassal għal influwenza indiretta ta’ dawn l-istess azzjonisti fuq it-tmexxija strateġika tal-imsemmija rikorrenti, minkejja l-miżura adottata.

35      It-tielet, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni oħra li tipprojbixxi lit-tieni rikorrenti milli tipprovdi servizzi finanzjarji, mill-inqas lill-klijenti mhux residenti f’livell għoli ta’ riskju, il-BĊE kkunsidra li din il-miżura kienet inadegwata peress li, minn naħa, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tar-rakkomandazzjoni preċedenti kien iqajjem dubji dwar il-kapaċità u r-rieda tal-imsemmija rikorrenti li tikkonforma ruħha mal-eventwali tieni rakkomandazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-restrizzjoni tal-attivitajiet tal-bank kienu jikkawżawlha telf operattiv għoli ħafna fix-xahar, li jipperikola l-likwidità tagħha u b’hekk it-tfaddil tal-klijenti.

36      Ir-raba’, fir-rigward tal-awtolikwidazzjoni, il-BĊE ammetta li tali soluzzjoni kienet ġiet proposta mit-tieni rikorrenti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, li tali possibbiltà kienet teżisti skont id-dritt Estonjan, u li din kienet twassal fi kwalunkwe każ għal irtirar tal-awtorizzazzjoni, iżda li, madankollu, huwa ddeċieda li ma jagħżilx dan il-mezz, peress li, l-ewwel, l-awtolikwidazzjoni kienet tgħatti r-raġunijiet sostanzjali li għalihom il-FSA kienet ipproponiet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, it-tieni, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni kien ikun ibbażat fuq l-Artikolu 16(3) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u mhux fuq l-Artikolu 17 ta’ din tal-aħħar, it-tielet, l-awtolikwidazzjoni kienet tagħti għalhekk dehra inkorretta tal-gravità tal-ksur tad-dritt applikabbli mwettaq mill-imsemmija rikorrenti, liema ksur, skont il-BĊE, kien jiġġustifika rtirar forzat tal-awtorizzazzjoni u, ir-raba’, skont l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/36, il-komunikazzjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma għandhiex tikkonċerna biss l-irtirar fih innifsu, iżda wkoll ir-raġunijiet li huwa bbażat fuqhom.

37      Il-ħames, fir-rigward tax-xiri minn kumpannija Estonjana oħra, il-BĊE ma għażilx din is-soluzzjoni, għaliex, minn naħa, hija ma kinitx ipproduċiet prova dokumentali tal-eżistenza ta’ impenn konkret min-naħa ta’ xi wieħed mill-investituri u, min-naħa l-oħra, l-abbozz ta’ pjan tal-impriża ppreżentat mit-tieni rikorrenti ma kienx jipprovdi informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tranżazzjoni kinitx twassal għal bidla fl-istrateġija kummerċjali. Barra minn hekk, minkejja t-terminu supplimentari mogħti lill-imsemmija rikorrenti sabiex tissottometti d-dokumentazzjoni, hija baqgħet ma pprovdietx l-informazzjoni neċessarja.

38      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżami tan-natura raġonevoli tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE kkunsidra li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur, minħabba li t-tieni rikorrenti kienet irrepetiet l-aġir illegali tagħha minkejja t-twissijiet differenti li rċeviet kif ukoll tad-dannu għall-fiduċja pubblika fis-sistema finanzjarja Estonjana u Ewropea, ikkawżat mill-aġir tagħha, l-interess pubbliku għall-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità kien jieħu preċedenza fuq l-interessi privati tal-imsemmija rikorrenti sabiex ma tiġix irtirata l-awtorizzazzjoni tagħha.

39      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-BĊE qies li t-tieni rikorrenti ma setgħetx tinvoka dan il-prinċipju, peress li, l-ewwel, hija kienet irċeviet diversi twissijiet f’diversi okkażjonijiet (erba’ spezzjonijiet fuq il-post, rakkomandazzjoni u twissijiet differenti) mingħajr ma ħadet il-miżuri xierqa sabiex twaqqaf l-aġir illegali tagħha, it-tieni, il-FSA qatt ma kienet indikatilha li l-awtorizzazzjoni tagħha ma kinitx ser tiġi rtirata u, it-tielet, ħadd jista’ jinvoka l-aspettattivi leġittimi sabiex iwettaq jew iżomm aġir illegali.

40      Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu preċedenti, il-BĊE kkonkluda li kien hemm raġunijiet, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, sabiex tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni lit-tieni rikorrenti u li tali miżura kellha tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata (adegwata, neċessarja u raġonevoli), fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

A.      Ilbidu talproċedura u ttalbiet talpartijiet filKawża T351/18

41      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors.

42      Il-BĊE ppreżenta r-risposta fil‑21 ta’ Settembru 2018.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

44      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2018, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent.

45      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fit‑12 ta’ Diċembru 2018. Il-BĊE ppreżenta l-kontroreplika fit‑18 ta’ Frar 2019.

46      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent fl‑20 ta’ Diċembru 2018. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija nota fil‑25 ta’ Frar 2019.

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ April 2019, ir-rikorrenti talbu ż-żamma ta’ seduta, is-smigħ tax-xhieda kif ukoll l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri istruttorji.

48      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ April 2019, il-BĊE u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba għal smigħ tax-xhieda u għall-adozzjoni ta’ miżuri istruttorji mressqa mir-rikorrenti.

49      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

50      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tat-tieni rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

B.      Ilbidu talproċedura u ttalbiet talpartijiet filKawża T584/18

52      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors.

53      Il-BĊE ppreżenta r-risposta fl‑20 ta’ Diċembru 2018.

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-BĊE.

55      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2019, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent.

56      Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fit‑28 ta’ Marzu 2019. Il-BĊE ppreżenta l-kontroreplika fit‑3 ta’ Ġunju 2019.

57      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent fil‑5 ta’ April 2019. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmija nota fis‑27 ta’ Mejju 2019.

58      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018;

–        tannulla d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

59      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        tiċħad il-ħamsa u għoxrin motiv bħala inammissibbli, sa fejn dan tqajjem mit-tieni rikorrenti;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat fir-rigward tat-tieni rikorrenti, inkluż fir-rigward tal-ħamsa u għoxrin motiv, jekk il-Qorti Ġenerali ma tiddikjarahx inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

60      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tal-ewwel rikorrenti;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

61      Fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti ressqu talbiet għal miżuri istruttorji u, b’mod partikolari, talba għall-produzzjoni ta’ diversi dokumenti u talba għal xhieda.

C.      Issegwitu talproċedura fiżżewġ kawżi

62      Peress li l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali ġiet immodifikata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, li lilha, konsegwentement, ġew assenjati dawn il-kawżi.

63      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑5 ta’ Frar 2020, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat dawn il-kawżi quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

64      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom il-Kummissjoni, il-BĊE u r-rikorrenti wieġbu permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑13 ta’ Marzu kif ukoll fis‑16 u fis‑17 ta’ April 2020.

65      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla tas‑27 ta’ April 2020, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali.

66      Matul is-seduta tal‑25 ta’ Settembru 2020, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-partijiet instemgħu wkoll dwar it-tgħaqqid eventwali ta’ dawn il-kawżi għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

67      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke li seħħet fl‑1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet Imħallfin li l-firma tagħhom tinsab fuq din is-sentenza komplew bid-deliberazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 22 u mal-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

68      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Awwissu 2021, din il-kawża kienet ġiet assenjata lil Imħallef Relatriċi ġdida, sedenti fid-Disa’ Awla.

III. Iddritt

69      Il-Kawżi T‑351/18 u T‑584/18 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

A.      Fuq ilpersistenza tassuġġett tattilwima u talinteress ġuridiku tarrikorrenti filKawża T351/18

70      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess, kundizzjoni essenzjali u primarja għal kull azzjoni ġudizzjarja, jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 55 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      L-interess ġuridiku tar-rikorrenti għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun inammissibbli. Dan is-suġġett tat-tilwima, bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżupponi li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni minħabba n-nuqqas tal-persistenza tal-interess ġuridiku tista’ titqajjem ex officio mill-qrati tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punt 49).

73      F’dan ir-rigward, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑3 ta’ Marzu 2020, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jesprimu ruħhom fuq iż-żamma tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, wara l-adozzjoni mill-BĊE tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li tgħid li din tal-aħħar kienet ħassret b’effett retroattiv id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018.

74      Ir-rikorrenti jqisu li huma għad għandhom l-interess ġuridiku tagħhom fil-konfront tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. Fil-fehma tagħhom, l-ewwel, it-tħassir ta’ miżura ma jistax jiġi assimilat b’mod sistematiku ma’ annullament mill-qorti tal-Unjoni peress li, mid-definizzjoni tiegħu, dan ma huwiex ekwivalenti għal rikonoxximent tal-illegalità tad-deċiżjoni. It-tieni, il-BĊE ma jistax jiġi awtorizzat ixekkel konstatazzjoni ġudizzjarja tal-illegalità ta’ deċiżjoni billi jadotta deċiżjoni ġdida u billi jħassar id-deċiżjoni preċedenti. Il-possibbiltà li jaġixxi b’dan il-mod tista’ tkun is-suġġett ta’ abbuż li jmur kontra l-istat tad-dritt. It-tielet, is-sostituzzjoni allegata u preżunta tad-deċiżjoni inizjali bid-deċiżjoni sussegwenti fi kwalunkwe data fil-passat hija fizzjoni inkompatibbli mad-dritt. Ir-raba’, ir-rikorrenti jindikaw li talbu l-annullament tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, b’mod partikolari sabiex jipproteġu l-interessi tagħhom f’termini ta’ reputazzjoni u minħabba l-interess tagħhom li jirċievu kumpens finanzjarju. Il-leġittimità ta’ dawn l-interessi ġiet irrikonoxxuta fid-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623, punti 17 sa 23), u s-silta inkwistjoni tad-digriet tal-Qorti Ġenerali ma kinitx is-suġġett ta’ appell u għalhekk hija legalment valida. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonfermat din il-parti tad-digriet tal-Qorti Ġenerali. Il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx dan l-aspett b’mod espliċitu ma huwiex importanti. Ma kienx neċessarju li tagħmel dan, peress li din il-parti tad-digriet ma kinitx is-suġġett ta’ appell mill-BĊE jew mill-Kummissjoni. Il-ħames, deċiżjoni li timmodifika s-sitwazzjoni legali tad-destinatarju b’effett ex tunc hija awtorizzata biss f’ċirkustanzi limitati ħafna, b’mod partikolari meta din ikollha effett pożittiv fuq id-destinatarju. Konsegwentement, irtirar tal-awtorizzazzjoni b’effett allegatament qabel id-data tad-deċiżjoni qatt ma huwa possibbli.

75      Il-BĊE jesponi li ma jeżisti l-ebda interess tar-rikorrenti li ma jistax jiġi ssodisfatt fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. Konsegwentement, ir-rikorrenti tilfu l-interess ġuridiku tagħhom kontra d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018.

76      Kif jirriżulta mill-Artikolu 24(1) tar-Regolament MSU bażiku, il-BĊE għandu jistabbilixxi BAR għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-imsemmi regolament. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-BAR għandu jkun magħmul minn ħames individwi ta’ reputazzjoni tajba, minn Stati Membri u bi mgħoddi ta’ għarfien u esperjenza professjonali ppruvati rilevanti, bl-esklużjoni tal-persunal attwali tal-BĊE, kif ukoll persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn. Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu 2014/360/UE tal‑14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47), adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament MSU bażiku, il-BĊE stabbilixxa l-BAR.

77      Barra minn hekk, mill-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li r-rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet tal-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali jinkludi tliet fażijiet. Fl-ewwel lok, il-BAR joħroġ opinjoni għall-attenzjoni tal-Bord Superviżorju bl-għan li jiġi mfassal abbozz ta’ deċiżjoni ġdid. Fit-tieni lok, il-Bord Superviżorju jieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-BAR u jissottometti abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv fit-termini previsti fl-Artikolu 17(2) tad-Deċiżjoni 2014/360. L-abbozz ġdid ta’ deċiżjoni “għandu jew jabroga [iħassar] d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata”. Fit-tielet lok, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax għalih f’terminu massimu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol.

78      Finalment, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament MSU bażiku, ir-rieżami amministrattiv intern jirrigwarda l-konformità proċedurali u sostantiva, mal-imsemmi regolament, tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu minn dan ir-regolament. Huwa veru li, skont l-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/360, il-BAR huwa limitat għall-eżami tal-motivi invokati mir-rikorrenti kif stabbiliti fit-talba għal rieżami. Madankollu, skont l-Artikolu 17(1) tal-istess deċiżjoni, l-evalwazzjoni tal-Bord Superviżorju ma għandhiex tkun limitata għall-eżami tal-motivi invokati mir-rikorrenti kif esposti fit-talba għal rieżami, iżda din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni wkoll elementi oħrajn fil-proposta tagħha għal abbozz ta’ deċiżjoni ġdid.

79      Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 76 sa 78 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu mir-Regolament MSU bażiku jikkonsisti, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, f’evalwazzjoni sħiħa ġdida tal-każ, mhux limitata għall-motivi invokati insostenn tat-talba għal rieżami. Din il-partikolarità tal-proċedura ta’ rieżami amministrattiv hija riflessa fil-fatt li, skont l-Artikolu 17(1) tad-Deċiżjoni 2014/360, il-Bord Superviżorju, wara li jkun ħa inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-BAR, implimentata għall-finijiet tar-rieżami tad-deċiżjonijiet tal-BĊE b’iktar kundizzjonijiet ta’ indipendenza u għarfien espert (ara l-punt 76 ktar ’il fuq), huwa stess ikollu kompetenza estiża.

80      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU bażiku jipprevedi li l-proċedura ta’ rieżami tista’ twassal għal tliet riżultati. L-ewwel wieħed jikkonsisti fit-tħassir pur u sempliċi tad-deċiżjoni inizjali. It-tieni jikkonsisti f’sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni identika. It-tielet jikkonsisti f’sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni emendata.

81      Għar-raġunijiet li ser jiġu esposti fil-punti 82 sa 85 iktar ’il quddiem, l-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU bażiku jistabbilixxi obbligu fuq il-BĊE biex japplika d-deċiżjoni adottata fi tmiem ir-rieżami b’mod retroattiv għall-mument li fih ħadet effett id-deċiżjoni inizjali, irrispettivament mill-eżitu tal-imsemmi rieżami.

82      B’mod partikolari, jekk il-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv iqisu li d-deċiżjoni inizjali, li permezz tagħha ġiet irtirata l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu, hija valida, il-Kunsill Governattiv ma jipproċedix għal sempliċi ċaħda tat-talba għal rieżami fuq il-mertu, iżda, konformement mal-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU bażiku, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika għal dik li hija s-suġġett tal-imsemmi rieżami. Issa, f’tali ipoteżi, ma huwiex konċepibbli li jsir it-tieni rtirar tal-istess awtorizzazzjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni li għandha kontenut identiku għad-deċiżjoni rieżaminata tista’ tissostitwixxi din id-deċiżjoni biss b’effett retroattiv għall-mument li fih ħadet effett id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rieżami.

83      Din l-interpretazzjoni, imposta min-natura tal-miżuri inkwistjoni, hija valida wkoll meta l-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv iqisu li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma huwiex iġġustifikat jew li n-nuqqasijiet ikkonstatati jistgħu jiġu rrimedjati permezz ta’ miżuri inqas vinkolanti. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-att li jħassar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew li jimponi dawn il-miżuri għandu japplika bilfors b’mod retroattiv b’tali mod li jħassar ex tunc l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u, jekk ikun il-każ, jissostitwixxih bil-miżura kkunsidrata bħala li hija l-iktar xierqa. Fin-nuqqas ta’ tali effett retroattiv, id-deċiżjoni mogħtija dwar ir-rieżami jista’ jkollha effetti biss bil-kundizzjoni li tingħata awtorizzazzjoni ġdida, konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 14 tar-Regolament MSU bażiku.

84      Din l-evalwazzjoni hija, indirettament iżda neċessarjament, ikkonfermata mill-Artikolu 24(8) tar-Regolament MSU bażiku kif ukoll mill-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2014/360, li jgħidu li t-talba għal rieżami ma għandhiex effett sospensiv fir-rigward tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni rieżaminata b’deċiżjoni emendata għandha ssir b’effett retroattiv għall-mument li fih ħadet effett id-deċiżjoni rieżaminata, u jekk dan ma jkunx il-każ, id-deċiżjoni finali ma jistax ikollha effett utli.

85      Mill-analiżi preċedenti jirriżulta wkoll li s-sostituzzjoni tad-deċiżjoni inizjali b’deċiżjoni identika jew emendata fi tmiem il-proċedura ta’ rieżami twassal għat-tmiem definittiv tad-deċiżjoni inizjali mill-ordinament ġuridiku.

86      F’dan il-każ, minn naħa, skont il-parti introduttiva tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, jiġifieri l-att ikkontestat fil-Kawża T‑351/18, din id-deċiżjoni ħadet effett fil-23.00 tal-ġurnata tal-komunikazzjoni tagħha lit-tieni rikorrenti, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Min-naħa l-oħra, skont il-parti introduttiva tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, jiġifieri l-att ikkontestat fil-Kawża T‑584/18, “id-deċiżjoni [tas‑26 ta’ Marzu 2018] tħassret u ġiet issostitwita b’din id-deċiżjoni b’effett mill-23.00 tad-data li fiha saret il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni [tas‑26 ta’ Marzu 2018]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

87      Id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 ġiet adottata fi tmiem ir-rieżami amministrattiv mibdi kontra d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018 u għandha kontenut identiku għal din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 24(7) tar-Regolament MSU bażiku.

88      Minn dan isegwi li, skont id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE pproċeda, konformement mal-kuntest ġuridiku li jirregola l-proċedura ta’ rieżami amministrattiv (ara l-punti 76 sa 81 iktar ’il fuq), għas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018 b’effett retroattiv għall-mument li fih ħadet effett din tal-aħħar u mhux, kif jidher li qegħdin isostnu r-rikorrenti, għal sempliċi tħassir ta’ din tal-aħħar għall-ġejjieni.

89      Issa, it-tmiem tas-suġġett tat-tilwima jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, mill-irtirar jew mis-sostituzzjoni tal-att ikkontestat fil-mori tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1961, Meroni et vs Awtorità Għolja, 5/60, 7/60 u 8/60, EU:C:1961:10, p. 211 sa 213; id-digrieti tas‑17 ta’ Settembru 1997, Antillean Rice Mills vs Il‑Kummissjoni, T‑26/97, EU:T:1997:131, punti 14 u 15, u tat‑12 ta’ Jannar 2011, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T‑411/09, EU:T:2011:4, punt 15).

90      Fil-fatt, att li huwa rtirat u ssostitwit jintemm kompletament u ex tunc mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li sentenza li tannulla l-att irtirat ma twassal għall-ebda konsegwenza legali supplimentari meta mqabbla mal-konsegwenzi tal-irtirar li jkun sar (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tat‑28 ta’ Mejju 1997, Proderec vs Il‑Kummissjoni, T‑145/95, EU:T:1997:74, punt 26; tas‑6 ta’ Diċembru 1999, Elder vs Il‑Kummissjoni, T‑178/99, EU:T:1999:307, punt 20, u tad‑9 ta’ Settembru 2010, Phoenix-Reisen u DRV vs Il‑Kummissjoni, T‑120/09, mhux ippubblikat, EU:T:2010:381, punt 23).

91      Minn dan isegwi li, fil-każ ta’ rtirar tal-att ikkontestat, ir-rikorrent ma għandu l-ebda interess li jikseb l-annullament tiegħu u li r-rikors kontra dan l-att isir mingħajr skop, b’tali mod li ma jkunx għad hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1961, Meroni et vs Awtorità Għolja, 5/60, 7/60 u 8/60, EU:C:1961:10, p. 211 sa 213; id-digrieti tas‑6 ta’ Diċembru 1999, Elder vs Il‑Kummissjoni, T‑178/99, EU:T:1999:307, punti 21 u 22; tad‑9 ta’ Settembru 2010, Phoenix-Reisen u DRV vs Il‑Kummissjoni, T‑120/09, mhux ippubblikat, EU:T:2010:381, punti 24 sa 26, u tal‑24 ta’ Marzu 2011, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, T‑36/10, EU:T:2011:124, punti 46, 50 u 51).

92      Din il-konklużjoni hija iktar evidenti meta, bħal f’dan il-każ, l-att ikkontestat kien ġie ssostitwit, b’effett retroattiv, b’att identiku, li ma jkunx affettwat bl-annullament eventwali tal-ewwel att.

93      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jisiltu argument b’mod validu mid-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623). Fil-fatt, dan id-digriet kien ġie annullat bis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), mingħajr ma t-tmiem tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti minħabba s-sostituzzjoni tal-att ikkontestat, b’effett retroattiv, b’deċiżjoni ġdida ta’ kontenut identiku, adottata fi tmiem rieżami amministrattiv, ma kien is-suġġett ta’ appelli.

94      Konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, f’kuntest ġuridiku li jorganizza rieżami amministrattiv li jagħti lok għall-adozzjoni ta’ atti maħsuba biex jissostitwixxu, b’effett retroattiv, l-atti li huma s-suġġett tal-imsemmi rieżami, l-interessi tal-partijiet affettwati huma protetti kompletament permezz tal-possibbiltà li jintalab l-annullament tal-att adottat fi tmiem ir-rieżami inkwistjoni kif ukoll il-kumpens għal kull dannu kkawżat bl-adozzjoni tiegħu.

95      Minn dan isegwi li s-suġġett tar-rikors fil-Kawża T‑351/18 intemm wara l-preżentata tar-rikors u li r-rikorrenti, konsegwentement, tilfu l-interess tagħhom li jfittxu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata f’din il-kawża. Għalhekk ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

B.      Fuq lammissibbiltà talKawża T584/18

96      Il-BĊE, mingħajr ma ppreżenta formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jikkontesta, minn naħa, l-ammissibbiltà tar-rikorsi biss sa fejn dawn kienu ġew ippreżentati mill-ewwel rikorrenti u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-Kawża T‑584/18, l-ammissibbiltà tat-tieni rikorrenti fir-rigward tal-ħamsa u għoxrin motiv intiż għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedura ta’ rieżami. Il-Kummissjoni tikkondividi din il-pożizzjoni.

97      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-ewwel rikorrenti għandha l-locus standi biex tikkontesta d-deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2018, bħala azzjonist prinċipali tat-tieni rikorrenti li għandu 85 % tad-drittijiet tal-vot, billi jibbaża ruħu fuq id-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623).

98      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, sa fejn il-BĊE jaċċetta l-ammissibbiltà tal-ewwel rikorrenti fir-rigward tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, peress li din hija bbażata fuq l-illegalità tad-deċiżjonijiet tas‑26 ta’ Marzu u tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-locus standi fil-konfront tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż ma jistax jiġi eskluż. Sussegwentement huma jelenkaw l-interessi distinti l-oħra li għandha l-ewwel rikorrenti, bħal b’mod partikolari l-interess li tiġi evitata l-likwidazzjoni forzata, l-interess marbut mal-possibbiltà li tbigħ il-bank lil investitur ieħor, l-interess għar-reputazzjoni rispettiva tagħha distinta minn dik tal-bank, minbarra l-fatt li l-impatt finanzjarju li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jipproduċi fuqha huwa differenti minn dak prodott fuq il-bank.

1.      Fuq lammissibbiltà tattalba għal annullament taddeċiżjoni tas17 ta’ Lulju 2018

99      Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa ammissibbli li t-tieni rikorrenti tressaq talba għal annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. Fil-fatt, l-imsemmija rikorrenti hija d-detentriċi tal-awtorizzazzjoni li ġiet irtirata u d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, ingħata mandat ad litem lir-rappreżentanti mingħand l-ex Direttur Ġenerali tat-tieni rikorrenti, mingħajr ma tqajjem dubju dwar il-validità tiegħu mill-istralċjarji tagħha. Barra minn hekk, il-BĊE ma jikkontestax l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din tressqet minn din ir-rikorrenti.

100    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel rikorrenti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx ammissibbli li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jippreżentaw rikors kontra deċiżjoni tal-BĊE dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni sa fejn huma ma kinux direttament ikkonċernati minn tali deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, wara l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, l-istituzzjoni ta’ kreditu ma setgħetx tkompli bl-attività tagħha u, għaldaqstant, kien hemm dubju dwar il-kapaċità tagħha li tiddistribwixxi dividendi, iżda li dan l-effett negattiv tal-irtirar kien ta’ natura ekonomika, filwaqt li d-dritt tal-azzjonisti li jirċievu dividendi, l-istess bħad-dritt tagħhom li jipparteċipaw fit-tmexxija tal-kumpannija, ma kienx affettwat mid-deċiżjoni tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 111). Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li, għalkemm il-likwidazzjoni taffettwa b’mod dirett id-dritt tal-azzjonisti li jipparteċipaw fit-tmexxija tal-kumpannija, din ma kinitx tikkostitwixxi l-implimentazzjoni purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 113 u 114).

101    Għaldaqstant, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 hija ammissibbli fir-rigward tat-tieni rikorrenti biss.

