Language of document : ECLI:EU:C:2021:903

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Novembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Regolament (KE) Nru 423/2007 – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi rrikonoxxuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bħala li jipparteċipaw fil‑proliferazzjoni nukleari – Kunċetti ta’ ‘iffriżar ta’ fondi’ u ta’ ‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ – Possibbiltà li tiġi applikata miżura kawtelatorja fuq fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati – Dejn preċedenti għall-iffriżar ta’ fondi u mhux relatat mal‑programm nukleari u ballistiku Iranjan”

Fil-Kawża C‑340/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Bank Sepah

vs

Overseas Financial Limited,

Oaktree Finance Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Bank Sepah, minn L. Vidal u J.‑M. Thouvenin, avocats,

–        għal Overseas Financial Limited u Oaktree Finance Limited, minn P. Spinosi, avocat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J.‑L. Carré, E. de Moustier u A. Daniel, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u J. Roberti di Sarsina, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(h) u (j) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad‑19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1, rettifika fil‑ĠU 2009, L 64M, p. 423), tal-Artikolu 1(h) u (i), u tal-Artikolu 16(1) tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal‑25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 1(j) u (k) u tal-Artikolu 23(1) tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat‑23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 332, p. 31, fil‑ĠU 2014, L 93, p. 85, u fil‑ĠU 2019, L 297, p. 8).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Bank Sepah, kumpannija stabbilita f’Teheran (l-Iran), u Overseas Financial Limited u Oaktree Finance Limited, stabbiliti fl-Istat ta’ Delaware (l-Istati Uniti), dwar il-possibbiltà li jiġu applikati, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti, miżuri kawtelatorji fuq fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Sabiex jeżerċita pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari tagħha li jippreżentaw riskju ta’ proliferazzjoni u l‑iżvilupp ta’ sistema ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, il-Kunsill tas-Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Unit (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta, fit‑23 ta’ Diċembru 2006, abbażi tal-Artikolu 41 tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 1737 (2006), li tistabbilixxi ċertu numru ta’ miżuri restrittivi kontra dan l-Istat.

4        Skont il-punti 2 u 12 tal-imsemmija riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti:

“2.      Jiddeċiedi, f’dan il-kuntest, li l-Iran għandu jissospendi bla dewmien l‑attivitajiet nukleari tiegħu li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni […]

[…]

12.      Jiddeċiedi li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw il-fondi, l-assi finanzjarji oħra u r-riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tagħhom fid-data tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni jew f’kull mument sussegwenti, li huma l-proprjetà jew taħt il-kontroll tal-persuni jew tal-entitajiet imsemmija fl-Anness, kif ukoll dawk ta’ persuni jew entitajiet oħrajn li l-Kunsill jew il-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] jistgħu jidentifikaw bħala parteċipi, peress li huma direttament assoċjati jew li jsostnu l‑attivitajiet nukleari tal-Iran li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u ta’ żvilupp ta’ sistema ta’ kunsinna ta’ armi nukleari, jew tal-persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew fuq struzzjonijiet tagħhom, jew tal-entitajiet li huma l-proprjetà tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti […], u barra minn hekk jiddeċiedi li l-Istati kollha għandhom jiżguraw li jimpedixxu liċ‑ċittadini tagħhom jew lil kull persuna jew entità li tinsab fit-territorju tiegħu milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-persuni jew entitajiet fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi jew li jippermettu l-użu għall-benefiċċju tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Permezz tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007) tal‑24 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill tas‑Sigurtà inkluda lil Bank Sepah fil-lista tal-entitajiet li jikkontribwixxu għall‑programm nukleari jew ta’ missili ballistiċi Iranjan, li l-assi tagħhom kellhom jiġu ffriżati.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK

6        Sabiex tiġi implimentata r‑Riżoluzzjoni 1737 (2006), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK tas‑27 ta’ Frar 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l‑Iran (ĠU 2008, L 4M, p. 155).

