Language of document : ECLI:EU:T:2015:478

Kawża T‑548/12

Deutsche Rockwool Mineralwoll GmbH & Co. OHG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva REDROCK — Trade marks nazzjonali preċedenti ROCK, KEPROCK, FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK — Raġuni assoluta għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Lulju 2015

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

3.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Eżistenza ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Trade mark figurattiva REDROCK u Trade mark verbali KEPROCK, FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 8(1)(b), u 53(1)(a))

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

6.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 8(1)(b))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 15)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 18)

3.      Ma teżisitx, fuq it-territorju Ġermaniż, għall-pubbliku rilevanti magħmul minn professjonisti mis-settur tal-kostruzzjoni u, okkażjonalment, mill-konsumaturi medji informati sew fil-qasam tal-kostruzzjoni li jixtru l-prodotti msemmija fi ħwienet tad-DIY, probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja bejn, minn naħa, is-sinjal figurattiv REDROCK, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal prodotti fil-klassijiet 1, 2, 17, 19 u 37 skont il-Ftehim ta’ Nizza, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark verbali KEPROCK, irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja għal prodotti fil-klassijiet 17, 19 u 37, t-trade marks verbali REDROCK, FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK, irreġistrati preċedentement fil-Ġermanja għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 17, 19 jew 37.

Il-grad ta’ xebh fonetiku bejn żewġ trade marks jonqos mill-importanza tiegħu fil-każ ta’ prodotti li huma kkummerċjalizzati b’tali mod li, normalment, il-pubbliku rilevanti, max-xiri, jipperċepixxi t-trade mark li tindika dawn il-prodotti b’mod viżiv. Issa, dan huwa l-każ tal-materjal ta’ kostruzzjoni kopert mis-sinjali inkwistjoni, li huma kkummerċjalizzati b’mod li jippermetti lill-konsumatur medju li jipperċepixxi viżwalment it-trade marks fuq il-prodotti. Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li l-għażla tal-prodotti inkwistjoni, mill-pubbliku rilevanti, neċessarjament issir wara l-eżami tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, fil-ħwienet jew fuq l-internet, peress li l-imsemmi pubbliku huwa interessat li jiżgura ruħu li l-materjal użat jissodisfa l-funzjoni tiegħu għal żmien twil fil-bini fejn jintuża. Dawn iċ-ċirkustanzi jimplikaw ukoll li l-pubbliku rilevanti jkun viżwalment ikkonfrontat bl-immaġni tat-trade mark qabel ma jagħmel l-għażla tiegħu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks REDROCK u KEPROCK, meħuda waħidhom, anki f’dak li jikkonċerna l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks li huma identiċi. Fil-fatt, il-konsumatur medju, li juri livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli meta jixtri, jipperċepixxi d-differenzi li jiddifferenzjaw it-trade marks u ma jaħsibx li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni joriġinaw mill-istess sors kummerċjali.

L-istess japplika f’dak li jikkonċerna s-servizzi koperti mit-trade marks REDROCK u KEPROCK. Is-sinjali inkwistjoni ma għandhomx jiġu konfonduti mill-pubbliku rilevanti għal raġunijiet relatati mal-karattru distintiv medju tat-trade mark KEPROCK, il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti ta’ livell partikolarment għoli, max-xewqa ta’ dan il-pubbliku li jkun jaf l-identità tas-sors kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi u mal-fatt li jeżisti xebh dgħajjef bejn is-sinjali f’kunflitt fuq il-livell viżiv, xebh medju fuq il-livell fonetiku, filwaqt li l-paragun tas-sinjali fuq il-livell kunċettwali huwa newtrali.

Fid-dawl tal-livell ta’ attenzjoni partikolarment għoli tal-pubbliku rilevanti, id-differenzi li jisseparaw it-trade mark ikkontestata mit-trade marks preċedenti FLEXIROCK, FORMROCK, FLOOR-ROCK, TERMAROCK, KLIMAROCK, SPEEDROCK, DUROCK, SPLITROCK, PLANAROCK, TOPROCK, KLEMMROCK, FIXROCK, SONOROCK PLUS, VARIROCK, SONOROCK u MASTERROCK huma biżżejjed sabiex jeskludu kwalunkwe probabbiltà ta’ konfużjoni.