2.      Fuq lammissibbiltà tattalba għal annullament taddeċiżjoni dwar lispejjeż

102    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat li huwa ammissibbli li l-ewwel rikorrenti tressaq tali talba għal annullament peress li hija l-unika destinatarja ta’ din id-deċiżjoni li fuqha jiġi impost, mill-istess deċiżjoni, obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura ta’ rieżami li hija ppreżentat u li fiha pparteċipat hija biss. Barra minn hekk, il-BĊE ma jikkontestax l-ammissibbiltà tal-imsemmija talba għal annullament sa fejn din kienet tressqet minn din ir-rikorrenti.

103    Għall-kuntrarju, it-tieni rikorrenti, li għażlet li ma tressaqx talba għal rieżami quddiem il-BAR, filwaqt li hija kellha d-dritt li tagħmel dan, ma għandha l-ebda interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, peress li din ma għandhiex effetti li jikkonċernawha. Barra minn hekk, l-imsemmija rikorrenti ma hijiex id-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni u ma tistax titqies bħala direttament jew individwalment ikkonċernata.

104    Għaldaqstant, it-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż hija ammissibbli biss fir-rigward tal-ewwel rikorrenti.

C.      Fuq ilmertu

105    Insostenn tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑584/18, ir-rikorrenti jinvokaw 25 motiv: l-ewwel motiv sal-erbgħa u għoxrin motiv insostenn tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 u l-ħamsa u għoxrin motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, insostenn tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. Dawn għandhom jinġabru, fid-dawl tas-sustanza u tan-natura tagħhom, kif ġej:

–        l-ewwel, it-tieni, l-erbatax, il-ħmistax u d-dsatax‑il motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE, sabiex jadotta deċiżjoni dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni u l-likwidazzjoni, sabiex jevalwa l-kwistjonijiet relatati mal-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, sabiex jirrifjuta l-awtolikwidazzjoni u sabiex jirrifjuta l-possibbiltà li t-tieni rikorrenti tinbiegħ lil investituri potenzjali oħra; fl-istess grupp ta’ motivi jista’ jiddaħħal ukoll id-dsatax‑il motiv, ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter, sa fejn l-argumenti mressqa insostenn ta’ dan l-aħħar motiv jingħaqdu ma’ dawk imressqa fil-kuntest tal-motivi l-oħra msemmija iktar ’il fuq dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fl-eżami mwettaq mill-BĊE;

–        ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni jew fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti elementi rilevanti tal-kawża;

–        is-sitt, it-tnax u t-tmintax‑il motiv, ibbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn il-BĊE bbaża ruħu b’mod żbaljat fuq il-ksur tar-rakkomandazzjoni tal-FSA u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali;

–        is-seba’ sal-ħdax, it-tlettax sal-ħmistax u s-sbatax‑il motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        is-sittax u t-tmintax‑il motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali;

–        l-għoxrin sat-tnejn u għoxrin il-motiv, ibbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, u rispettivament, tad-dritt għal smigħ, tad-drittijiet tad-difiża, tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        it-tlieta u għoxrin u l-erbgħa u għoxrin il-motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tat-tieni rikorrenti u tad-drittijiet tal-azzjonist fil-kuntest tal-proċedura ta’ rieżami;

–        il-ħamsa u għoxrin motiv, ippreżentat insostenn tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

1.      Fuq lewwel, ittieni, lerbatax, ilħmistax u ddsataxil motiv

106    Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel, l-erbatax u l-ħmistax‑il motiv tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-BĊE mar lil hinn mill-kompetenzi tiegħu meta ma offrilhomx il-possibbiltà li jipproċedu għall-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 3.3.2(b) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, filwaqt li, fil-kuntest tat-tqassim fundamentali tar-responsabbiltajiet bejn id-diversi ANK u l-BĊE skont il-mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) u l-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“MUR”), il-BĊE ma għandu l-ebda kompetenza f’dan is-sens. L-istess jgħodd għar-rifjut mill-BĊE għall-bejgħ tal-imsemmija rikorrenti lil investitur ieħor potenzjalment interessat, kif jirriżulta mill-punt 3.3.2(b)(ii) ta’ din id-deċiżjoni.

107    Fit-tieni lok, il-BĊE kien ipprojbit milli jadotta deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, peress li l-FSA kienet diġà adottat, fis‑7 ta’ Frar 2018, id-Deċiżjoni FOLTF, li kienet tiddetermina jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu kinitx f’sitwazzjoni ta’ “nuqqas attwali jew prevedibbli”, u b’hekk għamlet l-għażla tagħha bejn il-miżura ta’ riżoluzzjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, għażla li hija fil-kompetenza esklużiva tal-FSA. Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll l-affermazzjoni tal-BĊE li tgħid li l-imsemmija deċiżjoni ma hijiex rilevanti u hija kunfidenzjali u għalhekk ma kellhiex tiġi kkomunikata lilhom.

108    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrifjutaw l-argument tal-BĊE li jgħid li ma kinitx tressqet talba uffiċjali għall-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti. Fil-fehma tagħhom, il-BĊE, fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, indipendentement minn tali talba, irrifjuta li jawtorizza l-imsemmija awtolikwidazzjoni, filwaqt li seta’ jistedinhom iressqu tali talba jew jistieden lill-FSA tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni. L-uniku ostakolu għal din l-awtolikwidazzjoni kien fil-fatt il-preferenza negattiva espressa mill-BĊE. Is-sistema l-ġdida “MSU-MUR” introduċiet sistema ta’ intervent bikri li tidħol fis-seħħ qabel in-nuqqas effettiv ta’ bank, li fil-kuntest tagħha d-diversi ANK ta’ riżoluzzjoni jkollhom il-possibbiltà li jeżaminaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkunx f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli u li jivverifikaw jekk ikunx hemm soluzzjonijiet oħra ta’ superviżjoni qabel ma jistudjaw jekk miżuri ta’ riżoluzzjoni jikkorrispondux għall-interess pubbliku. Ir-rikorrenti jqisu li, jekk l-imsemmija ANK jikkunsidraw li dan ma jkunx il-każ, għax l-insolvenza tal-bank ma tikkostitwixxix problema sistemika, l-analiżi tintemm f’dak li jirrigwarda s-sistema ta’ riżoluzzjoni. Sussegwentement, dawn l-ANK għandhom jiddeterminaw jekk l-entità li tista’ twettaq nuqqas hix fil-fatt ser twettqu. Jekk dan ikun il-każ, huwa possibbli li n-nuqqas, jiġifieri l-insolvenza, jiġi rrimedjat b’mod adegwat permezz tal-proċedura nazzjonali ta’ insolvenza. Minn dan jirriżulta li likwidazzjoni obbligatorja qatt ma tista’ sseħħ. Għall-kuntrarju, din is-sistema ma tippreġudikax il-possibbiltà ta’ awtolikwidazzjoni, li hija rrikonoxxuta f’kull dritt nazzjonali, sakemm il-kumpannija kkonċernata tkun solventi.

109    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma kellux kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, peress li din tal-aħħar kienet imsejsa biss fuq allegat ksur fil-qasam tal-ĠĦF/FT, qasam li fih huwa ma għandu l-ebda kompetenza. L-irtirar tal-awtorizzazzjoni f’dan il-każ ma huwiex iġġustifikat għal raġunijiet prudenzjali, iżda serva biss biex jissodisfa l-interess tal-FSA u tal-BĊE għal pubbliċità faċli.

110    Fir-raba’ lok, fil-kuntest tat-tieni u b’mod impliċitu tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma eżaminax il-kwistjonijiet sottostanti għad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fil-qasam tal-ĠĦF/FT u lanqas ma vverifika l-evalwazzjonijiet tal-FSA. Il-BĊE ma jistax ikun responsabbli mill-istabbiltà tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u jeskludi b’mod artifiċjali mill-evalwazzjoni tiegħu oqsma sħaħ li jkunu sorsi ta’ riskji. Barra minn hekk, kull nuqqas tal-imsemmija deċiżjoni dovut għall-abbozz imfassal mill-FSA għandu jkun jista’ jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra din id-deċiżjoni.

111    Iktar minn hekk, l-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-legalità, imfittex mill-BĊE fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, ma huwiex għan leġittimu tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, peress li l-għanijiet prudenzjali biss huma tali. Madankollu, filwaqt li jkun teoretikament possibbli li l-kwistjonijiet fil-qasam tal-ĠĦF/FT ikunu rilevanti għal irtirar tal-awtorizzazzjoni, sa fejn dawn il-kwistjonijiet jiġġeneraw riskji prudenzjali, it-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn id-diversi ANK u l-BĊE, minn naħa, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, min-naħa l-oħra, jippreżupponu li l-ewwel tkun ġiet eżawrita l-firxa sħiħa ta’ miżuri fl-imsemmi qasam (multi, projbizzjoni li jiġu eżerċitati ċerti tipi ta’ attivitajiet, proċeduri kriminali).

112    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

113    Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, żewġ motivi bbażati, l-ewwel, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 u, it-tieni, fuq l-użu ħażin ta’ poter. Qabel ma teżaminahom, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tfakkar it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-BĊE u d-diversi ANK.

a)      Fuq ittqassim talkompetenzi bejn ilBĊE u lANK talIstati Membri parteċipanti fi ħdan ilMSU dwar lirtirar talawtorizzazzjoni għal ksur tarregoli filqasam tal-ĠĦF/FT

114    L-ewwel, mill-premessi 15 u 28 tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li l-kompetenzi li ma humiex mogħtija lill-BĊE jibqgħu għand l-ANK.

115    B’mod partikolari, il-premessa 28 tar-Regolament MSU bażiku jelenka, fost il-“kompiti superviżorji mhux ikkonferiti lill-BĊE” u li għandhom jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, “il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u l-protezzjoni tal-konsumatur”.

116    Madankollu, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament MSU bażiku jippreċiża li, “[f]il-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu […] ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti”. Wara dan issegwi lista ta’ disa’ kompiti, li fosthom hemm l-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għalhekk, skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, il-kompetenza fil-qasam tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni hija rriżervata esklużivament lill-BĊE.

117    Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament MSU bażiku, “[g]ħall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, u bl-objettiv li jiġu żgurati standards għoljin ta’ superviżjoni, il-BĊE għandu japplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn din il-liġi tal-Unjoni hija magħmula minn Direttivi, il-leġislazjzoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn Regolamenti u fejn attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, il-BĊE għandu japplika wkoll il-leġislazzjoni nazzjonali waqt li jeżerċita dawk l-opzjonijiet”.

118    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament MSU bażiku jippreċiża li “[k]emm il-BĊE u l-[ANK] għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni b’rieda tajba, u obbligu biex jiskambjaw informazzjoni.”

119    Mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li, fir-rigward tal-kompiti ddefiniti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tal-imsemmi regolament, il-BĊE u d-diversi ANK ingħataw kompetenzi stabbiliti rispettivament fil-paragrafi 5 u 6 ta’ dan l-artikolu. Skont il-paragrafu 6 tal-istess artikolu, id-diversi ANK jeżerċitaw direttament is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, skont il-kriterji stabbiliti f’dan il-paragrafu u jinformaw lill-BĊE, konformement mal-kuntest stabbilit fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, dwar il-miżuri meħuda skont il-paragrafu 6 u jikkoordinaw mill-qrib dawk il-miżuri mal-BĊE.

120    Madankollu, mill-Artikolu 6(5)(b) sa (d) tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li, l-ewwel, “meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-[ANK] jew fuq talba minn [ANK], jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4”, it-tieni, il-BĊE għandu jeżerċita superviżjoni fuq il-funzjonament tas-sistema abbażi tal-kompetenzi u tal-proċeduri previsti f’dan l-artikolu u, it-tielet, jista’ f’kull ħin jagħmel użu mis-setgħat imsemmija fl-Artikoli 10 sa 13 tal-imsemmi regolament dwar is-setgħat ta’ investigazzjoni li l-BĊE jista’ jeżerċita direttament.

121    L-Artikolu 6(7) tar-Regolament MSU bażiku jipprevedi li l-BĊE għandu jadotta u jippubblika qafas biex jiġu organizzati modalitajiet prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu u jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament Qafas tal-MSU.

122    L-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku jipprevedi:

“Soġġett għall-paragrafu 6, il-BĊE jista’ jirtira l-awtorizzazzjoni fil-każijiet stabbiliti fid-dritt rilevanti tal-Unjoni fuq l-inizjattiva proprja, wara konsultazzjonijiet mal-[ANK] tal-Istat Membru parteċipanti fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni ta’ kreditu, jew fuq proposta minn tali [ANK]. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom b’mod partikolari jiżguraw li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet rigward l-irtirar, il-BĊE jagħti biżżejjed żmien lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet neċessarji ta’ rimedju, inklużi miżuri ta’ riżoluzzjoni possibbli, u jieħdu kont tagħhom.

Meta l-[ANK] li tkun ipproponiet l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 tqis li l-awtorizzazzjoni trid tiġi rtirata skont il-liġi nazzjonali rilevanti, din għandha tissottometti proposta lill-BĊE għal dak il-għan. F’dak il-każ, il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jikkunsidra bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni għall-irtirar imressqa mill-[ANK].”

123    L-Artikolu 14(6) tar-Regolament MSU bażiku jipprovdi li “[s]akemm l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, f’każijiet fejn huma jqisu li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jippreġudika l-implimentazzjoni adegwata ta’ azzjonijiet neċessarji għar-riżoluzzjoni jew biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, huma għandhom jinnotifikaw debitament l-oġġezzjoni tagħhom lill-BĊE bi spejgazzjoni fid-dettall tal-preġudizzju li l-irtirar jista’ jikkawża”, li, “[f]’dawk il-każijiet, il-BĊE għandu jastjeni milli jipproċedi għall-irtirar għal perijodu miftiehem b’mod reċiproku mal-awtoritajiet nazzjonali” u li “[l]-BĊE jista’ jestendi dak il-perijodu jekk huwa tal-opinjoni li jkun sar prog[r]ess suffiċjenti. Jekk, madankollu, il-BĊE jiddetermina f’deċiżjoni raġunata li azzjonijiet adatti neċessarji biex tinżamm l-istabbilta finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet għandu japplika immedjatament”.

124    L-Artikolu 80 tar-Regolament Qafas tal-MSU, intitolat “Proposta tal-[ANK] biex tiġi rtirata awtorizzazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Jekk l-[ANK] relevanti tikkunsidra li l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandha tiġi rtirata totalment jew parzjalment skont il-liġi nazzjonali tal-Unjoni jew dik nazzjonali, inkluż l-irtirar fuq talba tal-istituzzjoni ta’ kreditu, hija għandha tissottometti lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li tipproponi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni (iktar ’il quddiem “abbozz ta’ deċiżjoni ta’ irtirar”), flimkien ma’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ relevanti.

2.      L-[ANK] għandha tikkoordina mal-awtorità nazzjonali kompetenti għar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni”) fir-rigward ta’ kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar li hija relevanti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali.”

125    Skont l-Artikolu 81 tar-Regolament Qafas tal-MSU:

“1.      Il-BĊE għandu jevalwa l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar mingħajr dewmien żejjed. B’mod partikolari, huwa għandu jqis ir-raġunijiet għall-urġenza mogħtija mill-[ANK].

2.      Għandu japplika d-dritt li wieħed jinstema’ kif ipprovdut fl-Artikolu 31.”

126    L-Artikolu 83 tar-Regolament Qafas tal-MSU jipprevedi:

“1.      Il-BĊE għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Meta jagħmel dan, huwa jista’ jaċċetta jew jiċħad l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar relevanti.

2.      Meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, il-BĊE għandu jqis dawn kollha li ġejjin: (a) l-evalwazzjoni tiegħu taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar; (b) fejn applikabbli, l-abbozz tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-[ANK]; (c) konsultazzjoni mal-[ANK] relevanti u, fejn l-[ANK] ma tkunx l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni (flimkien mal-[ANK] l-‘awtoritajiet nazzjonali’); (d) kull kumment ipprovdut mill-istituzzjoni ta’ kreditu skont l-Artikoli 81(2) u 82(3).

3.      Il-BĊE għandu wkoll jieħu deċiżjoni fil-każijiet deskritti fl-Artikolu 84 jekk l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni relevanti ma toġġezzjonax għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, jew jekk il-BĊE jiddetermina li azzjonijiet kif suppost meħtieġa għaż-żamma tal-istabilità finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali.”

127    L-Artikolu 84 tar-Regolament Qafas tal-MSU jipprovdi:

“1.      Jekk l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni tinnotifika l-oġġezzjoni tagħha għall-intenzjoni tal-BĊE li jirtira awtorizzazzjoni, il-BĊE u l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni għandhom jaqblu dwar perijodu ta’ żmien li matulu l-BĊE għandu jastjeni milli jipproċedi bl-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Il-BĊE għandu jinforma lill-[ANK] minnufih wara li jibda l-kuntatt mal-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni sabiex jintlaħaq dan il-ftehim.

2.      Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ żmien miftiehem, il-BĊE għandha [għandu] jevalwa jekk ikunx beħsiebu jirtira l-awtorizzazzjoni jew jestendi l-perijodu ta’ żmien miftiehem skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament MSU [bażiku], waqt li jqis kwalunkwe progress li jkun sar. Il-BĊE għandu jikkonsulta kemm mal-[ANK] relevanti kif ukoll mal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, jekk din tkun differenti mill-[ANK]. L-[ANK] għandha tinforma lill-BĊE dwar il-miżuri meħuda minn dawn l-awtoritajiet u l-evalwazzjoni tagħha tal-konsegwenzi ta’ rtirar.

3.      Jekk l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ma toġġezzjonax għall-irtirar ta’ riżoluzzjoni, jew jekk il-BĊE jiddetermina li l-azzjonijiet xierqa u meħtieġa biex tinżamm l-istabilità finanzjarja ma ġewx implimentati mill-awtoritajiet nazzjonali, allura għandu japplika l-Artikolu 83.”

128    L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, li jipprevedi l-każijiet li fihom l-ANK jistgħu jipproponu, fir-rigward tal-istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, huwa fformulat kif ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija biss fejn tali istituzzjoni ta’ kreditu:

[…]

(e)      taqa’ taħt xi wieħed mill-każijiet l-oħra fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni; jew

(f)      twettaq xi ksur imsemmi fl-Artikolu 67(1).”

129    L-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi:

“Dan l-Artikolu għandu japplika tal-inqas fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

(d)      l-istituzzjoni ma jkollhiex fis-seħħ l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74;

(e)      l-istituzzjoni ma tkunx irrappurtat informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta dwar il-konformità mal-obbligu li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2)] lill-awtoritajiet kompetenti bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 99(1) ta’ dak ir-Regolament;

[…]

(o)      istituzzjoni tinsab responsabbli għal ksur serju ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102)];

[…]”

130    L-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi li “[l]-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effettivi u jippromwovuha”.

131    Mid-dispożizzjonijiet imfakkra fil-punti 115 sa 118 iktar ’il fuq jirriżulta li l-MSU jiċċentralizza l-funzjonijiet prudenzjali fil-livell tal-BĊE, filwaqt li jipprevedi eżekuzzjoni ddeċentralizzata mill-ANK tal-Istati Membri parteċipanti, taħt is-superviżjoni tal-BĊE, li huma jikkooperaw miegħu u jassistuh. Għalhekk, fi ħdan l-MSU, minn naħa, il-BĊE jeżerċita ċerti kompetenzi esklużivi: is-superviżjoni prudenzjali “diretta” tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinjifikattivi u l-kompetenzi rriżervati lilu mill-Artikolu 4 tar-Regolament MSU bażiku fir-rigward tal-istituzzjonijiet kollha, indipendentement mis-sinjifikat tagħhom. Min-naħa l-oħra, is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi taqa’ taħt l-eżerċizzju ddeċentralizzat mill-imsemmija ANK u hija rregolata u ssorveljata, fl-aħħar istanza, mill-BĊE, li għandu l-missjoni li jissorvelja l-funzjonament tajjeb u l-effikaċja tas-sistema ta’ superviżjoni prudenzjali kif ukoll l-applikazzjoni koerenti u uniformi tar-regoli prudenzjali fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Il-BĊE jeżerċita fir-rigward tal-istituzzjonijiet inqas sinjifikattivi superviżjoni “indiretta”, li fil-kuntest tagħha dawn l-ANK jipprovdu l-kooperazzjoni u l-assistenza tagħhom lill-BĊE. Barra minn hekk, l-istess ANK jżommu l-kompetenza fl-oqsma mhux irregolati mir-Regolament MSU bażiku: il-protezzjoni tal-konsumaturi, is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, il-ĠĦF/FT, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

132    B’mod iktar partikolari, fi ħdan dan il-MSU, mill-istruttura tal-Artikolu 6(4) sa (6) tar-Regolament MSU bażiku tirriżulta differenzazzjoni bejn is-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinjifikattivi” u dik tal-entitajiet ikklassifikati bħala “inqas sinjifikattivi”, fir-rigward ta’ seba’ mid-disa’ kompiti li huma elenkati fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament.

133    Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li s-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinjifikattivi” taqa’ taħt il-BĊE biss. L-istess japplika għas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “inqas sinjifikattivi”, fir-rigward tal-kompitu elenkat fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament MSU bażiku dwar l-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

134    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-entitajiet “inqas sinjifikattivi” u fir-rigward tal-kompiti l-oħra previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament MSU bażiku, minn qari flimkien tal-Artikolu 6(5) u (6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-implimentazzjoni tagħhom hija mogħtija, taħt il-kontroll tal-BĊE, lill-ANK tal-Istati Membri parteċipanti, li għaldaqstant jeżerċitaw is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-imsemmija entitajiet.

135    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li mill-eżami tal-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u dawk tal-Artikolu 6 tar-Regolament MSU bażiku, kif spjegati fil-punti 116 sa 121 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-loġika tar-relazzjoni bejniethom kienet tikkonsisti fil-possibbiltà li l-kompetenzi esklużivi ddelegati lill-BĊE jkunu jistgħu jiġu implimentati f’qafas iddeċentralizzat, minflok it-twettiq ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-BĊE u l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti fl-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-qari tal-premessi tal-imsemmi regolament. Minn naħa, mill-premessi 15 u 28 tal-istess regolament jirriżulta li huma biss il-kompiti espressament mogħtija lill-BĊE li jaqgħu barra mill-kompetenza tal-Istati Membri u li s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal raġunijiet differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-regolament inkwistjoni jibqgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Minn dan isegwi neċessarjament li huwa fl-istadju tad-definizzjoni tal-kompiti mogħtija lill-BĊE mill-Artikolu 4(1) tar-regolament inkwistjoni li seħħ it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-BĊE u l-imsemmija ANK. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-premessa 28 tar-Regolament MSU bażiku tipprovdi lista ta’ kompiti ta’ superviżjoni li għandhom jibqgħu fil-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali, din ma tinkludi l-ebda wieħed mill-kompiti elenkati mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. L-imsemmija premessa lanqas ma tippreżenta s-superviżjoni diretta tal-entitajiet inqas sinjifikattivi bħala li tikkostitwixxi l-eżerċizzju ta’ kompetenza li taqa’ taħt l-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punti 54 sa 57).

136    Fit-tielet lok, fi ħdan il-MSU magħmul mill-BĊE u mill-ANK tal-Istati Membri parteċipanti, minn naħa, mill-istruttura tal-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li kemm il-BĊE kif ukoll l-imsemmija ANK għandhom ikunu suġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni u obbligu li jiskambjaw informazzjoni. B’mod partikolari, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, “l-[ANK] għandhom b’mod partikolari jipprovdu lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti konferiti lill-BĊE”. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, huma l-imsemmija ANK li għandhom jassistu lill-BĊE fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att marbut mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament u li huwa relatat mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, b’mod partikolari l-assistenza fl-attivitajiet ta’ kontroll tiegħu.

137    Fil-fatt, ġie kkunsidrat li s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ikklassifikati bħala “inqas sinjifikattivi” kienet imsemmija fil-premessi 38 sa 40 tar-Regolament MSU bażiku, jiġifieri eżattament wara l-premessa 37 tal-istess regolament, li tenfasizza li “l-[ANK] għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-BĊE fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-eżerċitar tal-kompiti superviżorji tal-BĊE” u li, “[d]an għandu jinkludi b’mod partikolari valutazzjoni kontinwa ġurnata b’ġurnata tas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu u relatata ma’ verifiki fuq il-post”. Dan l-arranġament tal-premessi tal-imsemmi regolament jimplika li s-superviżjoni prudenzjali diretta eżerċitata mid-diversi ANK fil-kuntest tal-MSU kienet maħsuba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala modalità ta’ assistenza lill-BĊE, iktar milli bħala l-eżerċizzju ta’ kompetenza awtonoma (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 58).

