Language of document : ECLI:EU:T:2022:253

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ April 2022 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorji tal-Istati Membri – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi tal-persuni kkonċernati – Prova tal-fondatezza tal-inklużjoni u taż-żamma fil-listi – Kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi”

Fil-Kawża T‑108/21,

Ferdinand Ilunga Luyoyo, residenti f’Kinshasa (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), irrappreżentat minn T. Bontinck, P. De Wolf, A. Guillerme u T. Payan, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-C. Cadilhac u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn R. da Silva Passos (Relatur), President, I. Reine u L. Truchot, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat li ma kienx hemm talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent Ferdinand Ilunga Luyoyo, jitlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2033 tal‑10 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2020, L 419, p. 30), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2021 tal‑10 ta’ Diċembru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2020, L 419, p. 5) (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Ilkuntest talmiżuri restrittivi

2        Ir-rikorrent huwa ċittadin tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo li kellu, fi ħdan il-pulizija nazzjonali Kongoliża (PNC), il-funzjonijiet ta’ Kmandant tal-Légion Nationale d’Intervention (LNI), u sussegwentement Kmandant tal-Unità Responsabbli għall-Protezzjoni tal-Istituzzjonijiet u l-Uffiċjali ta’ Livell Għoli (UPIHP).

3        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi imposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tiġi stabbilita paċi sostenibbli fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-eżerċizzju ta’ pressjonijiet fuq il-persuni u entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi impost fuq dan l-Istat.

 Ilmiżuri adottati millUnjoni b’mod awtonomu

4        Fit‑18 ta’ Lulju 2005, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikoli 60, 301 u 308 KE, ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005, li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo ta’ l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU 2008, L 352M, p. 231).

5        Fl‑20 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (ĠU 2010, L 336, p. 30).

6        Fis‑17 ta’ Ottubru 2016, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li fihom, qabel kollox, huwa indika t-tħassib serju tal-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, aggravata bl-“atti ta’ vjolenza estrema li [seħħew] fid‑19 u fl‑20 ta’ Settembru 2016, b’mod partikolari f’Kinshasa [(ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo)]”, u fakkar “ir-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet [tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo] fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Imbagħad, il-Kunsill indika li, sabiex tiġi żgurata klima favorevoli għad-djalogu u għall-elezzjonijiet, il-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo għandu jimpenja ruħu b’mod ċar li jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-dritt jiġu rrispettati u għandu jwaqqaf kull użu tas-sistema tal-ġustizzja bħala għodda politika. Barra minn hekk, huwa indika li l-Unjoni kienet qiegħda titlob ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha u għat-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji politikament immotivati kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili kif ukoll għar-riabilitazzjoni ta’ persuni vittmi ta’ sentenzi politiċi, qabel ma ppreċiża li l-projbizzjoni tal-manifestazzjonijiet paċifiċi, tal-intimidazzjoni u tal-fastidju kontra l-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-midja ma kinux jippermettu li tiġi ppreparata tranżizzjoni paċifika u demokratika. Fl-aħħar nett, il-Kunsill sostna wkoll li “l-[Unjoni] [kienet] lesta li tuża l-mezzi kollha disponibbli għaliha, inkluż miżuri restrittivi individwali kontra dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, dawk li jippromwovu l-vjolenza u dawk li jippruvaw joħolqu xkiel għal soluzzjoni kunsenswali u paċifika għall-kriżi li tirrispetta l-aspirazzjoni tal-poplu Kongoliż li jeleġġi r-rappreżentanti tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2231 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2016, L 336 I, p. 7).

8        Fl-istess data, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) 2016/2230 li jemenda r-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2016, L 336 I, p. 1).

9        Il-premessi 2 sa 4 tad-Deċiżjoni 2016/2231 jirriproduċu l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fis‑17 ta’ Ottubru 2016 kif imsemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq.

10      Fis‑6 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li fihom, qabel kollox, huwa indika t-tħassib tal-Unjoni dwar is-sitwazzjoni politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ipprovokata b’mod partikolari mis-sitwazzjoni tas-sigurtà f’diversi reġjuni tal-pajjiż, suġġetti għal użu sproporzjonat tal-forza. Sussegwentement, il-Kunsill ippreċiża, wara li kkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li l-ġlieda kontra l-impunità kienet waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għal tranżizzjoni paċifika u stabilizzazzjoni sostenibbli tal-pajjiż. Fl-aħħar nett, il-Kunsill indika li l-Unjoni kienet tiddeplora l-ħolqien ta’ punti ta’ vjolenza fit-tliet provinċji tal-Kasaï u fil-Kongo Central (ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) u kienet inkwetata dwar informazzjoni li turi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju mwettaq mill-milizzja lokali f’Kasaï, b’mod partikolari r-reklutaġġ u l-użu illegali ta’ tfal suldati kif ukoll ta’ qtil ta’ persuni ċivili minn membri tal-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li setgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra fid-dawl tad-dritt nazzjonali.