7        Il-premessi 1 u 9 ta’ din il-pożizzjoni komuni kienu jistipulaw:

“(1) Fit-23 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà […] adotta r-Riżoluzzjoni 1737(2006) (‘UNSCR 1737(2006)’), li tħeġġeġ lill-Iran jissospendi mingħajr aktar dewmien xi attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni u li tintroduċi ċerti miżuri restrittivi kontra l-Iran.

[…]

(9)      L-UNSCR 1737(2006) timponi wkoll l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra u ta’ riżorsi ekonomiċi, li huma l-proprjetà ta’, miżmumin jew kontrollati, direttament jew indirettament, mill-persuni jew l-entitajiet indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] bħala li huma impenjati fi, assoċjati direttament ma’, jew li jipprovdu sostenn għal, attivitajiet nukleari sensittivi f’termini ta’ proliferazzjoni ta’ l-Iran jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ twassil ta’ armi nukleari, jew minn persuni jew entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew skond id-direzzjoni tagħhom, jew minn entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew kontrollati minnhom, anke permezz ta’ mezzi illeċiti; hija timponi wkoll l-obbligu li l-ebda fond, ass finanzjarju jew riżors ekonomiku ma jsiru disponibbli lil, jew għall-benefiċċju ta’, tali persuni jew entitajiet.”

8        L-Artikolu 5(1) tal-imsemmija pożizzjoni komuni kien jipprovdi:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew kontrollati, direttament jew indirettament, minn:

(a)      persuni u entitajiet indikati fl-Anness għal UNSCR 1737 (2006) kif ukoll dawk ta’ persuni u entitajiet addizzjonali indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] konformement mal-Paragrafu 12 ta’ UNSCR 1737 (2006), fejn tali persuni jew entitajiet ikunu elenkati fl-Anness I;

[…]”

 Ir-Regolament Nru 423/2007

9        Abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 423/2007, li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ April 2007.

10      Skont il-premessa 3 ta’ dan ir-regolament:

“[I]l-miżuri [restrittivi previsti mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140] jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u, għalhekk, partikolarment sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa leġislazzjoni Komunitarja sabiex timplimentahom f’dak li jirrigwarda l-Komunità”.

11      L-Artikolu 1(h) u (j) tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament biss, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(h)      ‘iffriżar ta’ fondi’ tfisser [kwalunkwe azzjoni għall-]prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lok, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portfolio;

[…]

(j)      ‘iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni ta’ l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitata għalihom, il-bejgħ, il-kiri jew l-użu bħala garanzija [ipoteka] tagħhom”.

12      L-Artikolu 7 tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness IV għandhom ikunu ffriżati. L-Anness IV għandu jinkludi l-persuni, entitajiet u korpi indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà […] jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond il-paragrafu 12 tal-UNSCR 1737 (2006).

[…]

3.      L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jintgħamlu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Annessi IV u V.

4.      Il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom hu, direttament jew indirettament, l-evażjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tiġi pprojbita.”

13      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 423/2007:

“B’deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif indikat fil-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’ garanzija ġuridika, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel it‑23 ta’ Diċembru 2006 jew ta’ sentenza ġuridika, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data.

[…]”

14      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“B’deroga mill-Artikolu 7 u sakemm il-ħlas minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V huwa dovut taħt kuntratt, ftehim jew obbligu li kien konkluż minn, jew irriżulta għall-persuna, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data meta dik il-persuna, entità jew korp kienu maħtura mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kunsill, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif indikati fil-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li:

(i)      il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għall-pagament minn persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV jew V;

(ii)      il-kuntratt, il-ftehim jew l-obbligu mhux ser jikkontribwixxu għall-manifattura, bejgħ, xiri, trasferiment, esportazzjoni, importazzjoni, trasport jew użu ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fl-Annessi I u II; u

(iii)      il-ħlas mhuwiex bi ksur ta’ l-Artikolu 7(3);

(b)      jekk japplika l-Artikolu 7(1), l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b’dik id-determinazzjoni u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol min-notifika; u

(ċ) jekk japplika l-Artikolu 7(2), l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika dik id-determinazzjoni ta’ l-awtorità kompetenti tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li jagħti awtorizzazzjoni lill-Istat Membru l-ieħor u lill-Kummissjoni ta’ l-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.”