138    Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tas-superviżjoni prudenzjali diretta mid-diversi ANK huwa rregolat mill-BĊE, li, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(5)(a) u (b) tar-Regolament MSU bażiku, għandu s-setgħa, minn naħa, li jikkomunika lill-imsemmija ANK “regolamenti, linji gwida jew struzzjonijiet ġenerali lill-[ANK], skont liema l-kompiti definiti fl-Artikolu 4 [tal-imsemmi regolament] jitwettqu” u, min-naħa l-oħra, li jiddeċiedi “li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar”. Barra minn hekk jaqgħu wkoll taħt din ir-regolazzjoni mill-BĊE tas-superviżjoni diretta eżerċitata mid-diversi ANK, minn naħa, is-setgħat ta’ superviżjoni previsti fl-Artikolu 6(5)(c) ta’ dan ir-regolament, li jirreferu għall-paragrafu 7(c) tal-imsemmi artikolu u, min-naħa l-oħra, is-setgħat ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni, previsti mill-Artikoli 10 sa 13 tar-regolament inkwistjoni, li l-BĊE jista’ jiddeċiedi li jeżerċita direttament fil-konfront ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, skont l-Artikolu 4(6)(d) tal-istess regolament.

139    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE jibqa’ d-detentur ta’ prerogattivi importanti anki fiċ-ċirkustanzi fejn d-diversi ANK jeżerċitaw il-kompiti ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) tar-Regolament MSU bażiku u li l-eżistenza ta’ tali prerogattivi tindika n-natura subordinata tal-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali, meta dawn jimplimentaw l-imsemmija kompiti (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 59).

140    Fir-raba’ lok, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni lil istituzzjoni ta’ kreditu, previst fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament MSU bażiku, il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u d-diversi ANK hija espressa, konformement mal-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament, minn naħa, bl-obbligu ta’ konsultazzjoni ta’ dawn l-ANK, fil-każ fejn il-BĊE jirtira l-awtorizzazzjoni fuq inizjattiva proprja u, min-naħa l-oħra, bil-possibbiltà għal dawn l-awtoritajiet li jipproponu l-imsemmi rtirar lill-BĊE.

141    Meta ANK, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku, tipproponi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni u mal-Artikolu 83(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, għandu jieħu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar mogħtija minn din l-ANK, il-konsultazzjonijiet ma’ din tal-aħħar u, jekk ikun il-każ, mal-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni. Huwa għandu jwettaq ukoll l-eżami proprju tiegħu tal-eżistenza taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar u għalhekk jiddeċiedi li jaċċetta jew jirrifjuta l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-ANK ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

142    Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 28 u 29 tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li l-kompitu tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jibqa’ kompetenza nazzjonali u li l-BĊE għandu, f’dan ir-rigward, dmir ta’ kooperazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali.

143    Fis-sitt lok, fir-rigward tar-rabta bejn il-ĠĦF/FT u s-superviżjoni prudenzjali, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fost iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja, minn naħa, l-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36 isemmi l-ksur previst fl-Artikolu 67(1) ta’ din id-direttiva, li fosthom hemm elenkat il-ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60, dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(e) tal-imsemmija direttiva jsemmi l-każijiet l-oħra ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni previsti mid-dritt nazzjonali.

144    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36 jirreferi għas-setgħa tal-ANK ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-tqassim tal-kompiti bejn l-imsemmija ANK u l-BĊE, previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament MSU bażiku, u b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kompetenza għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni saret kompetenza esklużiva tal-BĊE, li dan tal-aħħar jista’ jeżerċita, skont l-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament, fuq proposta tal-ANK, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva għandu jiġi mifhum bħala li jirreferi għas-setgħa ta’ proposta għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-ANK.

145    Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-interazzjonijiet bejn il-MSU u l-MUR, mill-premessa 11 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 255, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-MUR”) jirriżulta li s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni huma żewġ aspetti komplementari fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja Ewropea u għalhekk, bħala prinċipju, ma humiex alternattivi għal xulxin.

146    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-iskopijiet tal-MSU u tal-MUR huma differenti. Kif tfakkar il-premessa 7 tar-Regolament tal-MUR, il-MSU huwa intiż sabiex jiżgura politika ta’ superviżjoni mikroprudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fil-livell Ewropew u l-implimentazzjoni koerenti u effikaċi tagħha fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro u fl-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jagħżlu li jipparteċipaw fih. Dan huwa intiż ukoll għas-superviżjoni makroprudenzjali u, fl-aħħar istanza, l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-MUR, min-naħa l-oħra, għandu bħala kompitu essenzjali l-ġestjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li diġà seħħew, il-ħolqien ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effikaċi, sabiex jiġi evitat li d-danni riżultanti min-nuqqasijiet tal-banek jinxterdu, skont regoli uniformi u proċedura uniformi, kif jirriżulta mill-premessi 6 u 8 u mill-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament. Għalhekk, għalkemm iż-żewġ sistemi jikkollaboraw għall-iskop finali ta’ solidità u ta’ stabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, il-MSU jaġixxi b’mod preventiv għall-kriżijiet filwaqt li l-MUR jaġixxi b’mod riżoluttiv għall-kriżijiet.

147    Fit-tmien lok, id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli li jistgħu jinħarġu mill-BĊE jew mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sinjifikattivi, jew mid-diversi ANK jew mill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni, fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikattivi, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-MUR, huma atti preparatorji li jippreċedu, iżda li ma jwasslux neċessarjament għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. L-adozzjoni tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tas-SRB jew tal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni, skont l-importanza tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

148    Barra minn hekk, l-evalwazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli bl-ebda mod ma jikkostitwixxu deċiżjonijiet formali dwar in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi regolatorji ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, iżda huma atti preparatorji li ma jimmodifikawx is-sitwazzjoni legali tal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni. Fil-fatt, dawn l-atti jipprovdu evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE (jew mill-ANK) dwar il-kwistjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli tal-imsemmija istituzzjoni, li bl-ebda mod ma hija obbligatorja, iżda tikkostitwixxi l-bażi għall-adozzjoni, mis-SRB (jew mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni), ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu li riżoluzzjoni ma tkunx fl-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE, T‑281/18, EU:T:2019:296, punti 36, 48 u 49).

149    Fil-fatt, mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-MUR jirriżulta li tali skema tiġi adottata biss jekk ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. B’mod partikolari, mhux talli l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli, iżda talli ma għandu jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali jimpedixxu n-nuqqas tagħha f’terminu raġonevoli. Barra minn hekk, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tkun neċessarja fl-interess pubbliku.

150    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, skont il-premessa 26 tar-Regolament tal-MUR, għalkemm il-BĊE (u b’analoġija, id-diversi ANK) u s-SRB (u, b’analoġija, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni) għandhom ikunu f’pożizzjoni li jevalwaw jekk istituzzjoni ta’ kreditu hijiex f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli, huwa esklużivament is-SRB (u, b’analoġija, l-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni) li għandu jevalwa l-kundizzjonijiet meħtieġa għal riżoluzzjoni u jadotta skema ta’ riżoluzzjoni jekk iqis li l-kundizzjonijiet kollha jkunu ssodisfatti, kif jirriżulta wkoll b’mod espliċitu mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-MUR. Ċertament, il-BĊE (u b’analoġija, d-diversi ANK) għandu l-kompetenza li jikkomunika evalwazzjoni dwar l-ewwel kundizzjoni, jiġifieri n-nuqqas attwali jew prevedibbli, imma din hija biss sempliċi evalwazzjoni, li bl-ebda mod ma torbot lis-SRB (u, b’analoġija, lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni) (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE, T‑281/18, EU:T:2019:296, punt 34).

151    Fid-disa’ lok, mill-premessa 57 tar-Regolament tal-MUR jirriżulta, minn naħa, li l-fatt li entità ma tissodisfax ir-rekwiżiti għal awtorizzazzjoni ma għandux jiġġustifika minnu nnifsu d-dħul fi proċedura ta’ riżoluzzjoni, speċjalment jekk l-entità tibqa’ jew x’aktarx li tibqa’ vijabbli. Min-naħa l-oħra, entità għandha tiġi kkunsidrata li qiegħda f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli fejn tkun qiegħda tikser jew x’aktarx ser tkun qiegħda tikser fil-futur qarib ir-rekwiżiti għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni.

152    Ma teżistix ekwivalenza funzjonali bejn evalwazzjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli u rtirar tal-awtorizzazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li tali evalwazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-fatt li l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni ma għadhomx issodisfatti skont l-Artikolu 18(4)(a) tar-Regolament tal-MUR, dawn iż-żewġ atti ma huma bl-ebda mod ekwivalenti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni elenkati fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36 huma manifestament differenti mill-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli, kif ipprovduti fl-Artikolu 18(4) tal-imsemmi regolament (digriet tas‑6 ta’ Mejju 2019, ABLV Bank vs BĊE, T‑281/18, EU:T:2019:296, punt 46).

153    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat dan il-grupp ta’ motivi.

b)      Fuq lewwel parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jirtira lawtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, peress li lANK kienet diġà adottat dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli

154    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tikkonċerna l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu lit-tieni rikorrenti minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Estonjan li jissanzjona, permezz ta’ din il-miżura, l-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza u ta’ sistema effikaċi fil-qasam tal-ĠĦF/FT, in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ istruzzjoni maħruġa mill-ANK u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti qarrieqa.

155    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-BĊE adotta d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, sussegwentement dik tas‑17 ta’ Lulju 2018, fuq proposta tal-FSA, l-ANK Estonjana, skont l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku kif ukoll skont l-Artikolu 83(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

156    Fit-tielet lok, fil-kuntest ta’ tali deċiżjoni u tal-implimentazzjoni ddeċentralizzata tal-kompetenza esklużiva tiegħu fil-qasam tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, peress li t-tieni rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, il-BĊE kellu, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku u l-Artikolu 83(2)(b) u (c) tar-Regolament Qafas tal-MSU, kemm jieħu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar, mogħtija mill-ANK, kif ukoll jikkoopera ma’ din tal-aħħar permezz ta’ konsultazzjonijiet dwar l-eventwali miżuri ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni kellha tqis neċessarji.

157    Fir-raba’ lok, mill-punt 3.2(d) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li l-FSA, li hija, fl-Estonja, kemm l-ANK fil-kuntest tal-MSU kif ukoll l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni fil-kuntest tal-MUR (Artikolu 3 tal-Liġi Estonjana dwar il-Prevenzjoni u r-Riżoluzzjoni ta’ Kriżijiet Finanzjarji), adottat, fl‑10 ta’ April 2017, id-Deċiżjoni FOLTF għar-raġuni li t-tieni rikorrenti kienet wettqet diversi ksur tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni b’tali mod li din setgħet tiġi rtirata lilha, kif tipprevedi l-premessa 57 tar-Regolament tal-MUR.

158    Fil-fatt, skont il-premessa 57 tar-Regolament tal-MUR, entità għandha tiġi kkunsidrata li qiegħda f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli fejn tkun qiegħda tikser jew x’aktarx ser tkun qiegħda tikser ir-rekwiżiti għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni.

159    Sussegwentement, mill-punt 3.1(b) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li, fid-data tas‑7 ta’ Frar 2018, il-FSA, fir-rwol tagħha ta’ awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, adottat deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ma kinitx fl-interess pubbliku. Hija din id-deċiżjoni li r-rikorrenti jirreferu għaliha, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, bħala t-“tieni Deċiżjoni FOLTF”.

160    Għalhekk, għalkemm il-FSA kienet adottat id-Deċiżjoni FOLTF, li għaliha hija kellha l-kompetenza, u li għaldaqstant l-ewwel kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament tal-MUR, għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, kienet issodisfatta, kien ġie kkunsidrat li ma kienx hemm interess pubbliku sabiex jiġu implimentati miżuri ta’ riżoluzzjoni, b’tali mod li t-tielet kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tal-imsemmi regolament ma kinitx issodisfatta. Għaldaqstant, l-imsemmija deċiżjoni f’dan il-każ ma wasslitx lill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni (il-FSA) għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, peress li l-kundizzjonijiet previsti ma kinux kumulattivament issodisfatti.

161    Għall-kuntrarju, mill-punt 3.1(c) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li, fis‑6 ta’ Marzu 2018, il-FSA adottat proposta għal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u li l-BĊE, wara li rċieva din il-proposta, ta lit-tieni rikorrenti l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar din tal-aħħar, biex mbagħad jadotta d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, u sussegwentement dik tas‑17 ta’ Lulju 2018, li tibbaża fuq ir-raġunijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali u r-riżultati tal-verifiki u tal-ispezzjonijiet imwettqa mill-FSA.

162    Issa, l-ewwel, il-BĊE kkunsidra ġustament, fil-punt 2.1 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li huwa kellu l-kompetenza esklużiva sabiex jadotta deċiżjoni fil-qasam tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Tali konklużjoni hija konformi, minn naħa, mal-Artikolu 4(1)(a) u mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku kif ukoll mal-Artikolu 83 tar-Regolament Qafas tal-MSU u, min-naħa l-oħra, mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 135 iktar ’il fuq.

163    It-tieni, huwa konformement mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE fi ħdan il-MSU, mad-dispożizzjonijiet applikabbli u mal-ġurisprudenza, imsemmija fil-punti 136, 137, 140 u 141 iktar ’il fuq, li l-FSA bagħtet lill-BĊE proposta għal deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u li dan tal-aħħar kien ibbaża ruħu fuq ir-raġunijiet tagħha sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu.

164    Fil-fatt, peress li t-tieni rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva, minn naħa, kienet il-FSA, jiġifieri l-ANK Estonjana, li kellha twettaq il-verifiki fattwali neċessarji kif ukoll tħejji u tassisti lill-BĊE fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ kull att marbut mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament MSU bażiku, li fosthom hemm id-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

165    Min-naħa l-oħra, skont id-dispożizzjonijiet u l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 138 u 139 u ’il fuq, il-BĊE kellu setgħa li jirregola l-azzjoni ta’ superviżjoni diretta eżerċitata mill-FSA, li l-BĊE uża, f’dan il-każ, billi pproċeda għal diversi konsultazzjonijiet mal-FSA, speċjalment mix-xahar ta’ April 2017, u wara l-aħħar spezzjoni, kif ikkonferma l-BĊE waqt is-seduta.

166    It-tielet, il-BĊE kellu ċertament il-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, minkejja u indipendentement mid-deċiżjonijiet invokati mir-rikorrenti.

167    F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-BĊE ma kellux il-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, peress li l-ANK kienet adottat deċiżjoni dwar in-nuqqas attwali jew prevedibbli tat-tieni rikorrenti, jirriżultaw minn qari żbaljat tal-interazzjoni bejn il-MSU, minn naħa, u l-MUR, min-naħa l-oħra, kif ukoll minn ċerti żbalji fattwali.

168    Fil-fatt, ir-rikorrenti jqisu, essenzjalment, li l-MSU u l-MUR huma sistemi alternattivi, li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien previst preċedentement mid-dritt nazzjonali, l-assenza ta’ teħid ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li l-istituzzjoni ta’ kreditu tiġi llikwidata skont id-dritt nazzjonali u li l-BĊE ma għandux, wara deċiżjoni FOLTF, il-kompetenza sabiex jiddeċiedi li jirtiralha l-awtorizzazzjoni.

169    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-FSA ma adottatx żewġ deċiżjonijiet, iżda, minn naħa, id-Deċiżjoni FOLTF, jiġifieri dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli, fl‑10 ta’ April 2017 u, min-naħa l-oħra, fir-rwol tagħha ta’ awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, deċiżjoni li tistabbilixxi li riżoluzzjoni ma kinitx fl-interess pubbliku, fis‑7 ta’ Frar 2018, kif jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li s-siltiet tagħha ġew imfakkra fil-punti 157 u 159 iktar ’il fuq.

170    L-atti inkwistjoni huma distinti, peress li dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli hija waħda mill-prerekwiżiti sabiex tiġi adottata deċiżjoni finali dwar ir-riżoluzzjoni, jiġifieri skema ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament tal-MUR. Madankollu, dan il-prerekwiżit huwa kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, kif jirriżulta mill-punt 149 iktar ’il fuq.

171    Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 148 iktar ’il fuq, li tgħid li d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli tipprovdi evalwazzjoni tal-fatti mill-ANK dwar il-kwistjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli tal-imsemmija istituzzjoni, li bl-ebda mod ma hija obbligatorja, iżda tikkostitwixxi l-bażi għall-adozzjoni, mill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, ta’ skemi ta’ riżoluzzjoni jew ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu li riżoluzzjoni ma hijiex fl-interess pubbliku.

172    Hija deċiżjoni ta’ dan it-tieni tip li l-FSA, fir-rwol tagħha ta’ awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni, adottat f’dan il-każ.

173    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, tali deċiżjoni bl-ebda mod ma tipprojbixxi lill-BĊE milli jadotta sussegwentement deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

174    Għall-kuntrarju, hemm lok li jitqies li, sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli, li tista’ tiġi adottata, b’mod partikolari, meta l-kundizzjonijiet għal irtirar tal-awtorizzazzjoni huma ssodisfatti, kif jirriżulta mill-premessa 57 tar-Regolament tal-MUR u kif tirrikonoxxi wkoll it-tieni rikorrenti, u li tista’ tittieħed bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, ma tagħtix lok għal tali miżura, skont l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni kompetenti li tadottaha abbażi tal-Artikolu 7(3)(e) tal-imsemmi regolament (fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva), il-BĊE jista’ jiddeċiedi li jipproċedi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu li ma għadhiex tosserva l-kundizzjonijiet għaż-żamma ta’ tali awtorizzazzjoni.

175    Fil-fatt, għalkemm il-MUR tikkondividi l-istess kompitu bħal dak intiż mill-MSU, ta’ protezzjoni tal-istabbiltà u tas-sigurtà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, u huwa għalhekk komplementari meta mqabbel ma’ dan tal-aħħar, kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament tal-MUR, madankollu dan jista’ jiġi applikat meta entità tkun tinsab f’sitwazzjoni ta’ insolvenza jew ta’ riskju li ssir insolventi u jipprevedi ġestjoni tal-kriżijiet finanzjarji ladarba dawn iseħħu, kif jirriżulta mill-premessa 7 tal-imsemmi regolament.

176    Barra minn hekk din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessa 57 tar-Regolament tal-MUR, li tgħid li “[l]-fatt li entità ma tissodisfax ir-rekwiżiti għal awtorizzazzjoni ma għandux jiġġustifika minnu nnifsu d-dħul fi proċess ta’ riżoluzzjoni, speċjalment jekk l-entità tibqa’ jew x’aktarx li tibqa vijabbli”, kif ukoll mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 152 iktar ’il fuq.

177    Il-miżuri adottati skont il-MSU u l-MUR jistgħu jeskludu lil xulxin, kif ġie allegat mir-rikorrenti, biss fil-każ fejn entità mhux biss talli ma jkollhiex tibqa’ tiggarantixxi l-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-awtorizzazzjoni, iżda wkoll meta ma tibqax solventi.

178    F’dan il-każ biss, il-BĊE għandu jagħti l-prijorità lil miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB jew minn awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni (skont l-importanza tal-istituzzjoni ta’ kreditu), abbażi tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni ma’ dawn l-awtoritajiet l-oħra, spjegat fl-Artikolu 14(5) u (6) tar-Regolament MSU bażiku kif ukoll fl-Artikolu 83(3) u fl-Artikolu 84 tar-Regolament Qafas tal-MSU. Barra minn hekk, il-BĊE għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 83(2) tal-imsemmi regolament qafas, li jieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq il-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni, qabel ma jadotta d-deċiżjoni tiegħu ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

179    Il-koeżistenza tal-MSU u tal-MUR ma tistax tinftiehem bħala li teskludi l-possibbiltà li l-awtorità kompetenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali, jiġifieri l-BĊE, tirtira l-awtorizzazzjoni, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet sabiex tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri meta ma jkunx hemm ir-riskju li l-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni ma tibqax vijabbli.

180    Fil-fatt, dan ikun ekwivalenti għall-eżenzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li jkunu sodi minn perspettiva finanzjarja, mill-obbligu ta’ osservanza tar-regoli prudenzjali l-oħra li jkunu imposti fuqhom għall-finijiet taż-żamma tal-awtorizzazzjoni tagħhom.

181    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-“Deċiżjonijiet FOLTF” għandhom jiġu kkomunikati lilhom, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni finali li permezz tagħha l-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni stabbilixxiet li ma kienx hemm interess pubbliku għar-riżoluzzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli tal-FSA jaqgħu taħt proċedura distinta minn dik li wasslet għad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, b’tali mod li l-assenza ta’ komunikazzjoni tad-Deċiżjoni FOLTF lit-tieni rikorrenti ma għandhiex effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. Barra minn hekk, sa fejn ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom id-Deċiżjoni FOLTF jikkoinċidu mar-raġunijiet li hija bbażata fuqhom il-proposta għal deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, kif riprodotta fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma magħrufa mill-imsemmija rikorrenti li hija d-destinatarja ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-aħħar.

182    Barra minn hekk, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet pprovduti fil-punti 173 sa 180 iktar ’il fuq dwar l-interazzjonijiet bejn is-sistemi ta’ MSU u ta’ MUR, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-referenza fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali allegatament imħassra mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn iż-żewġ sistemi, u b’mod partikolari għall-Artikolu 118 tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, huma ineffettivi.

183    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li din il-parti ma tistax tintlaqa’.

c)      Fuq ittieni parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jevalwa lkwistjonijiet filqasam talĠĦF/FT

184    Ir-rikorrenti jikkontestaw essenzjalment il-kompetenza tal-BĊE sabiex jadotta deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ĠĦF/FT, qasam li fih ma għandux kompetenza. L-irtirar tal-awtorizzazzjoni jkun iġġustifikat biss, għall-kuntrarju, għal raġunijiet prudenzjali.

185    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-Artikolu 67 tad-Direttiva 2013/36, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni huwa previst ukoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza mill-istituzzjoni ta’ kreditu tal-obbligi fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Għalhekk, l-osservanza tal-obbligi f’dan il-qasam huma manifestament rilevanti fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali, peress li, kif jenfasizzaw il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2005/60, l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil ta’ flus jista’ jhedded l-istabbiltà, l-integrità u r-reputazzjoni tagħha kif ukoll tas-suq uniku.

186    Il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36 terġa’ ssemmi l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni sabiex jirtiraw l-awtorizzazzjoni ma jistax iqajjem dubju dwar ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif din tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament MSU bażiku attwalment fis-seħħ.

187    Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu kompetenti għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ĠĦF/FT, kif tipprevedi espliċitament il-premessa 28 tar-Regolament MSU bażiku, il-BĊE huwa esklużivament kompetenti għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha, indipendentement minn jekk humiex sinjifikattivi jew inqas sinjifikattivi, anki meta dan ikun ibbażat, bħal f’dan il-każ, fuq ir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 67(1)(d), (e) u (o) tad-Direttiva 2013/36, li jirreferi għalih l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, peress li l-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi bħala kundizzjoni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni l-eżistenza ta’ raġuni waħda jew iktar li jiġġustifikaw l-irtirar skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux, ġustament, iqajmu dubju, għal din ir-raġuni, dwar il-kompetenza tal-BĊE sabiex jadotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

188    Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raġunijiet tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkonstataw b’mod validu li dawn jikkorrispondu tabilħaqq għal uħud mir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u b’mod partikolari għal dawk li jinsabu fl-Artikolu 18(e) u (f) tad-Direttiva 2013/36, kif jeżiġi l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku. B’mod partikolari, l-Artikolu 18(f) tal-imsemmija direttiva jikkonċerna l-każ ta’ ksur mill-istituzzjoni ta’ kreditu, imsemmi fl-Artikolu 67(1) ta’ din id-direttiva.

189    F’dan il-każ, it-tieni rikorrenti ġiet akkużata bil-ksur elenkat fl-Artikolu 67(1)(d), (e) u (o) tad-Direttiva 2013/36 fil-kuntest tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. Dan il-ksur jikkonċerna rispettivament l-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza meħtieġa mid-diversi ANK konformement mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tal-imsemmija direttiva, l-ommissjoni ta’ informazzjoni jew il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew inkompleta, dwar l-osservanza tal-obbligu li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji, lill-ANK u t-twettiq ta’ ksur serju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/60 fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

190    Għaldaqstant, u bit-teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 185 u 187 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex juża l-istrument tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-ksur fil-qasam tal-ĠĦF/FT għandhom jiġu miċħuda.

191    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE fi ħdan il-MSU u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jimponu li, qabel l-irtirar tal-awtorizzazzjoni bankarja għal ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT, tkun ġiet eżawrita l-firxa sħiħa ta’ miżuri oħra disponibbli (multi, projbizzjoni li jiġu eżerċitati ċerti tipi ta’ attivitajiet, proċeduri kriminali), għandu jiġi miċħud.

192    Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta li l-FSA tat lit-tieni rikorrenti diversi okkażjonijiet biex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, kif jirriżulta mill-punti 25, 26 u 29 iktar ’il fuq, inkluż bl-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni, li lanqas din ma kienet ġiet osservata mill-imsemmija rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw b’mod validu lill-BĊE talli adotta deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni b’mod prematur jew bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

193    Fit-tielet lok, sa fejn l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-osservanza minn istituzzjoni ta’ kreditu tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ĠĦF/FT jaqgħu mingħajr l-ebda dubju taħt il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali, u li, f’dan il-każ, il-FSA ġustament eżerċitathom, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu ksur tal-kompetenzi proprji ta’ din tal-aħħar mill-BĊE.