11      Fid‑29 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi b’mod partikolari tal-Artikolu 31(2) TUE u tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2017/905, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2017, L 138 I, p. 6). Fl-istess data, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/904, li jimplimenta l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2017, L 138 I, p. 1).

 Kriterji applikati għalladozzjoni talmiżuri restrittivi kontra rRepubblika Demokratika talKongo

12      L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprevedi dan li ġej:

“Il-miżuri restrittivi kif previst fl-Artikoli 4(1) u 5(1) u (2) għandhom jiġu imposti kontra persuni u entitajiet:

(a)      li jkunu qed jimpedixxu soluzzjoni kunsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo], inkluż b’atti ta’ vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-istat tad-dritt;

(b)      involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo];

(c)      assoċjati ma’ dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b),

kif elenkat fl-Anness II.”

13      L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, tal-persuni msemmijin fl-Artikolu 3”.

14      Skont l-Artikolu 5(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, huwa previst dan li ġej:

“1.      Il-fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3 jew li huma miżmuma minn entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif identifikat fl-Anness I u II, għandhom jiġu ffriżati.

2.      Ebda fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 jew għall-benefiċċju tagħhom.”

15      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1183/2005, l-Artikolu 2b(1) ta’ dan tal-aħħar, kif emendat bir-Regolament 2016/2230, jipprevedi dan li ġej:

“L-Anness Ia għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kunsill għal kwalunkwe raġuni minn dawn:

(a)      li jostakolaw soluzzjoni konsenswali u paċifika lejn elezzjonijiet fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo], inkluż b’atti ta’ vjolenza, repressjoni jew inċitament għall-vjolenza, jew billi jdgħajfu l-[I]stat tad-dritt;

(b)      li jippjanaw, jidderġu jew iwettqu atti li jikkostitwixxu ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo];

(c)      li huma assoċjati ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-punti (a) u (b).”

16      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1183/2005, kif emendat bir-Regolament 2016/2230, huwa previst dan li ġej:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew Anness Ia inkluż minn parti terza li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia jew għall-benefiċċju tagħhom.”

 Tul inizjali talapplikazzjoni talmiżuri restrittivi

17      Skont l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni 2010/788, kif emendat bid-Deċiżjoni 2016/2231, “[i]l-miżuri msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom japplikaw sat‑12 ta’ Diċembru 2017” u “[g]ħandhom jiġġeddu, jew jiġu emendati kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħhom ma jkunux intlaħqu”.

 Inklużjoni inizjali ta’ isem irrikorrent fillisti talpersuni suġġetti għallmiżuri restrittivi

18      Permezz tad-Deċiżjoni 2016/2231 u tar-Regolament 2016/2230, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi tal-persuni u tal-entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788 u fl-Anness Ia tar-Regolament Nru 1183/2005 (iktar ’il quddiem, imsejħa flimkien, il-“listi kontenzjużi”).

19      Il-Kunsill iġġustifika tali inklużjoni bil-motivi li ġejjin:

“Bħala Kmandant tal-korp għal kontra l-irvellijiet[, LNI], tal-[PNC], Ferdinand Ilunga Luyoyo kien responsabbli għall-użu sproporzjonat ta’ forza u repressjoni vjolenti f’Settembru 2016 f’Kinshasa. F’din il-kapaċità, Ferdinand Ilunga Luyoyo kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo].”

20      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑143/17, essenzjalment intiż għall-annullament tar-Regolament 2016/2230 sa fejn dak l-att kien jikkonċernah. Il-kawża tħassret mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali b’digriet tas-7 ta’ Diċembru 2018, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑143/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:987), wara r-rinunzja tar-rikorrent.

 Lewwel tliet estensjonijiet talmiżuri restrittivi imposti fuq irrikorrent

21      Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2282 tal‑11 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2017, L 328, p. 19), il-miżuri restrittivi applikati fil-konfront tar-rikorrent inżammu, għall-istess motivi, sat‑12 ta’ Diċembru 2018.

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑166/18l intiż kontra d-Deċiżjoni 2017/2282 sa fejn dik id-deċiżjoni kienet tikkonċernah. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑166/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:50).

23      Fl‑10 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1940, li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2018, L 314, p. 47), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1931, li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2018, L 314, p. 1). Permezz ta’ dawn l-atti, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi nżammet sat‑12 ta’ Diċembru 2019. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienu ġew aġġornati sabiex tiżdied dikjarazzjoni li tgħid li, “[f’]Lulju 2017, Ferdinand Ilunga Luyoyo [kien i]nħatar Kmandant tal-[UPIHP] [fi ħdan il-PNC]”.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑124/19, kontra d-Deċiżjoni 2018/1940 u kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1931, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑124/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:63).

