Language of document : ECLI:EU:T:2015:353

Kawża T‑559/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Giovanni Cosmetics, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva GIOVANNI GALLI — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti GIOVANNI — Raġuni relattiva għal rifjut — Assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Karattru distintiv ta’ isem u ta’ kunjom”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2015

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Karattru distintiv ta’ isem u ta’ kunjom — Trade mark figurattiva GIOVANNI GALLI u trade mark verbali GIOVANNI

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

Fl-assenza ta’ elementi konkreti fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku fl-Unjoni kollha, ma hemmx lok li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tgħid li, f’ċerti Stati Membri, kunjom ġeneralment għandu karattru distintiv ogħla minn isem, jiġi estiż għat-territorju kollu tal-Unjoni

Fid-dawl tal-fatt li, minn tal-inqas fir-rigward ta’ parti mill-Unjoni, ma huwiex stabbilit li kunjom għandu, bħala prinċipju, karattru distintiv ogħla minn isem, u fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza tal-pubbliku li jinsab barra mill-Italja ma għandhiex tipperċepixxi ebda wieħed mill-kunjomijiet Giovanni jew Galli bħala komuni ħafna jew rari, ma teżisti l-ebda bażi sabiex l-element “galli” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jingħata karattru distintiv ogħla mill-element “giovanni” fil-perċezzjoni tal-pubbliku kollu rilevanti. Għalhekk il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta attribwixxa, għall-pubbliku kollu rilevanti, karattru distintiv ogħla lill-element “galli” milli lill-element “giovanni”.

Huwa ċertament minnu li parti mill-pubbliku rilevanti ser tagħti karattru distintiv ogħla lill-element “galli” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni milli lill-element “giovanni”, jiġifieri dik il-parti tal-pubbliku li taf li l-element “giovanni” huwa isem Taljan komuni u li l-element “galli” ta’ din it-trade mark huwa kunjom Taljan rari, jew dik il-parti li ġeneralment tagħti karattru distintiv ogħla lil kunjom milli lil isem. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-parti l-oħra tal-pubbliku rilevanti, il-karattru distintiv intrinsiku tal-elementi “giovanni” u “galli” huwa identiku u jikkorrispondi għal karattru distintiv medju.

(ara l-punti 52-54)