194    Fil-fatt, minn naħa, huwa konformement mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE fi ħdan il-MSU, enfasizzat fil-punti 131, 136, 137 u 140 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, mal-eżerċizzju ddeċentralizzat tal-kompetenzi esklużivi fil-qasam tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni, irrikonoxxut mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 135 iktar ’il fuq, li l-FSA wettqet id-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza tal-BĊE, kif previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) u mill-Artikolu 6(3) tar-Regolament MSU bażiku, l-ewwel, billi wettqet il-kontrolli u l-verifiki materjali meħtieġa, it-tieni, billi daħlet f’komunikazzjoni mal-istituzzjoni ta’ kreditu inkwistjoni sabiex issolvi l-problemi fi stadju bikri, inkluż billi kkonsultat lill-awtorità nazzjonali tar-riżoluzzjoni kkostitwita wkoll fi ħdanha, u t-tielet, billi fasslet abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tal-imsemmi regolament.

195    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw b’mod validu lill-BĊE talli bbaża d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fuq din il-proposta għal deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, peress li, meta ANK tipproponi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni lill-BĊE, kemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku kif ukoll mill-Artikolu 83(2) tar-Regolament Qafas tal-MSU jirriżulta li l-BĊE huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni bis-sħiħ ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmi rtirar mogħtija minn din l-ANK.

196    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-BĊE talab ukoll l-osservazzjonijiet tat-tieni rikorrenti dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u ħadhom inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 83(2)(d) tar-Regolament Qafas tal-MSU.

197    Huwa għalhekk mingħajr ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-ANK tal-Istati Membri parteċipanti u l-BĊE fi ħdan il-MSU, li, f’dan il-każ, il-fatti li jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT kienu ġew stabbiliti mill-FSA filwaqt li l-evalwazzjoni ġuridika li tiddetermina jekk dawn il-fatti jiġġustifikawx irtirar tal-awtorizzazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ġew irriżervati għall-kuntrarju lill-BĊE.

198    Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-argumenti, imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-grupp ta’ motivi, dwar l-assenza ta’ għarfien espert u kompetenza organizzati fi ħdan il-BĊE fil-qasam tal-ĠĦF/FT huma ineffettivi.

199    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda.

d)      Fuq ittielet parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jirrifjuta lawtolikwidazzjoni tattieni rikorrenti u lbejgħ talbank lil investitur ieħor

200    Ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw lill-BĊE talli adotta deċiżjoni li tirrifjuta l-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti jew il-bejgħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu lil investituri oħra.

201    B’mod preliminari, fir-rigward tal-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 117 tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, sabiex tipproċedi għall-awtolikwidazzjoni tagħha, istituzzjoni ta’ kreditu għandha tippreżenta talba għax-xoljiment volontarju lill-FSA, li hija għalhekk l-awtorità kompetenti sabiex taċċetta jew tiċħad tali talba.

202    Mill-fajl jirriżulta li, minn naħa, it-tieni rikorrenti ma tallegax li ressqet talba għall-awtolikwidazzjoni u, min-naħa l-oħra, hija tikkritika lill-BĊE talli ma tahiex l-okkażjoni biex tressaqha. Issa, l-imsemmija rikorrenti ma ressqitx tali talba. Barra minn hekk, il-BĊE ċertament la huwa obbligat iħeġġeġ lil istituzzjoni ta’ kreditu tressaq talba għall-awtolikwidazzjoni lil awtorità nazzjonali, u lanqas ma għandu l-kompetenza sabiex jieħu deċiżjoni formali ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ rifjut ta’ talba għall-awtolikwidazzjoni, kif jammettu l-partijiet.

203    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti huma rilevanti biss sa fejn dawn jirrigwardaw fir-realtà l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar il-proporzjonalità tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, magħmula fil-punt 3.3.2 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, u dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-analiżi ddedikata għall-proporzjonalità tal-imsemmi rtirar (ara l-punti 306 sa 344 iktar ’il quddiem). L-istess jgħodd għall-argumenti dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex jimpedixxi l-bejgħ tal-istituzzjoni ta’ kreditu lil investituri oħra, imressqa fil-kuntest tal-ħmistax‑il motiv tar-rikors.

204    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, hemm lok li din il-parti tiġi miċħuda.

e)      Fuq irraba’ parti dwar lużu ħażin ta’ poter

205    Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-BĊE ma aċċettax l-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti (u lanqas il-bejgħ tagħha lil investituri oħra jew miżuri oħra inqas intrużivi) u rtira l-awtorizzazzjoni tagħha għal raġunijiet li ma humiex relatati mas-superviżjoni prudenzjali, u b’mod partikolari għall-konsegwenzi f’termini ta’ pubbliċità favorevoli li huwa u l-FSA siltu minn dan, bi ksur tal-premessa 75 u tal-Artikolu 19 tar-Regolament MSU bażiku, li jimponu lill-BĊE jeżerċita l-kompiti tiegħu indipendentement minn kwalunkwe influwenza politika.

206    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jirribatti li dan il-motiv huwa manifestament infondat.

207    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 75 tar-Regolament MSU bażiku, “[s]abiex iwettaq il-kompiti superviżorji tiegħu b’mod effikaċi, il-BĊE għandu jeżerċita l-kompiti superviżorji kkonferiti lilu b’indipendenza sħiħa, b’mod partikolari ħieles minn influwenza politika żejda u minn interferenza min-naħa tal-industrija li jaffettwaw l-indipendenza operazzjonali tiegħu”.

208    Barra minn hekk, mill-premessa 15 tar-Regolament MSU bażiku jirriżulta li l-BĊE ngħata kompiti superviżorji speċifiċi li huma kruċjali biex tiġi żgurata implimentazzjoni koerenti u effikaċi tal-politika tal-Unjoni li tirrigwarda s-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri meħuda biex tintlaħaq stabbiltà makroprudenzjali, skont modalitajiet speċifiċi li jirriflettu r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali. L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Meta jkun qed iwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE u l-[ANK] li jkunu qed jaġixxu fi ħdan il-MSU għandhom jaġixxu b’mod indipendenti. Il-membri tal-Bord Superviżorju Bankarju u l-Kumitat ta’ tmexxija għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la m’għandhom ifittxu u lanqas m’għandhom jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.”

209    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva tkun użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih tkun ingħatat dawn il-poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li din tkun ittieħdet għal tali għan. Barra minn hekk, fil-każ li jiġu mfittxija diversi għanijiet, anki jekk raġuni mhux iġġustifikata tkun inkluża ma’ raġunijiet validi, id-deċiżjoni xorta waħda ma tkunx ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter sakemm din ma tissagrifikax l-għan essenzjali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑52/16, EU:T:2017:902, punt 210 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħu ma pproduċewx prova li l-BĊE, billi adotta d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, fittex għan li ma huwiex l-implimentazzjoni tal-kompitu tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Barra minn hekk, huma ma pproduċew l-ebda prova ta’ natura li turi eventwali assenza ta’ indipendenza fir-rigward tal-BĊE, bi ksur tal-Artikolu 19 tar-Regolament MSU bażiku.

211    Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 hija bbażata fuq numru ta’ raġunijiet ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni previsti mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2013/36, li jirreferu għal ksur serju tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hija konformi mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-kompiti ta’ superviżjoni mogħtija lill-BĊE.

212    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda wkoll.

213    B’hekk, dan il-grupp ta’ motivi għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur taddmirijiet ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fleżami talBĊE

214    Skont ir-rikorrenti, il-BĊE ma evalwax b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-kawża. Madankollu, huma llimitaw ruħhom li jikkritikaw lill-BĊE talli sempliċement aċċetta l-konklużjonijiet tal-FSA, li kienu bbażati fuq informazzjoni qarrieqa pprovduta minn din l-ANK, mingħajr ma wettaq l-eżami rispettiv tiegħu tar-raġunijiet sottostanti tal-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

215    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ diliġenza jimplika l-obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tas‑16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, EU:T:2013:451, punt 84).

217    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat, bi qbil mal-BĊE, li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fiha espożizzjoni kompleta u ċara tal-motivi li jiġġustifikaw l-irtirar li, minn naħa, huma bbażati fuq l-evalwazzjonijiet tal-FSA bħala ANK għas-superviżjoni prudenzjali tat-tieni rikorrenti (istituzzjoni ta’ kreditu inqas sinjifikattiva) u, min-naħa l-oħra, jikkonċernaw evalwazzjoni awtonoma tal-BĊE dwar l-osservanza ta’ kundizzjonijiet oħra sabiex jiddeċiedi dwar l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, inkluża l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar.

218    It-tieni, il-kritika fformulata b’mod ġenerali fir-rigward ta’ allegata assenza ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità tal-BĊE tista’ tirnexxi biss jekk jiġu kkonfutati b’mod iċċirkustanzjat l-eventwali nuqqasijiet li twettqu mill-BĊE fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

219    It-tielet, hemm lok li jiġi rrilevat, bi qbil mal-BĊE, li l-konstatazzjonijiet ta’ ksur imwettaq mill-FSA, mhux ikkontestati b’mod utli mit-tieni rikorrenti, kellhom jiġu ttrattati mill-BĊE bħala fatti stabbiliti u bħala li ma kinux jeħtieġu, konsegwentement, rieżami mill-BĊE. Għalhekk, dan tal-aħħar, ġustament, illimita ruħu li jivverifika jekk dan il-ksur kienx jikkostitwixxi raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Dan l-eżami twettaq fil-punti 3.3.1 u 3.3.2 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

220    Ir-raba’, is-sempliċi allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-BĊE sempliċement ibbaża fuq il-konklużjonijiet tal-ANK għandhom jiġu miċħuda wkoll għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 194 sa 198 iktar ’il fuq.

221    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 hija bbażata fuq informazzjoni qarrieqa pprovduta mill-FSA tikkostitwixxi sempliċi allegazzjoni li ma hija ssostanzjata mill-ebda prova u, għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda.

222    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

223    Sa fejn it-tielet motiv jirrigwarda l-eżistenza ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni fil-proposta għal deċiżjoni tal-FSA, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement li, fil-każ fejn id-dritt tal-Unjoni ma kellux l-għan li jistabbilixxi tqassim bejn żewġ kompetenzi, waħda nazzjonali u l-oħra tal-Unjoni, li kellhom għanijiet distinti, iżda kien jistabbilixxi, għall-kuntrarju, is-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li kellha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-istituzzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u li kellha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, id-difetti eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    F’tali ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika d-difetti eventwali li jivvizzjaw il-legalità tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA kif riprodott fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, sa fejn dawn id-difetti huma kkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi l-oħra tagħhom.

225    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk it-tieni rikorrenti rnexxilhiex tqajjem dubju dwar l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

3.      Fuq irraba’ u lħames motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni jew fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti elementi rilevanti talkawża

a)      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tarrwol pożittiv tattmexxija lġdida tattieni rikorrenti

226    Ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 ma tiħux inkunsiderazzjoni r-rwol pożittiv tat-tmexxija l-ġdida tat-tieni rikorrenti u li, fid-dawl tal-kompetenza u tar-reputazzjoni tajba ta’ din it-tmexxija, implimentata minn Novembru 2017, il-BĊE ma kellux jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha f’Marzu 2018.

227    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

228    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE ta’ element rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 3.3.1(b)(ii) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-bidla fit-tmexxija tat-tieni rikorrenti kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni kif xieraq u li r-raġunijiet għalfejn din il-bidla ma kinitx ikkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex tirrimedja għall-problemi kkonstatati fis-sistema ta’ ġestjoni tar-riskji fil-qasam tal-ĠĦF/FT kienu ġew analizzati fid-dettall fl-imsemmija deċiżjoni.

229    Fil-fatt, l-ewwel, fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE kkunsidra b’mod partikolari li, għalkemm it-tmexxija l-ġdida tat-tieni rikorrenti, fil-kariga mill‑1 ta’ Novembru 2017, kienet imxiet mal-ilmenti tal-FSA, li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ kapaċità tal-imsemmija rikorrenti li tippreżenta strateġija mhux ambigwa dwar il-klijenti tagħha, definizzjoni ddettaljata tar-riskji għal dawn il-klijenti u evalwazzjoni finanzjarja tar-riskji operattivi, u li l-imsemmija tmexxija ħadet impenn li tibdel l-istrateġija kummerċjali ta’ din ir-rikorrenti għall-perijodu 2018-2021, din kienet ikkonfermat ukoll li riedet tkompli tiffoka fuq is-swieq Russi u tal-Ukraina fl-attività prinċipali tagħha.

230    It-tieni, fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 kien ġie rrilevat li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli (l-Artikoli 52(4) u 55(1) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu), l-istrateġija kummerċjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienet iddeterminata mill-bord superviżorju u mhux mill-kunsill ta’ amministrazzjoni.

231    It-tielet, fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 kien ġie rrilevat ukoll li, minkejja l-bidliet tal-membri tal-bord superviżorju tat-tieni rikorrenti, li wkoll seħħew bejn l‑2012 u l‑2018, iż-żewġ azzjonisti maġġoritarji tal-imsemmija rikorrenti baqgħu jagħmlu parti mill-imsemmi bord superviżorju u li l-FSA ma kienet identifikat l-ebda bidla fl-istrateġija fir-rigward tal-prinċipji ta’ ġestjoni tar-riskji, u dan kien jippermetti b’mod raġonevoli li jiġi konkluż li dawn kienu pjuttost influwenzati miż-żewġ azzjonisti msemmija iktar ’il fuq. Din l-influwenza setgħet tiġi kkonfermata wkoll mill-fatt li, minkejja tliet bidliet fit-tmexxija bejn l-2012 u l-2017, din ir-rikorrenti qatt ma kienet bidlet il-mudell kummerċjali u l-attitudni tagħha dwar in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

232    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-FSA fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha u l-BĊE fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 kienu kkonkludew li t-titjib osservat wara l-bidla fit-tmexxija tat-tieni rikorrenti ma kienx suffiċjenti sabiex jiżgura l-osservanza minn din tal-aħħar tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

233    Issa, dawn ir-raġunijiet, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati b’mod iċċirkustanzjat mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑584/18, minn naħa, juru li l-BĊE kien tabilħaqq ħa inkunsiderazzjoni t-tmexxija l-ġdida tal-imsemmija rikorrenti bħala element rilevanti tal-kawża u, min-naħa l-oħra, ma humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

234    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw żball ta’ evalwazzjoni tal-BĊE fir-rigward tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-tieni rikorrenti ma kienx ibbażat fuq nuqqas ta’ kwalità tal-kunsill ta’ amministrazzjoni, skont l-Artikolu 18(c) tad-Direttiva 2013/36 moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva, iżda fuq l-assenza ta’ adozzjoni mill-imsemmija rikorrenti tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, fatt li, kif ġie osservat fil-punt 231 iktar ’il fuq, minkejja t-tmexxija l-ġdida ta’ din ir-rikorrenti, ma ġiex ikkontestat b’mod validu mir-rikorrenti.

235    Fit-tielet lok, sa fejn l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw żball ta’ evalwazzjoni tal-BĊE fl-evalwazzjoni tiegħu tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, meta mqabbla ma’ miżuri oħra inqas intrużivi mill-irtirar tal-awtorizzazzjoni, għandu jsir riferiment għall-eżami tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità (ara l-punti 306 sa 344 iktar ’il quddiem).

236    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni firrigward tannatura żbaljata talinformazzjoni dwar lattivitajiet tattieni rikorrenti filLatvja

237    Ir-rikorrenti jallegaw li l-BĊE ma setax jibbaża d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fuq il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux korretta lill-FSA fir-rigward tal-attivitajiet transkonfinali tat-tieni rikorrenti fil-Latvja. Fil-fehma tagħhom, l-ewwel, id-dikjarazzjonijiet fattwali allegatament mhux eżatti la huma ppreċiżati u lanqas ma huma ssostanzjati minn provi, filwaqt li huma qatt ma ħbew l-attivitajiet li t-tieni rikorrenti kienet teżerċita fil-Latvja, ikkomunikati bil-miftuħ fuq is-sit internet ta’ din tal-aħħar. It-tieni, dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jirrigwardaw biss kwistjoni ta’ distinzjoni terminoloġika bejn “uffiċċju ta’ rappreżentanza” u “dipartiment/uffiċċju transkonfinali” jew bejn “uffiċċju ta’ appoġġ” u “fergħa”. It-tielet, il-proċedura ta’ passaport għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet finanzjarji transkonfinali f’pajjiżi oħra li l-imsemmija rikorrenti ma osservatx hija proċedura purament formali u l-istess rikorrenti kienet osservatha fir-rigward tal-attivitajiet tagħha fil-Ġermanja, fl-Isvezja u fir-Renju Unit. Ir-raba’, din il-kwistjoni issa ma hijiex rilevanti, peress li din kienet is-suġġett ta’ riżoluzzjoni quddiem qorti amministrattiva Latvjana u li la l-FSA u lanqas l-ANK Latvjana ma kienu imponew sanzjonijiet lil din ir-rikorrenti għal din ir-raġuni. Il-ħames, gravità partikolari tkun meħtieġa sabiex tali dikjarazzjonijiet iwasslu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

238    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-FSA kellha attitudni ambivalenti mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni FOLTF u ma għamlithiex ċara lit-tieni rikorrenti li hija kienet tikkunsidra li l-kwistjoni kienet għadha miftuħa. Huma jibbażaw f’dan ir-rigward fuq l-istqarrija għall-istampa tal-imsemmija rikorrenti tat‑28 ta’ Lulju 2017, li fiha jingħata sunt tar-riżoluzzjoni quddiem l-ANK Latvjana u li minnha jirriżulta li l-kawża dwar l-attivitajiet tat-tieni rikorrenti fil-Latvja kienet magħluqa. Huma jżidu li jkun assurd li sempliċi ineżattezza tiġi kkunsidrata bħala raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tordna lill-FSA u lill-BĊE jidentifikaw id-dikjarazzjonijiet allegatament qarrieqa u jikkomunikaw id-dokumenti li fihom il-FSA u l-BĊE kienu qajmu l-kwistjoni bħala li kienet għadha sospiża, minkejja r-riżoluzzjoni li saret quddiem il-qorti amministrattiva Latvjana. Huma jitolbu wkoll li jiġi ordnat li r-rappreżentanti tal-FSA u tal-BĊE jixhdu dwar dan il-punt.

239    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

240    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-premessa 19 tad-Direttiva 2013/36 tipprovdi li “[l]-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri domiċiljari tagħhom għandhom jitħallew iwettqu, fl-Unjoni kollha, kwalunkwe jew kull attività msemmija fil-lista tal-attivitajiet soġġetti għar-rikonoxximent reċiproku billi jistabilixxu fergħat jew billi jipprovdu servizzi.”

241    Skont il-premessa 20 tad-Direttiva 2013/36, “[h]uwa xieraq li r-rikonoxximent reċiproku jiġi estiż għal dawk l-attivitajiet elenkati […] meta jitwettqu minn istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu sussidjarji ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, sakemm dawn is-sussidjarji jkunu koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriżi prinċipali (parent) tagħhom u jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet rigorużi.”

242    Fil-kuntest tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tad-Direttiva 2013/36 dwar id-dritt ta’ stabbiliment tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-Artikoli 35 u 36 jistabbilixxu rekwiżit ta’ notifika u jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti.

243    L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi li kull istituzzjoni ta’ kreditu li tkun tixtieq tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha (paragrafu 1). Din in-notifika għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun qiegħda tippjana li tistabbilixxi fergħa, programm tal-attivitajiet li jindika t-tip ta’ operat previst u l-organizzazzjoni strutturali tal-fergħa, l-indirizz tal-Istat Membru ospitanti minn fejn ikunu jistgħu jinkisbu d-dokumenti u l-ismijiet tal-persuni responsabbli mit-tmexxija tal-fergħa (paragrafu 2).

244    L-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi li, “[m]eta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jirrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom lill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni kollha”.

245    L-Artikolu 36(1) sa (4) tad-Direttiva 2013/36 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Qabel ma l-fergħa tal-istituzzjoni ta’ kreditu tibda bl-attivitajiet tagħha, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35, iħejju għas-superviżjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu skont il-Kapitolu 4 u jekk meħtieġ, jindikaw il-kondizzjonijiet li bihom, fl-interess tal-ġid komuni, dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu fl-Istat Membru ospitanti.

2.      Mal-wasla tal-komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, jew fil-każ li jiskadi l-perijodu previst fil-paragrafu 1 meta ma tasal l-ebda komunikazzjoni minn dan tal-aħħar, il-fergħa tkun tista’ tiġi stabbilita u tkun tista’ tibda bl-attivitajiet tagħha.

3.      Fil-każ ta’ xi bidla fi kwalunkwe informazzjoni kkomunikata skont il-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 35(2), l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tavża bil-miktub dwar il-bidla kkonċernata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari u dak ospitanti, mill-inqas xahar qabel ma ssir il-bidla sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni biex tiġi stabbilita fergħa fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 35 u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jieħdu deċiżjoni li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-bidla skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.      Għandu jkun preżunt li l-fergħat li jkunu bdew bl-attivitajiet tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri ospitanti tagħhom, qabel l-1 ta’ Jannar 1993, kienu soġġetti għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 35 u fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawn għandhom ikunu rregolati, mill‑1 ta’ Jannar 1993, mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u mill-Artikoli 33 u 52 u mill-Kapitolu 4.”

246    L-Artikolu 39 tad-Direttiva 2013/36, intitolat “Proċedura ta’ notifika”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu li tkun tixtieq teżerċita l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi bit-twettiq tal-attivitajiet tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba, għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, bl-attivitajiet fil-lista tal-Anness I li tkun biħsiebha twettaq.

2.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandhom, fi żmien xahar minn meta tirċievi n-notifika prevista fil-paragrafu 1, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.”

247    L-Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2013/36 huwa fformulat kif ġej:

“Dan l-Artikolu għandu japplika tal-inqas fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)      l-istituzzjoni tkun kisbet awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mezz irregolari ieħor;

[…]

(e)      l-istituzzjoni ma tkunx irrappurtat informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta dwar il-konformità mal-obbligu li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji stipulati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 lill-awtoritajiet kompetenti bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 99(1) ta’ dak ir-Regolament;

(f)      l-istituzzjoni ma tkunx irrappurtat jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(g)      istituzzjoni ma tkunx irrappurtat informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta dwar skopertura kbira lill-awtoritajiet kompetenti bi ksur tal-Artikolu 394(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(h)      l-istituzzjoni ma tkunx irrappurtat informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta dwar il-likwidità lill-awtoritajiet kompetenti bi ksur tal-Artikolu 415(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(i)      istituzzjoni tonqos li tirrapporta informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta dwar il-proporzjon tal-lieva finanzjarja lill-awtoritajiet kompetenti bi ksur tal-Artikolu 430(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[…]

(m)      istituzzjoni ma tkunx żvelat l-informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompluta jew mhux eżatta bi ksur tal-Artikolu 431(1), (2) u (3) jew l-Artikolu 451(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

[…]”

248    Fil-punt 3.3.1(d) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, billi bbaża fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, il-BĊE kkunsidra li t-tieni rikorrenti kienet kisret il-leġiżlazzjoni Latvjana li tittrasponi l-Artikoli 35 sa 38 tad-Direttiva 2013/36, billi stabbilixxiet ruħha fil-Latvja permezz ta’ fergħa mingħajr ma osservat il-proċeduri previsti, u għalhekk illegalment, kif ukoll billi pprovdiet informazzjoni falza lill-FSA fir-rigward tal-istabbiliment tagħha fil-Latvja. Minn naħa, il-FSA kienet ibbażat fuq żewġ ittri li rċeviet mingħand l-imsemmija rikorrenti: fl-ewwel waħda, hija kienet ċaħdet li operat fergħa fil-Latvja, meta kien hemm prova tal-kuntrarju u, fit-tieni waħda, hija kienet affermat li għalqet il-fergħa tagħha fil-Latvja, meta din kienet għadha operattiva. Min-naħa l-oħra, hija kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-provi miġbura matul spezzjoni fuq il-post li hija kienet wettqet mill‑5 ta’ Settembru sal‑14 ta’ Novembru 2016, fejn kien jirriżulta li din ir-rikorrenti kienet ipprovdiet servizzi finanzjarji permezz ta’ fergħa stabbilita fil-Latvja mix-xahar ta’ Ottubru 2013.

249    Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, in-natura obbligatorja tal-proċedura ta’ notifika (imsejħa ta’ “passaport”), imsemmija fl-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2013/36.

250    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li d-Direttiva 2013/36 għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-aċċess għall-attivitajiet finanzjarji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni kollha sabiex tippermetti li istituzzjoni awtorizzata fl-Istat Membru rispettiv tagħha tkun awtorizzata twettaq l-attivitajiet kollha tagħha jew parti minnhom fl-Unjoni kollha billi tistabbilixxi fergħa jew permezz ta’ provvista ta’ servizzi, filwaqt li tibbenefika mir-rikonoxximent reċiproku, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 19 tal-imsemmija direttiva.

251    Barra minn hekk, mill-Artikoli 35 sa 38 tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li joħloq, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li kienu jixtiequ jistabbilixxu fergħa fi Stat Membru ieħor, sistema ta’ notifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini. Din tal-aħħar hija għalhekk l-awtorità kompetenti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ din il-fergħa għall-attivitajiet finanzjarji fi Stat Membru ieħor.

