Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fl-20 ta’ April 2021 – Luxury Trust Automobil GmbH

(Kawża C-247/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Luxury Trust Automobil GmbH

Konvenuti: Finanzamt Österreich, Dienststelle Baden Mödling

Domandi preliminari

L-Artikolu 42(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 flimkien mal-Artikolu 197(1)(c) ta’ din id-direttiva (fil-verżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni 2 ), għandu jiġi interpetat fis-sens li jitqies li jkun hemm indikazzjoni tad-destinatarju tal-kunsinna bħala l-persuna taxxabbli meta l-fattura, li ma tindika ebda ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud, tirreferi għal “tranżazzjoni triangolari intraKomunitarja eżentata”?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Tali indikazzjoni fil-fattura tista’ tiġi validament emendata retroattivament (permezz ta’ “tranżazzjoni triangolari intraKomunitarja skont l-Artikolu 25 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ)). Id-dejn fiskali huwa ttrasferit lejn id-destinatarju tal-provvista”)?

Sabiex emenda tkun effettiva, huwa neċessarju li d-destinatarju tal-fattura jirċievi l-fattura emendata?

L-effett tal-emenda japplika retroattivament mid-data tal-fattura oriġinali?

L-Artikolu 219a tad-Direttiva 2006/112 (fil-verżjoni tad-Direttiva 2010/45 u tar-rettifika [tal-verżjoni Ġermaniża] 3 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jiġu applikati r-regoli dwar il-fatturazzjoni tal-Istat Membru li r-regoli tiegħu jkunu applikabbli jekk “akkwirent” ma jkunx (għadu) ġie indikat fuq il-fattura bħala l-persuna taxxabbli jew għandhom jiġu applikati r-regoli tal-Istat Membru li jkunu applikabbli jekk l-indikazzjoni ta’ “akkwirent” bħala l-persuna taxxabbli titqies li hija valida?

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

2     ĠU 2010, L 189, p. 1.

3     Rettifika tad-Direttiva 2010/45/UE dwar emenda tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2010, L 299, p. 46).