15      L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“1.      B’deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif indikati fil-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw, taħt tali kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a)      l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(i)      meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness IV jew V, u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta’ assigurazzjoni, u ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(ii)      maħsuba esklusivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimbors ta’ spejjeż li huma konnessi mal-forniment ta’ servizzi legali; jew

(iii)      maħsuba esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew il-ħlasijiet ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; u

[…]

2.      B’deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif indikati fil-websites elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew id-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm

(a)      jekk l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness IV, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie notifikat dwar din id-determinazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni ġiet approvata minn dak il-Kumitat, u

(b)      jekk l-awtorizzazzjoni tikkonċerna persuna, entità jew korp elenkati fl-Anness V, l-awtorità kompetenti nnotifikat ir-raġunijiet li fuqhom tikkunsidra li awtorizzazzjoni speċifika għandha tingħata lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra ta’ l-Istati Membri u lill-Kummissjoni ta’ l-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.

[…]”

16      Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1747 (2007), il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2007/246/PESK tat‑23 ta’ April 2007 li temenda l-Posizzjoni Komuni 2007/140 (ĠU 2008, L 4M, p. 397).

17      Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 441/2007 tal‑20 ta’ April 2007 li jemenda r-Regolament Nru 423/2007 (ĠU 2008, L 338M, p. 932). Permezz tar-Regolament Nru 441/2007, Bank Sepah ġie inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness IV tar-Regolament Nru 423/2007.

18      Fil‑25 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 961/2010, li permezz tiegħu tħassar ir-Regolament Nru 423/2007. Ir-Regolament Nru 961/2010 tħassar, min-naħa tiegħu, bir-Regolament Nru 267/2012.

19      L-Artikolu 1(h) u (i), u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010 kif ukoll l‑Artikolu 1(j) u (k), u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 267/2012 huma, essenzjalment, identiċi għall-Artikolu 1(h) u (j), u għall-Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 423/2007. Bank Sepah ġie inkluż fil-listi inklużi fl‑Anness VII tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 267/2012.

 Id-dritt Franċiż

 Il-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni

20      L-Artikolu L. 521–1 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni jistipula:

“Is-sekwestru kawtelatorju jista’ jirrigwarda l-beni mobbli kollha, korporali jew mhux korporali, li tappartjeni lid-debitur. Hija tagħmilhom mhux disponibbli. […]”.

21      L-Artikolu L. 522‑1 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Il-kreditur li jkun kiseb jew għandu titolu eżekuttiv li jikkonstata dejn likwidu u dovut jista’ jipproċedi għall-bejgħ tal-beni li jkunu saru mhux disponibbli sal‑ammont tad-dejn tiegħu.”

22      L-Artikolu L. 523‑1 tal-imsemmi kodiċi jiddisponi:

“Meta s-sekwestru jirrigwarda dejn li għandu bħala suġġett somma flus, l-att ta’ sekwestru jagħmilha mhux disponibbli sal-ammont awtorizzat mill-qorti jew, meta din l-awtorizzazzjoni ma tkunx neċessarja, sal-ammont li għalih ikun sar is‑sekwestru. Is-sekwestru jipproduċi l-effetti ta’ depożitu previsti fl‑Artikolu 2350 tal-Kodiċi Ċivili.”