252    Is-setgħa ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tirrigwarda b’mod partikolari n-natura suffiċjenti u kompleta tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/36, li għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat ospitanti, u l-kontroll tal-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni ta’ kreditu li trid tistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor. Fil-każ ta’ dubju, din l-informazzjoni ma tiġix ikkomunikata u l-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata tiġi informata bir-raġunijiet tar-rifjut.

253    Mis-setgħa li tiġi rrifjutata l-komunikazzjoni u mill-marġni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha sabiex tevalwa l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tixtieq tistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor, tirriżulta n-natura mhux purament formali tal-proċedura ta’ notifika, imsejħa ta’ “passaport”.

254    Barra minn hekk, mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2013/36 jirriżulta li l-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tħejji s-superviżjoni tal-fergħa biss wara li tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35 tal-istess direttiva. Minn dan jirriżulta li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tikkostitwixxi formalità essenzjali sabiex l-imsemmija awtorità kompetenti tkun tista’ teżerċita l-attività tagħha ta’ superviżjoni fuq il-fergħa ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ta’ Stat Membru ieħor.

255    Din il-konklużjoni hija kkonfermata minn qari teleoloġiku u sistematiku tad-Direttiva 2013/36 u, b’mod partikolari, tal-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu V ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, ir-raġuni għall-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija li l-possibbiltà li istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata fi Stat Membru teżerċita l-libertà tagħha ta’ provvista ta’ servizzi u d-dritt tagħha ta’ stabbiliment fi Stati Membri oħra tiġi rrikonċiljata mar-rekwiżit tas-superviżjoni prudenzjali tal-fergħat eventwali tal-imsemmija istituzzjoni fi Stati Membri oħra. Bl-għan li jiġu ffaċilitati kemm l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, fi żmien fejn il-kompetenza għall-għoti ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet kienet taqa’ taħt is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali, il-leġiżlatur għażel, fid-Direttiva 2013/36, li jikkonċentra f’idejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini r-responsabbiltà li tivverifika l-eżistenza tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet finanzjarji ta’ fergħa ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Din l-awtorità tinsab fil-fatt fl-aħjar pożizzjoni sabiex issir taf l-istruttura organizzazzjonali u l-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar u sabiex tassisti, billi tipprovdi din l-informazzjoni, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fil-kompitu tagħha ta’ superviżjoni tal-fergħa stabbilita fit-territorju li għalih hija responsabbli.

256    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-proċedura ta’ notifika, imsejħa ta’ “passaport”, għandha natura vinkolanti.

257    Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li t-tieni rikorrenti ma nedietx il-proċedura ta’ notifika, iżda sempliċement qajmu dubju dwar il-gravità tal-aġir tagħha li huma jqisu li kien sempliċi ksur ta’ rekwiżiti purament formali. Madankollu, mill-iżviluppi esposti fil-punti 248 sa 256 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-proċedura ta’ notifika miksura mill-imsemmija rikorrenti ma tikkostitwixxix sempliċi formalità, iżda obbligu legali. Għaldaqstant, hija stabbilixxiet fergħa fil-Latvja u eżerċitat attivitajiet finanzjarji b’mod illegali.

258    Barra minn hekk, sa fejn il-FSA pprovdiet lill-BĊE spjegazzjoni ddettaljata tar-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni li minnha jirriżulta barra minn hekk li t-tieni rikorrenti kienet tipprovdi servizzi finanzjarji fil-Latvja kemm lil klijenti Latvjani kif ukoll lil pajjiżi terzi, u li dawn il-klijenti rreklutati fil-Latvja kienu ġġeneraw, bejn Novembru 2013 u Awwissu 2016, 66 % tad-dħul totali tas-servizzi pprovduti mit-tieni rikorrenti, u li dawn ir-riżultati bl-ebda mod ma ġew ikkontestati b’mod iċċirkustanzjat mis-sempliċi allegazzjonijiet mhux issostanzjati tat-tieni rikorrenti, dawn il-fatti għandhom jitqiesu bħala stabbiliti.

259    Issa, il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lill-klijenti Latvjani u l-parti sinjifikattiva li din kienet tirrappreżenta fid-dħul tat-tieni rikorrenti juru li l-fergħa fil-Latvja ma setgħetx tikkostitwixxi sempliċi uffiċċju ta’ rappreżentanza jew ta’ appoġġ.

260    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjonijiet tal-FSA li jikkonċernaw in-natura falza tal-informazzjoni li kienet ġiet ipprovduta lilha fiż-żewġ ittri tas‑26 ta’ Settembru 2013 u tad‑9 ta’ Frar 2016 huma żbaljati. Fil-fatt, filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li l-attivitajiet tal-imsemmija fergħa ma kinux indirizzati lil-Latvjani, iżda lil klijenti minn pajjiżi terzi, mill-elementi ddettaljati miġbura mill-FSA matul l-ispezzjoni tagħha fuq il-post jirriżulta li 66 % tad-dħul tal-imsemmija rikorrenti kien joriġina mill-attivitajiet ta’ din il-fergħa u li 3 % tal-kontijiet miftuħa f’din il-fergħa kienu miżmuma minn residenti Latvjani. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti lanqas biss ippruvaw jikkontestaw iċ-ċifri pprovduti mill-FSA lill-BĊE.

261    Finalment, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma analizzax il-gravità tal-aġir tat-tieni rikorrenti.

262    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni falza lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tippreżenta gravità intrinsika sa fejn din tista’ tqajjem dubju dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni kkomunikata mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu suġġetti għal superviżjoni, neċessarja sabiex jiġu żgurati l-effettività u l-effikaċja tal-kompitu tagħhom kif ukoll is-sistema ta’ fiduċja reċiproka bejn id-diversi ANK, li l-ħolqien tal-proċedura ta’ notifika, imsejħa ta’ “passaport”, huwa intiż li jiżgura fi ħdan il-MSU.

263    L-importanza li d-diversi ANK jkollhom l-informazzjoni neċessarja u li jkunu jistgħu jafdaw f’informazzjoni korretta sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta’ superviżjoni prudenzjali u, għaldaqstant, il-gravità tal-aġir ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tikser l-obbligi tagħha ta’ informazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 67(1)(a), (e) sa (i) u (m) tad-Direttiva 2013/36, li jipprevedi bħala każ ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni (skont ir-riferiment magħmul mill-Artikolu 18(f) tal-istess direttiva għal din id-dispożizzjoni) l-ommissjoni ta’ informazzjoni fil-każijiet taħt il-punti (e) sa (i) u (m) ta’ dan l-aħħar artikolu u l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux korretta għall-finijiet tal-kisba ta’ awtorizzazzjoni fil-każ tal-punt (a) tal-istess artikolu.

264    Min-naħa l-oħra, ċertament, il-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ “riżoluzzjoni ġudizzjarja amministrattiva” bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li permezz tagħha l-imsemmija istituzzjoni kienet ħadet l-impenn li ttemm il-ksur inkwistjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, peress li ma huwiex suffiċjenti għal dan l-għan li jiġi sostnut li l-imsemmi ksur jikkostitwixxi raġunijiet għal tali rtirar skont id-dritt nazzjonali Estonjan (punti 2 u 15 tal-Artikolu 17(1) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu).

265    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tar-“riżoluzzjoni ġudizzjarja amministrattiva” inkwistjoni, it-tieni rikorrenti kienet ħadet l-impenn li tosserva bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-ANK Latvjana li kienet tipprojbixxilha li tipprovdi servizzi finanzjarji fil-Latvja u li tirrekluta klijenti ġodda fil-Latvja, u li kienet tobbligaha ttemm ir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha mal-klijenti eżistenti fil-Latvja u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-klijenti rreklutati fil-kuntest tal-prinċipju ta’ libertà tal-provvista ta’ servizzi fil-Latvja.

266    Barra minn hekk, minn naħa, ir-“riżoluzzjoni ġudizzjarja amministrattiva” inkwistjoni ma tistax tillegalizza l-aġir illegali tat-tieni rikorrenti għall-passat, iżda tista’ biss tevita miżuri eventwali oħra, inklużi sanzjonijiet, għall-futur.

267    Min-naħa l-oħra, mill-istqarrija għall-istampa tal-ANK Latvjana jirriżulta li, sabiex tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha fil-Latvja, it-tieni rikorrenti kellha qabel kollox tikseb l-awtorizzazzjoni konformement mal-proċeduri previsti fil-leġiżlazzjoni. Dan juri li s-sitwazzjoni ma kinitx kompletament riżolta, sa fejn l-imsemmija rikorrenti kienet għadha ma nedietx proċedura intiża għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni.

268    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv ma jistax jiġi milqugħ. Għaldaqstant, dan il-grupp ta’ motivi għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq issitt, ittnax u ttmintaxil motiv, ibbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ilBĊE bbaża b’mod żbaljat fuq ilksur tarrakkomandazzjoni talFSA u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

269    Permezz tat-tmintax‑il motiv tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn, fir-rakkomandazzjoni, il-FSA ma ddefinixxietx preċiżament l-aspettattivi tagħha dwar ir-rekwiżiti regolatorji li kellha tosserva fil-qasam tal-ĠĦF/FT. L-imsemmija rakkomandazzjoni pprevediet fil-parti operattiva tagħha multa ta’ EUR 32 000 fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, fatt li seta’ joħloq aspettattiva leġittima fir-rigward tat-tieni rikorrenti li, qabel ma jkun hemm irtirar tal-awtorizzazzjoni, l-imsemmija ANK tieħu miżuri prudenzjali inqas intrużivi. Fil-kuntest tas-sitt motiv, ir-rikorrenti josservaw li din l-ANK fl-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u l-BĊE fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 ma ddefinixxewx ir-rekwiżiti regolatorji u l-kriterji standardizzati li l-imsemmija rikorrenti ma kinitx osservat u li fil-konfront tagħhom kienet twettqet l-evalwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità.

270    Fil-kuntest tat-tnax‑il motiv, ir-rikorrenti jallegaw li l-ksur ta’ rakkomandazzjoni ta’ ANK ma jikkostitwixxix raġuni valida għal irtirar tal-awtorizzazzjoni, u dan b’mod speċjali meta, bħal fil-każ ineżami, ir-rakkomandazzjoni hija fformulata b’mod ambigwu, mingħajr ma ġew ippreċiżati liema miżuri korrettivi konkreti għandhom jiġu adottati. It-test tar-rakkomandazzjoni tal-FSA flimkien mar-risposta tal-BĊE jirreferu għall-kontenut ta’ rapport tal-ispezzjoni fuq il-post imwettqa bejn it‑13 ta’ April u t‑12 ta’ Ġunju 2015, li madankollu ma huwiex inkluż fil-proċess. L-oneru tal-prova tan-natura konkreta tal-kontenut tal-istruzzjoni jaqa’ fuq il-BĊE. Id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tagħti wieħed x’jifhem b’mod ambigwu li l-imsemmija rakkomandazzjoni ma kinitx ġiet kompletament osservata jew li din ma kinitx ġiet osservata fit-terminu stabbilit. Tali raġuni ma tiġġustifikax l-iktar miżura ta’ superviżjoni intrużiva, jiġifieri rtirar tal-awtorizzazzjoni. Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni rikorrenti talbet kjarifiki fir-rigward tal-kontenut konkret tar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, iżda li hija ma rċevithomx.

271    Il-BĊE jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti.

272    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(1) u (2) tad-Direttiva 2013/36:

“1.      L-istituzzjonijiet għandu jkollhom arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattiva ċara b’linji ta’ responsabbiltà ddefiniti tajjeb, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tar-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom, mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inkluż proċeduri amministrattivi u kontabbilistiċi tajba, u politiki u prattiki ta’ rimunerazzjoni li jkunu konsistenti ma’ ġestjoni tar-riskji soda u effettivi u jippromwovuha.

2.      L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Għandu jittieħed kont tal-kriterji tekniċi stabbiliti fl-Artikoli 76 sa 95.”

273    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimponi li jsir riferiment għall-istat tad-dritt fis-seħħ matul l-applikazzjoni tat-test kontenzjuż (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1971, Henck, 12/71, EU:C:1971:86, punt 5) u jeżiġi li kull att tal-istituzzjonijiet li jipproduċi effetti legali jkun ċar u preċiż u li l-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bih b’tali mod li tista’ tkun taf b’ċertezza minn meta din il-miżura tibda teżisti u minn meta jibdew l-effetti legali tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il‑Kunsill, T‑115/94, EU:T:1997:3, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

274    F’dan il-każ, fil-punt 3.3.1(c) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE rrileva, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA, li t-tieni rikorrenti ma kinitx osservat ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni, adottata fit‑8 ta’ Awwissu 2016, li permezz tagħha din tal-aħħar kienet obbligata, l-ewwel, tapplika r-regoli proċedurali, it-tieni, tapplika b’mod korrett l-Artikolu 13(1)(3) sa (5) tal-Liġi Estonjana fil-Qasam tal-ĠĦF/FT, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-mument tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni, u tevita li tibda relazzjonijiet kummerċjali, jekk ikun il-każ, it-tielet, tivverifika li l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu ġew applikati b’mod korrett għar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti u, jekk neċessarju, tapplika mill-ġdid il-proċeduri ta’ viġilanza fil-konfront tal-klijenti, ir-raba’, tevita li twettaq tranżazzjonijiet, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 27(2) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija rakkomandazzjoni, il-ħames, tirreferi lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja meta attività jew ċirkustanzi oħra setgħu jkunu indizju tat-twettiq jew ta’ tentattiv ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, jew meta l-imsemmija rikorrenti kellha raġunijiet għalfejn taħseb jew tkun taf li inkwistjoni kien hemm ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu u, is-sitt, tipprovdi lill-FSA, qabel id‑9 ta’ Diċembru 2016, rapport dwar il-mod kif din ir-rikorrenti kienet ikkonformat ruħha ma’ din ir-rakkomandazzjoni. Il-BĊE kkonkluda li, peress li ma kinitx ikkonformat ruħha bis-sħiħ mar-rakkomandazzjoni inkwistjoni fit-terminu previst, it-tieni rikorrenti kienet kisret għalhekk il-punt 14 tal-Artikolu 17(1) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u li dan il-ksur tad-dritt nazzjonali kien jikkostitwixxi raġuni oħra għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36.

275    Ir-rikorrenti jikkunsidraw, essenzjalment, li r-rakkomandazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tiġi osservata, peress li kienet limitata sabiex tfakkar id-dispożizzjonijiet li t-tieni rikorrenti kellha tikkonforma ruħha magħhom u li l-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-legalità ma huwiex għan leġittimu sabiex l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tiġi rtirata.

276    Fl-ewwel lok, għall-kuntarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-għan ta’ miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni huwa li jintemm il-ksur repetut tar-rekwiżiti regolatorji li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha huma obbligati josservaw. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni mill-ANK ta’ rakkomandazzjoni sempliċement tikkonferma li d-destinatarju tagħha kellu diversi okkażjonijiet biex jikkonforma ruħu u li l-iktar miżura intrużiva, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, ġiet adottata biss fl-aħħar istanza.

277    Fit-tieni lok, ma huwiex plawżibbli li, wara diversi twissijiet mill-ANK u diversi skambji ma’ din tal-aħħar dwar dan is-suġġett, inkluża l-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar ir-rapporti ta’ spezzjonijiet li ġew ikkomunikati lilha u li jintalab tagħrif formalment jew informalment matul il-proċedura, istituzzjoni ta’ kreditu ma tifhimx kif timplimenta dispożizzjonijiet legali, bħal dawk fis-seħħ fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Barra minn hekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-FSA u l-BĊE rrifjutawlhom it-tagħrif li huma kienu talbu, peress li din bl-ebda mod ma hija ssostanzjata.

278    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-FSA wettqet erba’ spezzjonijiet fuq il-post. Ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni kienet ġiet adottata fit‑8 ta’ Awwissu 2016, wara l-ewwel spezzjoni fuq il-post li saret fl‑2015. Waqt it-tieni spezzjoni fuq il-post matul il-ħarifa 2016, il-FSA kkonstatat li n-nuqqasijiet ikkonstatati kienu għadhom jippersistu u li t-tieni rikorrenti kienet għadha ma kkonformatx ruħha mal-imsemmija rakkomandazzjoni. Wara din it-tieni spezzjoni fuq il-post, din ir-rikorrenti kellha l-opportunità li tissottometti osservazzjonijiet u nżammu diversi laqgħat mal-FSA matul il-ħarifa 2016. Il-FSA wettqet it-tielet spezzjoni fuq il-post f’Settembru 2017, li r-rapport tagħha kien ġie kkomunikat fl‑4 ta’ Ottubru 2017 lill-imsemmija rikorrenti, li setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Minbarra l-possibbiltà dejjem miftuħa għall-istess rikorrenti biex titlob spjegazzjonijiet lill-FSA jekk l-indikazzjonijiet ipprovduti diversi drabi dwar l-unitajiet strutturali li kellhom jinħalqu, l-unitajiet tal-persunal neċessarji, ir-regoli proċedurali meħtieġa, ir-regoli ta’ separazzjoni li kellha tinżamm bejn l-unitajiet speċifiċi u l-fluss ta’ informazzjoni li kellu jiġi implimentat ma kinux suffiċjenti għaliha, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti inkwistjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha erbatax‑il xahar bejn din ir-rakkomandazzjoni u l-komunikazzjoni tal-imsemmi rapport u sitt xhur oħra sal-irtirar tal-awtorizzazzjoni biex tifhem ir-rekwiżiti regolatorji u tikkonforma ruħha magħhom.

279    Fit-tielet lok, għalkemm il-BĊE josserva li r-rakkomandazzjoni inkwistjoni għandha tinqara flimkien mar-rapport tat-tieni spezzjoni fuq il-post, ikkomunikat lit-tieni rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 hija ċara u preċiża biżżejjed dwar ir-rekwiżiti regolatorji li l-imsemmija rikorrenti kellha tikkonforma ruħha magħhom.

280    Fir-rigward tal-insuffiċjenza tal-arranġamenti ta’ governanza kkritikata, id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tippreċiża li, minkejja l-eżistenza, fi ħdan it-tieni rikorrenti, ta’ unitajiet organizzazzjonali u ta’ regoli proċedurali xierqa, dawn l-unitajiet ma kellhomx biżżejjed persunal u kellhom wisq funzjonijiet, u r-regoli proċedurali interni ma kinux applikati b’mod korrett. Dawn in-nuqqasijiet kienu ġew osservati fir-rigward ta’ tliet linji ta’ difiża relatati rispettivament mal-kontrolli tat-tranżazzjonijiet individwali mwettqa mill-amministraturi tal-klijenti, mal-funzjonijiet ta’ identifikazzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ tar-riskji, l-assenza ta’ separazzjoni effettiva bejn l-ewwel u t-tieni linja ta’ difiża (teħid ta’ riskji u ġestjoni tar-riskji) li jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interessi serji, u mal-funzjonijiet ta’ awditu intern. Filwaqt li, diġà matul is-snin 2013 u 2014, l-uffiċjali responsabbli mill-identifikazzjoni, mill-ġestjoni u mill-monitoraġġ tar-riskji kienu identifikaw u ssenjalaw lill-kunsill ta’ amministrazzjoni li d-dispożizzjonijiet interni ma kinux osservati, huwa ma rreaġixxiex b’mod adegwat, bi ksur tal-punt 31 tal-Artikolu 55(2) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, li jittrasponi l-Artikolu 88 tad-Direttiva 2013/36. Barra minn hekk, il-kunsill ta’ amministrazzjoni ma pprovdiex il-persunal neċessarju lill-uffiċjali responsabbli mill-konformità, li jirrappreżentaw it-tieni linja ta’ difiża, bi ksur tal-Artikolu 31(2) tal-Liġi Estonjana fil-Qasam tal-ĠĦF/FT li tittrasponi d-Direttiva 2015/849, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni inkwistjoni.

281    Fir-rigward tan-nuqqasijiet ikkritikati fil-qasam tal-ĠĦF/FT, id-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tippreċiża li kien ġie osservat numru sinjifikattiv ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu. L-iżborż medju tat-tieni rikorrenti fl‑2015 kien erba’ darbiet ogħla u l-inkass medju seba’ darbiet ogħla mill-medja tas-sistema bankarja Estonjana. Dawn il-pagamenti kienu twettqu prinċipalment minn klijenti li jippreżentaw livell ta’ riskju għoli f’dan il-qasam u kienu jirrappreżentaw madwar 97 % tat-trasferimenti kollha mwettqa fl-Estonja fl‑2015. Minkejja t-twissijiet repetuti tal-FSA dwar in-neċessità li l-imsemmija rikorrenti timplimenta strateġija kummerċjali ġdida li tissodisfa t-tħassib espress u minkejja t-tħabbir tat-tliet kunsilli ta’ amministrazzjoni differenti ta’ din ir-rikorrenti dwar ir-rieda li jibdlu l-mudell kummerċjali, ir-riżultati tat-tielet spezzjoni fuq il-post kienu wrew li l-istrateġija kummerċjali tal-istess rikorrenti ma kinitx inbidlet b’mod sinjifikattiv u li għalhekk din tal-aħħar kienet għadha topera f’parti tas-suq ikkaratterizzata minn riskji ogħla f’dan ir-rigward.

282    Kien ippreċiżat ukoll li l-assenza ta’ regoli effikaċi fil-qasam tal-ĠĦF/FT għall-ġestjoni tar-riskji marbuta mal-mudell kummerċjali tat-tieni rikorrenti kienet ġiet osservata, minn naħa, fir-rigward tal-miżuri ta’ viġilanza tal-klijenti fil-mument tal-istabbiliment ta’ relazzjoni kuntrattwali ġdida kif ukoll l-assenza ta’ kontroll kontinwu tar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kontroll ta’ tranżazzjonijiet imwettqa u tal-profil ta’ riskju tal-klijenti inkwistjoni. In-nuqqasijiet osservati kienu ġew ikkunsidrati bħala li kellhom natura strutturali u li ma kinux jikkonċernaw biss każijiet iżolati.

283    Barra minn hekk, minkejja ċerti modifiki fil-politiki ta’ kontroll tar-riskju fil-qasam tal-ĠĦF/FT u t-tnaqqis magħmul mit-tieni rikorrenti fil-klijenti b’riskju ogħli, dawn il-miżuri kienu ġew ikkunsidrati bħala ineffikaċi, sa fejn dawn ma kinux jiggarantixxu kontroll kontinwu tar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti, inkluż fir-rigward tal-oriġini tal-fondi użati fit-tranżazzjonijiet imwettqa, u la kienu jidentifikaw u lanqas jivverifikaw it-tranżazzjonijiet kumplessi, relatati u ta’ ammont għoli b’mod mhux tas-soltu jew it-tranżazzjonijiet mingħajr għan ekonomiku ċar.

284    Iktar minn hekk, l-attivitajiet tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u tal-bord superviżorju tat-tieni rikorrenti fil-qasam tal-ĠĦF/FT u tal-ġestjoni tar-riskji kienu ġew ikkunsidrati bħala irregolari, sa fejn il-kunsill ta’ amministrazzjoni la kien stabbilixxa l-livell ta’ tolleranza tar-riskji tal-imsemmija rikorrenti, la kien implimenta sistema separata ta’ evalwazzjoni tar-riskji f’dan il-qasam, u lanqas ma kien ipprepara analiżi tar-riskji operattivi, li tinkludi analiżi fil-fond tar-riskji f’dan il-qasam, bi ksur tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 55(2) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu.

285    Il-BĊE ħa tabilħaqq inkunsiderazzjoni l-bidla tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tat-tieni rikorrenti li seħħet fix-xahar ta’ Novembru 2017 kif ukoll id-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar li permezz tagħhom iddistanzja ruħu fir-rigward tal-politiki kummerċjali preċedenti, irrikonoxxa l-assenza persistenti ta’ strateġija mhux ambigwa fir-rigward tal-klijenti tiegħu u ħabbar ir-rieda tiegħu li jfassal strateġija kummerċjali ġdida għas-snin 2018 sa 2021. Madankollu, il-BĊE osserva, minn naħa, li l-kunsill ta’ amministrazzjoni l-ġdid ikkonferma l-intenzjoni tal-imsemmija rikorrenti li tkompli bl-istrateġija kummerċjali preċedenti tagħha, u dan kien iħalli dubju dwar il-possibbiltà konkreta għal din ir-rikorrenti li timplimenta tassew il-bidliet imħabbra.