25      Fid‑9 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/2109, li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2019, L 318, p. 134), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2101, li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1183/2005 (ĠU 2019, L 318, p. 1). Permezz ta’ dawn l-atti, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi nżammet sat‑12 ta’ Diċembru 2020. Il-Kunsill aġġorna r-raġunijiet għal tali inklużjoni billi żied, wara r-riferiment għall-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-UPIHP, id-dikjarazzjoni li, “[m]inħabba r-rwol tiegħu, huwa [kien] responsabbli għall-ksur reċenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-PNC”.

26      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent id-Deċiżjoni 2019/2109 u ppreċiża li, fil-każ li kien jixtieq jippreżenta osservazzjonijiet ġodda, dawn kellhom jintbagħtu qabel l‑1 ta’ Settembru 2020.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2020, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T‑101/20, kontra d-Deċiżjoni 2019/2109 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2101, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑101/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:575).

 Eżami millġdid

28      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ġunju 2020, l-avukati tar-rikorrent ippreżentaw quddiem il-Kunsill talba għal aċċess għall-fajl u talbu l-posponiment, fl-1 ta’ Ottubru 2020, tad-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni ta’ elementi insostenn ta’ talba għal eżami mill-ġdid tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

29      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill informa lill-avukati tar-rikorrent li huwa laqa’ t-talba tagħhom għal posponiment għall‑1 ta’ Ottubru 2020 tad-data ta’ skadenza għat-tressiq ta’ talba għal eżami mill-ġdid.

30      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill ikkomunika lill-avukati tar-rikorrent tmien dokumenti tax-xogħol.

31      Fl‑1 ta’ Ottubru 2020, l-avukati tar-rikorrent formalment bagħtu lill-Kunsill talba għal eżami mill-ġdid, li fiha huma sostnew fost oħrajn li huwa kien wettaq żball ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, huma enfasizzaw li l-funzjonijiet tar-rikorrent kienu evolvew, peress li ma kien għadu jeżerċita ebda funzjoni effettiva fil-pulizija Kongoliża sa minn Diċembru 2019, minkejja li għad għandu l-grad ta’ ġeneral u s-salarju relatat, u li, matul is-sena 2020, huwa ma kellu ebda funzjoni jew ma kien involut fl-ebda azzjoni politika, militari jew amministrattiva tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, filwaqt li jeżerċita privatament il-mandat ta’ President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing.

32      Annessi ma’ ittra indirizzata lill-avukati tar-rikorrent fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill ikkomunikalhom erba’ dokumenti tax-xogħol dwar l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi.

33      Fl-ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill indika li dawn l-elementi kienu wassluh sabiex jikkunsidra li jaġġorna l-espożizzjoni tal-motivi li tikkonċerna lir-rikorrent filwaqt li ppreċiża li huwa kien kmandant tal-UPIHP “sa Diċembru 2019” u żied ukoll id-dikjarazzjoni li tgħid li huwa “[kien] żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral u [kien] baqa’ attiv fix-xena pubblika [fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo]”.

34      Il-Kunsill ippreċiża wkoll li, fil-każ fejn ir-rikorrent ikun jixtieq jippreżenta osservazzjonijiet ġodda, dawn għandhom jintbagħtu qabel l‑20 ta’ Novembru 2020.

35      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Novembru 2020 indirizzata lill-Kunsill, l-avukati tar-rikorrent ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq id-dokumenti msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, billi sostnew li ebda wieħed minnhom ma kien jiġġustifika l-estensjoni tal-miżuri inkwistjoni. B’mod partikolari, huma rrilevaw li għalkemm wieħed mill-elementi prodotti mill-Kunsill fl-anness tal-ittra tiegħu tat‑30 ta’ Ottubru 2020 kien jirreferi għall-funzjoni l-ġdida tar-rikorrent bħala l-president tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing, huma kienu jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan il-motiv sabiex jiġġustifika l-konferma aġġornata tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi.

 Irraba’ estensjoni talmiżuri restrittivi imposti fuq irrikorrent

36      Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta l-atti kkontestati, li permezz tagħhom l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi nżammet sat‑12 ta’ Diċembru 2021, u l-espożizzjoni tal-motivi għal tali inklużjoni issa kienet taqra kif ġej:

“Bħala Kmandant tal-unità kontra l-irvellijiet imsejħa Légion Nationale d’Intervention tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNC) sal-2017, u Kmandant tal-unità responsabbli għall-protezzjoni tal-istituzzjonijiet u l-uffiċjali ta’ livell għoli fil-PNC sa Diċembru 2019, Ferdinand Ilunga Luyoyo kien responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza u r-repressjoni vjolenti f’Settembru 2016 f’Kinshasa, u għandu r-responsabbiltà għall-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-PNC.