L-element “rock” huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Għaldaqstant, ma jistax ikun l-element komuni ta’ familja ta’ trade marks. Ir-rikonoxximent tal-familja ta’ trade marks bl-element serjali “rock” iwassal preċiżament għall-monopolizzazzjoni tal-element “rock”, li huwa deskrittiv ħafna u ta’ tifħir fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Il-protezzjoni amplifikata permezz tar-rikonoxximent tal-preżenza ta’ familja ta’ trade marks tfisser li, fil-prattika, l-ebda operatur ma jkun jista’ jirreġistra trade mark li tinkludi l-element “rock” u, skont il-każ, ikun jista’ jiġi rrifjutat l-użu ta’ dan l-element fis-slogans u fil-materjal pubbliċitarju tiegħu. Tali restrizzjoni tal-libertà ta’ kompetizzjoni, li tirriżulta mir-riżervazzjoni ta’ terminu bażiku tal-lingwa Ingliża għal operatur ekonomiku wieħed biss, ma tistax tkun iġġustifikata mill-interess li jiġi kkumpensat l-isforz ta’ kreazzjoni jew pubbliċitarju tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti. Fil-fatt, meta ma jkunx il-każ ta’ karattru distintiv miksub bl-użu, il-valur kummerċjali li jikkostitwixxi l-imsemmija riżervazzjoni ma huwiex ir-riżultat ta’ tali sforz tal-proprjetarju, iżda unikament dak tas-sens tal-kelma, predeterminat mil-lingwa inkwistjoni, li jirreferi għall-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

(ara l-punti 19, 24, 74-76, 78-81, 88, 93, 95)

4.      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li, b’mod partikolari, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha.

L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tillimita ruħha b’mod li jittieħed biss inkunsiderazzjoni komponent ta’ trade mark kumplessa u li jiġi pparagunat ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha, proċess dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il‑bażi biss tal-element dominanti. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha.

Anki jekk il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark bħala ħaġa waħda u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, meta jipperċepixxi sinjal verbali, huwa jidentifika elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew jixbhu kliem li huwa jaf. L-identifikazzjoni tal-elementi verbali komprensibbli għall-konsumatur hija rilevanti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tax-xebh fonetiku, viżiv u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni.

Xejn ma jfixkel lill-Bord tal-Appell milli jidentifika qabel xejn l-elementi li jinftiehmu tas-sinjali inkwistjoni, li jevalwa l-karattru distintiv tagħhom u li jipparaguna sussegwentement l-imsemmija sinjali fl-intier tagħhom. Tali approċċ huwa perfettament kompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata. Barra minn hekk, l-identifikazzjoni tal-elementi “distintivi” u “dominanti” tista’ tkun teħtieġ l-evalwazzjoni tal-kapaċità distintiva relatata mal-partijiet kollha li jikkomponu t-trade mark u, għaldaqstant, l-identifikazzjoni tal-elementi inqas distintivi. Tali eżerċizzju ma jippreġudikax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-impressjoni bħala ħaġa waħda ġġenerata mit-trade marks f’fażi ulterjuri tal-eżami.

(ara l-punti 32, 33, 37, 43)

5.      Sabiex jiġi ddeterminat il-karattru distintiv ta’ element li jagħmel parti minn trade mark, għandha tiġi evalwata l-kapaċità ftit jew wisq kbira ta’ dan l-element li jikkontribwixxi sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża speċifika u għalhekk sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi ta’ dawn iż-żewġ impriżi. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fid-dawl ta’ jekk dan huwiex nieqes jew le minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata.

(ara l-punt 34)

6.      Ir-riskju ta’ assoċjazzjoni huwa każ speċifiku ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, li huwa kkaratterizzat mill-fatt li t-trade marks inkwistjoni, għalkemm ma jistgħux jiġu konfużi direttament mill-pubbliku taħt mira, jistgħu jiġu pperċepiti bħala żewġ trade marks tal-istess proprjetarju. Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-kriterju, huwa neċessarju li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jkollhom karatteristiċi komuni li jippermettu li jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti mill-istess serje jew familja. Madankollu, l-fattur ta’ serje jew ta’ familja ta’ trade marks huwa rilevanti biss jekk l-element komuni jkun distintiv. Fil-fatt, jekk dan l-element ikun deskrittiv, ma jistax joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

Il-protezzjoni wiesgħa mogħtija lil familja ta’ trade marks ma tistax utilment tiġi invokata meta l-element komuni tat-trade marks preċedenti jkun deskrittiv ħafna fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi koperti. Fil-fatt, terminu li jirreferi għan-natura tal-imsemmija prodotti u tal-imsemmija servizzi ma jistax jikkostitwixxi l-parti komuni distintiva ta’ familja ta’ trade marks.

(ara l-punti 91, 92)