286    Min-naħa l-oħra, il-BĊE fakkar li, għalkemm bidla fil-kunsill ta’ amministrazzjoni setgħet tinfluwenza l-istrateġija ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-approvazzjoni tad-deċiżjonijiet strateġiċi tagħha, skont l-Artikolu 52(4) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, kienet pjuttost taqa’ taħt il-kompetenza tal-bord superviżorju. F’dan il-każ, il-bidla fil-kompożizzjoni ta’ dan tal-aħħar madankollu ma kinitx affettwat lil żewġ membri, żewġ azzjonisti maġġoritarji tat-tieni rikorrenti, li probabbilment kellhom influwenza fuq l-istrateġija u l-prinċipji ta’ ġestjoni tar-riskji tal-imsemmija rikorrenti, b’tali mod li l-ebda bidla radikali u sostanzjali ma setgħet tiġi implimentata jew raġonevolment prevista għall-futur. F’dan ir-rigward, it-titjib tas-sistema, propost minn din ir-rikorrenti quddiem il-FSA kien ġie kkunsidrat bħala insuffiċjenti f’termini ta’ konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

287    Għalhekk, jidher ċar li r-rekwiżiti regolatorji miksura huma deskritti b’mod iddettaljat ħafna fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li jirrigwardaw b’mod partikolari, l-ewwel, l-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza adattati għall-mudell kummerċjali tat-tieni rikorrenti, li kien jikkonċentra fuq il-provvista ta’ servizzi finanzjarji lil klijenti professjonali mhux residenti b’valur nett għoli u li jippreżentaw profil ta’ riskju għoli, kif kienu jeżiġu d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36, it-tieni, l-insuffiċjenza tal-unitajiet organizzazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tar-regoli proċedurali ta’ difiża u ta’ ġestjoni tar-riskji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-identifikazzjoni, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskji, l-identifikazzjoni tal-klijenti qabel il-bidu tar-relazzjonijiet kuntrattwali kif ukoll matul ir-relazzjonijiet kuntrattwali, il-kontrolli tat-tranżazzjonijiet individwali mwettqa mill-amministraturi tal-klijenti, l-assenza ta’ separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta’ kontroll tat-teħid ta’ riskji, minn naħa, u l-ġestjoni ta’ riskji, min-naħa l-oħra, li jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi, it-tielet, in-nuqqasijiet dwar il-funzjonijiet ta’ awditu intern, ir-raba’, l-assenza ta’ proċeduri interni jew in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri interni eżistenti, il-ħames, l-eżistenza ta’ numru sinjifikattiv ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu marbuta ma’ klijenti b’riskju għoli, li kienu jirrappreżentaw madwar 97 % tat-trasferimenti kollha mwettqa fl-Estonja (fl‑2015), is-sitta, l-assenza ta’ viġilanza tal-klijenti fil-mument tal-istabbiliment ta’ relazzjoni kuntrattwali ġdida kif ukoll l-assenza ta’ kontroll kontinwu tar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti, inkluż fir-rigward tal-oriġini tal-fondi u l-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet kumplessi, ta’ ammont għoli b’mod mhux tas-soltu jew mingħajr għan ekonomiku ċar u, is-seba’, l-attivitajiet li jikkostitwixxu nuqqas mill-kunsill ta’ amministrazzjoni u mill-bord superviżorju, fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, li la kienu ddeterminaw il-livell ta’ riskju tollerabbli tat-tieni rikorrenti, la kienu implimentaw sistema separata ta’ evalwazzjoni tar-riskju fil-qasam tal-ĠĦF/FT, u lanqas ma kienu ppreparaw analiżi tar-riskji operattivi.

288    Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni rikorrenti ma setgħet tinvoka validament l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 273 iktar ’il fuq.

289    Fir-raba’ lok, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni rikorrenti fl-ebda mument ma kkontestat il-fatt li hija ma kinitx osservat ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni kollha fit-terminu stabbilit jew li, skont id-dritt nazzjonali Estonjan, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ rakkomandazzjoni tal-FSA huwa raġuni li tiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

290    F’dan ir-rigward, mill-fajl jirriżulta li dawn in-nuqqasijiet kollha fil-qasam tal-ĠĦF/FT, imfakkra fil-punt 287 iktar ’il fuq, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-persistenza tagħhom għal diversi snin u l-portata tagħhom, kienu kkunsidrati bħala strutturali u ma kinux ġew ikkorreġuti kif xieraq mill-miżuri ta’ titjib li kienet adottat it-tieni rikorrenti. B’mod partikolari, is-sempliċi “tnaqqis” tal-klijenti b’riskju għoli ma setax isolvi l-kwistjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, il-bidla għal darba oħra fil-kunsill ta’ amministrazzjoni ma kinitx tat l-effetti mixtieqa, peress li l-istrateġija kummerċjali tat-tieni rikorrenti ma kinitx inbidlet b’mod sostanzjali u li ma kienx jidher probabbli li din tinbidel f’terminu raġonevoli, għar-raġunijiet esposti fil-punti 229 sa 232 iktar ’il fuq.

291    Bl-eċċezzjoni għar-riferimenti għat-titjib approvat dwar it-tnaqqis tal-klijenti b’riskju għoli u għall-bidla tal-kunsill ta’ amministrazzjoni, it-tieni rikorrenti ma tikkontestax b’mod iċċirkustanzjat in-nuqqasijiet kollha msemmija fil-punt 287 iktar ’il fuq.

292    Minn dan jirriżulta li, peress li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rakkomandazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi effettivament raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont id-dritt nazzjonali, u għalhekk skont l-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36, u li t-tieni rikorrenti ma osservatx ir-rakkomandazzjoni inkwistjoni kollha fit-terminu stabbilit, għandu jiġi konkluż li l-BĊE ma wettaq l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu wkoll fuq din ir-raġuni sabiex jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

293    Fil-ħames lok, sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma ddefinixxiex ir-rekwiżiti regolatorji li fid-dawl tagħhom għandu jiġi evalwat in-nuqqas ta’ osservanza tar-rakkomandazzjoni inkwistjoni mit-tieni rikorrenti, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn ir-rekwiżiti huma stabbiliti fid-dispożizzjonijiet legali li jinsabu fid-dritt nazzjonali Estonjan li jittrasponi d-direttivi fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu implimentati skont il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull istituzzjoni ta’ kreditu. Il-mod ta’ konformità għalhekk għandu jiġi adattat għal dawn tal-aħħar u jaqa’ taħt l-isfera ta’ kompetenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha. Meta l-awtorità ta’ sorveljanza kompetenti, f’dan il-każ il-FSA, tikkunsidra li l-modalitajiet adottati mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata ma humiex xierqa, hija tikkomunika dan lil din tal-aħħar u tissuġġerilha miżuri korrettivi. F’dan il-każ, kif ġie enfasizzat fil-punt 278 iktar ’il fuq, l-imsemmija rikorrenti kellha l-okkażjoni li tifhem fil-kuntest tad-diversi skambji tagħha mal-FSA l-miżuri korrettivi adegwati li hija setgħet u kellha tieħu sabiex tikkonforma ruħha mal-imsemmija rekwiżiti.

294    Fis-sitt lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li r-rakkomandazzjoni inkwistjoni ma kinitx tippermetti li jiġi mifhum li l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-tieni rikorrenti kien possibbiltà fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT u jqisu, essenzjalment, li l-imsemmija rikorrenti kienet tirriskja biss multi, għandu jiġi rrimarkat, bi qbil mal-BĊE, li l-punt 4.8 tal-imsemmija rakkomandazzjoni jiddikjara b’mod espliċitu li “s-sanzjoni li l-FSA setgħet tagħti għall-ksur ikkonstatat kienet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(1) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, u li, madankollu, skont il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, qabel ma tiddeċiedi dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni, il-FSA setgħet toħroġ rakkomandazzjoni, indirizzata lill-istituzzjoni ta’ kreditu u tiddefinixxi terminu għar-rimedju tan-nuqqasijiet li jwasslu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni”.

295    Minn dan għandu jiġi konkluż li t-tieni rikorrenti, wara r-rakkomandazzjoni inkwistjoni, kienet konxja tan-nuqqasijiet ikkonstatati, ta’ dak li kellha tagħmel biex tirrimedja għalihom kif ukoll tar-riskju li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza, l-awtorizzazzjoni tagħha tkun f’perikolu.

296    Konsegwentement, dan il-grupp ta’ motivi għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq isseba’ salħdax, ittlettax salħmistax u ssbataxil motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

297    Fil-kuntest tas-sbatax‑il motiv, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi jsostnu li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tapplika miżura tal-aħħar istanza, jiġifieri l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, li hija sproporzjonata meta mqabbla man-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti regolatorji. L-ewwel, huma jirrifjutaw li l-għan tal-“istabbiliment mill-ġdid tal-legalità” ta’ tali miżura huwa għan leġittimu, peress li dan huwa wisq astratt. Din il-miżura għandha, għall-kuntrarju, tkun iġġustifikata minn għan speċifiku leġittimu ta’ regolazzjoni. It-tieni, ir-rikorrenti ma jaqblux mal-analiżi tan-natura xierqa tal-miżura inkwistjoni, billi jsostnu, minn naħa, li, peress li l-FSA hija l-ANK fil-qasam tal-ĠĦF/FT, il-konformità mar-regoli f’dan il-qasam għandha tiġi implimentata prinċipalment permezz ta’ miżuri meħuda skont il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam u mhux minn miżuri ta’ superviżjoni bankarja. Min-naħa l-oħra, il-miżura kkonċernata ma hijiex mezz xierqa biex jiġi kkastigat nuqqas imwettaq fil-passat, peress li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu intiżi biss għal sitwazzjonijiet attwali jew ikunu maħsuba sabiex jipprevjenu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-futur. Peress li l-kwistjoni tal-attivitajiet tat-tieni rikorrenti fil-Latvja kienet ingħalqet permezz ta’ riżoluzzjoni ġudizzjarja, tali miżura tkun evidentement sproporzjonata meta mqabbla ma’ dan l-allegat ksur fil-passat. It-tielet, skont ir-rikorrenti, il-BĊE interpreta ħażin il-kriterju tan-neċessità tal-miżura inkwistjoni. Ir-raba’, huma jikkunsidraw li l-eżami tan-natura raġonevoli tal-istess miżura, imwettaq mill-BĊE, huwa wkoll astratt u inutli, peress li dan jillimita ruħu li jqabbel b’mod astratt l-interess pubbliku għaż-żamma tal-legalità mal-interessi privati ta’ bank, filwaqt li dan kellu jqabbel għan ta’ regolazzjoni konkret, bħall-prevenzjoni ta’ riskju speċifiku, mal-imsemmija interessi privati. Barra minn hekk, huma jqisu li l-BĊE kellu jissostanzja l-gravità tal-akkużi ta’ nuqqas ta’ konformità billi jqabbilhom ma’ każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità fl-industrija bankarja. Fl-aħħar, huma jallegaw li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni miżuri alternattivi oħra inqas intrużivi, bħall-impożizzjoni ta’ miżuri konkreti li jikkonċernaw kwistjonijiet speċifiċi f’termini preċiżi jew inkella sanzjonijiet jew multi jew anki miżuri kontra l-amministraturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew il-ħatra ta’ persuna kompetenti sabiex jiggwida l-isforzi tal-imsemmija rikorrenti sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji miksura.

298    Permezz tas-seba’ sad-disa’ motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-BĊE, sa fejn huwa la ħa inkunsiderazzjoni biżżejjed il-fatt li parti sinjifikattiva tal-attivitajiet tat-tieni rikorrenti ma kinitx tagħti lok għal riskju sinjifikattiv fil-qasam tal-ĠĦF/FT, u lanqas it-tnaqqis sinjifikattiv tal-klijenti fil-kategoriji li jippreżentaw riskju ogħla, billi kkonkluda b’mod żbaljat li, minkejja l-progress tagħha, ma setax ikun mistenni b’mod raġonevoli li l-imsemmija rikorrenti tirrimedja għall-problemi kkonstatati f’terminu raġonevoli.

299    B’mod partikolari, fil-kuntest tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti jippreċiżaw li peress li l-ksur kien ċirkonskritt għal parti tal-attivitajiet tagħhom, il-BĊE kellu jimponi l-waqfien biss tal-attivitajiet li jippreżentaw l-iktar riskji, minflok jirtira l-awtorizzazzjoni tagħha.

300    Fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma tax biżżejjed importanza lit-tnaqqis sinjifikattiv tal-klijenti tat-tieni rikorrenti fil-kategoriji ta’ riskju għoli u li, għalkemm huwa veru li kull nuqqas ta’ konformità għandu jiġi kkorreġut, ikun manifestament mhux korrett li jiġi sostnut li kull nuqqas ta’ konformità jiġġustifika rtirar tal-awtorizzazzjoni.

301    Fil-kuntest tad-disa’ motiv, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji dejjem kienet possibbli u għalhekk li l-BĊE ma setax jikkonkludi li kull rimedju minbarra l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ma kienx ikun realistiku.

302    Fil-kuntest tal-għaxar u tal-ħdax‑il motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala miżuri alternattivi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni, evalwati mill-BĊE fl-eżami tiegħu tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni fil-punt 3.3.2(b)(ii) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, rispettivament, tal-bidla ulterjuri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tat-tieni rikorrenti, filwaqt li kien ikun biżżejjed li dak li kien għadu kemm inħatar fix-xahar ta’ Novembru 2017 jitħalla jaħdem, u tas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti, peress li dawn kienu diġà rtiraw minn kull involviment dirett fil-ġestjoni tal-imsemmija rikorrenti.

303    Fil-kuntest tat-tlettax‑il motiv, billi jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-BĊE, fil-punt 3.3.2(b)(iv) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 fir-rigward tal-miżura alternattiva li tikkonsisti fl-adozzjoni ta’ tieni rakkomandazzjoni tal-FSA li tipprojbixxi l-provvista ta’ servizzi finanzjarji, ir-rikorrenti jsostnu li tali projbizzjoni ġenerali hija ekwivalenti de facto għal irtirar tal-awtorizzazzjoni u li l-FSA ma kellhiex il-kompetenza biex tadottaha. Għall-kuntrarju, huma jirrepetu li t-tieni rakkomandazzjoni tal-FSA, li tipprojbixxi parti mill-attivitajiet tagħha, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi finanzjarji lill-klijenti mhux residenti biss, kienet possibbli u kienet tkun inqas intrużiva mill-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Huma jikkontestaw il-fatt li tali projbizzjoni kienet ittemm il-vijabbiltà finanzjarja tat-tieni rikorrenti.

304    Finalment, permezz tal-argumenti tagħhom imressqa fil-kuntest tal-erbatax u tal-ħmistax‑il motiv, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE sabiex jirrifjuta l-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti u l-bejgħ tagħha lil investitur ieħor, ir-rikorrenti jqajmu dubju dwar l-evalwazzjoni tal-BĊE dwar in-natura mhux xierqa ta’ dawn il-miżuri, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Skont ir-rikorrenti, barra minn hekk, il-BĊE aġixxa b’mod arbitrarju filwaqt li ma ħalliex il-ħin neċessarju sabiex isir il-bejgħ. Huma jqisu wkoll li l-imsemmija awtolikwidazzjoni kienet ġiet eskluża għas-sempliċi raġuni li l-BĊE xtaq jikseb effett ta’ pubbliċità pożittiva.

305    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

306    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(4) TUE, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fil-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-TFUE.

307    B’applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għall-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

308    Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni possibbilment irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tal-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

309    F’dan il-każ, wara li stabbilixxa li kienu jeżistu diversi raġunijiet li jiġġustifikawha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli, fil-punt 3.3.2 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE analizza l-proporzjonalità tal-miżura tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni.

310    Fl-ewwel lok, il-BĊE analizza n-natura adegwata tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni sabiex jintlaħaq l-għan li jintemm il-ksur serju u fit-tul imwettaq mit-tieni rikorrenti, filwaqt li kkonkluda li, meqjusa il-ksur marbut mal-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza robusti, il-ksur tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ĠĦF/FT, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni vinkolanti ta’ awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali, is-sottomissjoni ta’ informazzjoni qarrieqa lil din l-awtorità u l-isfruttament illegali ta’ fergħa fi Stat Membru ieħor, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni kien adattat sabiex jintlaħaq dan l-għan.

311    Fit-tieni lok, il-BĊE eżamina n-natura neċessarja tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, u b’mod partikolari jekk kinux jeżistu miżuri alternattivi oħra inqas intrużivi, adattati sabiex jintlaħaq bl-istess mod l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità. Huwa ħa inkunsiderazzjoni l-għażliet li ġejjin: l-ewwel, ir-revoka tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tat-tieni rikorrenti, fejn ikkonkluda li din il-miżura ma kinitx tkun xierqa, peress li l-bidliet preċedenti fl-istrateġija kummerċjali, li seħħew taħt tliet kunsilli ta’ amministrazzjoni differenti, ma kinux żguraw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli, it-tieni, il-waqfien jew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot ta’ ċerti azzjonisti tal-imsemmija rikorrenti, fejn ikkonkluda li din il-miżura ma kinitx tkun effikaċi, fid-dawl tal-kwalità ta’ membru tal-bord superviżorju tal-azzjonisti maġġoritarji, li setgħu jkomplu jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-istrateġija ta’ din ir-rikorrenti, anki mingħajr id-dritt tal-vot, it-tielet, il-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni ġdida mill-FSA, li huwa warrab peress li, minn naħa, l-istess rikorrenti ma kinitx osservat l-ewwel rakkomandazzjoni u għalhekk ma kienx hemm aspettattiva raġonevoli li hija kienet ser tosserva rakkomandazzjoni oħra u, min-naħa l-oħra, li rakkomandazzjoni intiża sabiex timponi l-waqfien tal-attivitajiet ta’ riskju għoli ma kinitx tkun vijabbli għar-rikorrenti inkwistjoni, li l-istrateġija kummerċjali tagħha kienet tikkonċentra preċiżament fuq il-klijenti li kellhom livell ta’ riskju għoli, ir-raba’, l-awtolikwidazzjoni tar-rikorrenti inkwistjoni, fejn ikkonkluda madankollu li din il-miżura ma setgħetx tilħaq l-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità u li jiġu protetti d-drittijiet tad-depożitanti u li, f’tali każ, id-deċiżjoni li joħorġu mis-suq kienet kienet titħalla lill-azzjonisti, u l-ħames, il-bejgħ ta’ tali rikorrenti lil investitur ieħor, li ġie mwarrab minħabba li ma kien jidher li jeżisti l-ebda impenn konkret u li l-pjan kummerċjali ppreżentat mix-xerrej potenzjali ma kienx jagħti biżżejjed elementi sabiex jiġi evalwat jekk l-operazzjoni kinitx twassal għal bidla sinjifikattiva fil-mudell kummerċjali ta’ tali rikorrenti.

312    Fit-tielet lok, il-BĊE analizza n-natura raġonevoli tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u pproċeda għall-ibbilanċjar bejn l-interess pubbliku għall-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità u l-interess privat tat-tieni rikorrenti sabiex tiġi evitata l-miżura ta’ rtirar u tkompli bl-attivitajiet tagħha.

313    Issa, hemm lok li jitqies li l-eżami mwettaq mill-BĊE dwar il-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni kien ġie strutturat u mwettaq b’mod komplet. Dan ma huwiex ivvizzjat b’illegalità u ma sarux żbalji ta’ evalwazzjoni. Fi kwalunkwe każ, dan ir-raġunament ma huwiex ikkonfutat mill-ilmenti fformulati mir-rikorrenti.

314    Ir-rikorrenti jikkontestaw inutilment l-istadji kollha tal-analiżi mwettqa mill-BĊE tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni.

315    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-għan ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità kien għan leġittimu sabiex tiġi adottata miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Insostenn tal-argument tagħhom, huma madankollu sempliċement jirrepetu li sempliċi illegalità ma għandhiex twassal għall-iktar miżura intrużiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur u n-nuqqasijiet elenkati fil-paġni 5, 6 u 10 sa 20 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 u mfakkra fil-punt 279 iktar ’il fuq, barra minn hekk mhux ikkontestati b’mod iċċirkustanzjat mir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-punt 289 iktar ’il fuq, ma jistgħux jitqiesu bħala “sempliċi illegalità” jew illegalità minuri, bit-teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-pluralità tagħhom, tal-gravità tagħhom, tat-tul ta’ żmien tagħhom kif ukoll tad-diversi okkażjonijiet sabiex dawn jiġu rrimedjati li ma tteħdux mit-tieni rikorrenti.

316    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżami mwettaq mill-BĊE tan-natura xierqa tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-argument tagħhom li jgħid li l-imsemmija miżura ma hijiex proporzjonata sabiex jiġi rrimedjat il-ksur fil-qasam tal-ĠĦF/FT, għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 185 sa 195 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ċertament, din il-miżura ma għandhiex tintuża sabiex jiġi ssanzjonat ksur fil-passat, kif ġie indikat fil-punt 267 iktar ’il fuq. Għalhekk, li kieku l-BĊE kien ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni biss fuq il-ksur relatat mal-istabbiliment ta’ “sussidjarja” fil-Latvja mingħajr ma ġiet osservata l-proċedura ta’ “passaport”, din tista’ titqiegħed f’dubju. Madankollu, f’dan il-każ, tali żball ma jkunx jista’ jivvizzja b’illegalità r-raġunament kollu tal-BĊE dwar il-proporzjonalità tal-miżura kkonċernata, peress li l-BĊE kkunsidra din tal-aħħar bħala proporzjonata fid-dawl tal-ksur kollu kkritikat lit-tieni rikorrenti.

317    Fil-fatt, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-BĊE fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-imsemmija miżura ma tistax f’dan il-każ tiġi kkunsidrata bħala manifestament żbaljata fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 308 iktar ’il fuq kif ukoll tal-pluralità, tal-gravità u tat-tul tal-ksur imwettaq mit-tieni rikorrenti kif ukoll tal-probabbiltà żgħira li din tal-aħħar tikkonforma ruħha kompletament mar-rekwiżiti regolatorji f’terminu ta’ żmien aċċettabbli, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-iktar miżura intrużiva u ma jippermettux li jiġi konkluż li eventwali żball fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità fir-rigward tal-ksur tal-proċedura ta’ “passaport” jista’ jinfluwenza b’mod determinanti r-riżultat tal-evalwazzjoni globali mwettqa mill-BĊE.

318    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqajmu dubju dwar il-konklużjonijiet tal-BĊE dwar in-natura raġonevoli tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-allegazzjoni li tgħid li l-BĊE wettaq eżami wisq ambigwu bejn interess ġenerali astratt għal-legalità u l-interessi privati rispettivi tagħha ma hijiex issostanzjata bil-fatti, peress li huwa stabbilit, fil-punt 315 iktar ’il fuq, li l-BĊE analizza l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien tiegħu, id-diversi okkażjonijiet sabiex jiġi rrimedjat li ma ġewx sfruttati mit-tieni rikorrenti kif ukoll it-telf tal-fiduċja tal-pubbliku fis-swieq finanzjarji Estonjani u Ewropej u billi kkonkluda li l-interess pubbliku marbut mal-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità kien jinvolvi l-interess privat ta’ din ir-rikorrenti sabiex ma tiġix suġġetta għall-imsemmija miżura. Min-naħa l-oħra, l-argument li jgħid li l-BĊE ma ssostanzjax il-gravità tal-akkużi ta’ nuqqas ta’ konformità permezz ta’ eżami komparattiv mas-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-regoli fil-qasam tal-ĠĦF/FT għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 315 iktar ’il fuq kif ukoll għal dawk esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-punt 353 iktar ’il quddiem).

319    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jikkontestaw l-analiżi tan-natura neċessarja tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Min-naħa, hija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-kriterju tan-neċessità magħmula mill-BĊE.

320    F’dan ir-rigward, huwa veru li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 307 iktar ’il fuq, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva. Madankollu, sabiex il-miżuri alternattivi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala xierqa, dawn xorta waħda għandhom ikunu effikaċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑89/09, EU:C:2010:772, punt 80, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 236).

321    Issa, peress li l-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-uniċi miżuri alternattivi li jistgħu jkunu wkoll effikaċi daqs il-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, għandu jitqies, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, li huwa interpreta b’mod korrett il-kriterju tan-neċessità.

322    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jikkontestaw l-analiżi tad-diversi miżuri alternattivi għall-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u jallegaw li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni miżuri alternattivi oħra inqas intrużivi, bħall-impożizzjoni ta’ miżuri konkreti li jikkonċernaw kwistjonijiet speċifiċi f’termini preċiżi jew inkella sanzjonijiet jew multi jew anki miżuri kontra l-amministraturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew il-ħatra ta’ persuna kompetenti sabiex jiggwida l-isforzi tat-tieni rikorrenti sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji miksura.