Ferdinand Ilunga Luyoyo kien għalhekk involut fl-ippjanar, id-direzzjoni, jew it-twettiq ta’ atti li jikkostitwixxu ksur jew abbuż serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK.

Ferdinand Ilunga Luyoyo żamm il-grad tiegħu ta’ Ġeneral u għadu attiv fix-xena pubblika fir-RDK.”

37      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrent id-Deċiżjoni 2020/2033 filwaqt li fakkar li s-sitwazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem kienu għadhom għaddejjin.

38      F’din l-istess ittra, il-Kunsill ippreċiża li s-sitwazzjoni tar-rikorrent, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, kienet tiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, sa fejn, “bħala Kmandant tal-unità kontra l-irvellijiet tal-PNC sal-2017, u Kmandant tal-[UPIHP] fil-PNC sa Diċembru 2019, [huwa kien] responsabbli għall-użu sproporzjonat tal-forza u għar-repressjoni vjolenti f’Settembru 2016 f’Kinshasa u [kellu] responsabbiltà fil-ksur sussegwenti tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-PNC” u li, “[m]inkejja li ma [kienx] għad għandu pożizzjoni fil-PNC[,] huwa [kien] żamm il-grad tiegħu ta’ [Ġ]eneral u […] [kien] baqa’ attiv fix-xena politika fir-[Repubblika Demokratika tal-Kongo], bħalma [kienu] juru d-dokumenti li [kienu] ġew trażmessi [lilu]”

39      Il-Kunsill żied jgħid li, fil-każ li r-rikorrent xtaq jippreżenta osservazzjonijiet ġodda, dawn kellhom jintbagħtu qabel l‑1 ta’ Settembru 2021.

 Ittalbiet talpartijiet

40      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2021, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. Huwa jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

41      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tal-atti kkontestati, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/2033 “sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/2021”;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Iddritt

42      Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-annullament tal-atti kkontestati, ir-rikorrent iqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ u, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv l-ewwel.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni

43      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent jinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kuntest tal-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni demokratika u politika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qabel it-tiġdid tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jikkontesta, essenzjalment, il-fondatezza tal-atti kkontestati sa fejn iżommu l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, filwaqt li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, huwa ma setax jitqies li kien involut fi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

45      Minn naħa, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill talli żamm l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi għal fatti li seħħew fil-passat u minħabba funzjonijiet li huwa ma kienx għad għandu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, bi ksur tal-kriterju ta’ inklużjoni, redatt fil-preżent.

46      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, sa minn meta telaq mil-LNI tal-PNC fl‑2017, huwa ma għandu ebda funzjoni ta’ kmandant fil-PNC u li, sa minn Diċembru 2019, huwa ma għadux il-Kmandant tal-UPIHP. Huwa jenfasizza li, għalkemm żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral, huwa madankollu ma għadu jeżerċita ebda funzjoni pubblika partikolari.

47      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jikkontesta l-elementi kkunsidrati mill-Kunsill li jirreferu għall-funzjoni tiegħu ta’ President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing, sa fejn tali funzjoni, li huwa jeżerċita privatament, ma tippermettix li jitqies li huwa għandu involut f’atti li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ miżuri restrittivi kontrih. B’mod partikolari, ir-rikorrent jikkontesta r-rilevanza u l-valur probatorju, minħabba l-partiġjaniżmu tal-awtur, ta’ artiklu datat it‑8 ta’ Ottubru 2020 u ppubblikat fuq is-sit internet “desc-wondo.org”, li minnu jirriżulta li huwa għad għandu influwenza politika minħabba din il-funzjoni.

48      Il-Kunsill isostni li l-għanijiet tal-miżuri restrittivi, li jinkludu b’mod partikolari s-sostenn għall-Istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, ma kinux intlaħqu fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, b’mod partikolari minħabba l-fatt li ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-aġenti tal-PNC kien kompla matul il-perijodu tal-eżami mill-ġdid inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa jsostni li r-reġim immexxi mill-ex President inbidel biss parzjalment fl‑2019, bil-ħatra tal-President il-ġdid tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u li din is-sitwazzjoni politika kompliet matul is-sena 2020. Huwa jenfasizza wkoll li r-rikorrent ma jipproduċix provi jew indizji li jistabbilixxu li huwa ħa pożizzjoni li titbiegħed mir-reġim l-antik. Għalhekk, huwa jqis, fl-assenza ta’ bidla suffiċjentement profonda tal-kuntest politiku u ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, li kien rilevanti li wieħed jibbaża ruħu fuq il-pożizzjoni attwali tar-rikorrent, sabiex tiġi evalwata l-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li ddeterminaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi u n-neċessità li jinżammu sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom.