23      Skont l-Artikolu L. 531–1 tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili ta’ Eżekuzzjoni:

“Garanzija ġudizzjarja tista’ tiġi kkostitwita b’mod kawtelatorju fuq l-immobbli, l‑avvjament, l-azzjonijiet, l-ishma u t-titoli finanzjarji.”

24      L-Artikolu L. 531‑2 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-beni suġġetti għal garanzija ġudizzjarja jibqgħu trasferibbli. Il-prezz jitħallas u jiġi ddistribwit fil-kundizzjonijiet stabbiliti b’digriet tal-Conseil d’État [(il-Kunsill tal-Istat)].

Madankollu, fil-każ ta’ bejgħ ta’ titoli finanzjarji mdaħħla f’kont miżmum u amministrat minn intermedjarju awtorizzat, il-prezz jista’ jintuża għall-akkwist ta’ titoli oħrajn li mbagħad jiġu ssurrogati bit-titoli mibjugħa.”

 Il-Kodiċi Ċivili

25      L-Artikolu 2333 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“Il-garanzija hija ftehim li permezz tiegħu min jikkostitwixxih jagħti lil kreditur id-dritt li jitlob li jitħallas bi preferenza fuq il-kredituri l-oħrajn tiegħu fuq beni mobbli jew sensiela ta’ beni mobbli korporali, preżenti jew futuri.

[…]”

26      L-Artikolu 2350 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi:

“Id-depożitu jew id-depożitu ta’ somom, effetti jew valuri, ordnat ġudizzjarjament bħala garanzija jew bħala miżura kawtelatorja, jinvolvi assenjazzjoni speċjali u dritt ta’ preferenza fis-sens tal-Artikolu 2333.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27      Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ April 2007, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi, Franza), ikkundannat lil Bank Sepah iħallas lil Overseas Financial u lil Oaktree Finance s-somom ta’ 2 500 000 dollaru Amerikan (USD) (madwar EUR 1 800 000) u USD 1 500 000 (madwar EUR 1 100 000) rispettivament, flimkien mal-interessi bir-rata legali minn dik id-data.

28      Wara li kisbu ħlasijiet parzjali li saru bejn is-sena 2007 u s-sena 2011, Overseas Financial u Oaktree Finance talbu, fit‑2 ta’ Diċembru 2011, lill-ministre chargé de l’Économie (il-Ministru għall-Ekonomija, Franza) jawtorizza, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 423/2007, ir-rilaxx tas-somma li kienet għadha dovuta. Overseas Financial u Oaktree Finance ppreżentaw rikors għal annullament kontra ċ-ċaħda impliċita tat-talba tagħhom quddiem it-tribunal administratif de Paris (il‑Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza). Din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2013.

29      Fis‑17 ta’ Mejju 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance pprovdew ordnijiet għall-ħlas għall-finijiet ta’ mandat ta’ bejgħ kontra Bank Sepah u mbagħad, fil‑5 ta’ Lulju 2016, għamlu sekwestri ta’ flus u sekwestri ta’ ishma u ta’ titoli finanzjarji minn bank Franċiż. Permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2017, il-qorti ta’ eżekuzzjoni tat-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) ivvalidat dawn is-sekwestri kif ukoll l-ammont tagħhom, inklużi l‑interessi previsti mis-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tas‑26 ta’ April 2007. Għalkemm Bank Sepah qies li huwa kien obbligat iħallas l-ammont prinċipali tas-somom li għalihom huwa kien ġie kkundannat, huwa qies, min-naħa l-oħra, li ma huwiex responsabbli għall-ħlas tal-interessi u, għaldaqstant, ikkontesta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni quddiem dik il-qorti ta’ eżekuzzjoni. Huwa b’mod partikolari sostna li huwa ma setax jinżamm responsabbli għall-interessi, billi qies li kien tqiegħed fl-impossibbiltà li jħallas id‑dejn tiegħu b’każ ta’ forza maġġuri li jirriżulta mill-iffriżar tal-assi tiegħu permezz tar-Regolament Nru 423/2007, li konsegwentement wassal għas‑sospensjoni ta’ dawn l-interessi.