323    L-ewwel, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ miżuri konkreti f’termini stretti, dan l-argument jikkoinċidi, essenzjalment, ma’ dak dwar l-impożizzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni, li ser jiġi ttrattat fil-punti 331 sa 333 iktar ’il quddiem. It-tieni, fir-rigward tas-sanzjonijiet jew il-multi, għandu jiġi kkonstatat, bi qbil mal-BĊE, li s-sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi ma jagħmlux parti mill-miżuri prudenzjali li l-BĊE seta’ janalizza bħala alternattivi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni. It-tielet, fir-rigward tal-miżuri l-oħra ssuġġeriti mir-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-amministraturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn il-miżuri kienu jippreżentaw l-istess inkonvenjenzi bħall-miżuri l-oħra esklużi mill-BĊE, jiġifieri li dawn ma kinux jippermettu li jintlaħaq l-għan tal-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja fis-swieq finanzjarji Estonjani u Ewropej fl-iqsar terminu possibbli, bit-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur imwettaq preċedentement, kif ġie rrilevat fil-punt 3.3.2(b) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

324    F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità, in-natura strutturali u irrimedjabbli u l-persistenza tal-ksur matul perijodu twil kif ukoll it-telf tal-fiduċja fil-kapaċità u fir-rieda reali tat-tieni rikorrenti li tirrimedja għan-nuqqasijiet ikkritikati, kif immanifestati mill-passività ta’ din tal-aħħar fil-konformità tagħha mar-rekwiżiti regolatorji u mit-twettiq ta’ ksur ulterjuri wara d-diversi interventi tal-FSA bejn l-2015 u l-2018. L-aġir tal-imsemmija rikorrenti kien ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fl-evalwazzjoni tal-prospettivi raġonevoli ta’ kull waħda mill-miżuri alternattivi li ttemm il-ksur imwettaq. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ rakkomandazzjoni tal-FSA, l-assenza ta’ bidla fl-istrateġija kummerċjali, minkejja d-diversi bidliet fil-kunsill ta’ amministrazzjoni, l-influwenza (anki indiretta) eżerċitata mill-azzjonisti maġġoritarji li kellhom siġġu fil-bord superviżorju ta’ din ir-rikorrenti, li ma setgħetx titwaqqaf, anki fil-każ ta’ sospensjoni jew ta’ terminazzjoni tad-drittijiet tal-vot tagħhom, il-konċentrazzjoni prinċipali u persistenti tal-attivitajiet tal-istess rikorrenti fuq klijenti mhux residenti u li jippreżentaw livell ta’ riskju għoli, flimkien mal-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza u ta’ regoli proċedurali ta’ ġestjoni tar-riskji adegwati għal dan il-mudell kummerċjali kienu kollha jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubju dwar l-effikaċja tal-miżuri alternattivi analizzati. Dan kien jgħodd b’mod partikolari, għall-inqas, għall-miżuri kollha li ma setgħux iwasslu għall-waqfien totali tal-attivitajiet tar-rikorrenti inkwistjoni (jiġifieri r-revoka tal-kunsill ta’ amministrazzjoni, is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tad-drittijiet tal-vot ta’ ċerti azzjonisti u l-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni ġdida mill-FSA).

325    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi sabiex jintemm il-ksur imwettaq mit-tieni rikorrenti.

326    Ċertament, l-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti jew il-bejgħ ta’ din tal-aħħar lil investitur ieħor kienu miżuri li setgħu jiggarantixxu wkoll tali effett. Dawn l-għażliet, li ma kinux ipprojbiti, setgħu inċidentalment jitwettqu mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018.

327    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel, li l-fattur taż-“żmien” kien ittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità u tal-kapaċità ta’ dawn il-miżuri sabiex jiġi solvut il-ksur ikkonstatat, mill-BĊE, li kkunsidra b’mod ċar li dawn il-proposti tar-rikorrenti kienu tardivi, ifformulati biss fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, li kien ġie nnotifikat lilhom mill-BĊE, u li l-implimentazzjoni tagħhom ma kinitx imminenti. Barra minn hekk, ir-realtà ta’ dan il-ksur ma kinitx tqiegħdet f’dubju mid-diversi motivi fformulati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

328    It-tieni, l-adozzjoni mill-BĊE tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni segwiet ukoll f’dan il-każ għan ta’ dissważjoni, ta’ “prevenzjoni ġenerali” tar-repetizzjoni fis-suq tas-servizzi finanzjarji ta’ aġir bħall-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 3.3.2(b)(i), intitolat “self-liquidation”, tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li fih il-BĊE kkunsidra li l-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti tgħatti r-raġunijiet sostanzjali għalfejn l-awtorizzazzjoni tagħha tiġi rtirata u li tali awtolikwidazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-Artikolu 16(3) tal-Liġi Estonjana dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu, iktar milli fuq l-Artikolu 17 ta’ din tal-aħħar, u dan jaħbi l-fatt li l-imsemmija rikorrenti kienet wettqet ksur serju, li jiġġustifika li l-waqfien tal-attivitajiet tagħha jiġi forzat u ma jkunx volontarju. Skont il-BĊE, dan jikkostitwixxi għan leġittimu fl-applikazzjoni tal-liġi li l-bażi legali tal-azzjoni tiegħu għandha tiġi kkomunikata wkoll, kif jipprevedi l-Artikolu 20(5) tad-Direttiva 2013/36.

329    Għalhekk, f’dan il-każ, l-għażliet tal-awtolikwidazzjoni u tal-bejgħ lil investitur ieħor ma kinux jikkostitwixxu miżuri alternattivi għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni sabiex jintlaħqu l-għanijiet legalment imfittxija mill-BĊE, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 320 iktar ’il fuq.

330    Fir-rigward tas-seba’ u tat-tlettax‑il motiv, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien, sa fejn huma marbuta mill-qrib. Fil-fatt, permezz tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tieni rikorrenti kienet teżerċita wkoll attivitajiet mhux riskjużi. Huma jqisu li l-BĊE seta’ għalhekk jadotta l-inqas miżura intrużiva billi jwaqqaf biss il-parti tal-attivitajiet tagħha ta’ riskju. Għalkemm huwa fformulat bħala li huwa intiż għall-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ element rilevanti tal-kawża, l-imsemmi motiv huwa intiż fir-realtà sabiex iqajjem dubju dwar il-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri oħra inqas intrużivi, fosthom il-waqfien tal-parti tal-attivitajiet illegali tagħha biss. Fil-kuntest tat-tlettax‑il motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-esklużjoni mill-BĊE ta’ tali għażla, jiġifieri l-adozzjoni tat-tieni rakkomandazzjoni mill-FSA li timponi l-waqfien tal-attivitajiet tagħhom biss li huma intiżi għal klijenti mhux residenti li jippreżentaw livell ta’ riskju għoli.

331    Kif jirrimarka ġustament il-BĊE, mill-punt 3.2.2(b)(iv) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li l-possibbiltà li l-FSA tadotta rakkomandazzjoni oħra (li tikkostitwixxi miżura amministrattiva vinkolanti) li tipprojbixxi lit-tieni rikorrenti milli tipprovdi servizzi finanzjarji jew li tillimita din il-projbizzjoni għall-provvista ta’ servizzi lill-klijenti mhux residenti b’riskju għoli, u li tikkorrispondi għall-waqfien tal-attivitajiet illegali, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-BĊE.

332    Fil-fatt, il-BĊE kien ċaħad din il-miżura bħala li ma kinitx adegwata, minħabba li, minn naħa, it-tieni rikorrenti kienet diġà destinatarja ta’ rakkomandazzjoni inkwistjoni u li hija ma kinitx ikkonformat ruħha magħha, u b’hekk ħalliet dubju dwar il-kapaċità jew ir-rieda reali tal-imsemmija rikorrenti li tikkonforma ruħha magħha u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet b’riskju għoli kienu jikkostitwixxu l-iktar parti sinjifikattiva tad-dħul ta’ din ir-rikorrenti u, konsegwentement, il-waqfien tagħhom kien jikkawża telf operattiv sinjifikattiv fix-xahar, li jirriżulta f’riskju għall-vijabbiltà tagħha u għalhekk għad-depożitanti tagħha.

333    Għaldaqstant, l-ewwel, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw b’mod validu lill-BĊE talli ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed il-fatt li t-tieni rikorrenti kellha attivitajiet mhux riskjużi u jsostnu li l-BĊE seta’ għalhekk jadotta l-inqas miżura intrużiva tal-waqfien ta’ parti biss mill-attivitajiet tagħha, peress li din il-miżura preċedentement ma kinitx ġiet ikkunsidrata bħala effikaċi. It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, permezz tal-affermazzjoni ġenerali tagħhom li ma kienet issostanzjata bl-ebda mod, intiża li tiċħad ir-riskju għall-vijabbiltà kkawżat minn din l-għażla u invokat mill-BĊE, ma jirnexxilhomx jikkonfutaw tali evalwazzjoni, li hija ta’ natura effettivament raġonevoli.

334    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-assenza ta’ rieda tat-tieni rikorrenti li tikkonforma ruħha mar-rakkomandazzjoni inkwistjoni li jammontaw għas-sempliċi allegazzjoni li tgħid li l-imsemmija rakkomandazzjoni kellha natura ambigwa u li ma kienx possibbli li tikkonforma ruħha magħha, għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 276 sa 288 iktar ’il fuq. Iktar minn hekk, hemm lok li jiġi rrimarkat li r-rikorrenti la jikkontestaw ir-realtà tal-assenza ta’ konformità ma’ din ir-rakkomandazzjoni, kif ikkonstatata fid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, u lanqas ma jressqu argumenti li jistgħu juru kif l-imsemmija rikorrenti setgħet tikkonforma ruħha b’mod konkret ma’ tieni rakkomandazzjoni tal-FSA, li tipprojbixxi l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha ta’ riskju għoli.

335    Għaldaqstant, is-seba’ u t-tlettax‑il motiv għandhom jiġu miċħuda.

336    Fil-kuntest tat-tmien motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-BĊE talli ma tax biżżejjed importanza lit-tnaqqis sinjifikattiv ta’ klijenti tat-tieni rikorrenti fil-kategoriji ta’ riskju għoli.

337    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punt 3.3.1(b)(i) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, il-BĊE tassew ħa inkunsiderazzjoni t-tnaqqis ta’ klijenti tat-tieni rikorrenti fil-kategoriji ta’ riskju għoli u l-għeluq tal-kontijiet bankarji tagħhom, b’mod partikolari dwar il-kontijiet relatati ma’ konoxxenzi u ma’ assoċjati ta’ azzjonisti tal-imsemmija rikorrenti, flimkien ma’ miżuri oħra effettivament adottati minn din ir-rikorrenti bl-għan li tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti regolatorji miksura. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-BĊE enfasizza, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet tal-FSA, li l-problema ma kinitx limitata għal dan il-grupp ta’ klijenti, iżda kellha natura strutturali. Barra minn hekk, kien għadu jeżisti ksur ieħor ta’ diversi rekwiżiti regolatorji dwar l-assenza ta’ arranġamenti ta’ governanza suffiċjenti u adattati għall-mudell kummerċjali, li hija kellha u li kien għadu ma nbidilx b’mod sostanzjali, anki fil-preżenza ta’ tnaqqis ta’ klijenti b’riskju għoli jew tal-bidla fil-kunsill ta’ amministrazzjoni, fatt li ma huwiex ikkuntestat mir-rikorrenti.

338    Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement jikkontestaw il-fatt li l-BĊE kellu jeżiġi l-konformità totali, filwaqt li jikkunsidraw li huwa kellu jikkuntenta ruħu b’konformità parzjali u bl-isforzi magħmula mit-tieni rikorrenti, u dan anki wara t-twissijiet kollha li l-FSA kienet diġà indirizzat lill-imsemmija rikorrenti u l-okkażjonijiet li din tal-aħħar kellha sabiex tikkonforma ruħha, qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmux dubju dwar il-konklużjoni tal-BĊE li tgħid li kien għadu jeżisti ksur ieħor. Iktar minn hekk, it-teżi li tgħid li l-konformità totali mar-rekwiżiti regolatorji ma kinitx possibbli, tmur kontra l-kritika li tgħid li l-BĊE ma tax biżżejjed żmien lit-tieni rikorrenti sabiex tilħaq din il-konformità totali.

339    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki t-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

340    Fir-rigward tad-disa’ motiv, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan huwa ddikjarat b’mod ġenerali u ma jippreżentax espożizzjoni ċara u preċiża biżżejjed, b’tali mod li ma jissodisfax ir-rekwiżiti formali minimi, meħtieġa mill-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li dan il-motiv huwa ammissibbli, jekk jirrigwarda l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe miżura oħra, mingħajr identifikazzjoni reali, huwa biżżejjed li jitfakkar, bi qbil mal-BĊE, li dan tal-aħħar ma huwiex obbligat janalizza kull miżura teoretikament possibbli, iżda biss dawk li huma rilevanti u li għandhom prospett raġonevoli li jilħqu l-istess għanijiet. Issa, mill-punt 311 iktar ’il fuq (kif ukoll mill-punt 3.3.2(b) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018) jirriżulta li l-BĊE wettaq, b’mod iddettaljat, tali eżami. Jekk l-intenzjoni tat-tieni rikorrenti hija, għall-kuntrarju, li tikkritika l-konklużjonijiet tal-BĊE li permezz tagħhom jirrifjuta l-miżuri alternattivi l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni u analizzati, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-analiżi tal-motivi l-oħra, li permezz tagħhom it-tieni rikorrenti tifformula kritiki iktar preċiżi kontra l-evalwazzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-miżuri alternattivi.

341    Għalhekk, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

342    Permezz tal-għaxar u tal-ħdax‑il motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni mill-BĊE ta’ miżuri alternattivi għall-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni relatati mar-revoka tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tat-tieni rikorrenti u t-terminazzjoni tad-drittijiet tal-vot ta’ ċerti azzjonisti tal-imsemmija rikorrenti.

343    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-miżuri alternattivi inkwistjoni kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni u sussegwentement ġew miċħuda mill-BĊE. Għalhekk, dawn ma jistgħux jippreġudikaw lit-tieni rikorrenti. Minn dan jirriżulta li l-għaxar u l-ħdax‑il motiv għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

344    Finalment, fir-rigward tal-erbatax u tal-ħmistax‑il motiv, sa fejn jirrigwardaw, iktar milli problema ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-BĊE (ara l-punt 203 iktar ’il fuq), l-ikkonfutar tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mill-BĊE fir-rigward tal-miżuri alternattivi għall-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni relatati mal-awtolikwidazzjoni tat-tieni rikorrenti u mal-bejgħ ta’ din tal-aħħar lil investitur ieħor, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 326 sa 329 iktar ’il fuq.

345    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-analiżi tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ma hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni.

346    Għaldaqstant, hemm lok li dan il-grupp ta’ motivi jiġi miċħud.

6.      Fuq issittax u ttmintaxil motiv, ibbażati fuq ilksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

347    Fil-kuntest tas-sittax‑il motiv, ir-rikorrenti jqisu li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn din ma tinkludi l-ebda analiżi komparattiva bejn is-sitwazzjoni tat-tieni rikorrenti u dik ta’ banek oħra komparabbli, fl-Estonja jew barra minnha, fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Huma jsostnu li l-imsemmija deċiżjoni ma fiha l-ebda informazzjoni rilevanti li ġejja mill-FSA f’dan ir-rigward u li din tal-aħħar għażlet lill-imsemmija rikorrenti sabiex tagħmel eżempju minnha, mhux minħabba l-gravità tan-nuqqasijiet tagħha, iżda pjuttost minħabba d-daqs żgħir tagħha, is-solidità finanzjarja tagħha li kellha tiffaċilità l-likwidazzjoni tagħha kif ukoll minħabba li hija kienet misjuda minn barranin li kellu jkollhom iktar diffikultajiet sabiex jopponulha.

348    Il-BĊE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

349    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Opinjoni 1/17 (Ftehim CET Unjoni-Kanada), tat‑30 ta’ April 2019, EU:C:2019:341, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

350    Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata ma’ dik tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ħadd ma jista’ jinvoka favurih illegalità li twettqet favur ħaddieħor (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

351    Iktar minn hekk, ġie deċiż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ sanzjonijiet għall-ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni, li l-prassi deċiżjonali preċedenti ta’ istituzzjoni ma kinitx isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet differenti kellhom biss natura indikattiva fir-rigward tal-eżistenza ta’ diskriminazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

352    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi sempliċement jinvokaw l-assenza ta’ analiżi komparattiva bejn il-ksur li ġie kkritikat lit-tieni rikorrenti u dak imwettaq minn istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra.

353    Issa, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li analiżi komparattiva bejn il-persuna responsabbli minn illegalità u l-persuni l-oħra li wettqu illegalitajiet oħra simili ma hijiex neċessarja sabiex tiġi kkontestata kwalunkwe illegalità fil-konfront ta’ persuna fiżika jew ġuridika. L-unika analiżi li huwa neċessarju li titwettaq hija dik li tikkonċerna l-evalwazzjoni tar-realtà tal-fatti li jikkostitwixxu ksur fil-konfront ta’ dispożizzjoni legali li timponi ċertu aġir. Il-gravità ta’ aġir ma għandhiex tiġi evalwata fil-konfront tal-gravità tal-aġir ta’ persuni oħra, iżda biss fil-konfront tal-istandards legali meħtieġa mid-dispożizzjonijiet legali applikabbli, peress li din il-gravità hija rilevanti biss sabiex jiġi ddeterminat il-qies xieraq tas-sanzjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 351 iktar ’il fuq jirriżulta li, anki kieku kien hemm deċiżjonijiet oħra li jikkonċernaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu għal ksur tar-rekwiżiti regolatorji fil-qasam tal-ĠĦF/FT, il-BĊE ma jkunx marbut minn tali deċiżjonijiet.

354    Fit-tieni lok, sa fejn ir-rikorrenti jirrepetu li l-BĊE ma setax juża r-regoli fil-qasam tal-ĠĦF/FT għal finijiet prudenzjali, peress li huwa ma għandux kompetenza f’dan il-qasam, dan l-argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punti 185 sa 190 iktar ’il fuq u għandu jitfakkar li l-ksur tar-regoli fil-qasam tal-ĠĦF/FT jikkostitwixxi raġuni għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni prevista mill-Artikolu 18(f) tad-Direttiva 2013/36, moqri flimkien mal-Artikolu 67(1) tal-imsemmija direttiva.

355    Finalment, hemm lok li jiġu miċħuda wkoll is-sempliċi allegazzjonijiet tar-rikorrenti li ma huma ssostanzjati bl-ebda mod dwar l-allegati raġunijiet li għalihom il-BĊE kien għażel lit-tieni rikorrenti bħala l-ewwel istituzzjoni ta’ kreditu li għandha tiġi ssanzjanata fl-Estonja għall-ksur ta’ regoli fil-qasam tal-ĠĦF/FT.

356    Minn dan jirriżulta li lanqas dan il-motiv ma jista’ jiġi milqugħ.

357    Fil-kuntest tat-tmintax‑il motiv, ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 tikser ukoll il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, sa fejn il-FSA evitat kull eżami konkret tat-tħassib allegat u qarrqet bit-tim ta’ ġestjoni l-ġdid tat-tieni rikorrenti billi ma żvelatlux l-allegati evalwazzjonijiet intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu kinitx f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli. Barra minn hekk, l-imsemmija rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tistenna rtirar tal-awtorizzazzjoni wara r-rakkomandazzjoni tal-FSA.

358    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

359    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull parti f’kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi leġittimi. Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippreżupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. It-tielet, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

360    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm il-possibbiltà li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fih ikunu nħolqu aspettattivi fondati minn istituzzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni li tista’ taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata. Minbarra dan, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi emendata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u dan speċjalment f’qasam bħal dak tal-politika monetarja, li l-għan tiegħu jitlob aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Accorinti et vs BĊE, T‑79/13, EU:T:2015:756, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

361    Finalment, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li tkun kisret id-dritt fis-seħħ (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

362    F’dan il-każ, b’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fuq il-bażi tal-uniċi u l-istess argumenti bħal dawk imressqa insostenn tal-allegazzjoni tagħhom ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mingħajr ma jinvokaw l-ebda garanzija preċiża u bla kundizzjonijiet li t-tieni rikorrenti setgħet irċeviet mill-FSA jew mill-BĊE fir-rigward taż-żamma tal-awtorizzazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-aġir ikkritikat huwa aġir tal-ANK u mhux tal-BĊE.

363    Iktar minn hekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li mhux talli t-tieni rikorrenti ma rċeviet l-ebda garanzija preċiża, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 359 iktar ’il fuq, li ma kienx ser ikun hemm irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha, iżda talli hija kellha wkoll biżżejjed twissijiet tal-kuntrarju mill-FSA.

364    Fil-fatt, mill-punt 3.2(d) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li, l-ewwel, il-FSA kellha żewġ laqgħat mal-bord superviżjorju u mal-kunsill ta’ amministrazzjoni tat-tieni rikorrenti, fit‑2 ta’ Settembru u fit‑30 ta’ Ottubru 2015, u laqgħa mal-proprjetarju u mal-kunsill ta’ amministrazzjoni, fit‑30 ta’ Novembru 2015, li matulhom il-FSA wissiet li l-imsemmija rikorrenti kellha tibdel l-arranġamenti ta’ governanza tagħha u l-proċeduri tagħha ta’ viġilanza tal-klijenti u li jekk il-ksur fil-qasam tal-ĠĦF/FT jippersisti, kienet possibbli kwalunkwe miżura prudenzjali. It-tieni, wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni, fid‑9 ta’ Awwissu 2016, il-FSA kellha laqgħa oħra ma’ membru tal-bord superviżorju ta’ din ir-rikorrenti li matulha hija ddiskutiet l-istabbiliment illegali ta’ fergħa fil-Latvja u ċċarat li hija kienet tqis li l-ksur ikkonstatat kien serju u li hija kienet sejra tieħu inkunsiderazzjoni l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-istess rikorrenti jekk din tal-aħħar ma tirrimedjax għall-problemi kkonstatati. It-tielet, hija kellha wkoll żewġ laqgħat oħra fix-xahar ta’ Novembru 2016 u fix-xahar ta’ Jannar 2017 mal-kunsill ta’ amministrazzjoni tar-rikorrenti inkwistjoni li matulhom hija enfasizzat il-ħtieġa li jinbidlu l-arranġamenti ta’ governanza ta’ din tal-aħħar u indikat mill-ġdid li jekk il-ksur ma jintemmx, tista’ tittieħed kwalunkwe miżura prudenzjali. Ir-raba’, fit‑28 ta’ Frar 2017, hija kkomunikat lir-rikorrenti kkonċernata li hija kienet tikkunsidra li l-imsemmija rakkomandazzjoni kienet ġiet parzjalment miksura u, fil‑5 ta’ April 2017, hija indirizzatilha talba għal informazzjoni dwar l-implikazzjoni possibbli tagħha fi pjan ta’ ħasil ta’ flus, imsejjaħ fil-midja bħala “Russian Laundromat” (stabbiliment Russu għall-ħasil). Il-ħames, hija ħarġet, fl‑10 ta’ April 2017, dikjarazzjoni li tgħid li r-rikorrenti kienet f’sitwazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli. Fis‑7 ta’ Frar 2018, hija adottat id-Deċiżjoni FOLFT li tgħid li ma kienx hemm interess pubbliku biex jittieħdu miżuri ta’ riżoluzzjoni. Is-sitt, fis‑7 ta’ Awwissu 2017, hija rrifjutat li tinnotifika lil 23 pajjiż l-intenzjoni tar-rikorrenti inkwistjoni li tkompli tipprovdi servizzi finanzjarji transkonfinali. Is-seba’, fil-kuntest ta’ spezzjoni finali fuq il-post bejn l‑4 u t‑22 ta’ Settembru 2017, hija osservat ksur ġdid fil-qasam tal-ĠĦF/FT. Finalment, kien biss fit‑8 ta’ Frar 2018 li l-FSA pproponiet lill-BĊE l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti inkwistjoni.

365    Fit-tieni lok, anki kieku kellu jitqies li t-tieni rikorrenti kienet irċeviet tali garanziji, hija ma tkunx tista’ tinvokahom, peress li, minn naħa, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 362 iktar ’il fuq, hija setgħet tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 360 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, hija kienet tinsab f’pożizzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 361 iktar ’il fuq.

366    Minn dak li ntqal jirriżulta li dan il-grupp ta’ motivi gћandu jiġi miċћud.

7.      Fuq lgħoxrin sattnejn u għoxrin motiv, ibbażati fuq ilksur tarrekwiżiti formali essenzjali

367    Permezz tal-għoxrin u tal-wieħed u għoxrin motiv, ibbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ, ir-rikorrenti jqisu, l-ewwel, li t-terminu ta’ ħamest ijiem mogħti lit-tieni rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni kien insuffiċjenti, it-tieni li d-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli ma kinux ġew ikkomunikati lilhom matul il-proċedura u li dawn kienu rilevanti, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-BĊE. It-tielet, huma jallegaw li l-BĊE ma spjegax fiex kienet tikkonsisti l-urġenza. Finalment, huma jsostnu li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Qafas tal-MSU li jipprevedu terminu ta’ tlett ijiem għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni jirrappreżentaw limitazzjoni sproporzjonata u arbitrarja tad-dritt tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għal rimedju effettiv u huma, għaldaqstant, illegali.

368    Fil-kuntest tat-tnejn u għoxrin motiv, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ir-raġunament fil-bażi tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 huwa superfiċjali u ambigwu u ma jesprimix b’mod ċar liema huma n-nuqqasijiet partikolarment serji li jiġġustifikaw l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tat-tieni rikorrenti, fil-konfront tar-regoli ta’ konformità fil-livell tal-industrija bankarja.

369    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

a)      Fuq ilksur taddritt għal smigħ

370    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas tal-MSU, intitolat “Id-dritt li wieħed jinstema”:

“1.      Qabel ma l-BĊE jkun jista’ jadotta deċiżjoni superviżorja tal-BĊE indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub lill-BĊE dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE. […]

[…]

3.      Il-parti għandha, fil-prinċipju, tingħata l-opportunità li tagħti l-kummenti tagħha bil-miktub fi skadenza ta’ ġimagħtejn wara li tirċievi dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkun beħsiebu jibbaża d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

Fuq applikazzjoni tal-parti, il-BĊE jista’ jestendi t-terminu ta’ żmien kif xieraq.