49      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li, minkejja li r-rikorrent waqaf jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-UPIHP minn Diċembru 2019, wara li ġie sospiż minħabba l-involviment tiegħu f’fatti ta’ vjolenza u ta’ aggressjoni fil-konfront ta’ avukat, huwa żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral u għadu attiv fuq ix-xena pubblika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b’mod partikolari minħabba l-funzjoni l-ġdida tiegħu bħala l-President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing, li hija ferm ippolitiċizzata u li tippermettilu jkollu konnessjonijiet mill-qrib mal-politikanti li jmexxu l-pajjiż.

50      Il-Kunsill jassoċja dawn il-konstatazzjonijiet mal-fatt li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien waqaf biss f’Diċembru 2019, jiġifieri bilkemm sena qabel tali adozzjoni, milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant tal-UPIHP, u li barra minn hekk kien involut f’atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem f’Settembru 2016 u f’dawk ulterjorment imwettqa mill-PNC, kif ukoll f’fatti ta’ vjolenza f’Diċembru 2019. Huwa jqis għalhekk li seta’ leġittimament jikkonkludi li l-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent għandhom jinżammu sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dawn tal-aħħar u li huwa kellu provi konkordanti u affidabbli li jippermettulu jislet, fir-rigward tar-rikorrent, il-konklużjonijiet, aġġornati, inklużi fl-atti kkontestati.

51      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

52      Huwa l-obbligu tal-Kunsill, fil-każ ta’ kontestazzjoni, li jistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u mhux għal din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 66).

53      Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li l-Kunsill jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li jkun intalab l-annullament tiegħu. Madankollu huwa importanti li l-informazzjoni u l-provi prodotti jsostnu l-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 67).

54      L-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentment soda tal-bażi fattwali meqjusa mill-Kunsill għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġa min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Badica u Kardiam vs Il‑Kunsill, T‑619/15, EU:T:2017:532, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi għandhom natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 58 u 59).

56      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill seta’ jiddeċiedi li jżomm fil-listi kontenzjużi ismijiet il-persuni filwaqt li jżomm ir-raġunijiet relatati ma’ fatti fil-passat u meqjusa f’deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernawhom, mingħajr ma l-persuni inkwistjoni jkunu wettqu ksur ġdid tad-drittijiet tal-bniedem matul il-perijodu ta’ qabel ir-reviżjoni, sakemm din iż-żamma tibqa’ ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma kinux intlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata)

57      F’dan il-każ, mill-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2016/2231 jirriżulta li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kontra ċerti kategoriji ta’ persuni, u b’mod partikolari ta’ dawk li jikkontribwixxu għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, kellhom b’mod partikolari l-għan li jippermettu stabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo billi jinċentivaw lill-Gvern jiżgura klima favorevoli għad-djalogu demokratiku, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Istat tad-dritt u sabiex jiġi evitat kull użu tas-sistema tal-ġustizzja bħala għodda politika, sabiex ikunu jistgħu jitressqu quddiem qorti indipendenti l-atturi ta’ ksur serju għal dawn id-drittijiet (ara l-punti 6 sa 11 iktar ’il fuq). Għal dan il-għan, huma kienu intiżi sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-persuni miżmuma responsabbli għall-instabbiltà tas-sitwazzjoni ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

58      Huwa għalhekk li isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi kontenzjużi, permezz tad-Deċiżjoni 2016/2231 u tar-Regolament 2016/2230, minħabba, essenzjalment, li huwa kellu l-funzjonijiet ta’ kmandant tal-LNI, unità tal-PNC involuta f’użu sproporzjonat tal-forza u tar-repressjoni vjolenti ta’ manifestazzjonijiet li nżammu f’Kinshasa f’Settembru 2016. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat in-natura stabbilita ta’ dawn il-motivi fis-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2020, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑166/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:50, punti 87 sa 136), u tat‑3 ta’ Frar 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill (T‑124/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:63, punti 96 sa 144), dwar, l-ewwel u t-tieni estensjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, rispettivament.

59      Barra minn hekk, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2019/2109 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/2101, li jirrigwarda t-tielet estensjoni tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill żied mal-espożizzjoni tal-motivi ta’ tali inklużjoni d-dikjarazzjoni li r-rikorrent, li minn Lulju 2017 sar kmandant tal-UPIHP fil-PNC, kellu responsabbiltà fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-PNC fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fir-rikors li jikkonċerna dawn l-atti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien stabbilixxa b’mod suffiċjenti rabta bejn ir-rikorrent u tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑101/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:575, punti 156 sa 160).