30      Peress li dan l-argument ġie miċħud mill-imsemmija qorti ta’ eżekuzzjoni, Bank Sepah appella. Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ċaħdet dan l-appell għar-raġuni li l-indisponibbiltà provviżorja tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ Bank Sepah ma kellhiex effett fuq l-okkorrenza tal-interessi.

31      Barra minn hekk, dik il-qorti rrilevat, minn naħa, li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin kien japplika għaċ-ċirkustanzi tal-każ u, min-naħa l-oħra, li xejn ma kien jipprojbixxi lil Overseas Financial u lil Oaktree Finance milli jwettqu miżuri ta’ eżekuzzjoni kawtelatorji, li setgħu jinterrompu din il-preskrizzjoni. Peress li tali miżuri ma kinux ġew adottati qabel l-ordnijiet ta’ ħlas tas‑17 ta’ Mejju 2016, l-interessi li Overseas Financial u Oaktree Finance setgħu jitolbu kellhom, konsegwentement, ikunu limitati għal dawk li okkorrew mis‑17 ta’ Mejju 2011, jiġifieri ħames snin qabel dawn l-ordnijiet.

32      Kemm Bank Sepah kif ukoll Overseas Financial u Oaktree Finance appellaw fil‑kassazzjoni quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza). Overseas Financial u Oaktree Finance jikkontestaw, b’mod partikolari, il-parti tal‑imsemmija sentenza ta’ appell dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-interessi.

33      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk Overseas Financial u Oaktree Finance setgħux jinterrompu l-preskrizzjoni billi japplikaw miżura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni forzata fuq l-assi ffriżati ta’ Bank Sepah.

34      Dik il-qorti tirrileva li la r-Regolament Nru 423/2007 u lanqas ir-Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 ma jinkludu projbizzjoni espressa għal kreditur milli jieħu miżura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni forzata. Fid-dawl tad‑definizzjonijiet mogħtija lill-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” f’dawn l-atti, ma jistax jiġi eskluż li miżuri li ma jaqgħu taħt ebda waħda mill-projbizzjonijiet imsemmija minn dawn id-definizzjonijiet jistgħu jiġu implimentati fuq assi ffriżati.

35      B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li jittieħdu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, miżuri li ma għandhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill‑patrimonju, bħall-garanziji ġudizzjarji u s-sekwestri kawtelatorji. Fil-fatt, minn naħa, garanzija ġudizzjarja, kemm jekk tkun ikkostitwita fuq proprjetà immobbli, jiġifieri ipoteka, fuq fond ta’ negozju jew fuq ishma u fuq titoli finanzjarji, jiġifieri bi pleġġ, ma tkun iġġib l-ebda obbligu għas-sid tal-beni jew tad-drittijiet ikkonċernati li jittrasferixxihom u ma tkunx taffettwa d-dritt tiegħu li jagħżel il-persuna li jittrasferixxihom lilha. L-uniku effett tagħha jkun li, fil-każ ta’ trasferiment tal-beni jew tad-drittijiet li fuqhom hija kkostitwita, id-dejn ta’ min ikun għamel tali garanzija għandu jitħallas bi prijorità permezz tal-prezz tat‑trasferiment. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda s-sekwestri kawtelatorji, dawn ukoll ma jkollhomx effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, sa fejn il-beni, id-djun u d-drittijiet maqbuda jibqgħu fil-patrimonju tad-debitur, u jipproduċu l‑effetti ta’ depożitu li għandu bħala konsegwenza assenjazzjoni speċjali u dritt ta’ preferenza skont il-kodiċi ċivili.