F’ċirkustanzi partikolari, il-BĊE jista’ jqassar it-terminu ta’ żmien għal tlett ijiem tax-xogħol. It-terminu taż-żmien għandu jitqassar ukoll għal tlett ijiem tax-xogħol fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU [bażiku].

4.      Minkejja l-paragrafu 3, u suġġett għall-paragrafu 5, il-BĊE jista’ jadotta deċiżjoni superviżorja tal-BĊE indirizzata lil parti li taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet ta’ dik il-parti mingħajr ma jagħti lill-parti l-opportunità li tikkummenta dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE qabel ma tiġi adottata jekk deċiżjoni urġenti tidher li tkun meħtieġa sabiex tiġi evitata ħsara sinifikanti għas-sistema finanzjarja.

5.      Jekk tiġi adottata deċiżjoni superviżorja urġenti tal-BĊE b’mod konformi mal-paragrafu 4, il-parti għandha tingħata l-opportunità li tikkummenta bil-miktub dwar il-fatti, l-oġġezzjonijiet u r-raġunijiet legali relevanti għad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE mingħajr dewmien żejjed wara li tiġi adottata. Il-parti għandha, fil-prinċipju, tingħata l-opportunità li tipprovdi l-kummenti tagħha bil-miktub fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE. Fuq applikazzjoni mingħand il-parti, il-BĊE jista’ jestendi t-terminu ta’ żmien; madankollu, it-terminu ta’ żmien ma jistax jaqbeż is-sitt xhur. Il-BĊE għandu jagħmel rieżami tad-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE fid-dawl tal-kummenti tal-parti u jista’ jew jikkonfermaha, jirrevokaha, jemendaha jew inkella jirrevokaha u jissostitwiha b’deċiżjoni superviżorja ġdida tal-BĊE.

[…]”

371    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ, li jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehmiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha, jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola li tipprovdi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu jingħata l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma din tittieħed hija intiża sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tieħu inkunsiderazzjoni b’mod effettiv l-informazzjoni rilevanti kollha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

372    F’dan il-każ, mill-punt 3.1(a) tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 jirriżulta li din tal-aħħar kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU bażiku, it-terminu għall-osservazzjonijiet kien ta’ tlett ijiem u li l-BĊE ddeċieda li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu sabiex jestendi dan it-terminu għal ħamest ijiem tax-xogħol.

373    Issa, l-ewwel, hemm lok li jiġi rrilevat li l-BĊE applika b’mod korrett id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Qafas tal-MSU dwar id-dritt għal smigħ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu destinatarji ta’ deċiżjoni tal-BĊE, jiġifieri l-Artikolu 31(3) tal-imsemmi regolament qafas.

374    It-tieni, għandu jiġi kkunsidrat, bi qbil mal-BĊE, li l-leġiżlatur tal-Unjoni wettaq evalwazzjoni dwar in-natura raġonevoli tat-terminu previst minn dawn id-dispożizzjonijiet billi bbilanċja l-interessi opposti, minn naħa, l-interessi privati tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ikollhom l-iktar żmien possibbli sabiex jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku sabiex l-istabbiliment mill-ġdid tal-legalità jseħħ malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk ir-rikorrenti ma jistgħux iqajmu dubju dwar in-natura raġonevoli tat-termini stabbiliti fir-Regolament Qafas tal-MSU, mingħajr ma jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità formali fil-konfront tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

375    Sa fejn ir-rikorrenti jqajmu eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Qafas tal-MSU, dwar in-natura sproporzjonata tat-terminu previst sabiex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, din għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli peress li ġiet ippreżentata tard. Fil-fatt, ir-rikorrenti fformulawha biss fl-istadju tar-replika. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kuntest tat-tilwima huwa ddeterminat fir-rikors promotur u li eċċezzjoni ta’ illegalità tkun inammissibbli fl-istadju tar-replika. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni ta’ illegalità ma hija bbażata, f’dan il-każ, fuq l-ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li ħareġ matul il-proċedura fis-sens tal-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, EU:T:2005:339, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

376    It-tielet, l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ urġenza hija ineffettiva, sa fejn f’dan il-każ il-BĊE ma applikax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Qafas tal-MSU li jirreferu għaliha, jiġifieri l-Artikolu 31(4) u (5) tal-imsemmi regolament qafas. Fir-realtà, il-BĊE applika b’mod korrett it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-regolament qafas, peress li huwa adotta d-deċiżjoni tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tar-Regolament MSU bażiku, sitwazzjoni li fiha t-terminu mogħti lill-partijiet biex jinstemgħu jitnaqqas għal tlett ijiem tax-xogħol.

b)      Fuq ilksur taddrittijiet taddifiża

377    Fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, ir-rikorrenti jżidu biss li d-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli ma kinux ġew ikkomunikati lilhom.

378    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 147 sa 152 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli huma biss atti preparatorji mhux obbligatorji li jippreċedu skemi ta’ riżoluzzjoni possibbli, fejn l-adozzjoni ma timplikax neċessarjament l-adozzjoni ta’ tali skema skont ir-Regolament tal-MUR u li ma teżistix ekwivalenza funzjonali bejn evalwazzjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli u rtirar tal-awtorizzazzjoni, anki jekk il-fatti fil-bażi taż-żewġ atti jistgħu jikkoinċidu, peress li l-kundizzjonijiet tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni huma manifestament differenti mill-kundizzjonijiet sottostanti għall-evalwazzjoni tan-nuqqas attwali jew prevedibbli.

379    Għalhekk, f’dan il-każ, kif jirrileva ġustament il-BĊE, id-dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli kienu bbażati fuq raġunijiet differenti mir-raġunijiet tad-deċiżjoni ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni. Għall-kuntrarju, sa fejn dawn kienu jikkoinċidu, dawn ir-raġunijiet ġew riprodotti fl-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, l-unika waħda rilevanti f’dan il-każ, li t-tieni rikorrenti kellha l-okkażjoni li tesprimi ruħha dwarha. Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjonijiet jista’ jiġi miċħud bħala ineffettiv.

380    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-FSA talli ma daħlitx fi djalogu mat-tmexxija u mal-azzjonisti tal-entità ssorveljata bl-għan li tinkiseb konformità sħiħa. Fil-fatt, mill-punti 23, 39 u 278 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni rikorrenti mingħajr dubju kellha diversi twissijiet u okkażjonijiet sabiex tiddjaloga mal-FSA u li din tal-aħħar ikkollaborat biżżejjed sabiex tispjega matul il-proċedura kollha kif in-nuqqasijiet osservati kienu għadhom jippersistu.

c)      Fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

381    Għandu jitfakkar, b’mod preliminari li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament MSU bażiku, id-deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom ikunu mmotivati.

382    Konformement mal-Artikolu 33(1) u (2) tar-Regolament Qafas tal-MSU, deċiżjoni superviżorja tal-BĊE għandha tkun akkumpanjata b’espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw dik id-deċiżjoni. L-espożizzjoni tal-motivi għandha tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi essenzjali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni superviżorja tal-BĊE.

383    L-Artikolu 39(1) tar-Regolament Qafas tal-MSU jippreċiża li “[e]ntità taħt superviżjoni għandha titqies bħala entità sinifikanti taħt superviżjoni jekk il-BĊE jiddetermina dan f’deċiżjoni tal-BĊE indirizzata lill-entità relevanti […], waqt li jispjega r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata dik id-deċiżjoni”.

384    Għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 381 sa 383 iktar ’il fuq sempliċement ifakkru, fl-artikoli tar-Regolament MSU bażiku u tar-Regolament Qafas tal-MSU, l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma suġġetti għalih skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 121).

385    L-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jikkostitwixxi formalità essenzjali li hija distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

386    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali, l-għan tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għalhekk huwa, minbarra li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-parti kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni tistax tkun ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

387    Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att inkwistjoni, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati minnu jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

388    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018 hija strutturata b’mod ċar ħafna (parti proċedurali, parti li tfakkar il-fatti li wasslu għall-kawża, parti li tagħti sunt tan-nuqqasijiet irrilevati bbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-FSA ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni u parti li tanalizza l-proporzjonalità tal-miżura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni bbażata fuq l-analiżi rispettiva tal-BĊE) u tesponi b’mod eżawrjenti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huma bbażati l-partijiet. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-imsemmija deċiżjoni tidħol f’kuntest ta’ djalogu pluriannwali bejn it-tieni rikorrenti u l-FSA, kif deskritt fil-punt 364 iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi konkluż li t-tieni rikorrenti kienet taf mingħajr l-ebda dubju bil-kuntest fattwali u proċedurali intiż minn din id-deċiżjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 387 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ppermettiet li t-tieni rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħha u li tifformula l-kontestazzjonijiet tagħha u li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 386 iktar ’il fuq.

389    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan il-grupp ta’ motivi gћandu jiġi miċћud.

8.      Fuq ittlieta u għoxrin u lerbgħa u għoxrin motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq ilksur taddritt ta’ aċċess għallfajl tattieni rikorrenti u taddrittijiet talazzjonist filkuntest tal-proċedura ta’ rieżami

390    Fil-kuntest tat-tlieta u għoxrin motiv, ir-rikorrenti jallegaw ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl tat-tieni rikorrenti. Fil-fehma tagħhom, il-BĊE rrifjuta illegalment l-aċċess mitlub qabel il-preżentazzjoni tat-talba għal rieżami, filwaqt li d-dokumenti mitluba mill-ewwel rikorrenti kienu neċessarji għaliha sabiex tipprepara l-imsemmija talba, u, għall-kuntrarju, ta tali aċċess wara li l-BAR iddikjara ammissibbli t-talba għal rieżami, filwaqt li ġab l-aċċess fix-xejn billi pprovda biss 23 dokument mill-230 li kienu jinsabu fil-fajl, billi qies li d-dokumenti l-oħra kollha kienu kunfidenzjali.

391    Permezz tal-erbgħa u għoxrin motiv, ir-rikorrenti jinvokaw diversi ksur tad-drittijiet tal-ewwel rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ rieżami li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, sal-punt li l-annullament tagħha jkun iġġustifikat.

392    Fl-ewwel lok, il-BĊE kien wettaq żball fid-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, sa fejn din tinkludi l-informazzjoni mhux korretta li tgħid li l-istituzzjoni ta’ kreditu biss setgħet tressaq talba għal rieżami, filwaqt li d-deċiżjoni tal-BAR kienet ikkunsidrat ukoll ammissibbli li l-azzjonist iressaq tali talba. Barra minn hekk, huwa ma nnotifikax din id-deċiżjoni lill-ewwel rikorrenti minkejja li hija kellha d-dritt titlob ir-rieżami tagħha.

393    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma tax lill-ewwel rikorrenti l-aċċess għall-fajl qabel is-seduta quddiem il-BAR, u b’hekk xekkilha milli tifformula b’mod korrett u tissostanzja biżżejjed it-talba tagħha għal rieżami, billi bbaża ruħu fuq allegati raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.

394    Fit-tielet lok, id-dritt għal smigħ tal-ewwel rikorrenti kien ġie ristrett minħabba t-terminu eċċessivament qasir li ngħatalha sabiex tippreżenta osservazzjonijiet supplimentari wara l-aċċess għall-fajl.

395    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE ma tax aċċess lill-BAR għall-verżjoni sħiħa tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, li kienet ippreżentata biss mill-ewwel rikorrenti f’verżjoni ċċensurata li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha wara li sabitha fuq is-sit internet tal-FSA. Il-possibbiltà li jinkiseb rieżami imparzjali u oġġettiv kienet ġiet ippreġudikata iktar mil-limitazzjoni tal-eżami tal-BAR għas-sempliċi raġunijiet legali kif ukoll għas-sempliċi lmenti invokati fit-talba għal rieżami, limitazzjoni prevista fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni 2014/360, li ma għandha l-ebda bażi fl-Artikolu 24 tar-Regolament MSU bażiku.

396    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-BĊE talli ma involviex fil-proċedura ta’ rieżami lir-rappreżentanti tat-tieni rikorrenti, la fil-persuna tal-istralċjarji u lanqas f’dik tal-ex diretturi, u dan imur manifestament kontra l-prinċipji ta’ smigħ xieraq u jikser id-dritt għal smigħ tal-imsemmija rikorrenti, li hija s-suġġett ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

397    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jallegaw nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, sa fejn ir-raġunijiet taċ-ċaħda tat-talba għal rieżami ma kinux esposti fiha. Il-possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-motivazzjoni tal-opinjoni ta’ din il-kummissjoni ma tistax ittaffi l-assenza ta’ motivazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni, peress li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 24(9) tar-Regolament MSU bażiku ma jistax jiġi ssodisfatt minn motivazzjoni per relationem.

398    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

399    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, permezz tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament MSU bażiku, tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas tal-MSU u tal-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2014/360, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati huma żgurati bis-sħiħ fl-iżvolġiment tal-proċedura. Huma għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-BĊE soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma jestendix għall-informazzjoni kunfidenzjali.

400    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament MSU bażiku, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ titlob ir-rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna.

401    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-tieni rikorrenti ma ppreżentatx rikors għal rieżami skont l-Artikolu 24 tar-Regolament MSU bażiku, minkejja li kellha d-dritt tagħmel dan. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ewwel talba għal aċċess imressqa mill-ewwel rikorrenti, din tal-aħħar, fil‑15 ta’ April 2018, ressqet talba għal aċċess, wara t-tmiem tal-proċedura ta’ superviżjoni inizjali li wasslet għad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018.

402    Id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018 ma kinitx maħsuba għall-ewwel rikorrenti u hija ma tistax titqies bħala li kienet direttament jew individwalment ikkonċernata minn din tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punti 108 sa 114 u 119).

403    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE ma wettaq l-ebda żball meta ma tax l-aċċess għall-fajl lill-ewwel rikorrenti li ma kinitx parti kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament MSU bażiku u tal-Artikoli 26 u 32 tar-Regolament Qafas tal-MSU, fil-mument tal-introduzzjoni tal-ewwel talba tagħha.

404    Fir-rigward tat-tieni talba għal aċċess, imressqa fis‑26 ta’ April 2018 flimkien mat-talba għal rieżami tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2018, kif ukoll fir-rigward tal-ilmenti l-oħra li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-proċedura, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-BAR aċċetta bħala ammissibbli t-talba għal rieżami tal-ewwel rikorrenti fuq il-bażi tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament MSU bażiku. Il-kriterji ta’ ammissibbiltà, stabbiliti minn din id-dispożizzjoni jikkoinċidu ma’ dawk li huma previsti mill-Artikolu 263 TFUE għar-rimedji ġudizzjarji, kienu ġew ikkunsidrati bħala ssodisfatti għall-imsemmija rikorrenti fuq il-bażi tad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623). Għaldaqstant, il-BAR aċċetta wkoll it-talba ta’ aċċess għall-fajl ta’ din ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ rikorrenti għal rieżami, skont l-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni 2014/360.

405    Madankollu, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrimarkat li talba għal rieżami tal-ewwel rikorrenti ma kinitx tiġi ddikjarat ammissibbli fl-assenza tad-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623), u li dan tal-aħħar issa ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923). Konsegwentement, fir-realtà, l-imsemmija rikorrenti ngħatat possibbiltajiet, bħall-proċedura ta’ rieżami, li hija rimedju supplimentari meta mqabbel mar-rimedju ġudizzjarju, u aċċess għall-fajl li hija ma kellhiex tibbenefika minnu.

406    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari u li x’aktarx ma jerġgħux iseħħu, peress li d-digriet tat‑12 ta’ Settembru 2017, Fursin et vs BĊE (T‑247/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:623), li fuqu bbaża ruħu l-BAR, ġie annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-inammissibbiltà tal-ewwel rikorrenti li tippreżenta dan ir-rikors, sa fejn dan jirrigwarda t-talba għal annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, kif jirriżulta minn dak li ġie espost fil-punt 100 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-inammissibbiltà tat-tieni rikorrenti sabiex tinvokahom, peress li hija ma kinitx parti għall-proċedura ta’ rieżami, billi għażlet li ma tressaqx it-talba, minkejja li kellha d-dritt li taħmel dan, il-motivi bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura ta’ rieżami għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

407    Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li dawn il-motivi għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli, dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, peress li, fl-assenza ta’ dawn id-difetti proċedurali possibbli, id-deċiżjoni ma setgħetx twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 31), u dan huwa kkonfermat mill-analiżi esposta fil-punti 105 sa 389 iktar ’il fuq.

9.      Fuq ilħamsa u għoxrin motiv, ippreżentat insostenn tattalba għal annullament taddeċiżjoni dwar lispejjeż, ibbażat fuq lillegalità taddeċiżjoni tas17 ta’ Lulju 2018

408    Il-ħamsa u għoxrin motiv, ippreżentat insostenn tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

409    Il-BĊE, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

410    F’dan il-każ, l-ebda wieħed mill-motivi ppreżentati fil-Kawża T‑584/18 ma jippermetti li tinsilet konklużjoni dwar l-illegalità tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018.

411    Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

10.    Fuq ittalba għal miżuri istruttorji

412    Ir-rikorrenti, diversi drabi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, jitolbu li l-Qorti Ġenerali tadotta diversi miżuri istruttorji: l-ewwel, tordna lill-BĊE u lill-FSA jipproduċu dokumenti, fosthom id-Deċiżjonijiet FOLTF, it-tieni, tordna l-produzzjoni ta’ atti li jagħtu prova li l-BĊE ħa deċiżjoni fil-qasam tal-awtolikwidazzjoni u x-xhieda tal-uffiċjali tal-BĊE kkonċernati; it-tielet, tordna lill-BĊE u lir-Repubblika tal-Estonja jiżvelaw il-konstatazzjonijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT u x-xhieda tal-President tal-FSA u tal-uffiċjali tal-BĊE kkonċernati u, ir-raba’, tordna lill-BĊE jindika d-dikjarazzjonijiet qarrieqa konkreti li kienu ngħataw mir-rikorrenti u jiżvela d-dokumenti li juru li l-BĊE u l-FSA kienu kkomunikaw ma’ xulxin dwar il-problema tal-fergħa fil-Latvja, li kienet għadha problema mhux solvuta mir-riżoluzzjoni amministrattiva li saret fil-Latvja, kif ukoll tħarrek lill-President tal-FSA u lill-uffiċjali tal-BĊE kkonċernati sabiex jixhdu.

413    Il-BĊE joġġezzjona għat-talba għal miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti, peress li l-miżuri mitluba ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura intiżi, b’mod partikolari, għar-rilevanza u għan-neċessità tat-tagħrif mitlub sabiex jiġu stabbiliti ċerti fatti u tiġi deċiża t-tilwima.

414    B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li t-talba tar-rikorrenti tikkostitwixxi talba għal miżuri istruttorji, fis-sens tal-Artikolu 91(b) sa (d) tar-Regoli tal-Proċedura, proposta skont l-Artikolu 88(1) tal-imsemmija regoli.

415    Mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 88 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jirriżulta li t-talba msemmija fil-paragrafu 1 tagħhom għandha tindika bi preċiżjoni s-suġġett tal-miżuri mitluba u r-raġunijiet ta’ natura li jiġġustifikaw dawn il-miżuri. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li, meta din it-talba titressaq wara l-ewwel skambju ta’ noti, il-parti li tressaq it-talba għandha tesponi r-raġunijiet għaliex ma setgħetx tressaqha qabel.

416    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-parti l-kbira tat-talbiet għal miżuri istruttorji, minbarra dik intiża għall-kisba tal-produzzjoni tad-“Deċiżjonijiet FOLTF”, kienet tressqet għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika. Ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jispjegaw fit-talba tagħhom ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dan id-dewmien. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

417    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talbiet għal miżuri istruttorji ma humiex preċiżi biżżejjed fir-rigward tas-suġġett tagħhom u tar-rilevanza tax-xhieda u tad-dokumenti li għandhom jiġu prodotti.

418    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bi qbil mal-BĊE u mal-Kummissjoni, minn naħa, li l-punti li fuqhom ir-rikorrenti jitolbu li jinstemgħu x-xhieda ma humiex intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-fatti, iżda sabiex tiġi kkonfermata sensiela ta’ sempliċi allegazzjonijiet mhux issostanzjati tar-rikorrenti. Issa, dawn l-allegazzjonijiet, anki jekk jiġu kkonfermati, ma jkunux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal smigħ tax-xhieda hija wkoll parzjalment impreċiża fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom jinstemgħu.

419    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti, l-ewwel, fir-rigward tad-“Deċiżjonijiet FOLTF” (l-unika talba għal miżuri istruttorji mressqa fl-istadju tar-rikors u għalhekk mhux tardiva), din għandha tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 181 iktar ’il fuq. It-tieni, kif diġà ġie stabbilit fil-punt 279 iktar ’il fuq, il-konstatazzjonijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ĠĦF/FT jirriżultaw b’mod suffiċjenti mid-deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018. It-tielet, mill-punt 267 iktar ’il fuq jirriżulta li d-determinazzjoni ta’ jekk il-kwistjoni dwar il-fergħa fil-Latvja kinitx kwistjoni li kienet għadha miftuħa jew le għall-FSA u għall-BĊE ma hijiex element neċessarju għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima.

420    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-talbiet għal miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda bħala tardivi u parzjalment infondati jew, sussidjarjament, bħala kompletament infondati.

421    Bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu preċedenti, ir-rikors T‑584/18 għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq lispejjeż

422    Skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tuża d-diskrezzjoni tagħha fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

423    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T‑351/18, issir evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

424    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu fil-Kawża T‑584/18, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-BĊE, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

425    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawża T‑584/18.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T351/18 u T584/18 huma magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-Kawża T351/18.

3)      Ir-rikors fil-Kawża T584/18 huwa miċħud.

4)      Fil-Kawża T351/18, Ukrselhosprom PCF LLC, Versobank AS, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      Fil-Kawża T584/18, Ukrselhosprom PCF u Versobank huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk tal-BĊE.

6)      Fil-Kawża T584/18, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Costeira

Gratsias

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil‑Lussemburgu, fis‑6 ta’ Ottubru 2021.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

A. Ilbidu talproċedura u ttalbiet talpartijiet filKawża T351/18

B. Ilbidu talproċedura u ttalbiet talpartijiet filKawża T584/18

C. Issegwitu talproċedura fiżżewġ kawżi

III. Iddritt

A. Fuq ilpersistenza tassuġġett tattilwima u talinteress ġuridiku tarrikorrenti filKawża T351/18

B. Fuq lammissibbiltà talKawża T584/18

1. Fuq lammissibbiltà tattalba għal annullament taddeċiżjoni tas17 ta’ Lulju 2018

2. Fuq lammissibbiltà tattalba għal annullament taddeċiżjoni dwar lispejjeż

C. Fuq ilmertu

1. Fuq lewwel, ittieni, lerbatax, ilħmistax u ddsataxil motiv

a) Fuq ittqassim talkompetenzi bejn ilBĊE u lANK talIstati Membri parteċipanti fi ħdan ilMSU dwar lirtirar talawtorizzazzjoni għal ksur tarregoli filqasam tal-ĠĦF/FT

b) Fuq lewwel parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jirtira lawtorizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, peress li lANK kienet diġà adottat dikjarazzjoni ta’ nuqqas attwali jew prevedibbli

c) Fuq ittieni parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jevalwa lkwistjonijiet filqasam talĠĦF/FT

d) Fuq ittielet parti dwar innuqqas ta’ kompetenza talBĊE sabiex jirrifjuta lawtolikwidazzjoni tattieni rikorrenti u lbejgħ talbank lil investitur ieħor

e) Fuq irraba’ parti dwar lużu ħażin ta’ poter

2. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur taddmirijiet ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità fleżami talBĊE

3. Fuq irraba’ u lħames motiv, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni jew fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti elementi rilevanti talkawża

a) Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq innuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tarrwol pożittiv tattmexxija lġdida tattieni rikorrenti

b) Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni firrigward tannatura żbaljata talinformazzjoni dwar lattivitajiet tattieni rikorrenti filLatvja

4. Fuq issitt, ittnax u ttmintaxil motiv, ibbażati fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ilBĊE bbaża b’mod żbaljat fuq ilksur tarrakkomandazzjoni talFSA u fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

5. Fuq isseba’ salħdax, ittlettax salħmistax u ssbataxil motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

6. Fuq issittax u ttmintaxil motiv, ibbażati fuq ilksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali

7. Fuq lgħoxrin sattnejn u għoxrin motiv, ibbażati fuq ilksur tarrekwiżiti formali essenzjali

a) Fuq ilksur taddritt għal smigħ

b) Fuq ilksur taddrittijiet taddifiża

c) Fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

8. Fuq ittlieta u għoxrin u lerbgħa u għoxrin motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq ilksur taddritt ta’ aċċess għallfajl tattieni rikorrenti u taddrittijiet talazzjonist filkuntest tal-proċedura ta’ rieżami

9. Fuq ilħamsa u għoxrin motiv, ippreżentat insostenn tattalba għal annullament taddeċiżjoni dwar lispejjeż, ibbażat fuq lillegalità taddeċiżjoni tas17 ta’ Lulju 2018

10. Fuq ittalba għal miżuri istruttorji

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.