60      Fl-atti kkontestati, li kliemhom huwa riprodott fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-Kunsill ikompli jirreferi għall-fatti deskritti fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq u relatati mal-involviment tar-rikorrent fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem minħabba l-funzjonijiet tiegħu ta’ kmandant, l-ewwel tal-LNI sal-2017, u mbagħad tal-UPIHP. Madankollu, il-Kunsill aġġorna l-espożizzjoni tal-motivi meqjusa kontra r-rikorrent, minn naħa, billi ppreċiża li kien kmandant tal-UPIHP sa Diċembru 2019 u, min-naħa l-oħra, billi żied jgħid li huwa kien żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral u li kien baqa’ attiv fix-xena pubblika fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

61      Ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza taż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tiegħu, deċiża fl-atti kkontestati, peress li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, huwa ma kien għadu jeżerċita ebda funzjoni fi ħdan il-PNC u li, essenzjalment, il-funzjonijiet il-ġodda tiegħu ta’ President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita, b’mod suffiċjenti, l-eżistenza ta’ rabta bejnu u s-sitwazzjoni ta’ sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 u 56 iktar ’il fuq, il-Kunsill setax, fi tmiem l-evalwazzjoni aġġornata tiegħu tas-sitwazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ikompli jirreferi għal fatti li seħħew fil-passat u li tqiesu diġà fid-deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw lir-rikorrent sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

62      F’dan ir-rigward, minn naħa, għal dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kunsill kellu sensiela ta’ informazzjoni provenjenti minn sorsi varjati, li tgħid li, minkejja li saru l-elezzjonijiet presidenzjali tat‑30 ta’ Diċembru 2018, kienet għadha teżisti sitwazzjoni ta’ tħassib fir-rigward tar-rispett tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ tendenza ta’ żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-perijodu tal-eżami mill-ġdid inkwistjoni, u b’mod partikolari ta’ dawk marbuta mal-ispazju demokratiku mwettaq minn aġenti tal-PNC, hija sostnuta mid-dokumenti trażmessi mill-Kunsill lir-rikorrent, bħala annessi mal-ittra tiegħu tat‑30 ta’ Ottubru 2020, b’mod partikolari minn tliet noti tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNJHRO) dwar it-tendenzi prinċipali tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bejn Jannar u Ġunju 2020, kif ukoll f’Lulju u f’Awwissu 2020.

63      Għaldaqstant, il-Kunsill kellu biżżejjed elementi sabiex iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Deċiżjoni 2010/788 u fl-Artikolu 2b(1)(b) tar-Regolament Nru 1183/2005 kienu ssodisfatti.

64      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tar-rikorrent fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, fl-ewwel lok, huwa stabbilit bejn il-partijiet li r-rikorrent ma kienx għad għandu iktar karigi fil-PNC sa mix-xahar ta’ Diċembru 2019. Barra minn hekk, il-Kunsill diġà kellu din l-informazzjoni fil-mument li wettaq eżami mill-ġdid tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent. Dan huwa kkonfermat mill-ittra li bagħat lir-rikorrent fit‑30 ta’ Ottubru 2020, li fiha informah bl-intenzjoni tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni din l-informazzjoni fl-aġġornament tal-espożizzjoni tal-motivi meqjusa fir-rigward tiegħu.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat il-motiv tal-atti kkontestati, li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienet għadha ġġustifikata fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati minħabba li, minkejja l-involviment tiegħu f’diversi każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem bejn Settembru 2016 u Diċembru 2019, ir-rikorrent kien żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral u kellu funzjonijiet ġodda bħala President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing li jippermettulu jkun ta’ influwenza fil-livell politiku.

66      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma invokax elementi li jistgħu jistabbilixxu rabta bejn ksur tad-drittijiet tal-bniedem u r-rikorrent sa mix-xahar ta’ Diċembru 2019, jiġifieri kważi sena qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

67      Huwa minnu li, minn artiklu fis-sit internet “actualite.cd”, tat‑18 ta’ Diċembru 2019, intitolat “[ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo]: il-Pulizija tissospendi lill-Ġeneral Ilunga Luyoyo minħabba aggressjoni fil-konfront ta’ avukat f’Lubumbashi”, prodott mill-Kunsill bħala anness mal-ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2020, jirriżulta li r-rikorrent kien personalment involut fl-aggressjoni ta’ avukat. Madankollu, huwa preċiżament b’reazzjoni għal dawn il-fatti li r-rikorrent tneħħa mill-funzjonijiet tiegħu fil-PNC. Barra minn hekk, dan l-artikolu jirrapporta li l-aggressjoni inkwistjoni seħħet wara battibekk bejn ir-rikorrent u persuna li teżerċita, apparti hekk, il-funzjoni tal-avukat, minħabba raġunijiet li jaqgħu taħt l-isfera privata u mhux speċifikament minħabba din il-funzjoni. Iktar minn hekk, mill-fajl tal-Kunsill ma jirriżultax u lanqas ma huwa allegat minn dan tal-aħħar li, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, li seħħet kważi sena wara l-imsemmija fatti, ir-rikorrent reġa’ ġie integrat mill-ġdid fil-funzjonijiet antiki tiegħu fi ħdan il-PNC jew f’kull funzjoni oħra marbuta mas-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u lanqas li seta’ jiġi integrat mill-ġdid.