36      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali miżuri għandhomx bħala effett modifika tad-“destinazzjoni” tal-fondi li huma s-suġġett tagħhom, fis-sens tad‑definizzjoni tal-kunċett ta’ “iffriżar ta’ fondi”, jew, b’mod iktar ġenerali, jekk dawn jistgħux jippermettu “użu” tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ffriżati, fis-sens tar-Regolamenti Nri 423/2007, 961/2010 u 267/2012. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, iċ‑ċirkustanza li l-kawża tad-dejn ma tkunx relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u tkun preċedenti għall-iffriżar tal-assi tal-Bank Sepah hijiex rilevanti.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu (1)(h) u (j) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament […] Nru 423/2007, l-Artikolu 1(i) u (h) u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament […] 961/2010 kif ukoll l-Artikolu (1)(k) u (j) u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament […] Nru 267/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprekludu li tiġi implimentata fir-rigward ta’ assi ffriżati, miżura li ma għandhiex effett ta’ ħruġ ta’ assi mill-patrimonju, bħal garanzija ġudizzjarja jew sekwestru kawtelatorju, li huma previsti mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili […] ta’ Eżekuzzjoni?

2)      Il-fatt li l-bażi tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-assi tagħha huma ffriżati ma huwiex relatat mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u huwa preċedenti għar-Riżoluzzjoni […] 1737 (2006) […] huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

38      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, moqri flimkien mal‑Artikolu 1(h) u (j) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 961/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (i) ta’ dan ir-regolament tal‑aħħar, u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 267/2012, moqri flimkien mal‑Artikolu 1(j) u (k) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li jsiru, fuq fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti, miżuri kawtelatorji li jistabbilixxu, favur il-kreditur ikkonċernat, dritt li jitħallas bi prijorità meta mqabbel mal-kredituri l-oħrajn, anki jekk tali miżuri ma għandhomx l-effett li joħorġu beni mill-patrimonju tad-debitur.

39      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 iċċitati fil-punt preċedenti huma, essenzjalment, identiċi għall-Artikolu 1(h) u (j) u għall-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 423/2007, il-kunsiderazzjonijiet dwar id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament tal-aħħar japplikaw ukoll għad-dispożizzjonijiet tal-ewwel żewġ regolamenti.

40      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 jipprevedi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma l-proprjetà ta’, huma miżmuma jew huma kkontrollati mill-persuni, entitajiet u korpi elenkati fl‑Anness IV ta’ dan ir-regolament, għandhom ikunu ffriżati.

41      Il-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” huma ddefiniti rispettivament fl-Artikolu 1(h) u fl-Artikolu 1(j) ta’ dan ir-regolament.

42      L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 423/2007 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “iffriżar ta’ fondi” bħala “[kwalunkwe azzjoni għall-]prevenzjoni ta’ kwalunkwe moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, fl-ammont, fil-lok, fid‑dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti l-użu tal-fondi, inkluża l-amministrazzjoni ta’ portfolio”.

43      Minn din id-definizzjoni jsegwi li l-iffriżar ta’ fondi huwa intiż li jillimita kemm jista’ jkun l-operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fuq fondi ffriżati, kif jixhdu n‑numru kbir ta’ sitwazzjonijiet imsemmija u l-użu tat-terminu “kwalunkwe”. Fir‑rigward tal-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan li dawn l-operazzjonijiet jiġu limitati, dawn huma wkoll iddefiniti b’mod estensiv mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

44      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw ukoll f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa ddefinit, fl‑Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 423/2007, bħala “il-prevenzjoni ta’ l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inklużi, iżda mhux limitata għalihom, il-bejgħ, il-kiri jew l-użu bħala garanzija [ipoteka] tagħhom”.

45      Minn dan isegwi li l-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” previsti mir-Regolament Nru 423/2007 huma ddefiniti b’mod wiesa’ ħafna.

46      Fir-rigward ta’ miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxu, għall-benefiċċju tal-kreditur ikkonċernat, dritt li jitħallas bi prijorità meta mqabbel mal-kredituri l-oħrajn, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil‑punti 55 sa 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali miżuri għandhom bħala effett bidla fid-destinazzjoni tal-fondi ffriżati u huma ta’ natura li jippermettu użu tar‑riżorsi ekonomiċi ffriżati sabiex jinkisbu fondi, beni jew servizzi.

