Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Marzu 2013 Scheepsbouw Nederland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-140/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Scheepsbouw Nederland (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: K. Struckmann, avukat u G. Forwood, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-20 ta' Novembru 2012, fil-Każ SA.34736 (Deprezzament antiċipat ta' ċertu assi miksuba minn kiri finanzjarju), ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Diċembru 2012 (ĠU C 384, p. 2)

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, li jallega li l-Kummissjoni naqset milli tikkonforma ruħha mal-Artikolu 108(3) TFUE u mal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 .

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kif ukoll tan-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-eżami sostanzjali mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura preliminari ta' eżami, hemm provi biżżejjed tal-eżistenza ta' diffikultajiet serji li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-miżura proposta. Għaldaqstant, wara l-eżami preliminari tagħha, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b'mod korrett li l-miżura inkwistjoni ma kinitx għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni ma kellha ebda għażla oħra għajr dik li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).