68      It-tieni, il-fatt li, wara tmiem il-funzjonijiet tiegħu fil-PNC f’Diċembru 2019, ir-rikorrent żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral ma jippermettix fih innifsu li jitqies li huwa seta’ jeżerċita xi rwol fil-forzi tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Barra minn hekk, dan ma huwiex dak li jsostni l-Kunsill, li sempliċement jikkonstata li r-rikorrent kien żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral, filwaqt li dan tal-aħħar espressament isostni, fir-rikors, li huwa ma għandu “ebda funzjoni partikolari”.

69      It-tielet, fir-rigward tal-funzjonijiet tar-rikorrent bħala President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq tliet artikli, jiġifieri artiklu tas-sit internet “Matininfos.net”, tad‑9 ta’ Settembru 2020, intitolat “Boxing: Ilunga Makabu ser jiddefenti ċ-ċinturin tiegħu WBC f’Novembru f’Kinshasa”, artiklu tas-sit internet “Scoop.rdc”, tal‑5 ta’ Frar 2020, intitolat “Iddikjarat rebbieħ tad-dinja tal-boxing ‘WBC’ golden: Junior Makabu Ilunga rċevut minn Fatshi!” u artiklu tat‑8 ta’ Ottubru 2020, ippubblikat fuq is-sit internet “desc-wondo.org” u intitolat “L-Unjoni Ewropea għandha testendi s-sanzjonijiet kontra l-ex kollaboraturi ta’ Joseph Kabila” (iktar ’il quddiem l-“artiklu tat‑8 ta’ Ottubru 2020”).

70      Huwa minnu li l-artiklu tat‑8 ta’ Ottubru 2020 jirreferi għall-fatt li “r-rikorrent għadu jeżerċita funzjoni ferm ippolitiċizzata”.

71      Madankollu, indipendentement mill-affidabbiltà tiegħu, ikkontestata mir-rikorrent minħabba allegata parzjalità tal-awtur tiegħu, l-artiklu tat‑8 ta’ Ottubru 2020 ma fih ebda informazzjoni konkreta li tippermetti li tiġi ssostanzjata l-influwenza li jista’ jkollu, fuq il-livell tal-politika ta’ sigurtà, il-President tal-Federazzjoni Nazzjonali tal-Boxing fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

72      Barra minn hekk, iż-żewġ artikli l-oħra msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq jirrapportaw li, matul il-perijodu tal-eżami mill-ġdid inkwistjoni, ir-rikorrent kien f’kuntatt mal-poter politiku tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu bħala President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing, waqt ir-riċeviment onorarju mill-Presidenza tar-Repubblika ta’ żagħżugħ professjonist Kongoliż tal-boxing li sar rebbieħa tad-dinja u waqt talba għal appoġġ finanzjarju maħruġa minn dan il-boxer lill-Ministeru għall-Isport u d-Divertiment sabiex jappoġġa l-attività sportiva tiegħu.

73      Issa, minn dawn il-fatti ma jirriżultax li r-rikorrent mar lil hinn mill-kuntest tal-eżerċizzju normali tal-funzjonijiet ta’ president ta’ federazzjoni sportiva nazzjonali, peress li dawn il-funzjonijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dik li jsostnu l-professjonisti ta’ dan is-settur permezz ta’ attivitajiet ta’ sostenn ta’ talbiet għal sussidji quddiem il-Ministeru speċifikament responsabbli għall-imsemmi settur u ta’ akkumpanjament matul avvenimenti pubbliċi onorarji.

