Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Jannar 2014 – Simet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-15/14)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Simet SpA (Rossano Calabro, l-Italja) (rappreżentanti: A. Clarizia u P. Clarizia, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 6251 finali, tat-2 ta’ Ottubru 2013,dwar proċedura skont l-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 62 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea – Għajnuna mill-Istat SA.33.037 (2012/C) – Italja – Kumpens retroattiv lil SIMET SpA għal serizzi ta' trasport pubbliku pprovduti bejn l-1987 u l-2003.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 6251 finali, tat-2 ta’ Ottubru 2013, skont liema l-ħlas ta’ kumpens lil SIMET, mogħtija permezz ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato Taljan u li ġie nnotifikat lill-awtorità nazzjonali, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE u li din il-miżura ma ġietx eżentata mill-obbligu ta’ notifika preventiva skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

SIMET tenfażizza f’dan ir-rigward li l-kwistjoni deċiża mill-qorti nazzjonali kienet tirrgwarda l-kumpens għal dannu subit mir-rikorrenti għal aġir illegali li kien ivvizzja l-atti tal-Ministeru tal-Infrastruttura u t-Trasport (MIT) fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku interreġjunali bl-art, imwettaq fil-perijodu bejn l-1987 u l-2003.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq, il-fatt li l-MIT kienet irregolat l-attività tan-negozju ta’ SIMET, fil-perijodu eżaminat mill-Consiglio di Stato, permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li permezz tiegħu, wara l-emendi mwettqa bir-Regolamento (KEE) Nru 1893/91, kien jipprojbixxi lill-Istati Membri li jissuġġettaw lil impriżi, bħal SIMET, li jwettqu servizz ta’ transport interreġjunali ta’ passiġġieri bl-art, għall-obbligu li jwettqu servizz pubbliku;

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li, bil-kontra ta’ dak li qed isostni l-Kummissjoni, SIMET kienet suġġetta għal obbligi tas-servizz pubbliku, peress li l-atti awtorevoli ta’ konċessjoni adottati mill-MIT, għall-provvista ta’ servizzi interreġjunali ta’ trasport tal-passiġġieri permezz tal-karozza tal-linja, b’konformità ma’ dak stabbilit mil-leġiżlazzjoni Taljana, eliminaw b’mod ċar kull awtonomija ta’ SIMET fl-iżvolġiment tal-attività imprenditorali tagħha peress li din tal-aħħar kienet direttament maħluqa u imposta mill-amministrazzjoni;

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-kumpens tad-danni subiti minn individwi minħabba l-ksur tad-dritt tal-UE, li skonthom jekk awtorità ta’ Stat Membru tistabilixxi dispożizzjoni amministrattiva ta’ kompetenza tagħha bi ksur ta’ dak li jistabilixxi d-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li din il-kumpannija jkollha obbligu ta’ kumpens għad-dannu kontrieha fil-konfront tad-destinatarju tad-dispożizzjoni, minħabba l-illegalità tagħha;

4.    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li fi kwalunkwe każ, l-ebda għajnuna mill-Istat ma ġiet mogħtija lil SIMET, peress li l-metodu ta’ kalkolu tad-dħul li huwa rikonoxxut bħala kumpens għad-danni, permezz ta’ riferiment għall-kriterji stabbiliti mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, għall-attività ta’ trasport bl-art, marbuta b’obbligi ta’ servizz pubbliku, li eżerċitat fil-perijodu bejn l-1987 u l-2003, huwa tali li jeskludi kull riskju ta’ kumpens żejjed favur SIMET, billi sempliċiment jirrapreżenta l-ekwiparazzjoni tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti mill-kumpannija sabiex setgħet twettaq l-obbligi imsemmija, li ġew imposti fuqha b’mod illegali.