47      Minn dan isegwi li tali miżuri jaqgħu taħt il-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” fis-sens tal-Artikolu 1(h) u (j) u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007.

48      Iċ-ċirkustanza li tali miżuri ma għandhomx l-effett li joħorġu beni mill-patrimonju tad-debitur ma tistax tqiegħed inkwistjoni din il-konklużjoni.

49      Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ “iffriżar ta’ fondi” jinkludi kull użu ta’ fondi li għandu bħala konsegwenza, b’mod partikolari, bidla fid-destinazzjoni ta’ dawn il‑fondi, anki jekk tali użu tal-fondi ma għandux l-effett li joħroġ beni mill‑patrimonju tad-debitur.

50      Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”, dan isemmi, bħala eżempju, l-użu ta’ riżorsi ekonomiċi permezz tat-tqegħid tagħhom taħt ipoteka. Issa, tali miżura ma għandhiex l-effett li toħroġ beni mill-patrimonju tad-debitur.

51      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-definizzjonijiet stess tal-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” jirrigwardaw b’mod partikolari miżuri li ma għandhomx bħala effett li joħorġu beni mill-patrimonju tad-debitur.

52      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet tar-Regolament Nru 423/2007, li jimplimenta miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 423/2007 jiżgura, skont il-premessa 3 tiegħu, l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2007/140, adottata sabiex jintlaħqu fl-Unjoni Ewropea l-għanijiet tar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) u għalhekk huwa intiż li jimplimenta din tal-aħħar. Għaldaqstant, hemm lok li t-test u l-għan tal-imsemmija riżoluzzjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 43).

54      Issa, mill-kliem kemm tar-Riżoluzzjoni 1737 (2006), b’mod partikolari mill‑punti 2 u 12 tagħha, kif ukoll mill-Pożizzjoni Komuni 2007/140, b’mod partikolari mill-premessi 1 u 9 tagħha, isegwi li l-miżuri restrittivi adottati kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran għandhom għan preventiv fis-sens li huma intiżi li jipprekludu riskju ta’ proliferazzjoni nukleari f’dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 44).

55      Il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi huma intiżi konsegwentement sabiex jevitaw li l-assi kkonċernati minn miżura ta’ ffriżar jintużaw sabiex jinkisbu fondi, beni jew servizzi li jistgħu jikkontribwixxu għall-proliferazzjoni nukleari fl-Iran, li kontriha huma intiżi li jiġġieldu r-Riżoluzzjoni 1737 (2006), il‑Pożizzjoni Komuni 2007/140 u r-Regolament Nru 423/2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, EU:C:2011:874, punt 46).

56      Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, mhux biss huwa leġittimu, iżda wkoll indispensabbli li d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” jingħataw interpretazzjoni wiesgħa għaliex għandu jiġi prekluż kull użu tal-assi ffriżati li jippermetti li jiġu evitati r-regolamenti inkwistjoni u li jiġu sfruttati n-nuqqasijiet tas-sistema.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (j) ta’ dan ir-regolament, jipprekludi li jitwettqu fuq assi ffriżati miżuri kawtelatorji li jistabbilixxu, favur il‑kreditur ikkonċernat, dritt li jitħallas bi prijorità meta mqabbel mal-kredituri l‑oħrajn, anki jekk tali miżuri ma għandhomx l-effett li joħorġu beni mill‑patrimonju tad-debitur.