74      Konsegwentement, l-artikoli deskritti fil-punt 72 iktar ’il fuq ma jippermettux li tiġi kkorroborata l-informazzjoni ppreżentata fl-artiklu tat‑8 ta’ Ottubru 2020 li r-rikorrent kien jeżerċita funzjonijiet “ferm ippolitiċizzati”, bħala l-President tal-Federazzjoni Kongoliża tal-Boxing.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, ir-rikorrent ma kienx għad għandu funzjonijiet marbuta mal-PNC għal perijodu kunsiderevoli ta’ kważi sena qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati u li, min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti li r-rikorrent kien f’pożizzjoni jeżerċita influwenza fuq il-politika tas-sigurtà tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt, meqjusa fl-atti kkontestati, li jipprovdu li r-rikorrent żamm il-grad tiegħu ta’ ġeneral u baqa’ attiv fix-xena pubblika ma jippermettux li jiġi konkluż li baqa’ ġġustifikat li jinżammu l-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dawn il-miżuri, jiġifieri, b’mod partikolari, li jiġi sostnut it-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dan l-Istat.

77      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-possibbiltà għall-Kunsill li jinvoka l-fatt li r-rikorrent ma ħax pożizzjoni sabiex jiddistakka ruħu mir-reġim l-antik tal-poter fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, għandu jiġi enfasizzat li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari għal kull sitwazzjoni, il-Kunsill jista’ jqis l-assenza ta’ tbegħid mill-persuna kkonċernata fir-rigward tar-reġim fil-poter bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni insostenn taż-żamma ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu.

78      Madankollu, f’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma kienx għad għandu d-diversi funzjonijiet li kienu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali ta’ ismu fil-listi kontenzjużi, kif ukoll l-estensjonijiet suċċessivi ta’ tali inklużjoni, għal perijodu ta’ żmien kunsiderevoli ta’ kważi sena qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. Jirriżulta wkoll li l-Kunsill ġie informat, fi żmien xieraq, b’dan it-tmiem tal-funzjonijiet. Issa, minkejja dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill baqa’ ma pproduċiex provi suffiċjenti li jippermettu li jitqies li, fi tmiem il-perijodu tal-eżami mill-ġdid inkwistjoni, kienet għadha teżisti rabta suffiċjenti bejn ir-rikorrent u s-sitwazzjoni tas-sigurtà li tat lok għall-atti ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex isostni ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent, il-Kunsill ma jistax validament jibbaża ruħu fuq il-fatt li huwa ma ħax pożizzjoni li titbiegħed mir-reġim l-antik fil-poter fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, tali argument ma jistax għaldaqstant ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-atti kkontestati.

79      Għaldaqstant, quddiem il-kontestazzjonijiet tar-rikorrent, il-Kunsill ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi l-fondatezza taż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward tiegħu.

80      Minn dan isegwi li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, fl-atti kkontestati, li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi kienet għadha ġġustifikata għar-raġuni li, billi kien ippjanar, idderieġa jew wettaq, huwa kien ikkontribwixxa għal atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew abbuż ta’ dawn id-drittijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

81      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tintlaqa’, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti l-oħra tar-rikorrent u fuq l-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li l-atti kkontestati jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv imqajjem minn dan tal-aħħar.

 Fuq leffett ratione temporis talannullament parzjali tadDeċiżjoni 2020/2033

83      Fir-rigward tat-talba mressqa sussidjarjament mill-Kunsill fir-risposta tiegħu, intiża għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2020/2033 sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/2021 fir-rigward tar-rikorrent, għandu jitfakkar li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill kien żamm, mit‑12 ta’ Diċembru 2020 u sat‑12 ta’ Diċembru 2021, isem ir-rikorrent fil-lista ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788.

84      Issa, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2181, tad‑9 ta’ Diċembru 2021, li temenda d-Deċiżjoni 2010/788 (ĠU 2021, L 443, p. 75), il-Kunsill aġġorna l-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788, billi żamm fiha, sat‑12 ta’ Diċembru 2022, isem ir-rikorrent.

85      Għaldaqstant, għalkemm l-annullament tad-Deċiżjoni 2020/2033 sa fejn tirrigwarda lir-rikorrent jinkludi l-annullament tal-inklużjoni ta’ ismu fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/788 għall-perijodu mit‑12 ta’ Diċembru 2020 sat‑12 ta’ Diċembru 2021, tali annullament ma jistax, min-naħa l-oħra, jikkontesta l-legalità ta’ din l-istess inklużjoni għall-perijodu sussegwenti, peress li d-Deċiżjoni 2021/2181 ma hijiex ikkonċernata minn dan ir-rikors.

86      Konsegwentement, peress li, sal-lum, ir-rikorrent huwa s-suġġett ta’ miżuri restrittivi ġodda, it-talba sussidjarja tal-Kunsill dwar l-effetti ratione temporis tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2020/2033, imfakkra fil-punt 83 iktar ’il fuq, ma għadx għandha skop.

 Fuq lispejjeż

87      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/2033 tal10 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2021 tal10 ta’ Diċembru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, huma annullati sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Ferdinand Ilunga Luyoyo.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

da Silva Passos

Reine

Truchot

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑27 ta’ April 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.