58      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 jistabbilixxi l-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni u tal-entitajiet indikati wkoll fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, awtorizzazzjoni minn qabel tista’ madankollu tingħata mill-awtorità nazzjonali kompetenti konformement mad-derogi previsti fl-Artikoli 8 sa 10 ta’ dan ir‑regolament, sakemm il-kundizzjonijiet li huma jeżiġu jkunu ssodisfatti.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (j) ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 961/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (i) ta’ dan ir-regolament tal‑aħħar, u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 267/2012, moqri flimkien mal‑Artikolu 1(j) u (k) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li jsiru, fuq fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fil‑kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti, miżuri kawtelatorji li jistabbilixxu, favur il-kreditur ikkonċernat, dritt li jitħallas bi prijorità meta mqabbel mal‑kredituri l-oħrajn, anki jekk tali miżuri ma għandhomx l-effett li joħorġu beni mill-patrimonju tad-debitur.

 Fuq it-tieni domanda

60      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iċ-ċirkustanza li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħha huma ffriżati ma tkunx relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall‑ewwel domanda.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “iffriżar ta’ fondi” u ta’ “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi”, inklużi fl-Artikolu 1(h) u (j) tar‑Regolament Nru 423/2007 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tar‑Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012, ma jistabbilixxux distinzjoni skont il‑kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l-entità suġġetta għall-miżuri restrittivi.

62      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 423/2007 u d‑dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolamenti Nri 961/2010 u 267/2012 lanqas ma jiddistingwu, fil-każ ta’ ffriżar ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi, skont il-kawża ta’ dan id-dejn.

63      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dawn iċ‑ċirkustanzi għandha tiġi evalwata l-possibbiltà li tiġi implimentata miżura fuq assi ffriżati skont biss l-effetti legali li hija tinvolvi, u mhux skont il-kawża tad‑dejn marbut ma’ din il-miżura.

64      Għandu jiżdied li l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007, li jipprevedu u jispeċifikaw il-kundizzjonijiet limitattivi li fihom ċerti miżuri li l-effett tagħhom huwa kuntrarju għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ma jagħmlux riferiment għal sitwazzjonijiet li fihom il-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat ma tkunx relatata mal-programm nukleari u ballistiku Iranjan u preċedenti għar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006).

65      Barra minn hekk, jekk iċ-ċirkustanza li l-kawża tad-dejn ma hijiex relatata ma’ dan il-programm u preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, ikollha tiġi stabbilita, f’kull każ inkwistjoni, l-eżistenza ta’ tali ċirkustanza, li tkun timplika riskji reali ta’ evażjoni tal-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi u tkun tqiegħed lill-Istati Membri quddiem problemi delikati ta’ implimentazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, Möllendorf u Möllendorf‑Niehuus, C‑117/06, EU:C:2007:596, punt 58).

66      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-importanza tal-għanijiet imfittxija minn att tal-Unjoni li jistabbilixxi sistema ta’ miżuri restrittivi hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi, inklużi għal dawk li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas‑sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati, iżda li jinsabu affettwati b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 361 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li ċ-ċirkustanza li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand il-persuna jew l‑entità li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħha huma ffriżati hija estranja għall‑programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar‑Riżoluzzjoni 1737 (2006) ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall‑ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (j) tar-Regolament Nru 423/2007, lArtikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar irRegolament (KE) Nru 423/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 1(h) u (i) tar-Regolament Nru 961/2010, u l-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament Nru 267/2012, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li jsiru, fuq fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità nazzjonali kompetenti, miżuri kawtelatorji li jistabbilixxu, favur ilkreditur ikkonċernat, dritt li jitħallas bi prijorità meta mqabbel malkredituri l-oħrajn, anki jekk tali miżuri ma għandhomx l-effett li joħorġu beni mill-patrimonju tad-debitur.

2)      Iċ-ċirkustanza li l-kawża tad-dejn li għandu jiġi rkuprat mingħand ilpersuna jew l-entità li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħha huma ffriżati hija estranja għall-programm nukleari u ballistiku Iranjan u hija preċedenti għar-Riżoluzzjoni 1737 (2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat23 ta’ Diċembru 2006 ma hijiex rilevanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.