Language of document : ECLI:EU:C:2014:2414

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2014 (1)

Kawża C‑536/13

“Gazprom” OAO

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (Litwanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — ‘Anti-suit injunction’ mogħtija minn tribunal tal-arbitraġġ fi Stat Membru — Projbizzjoni li tinbeda proċedura quddiem tribunal ta’ Stat Membru ieħor — Ordni li tillimita t-talbiet mressqa f’azzjoni legali — Dritt ta’ qorti ta’ dan it-tieni Stat Membru li tirrifjuta li tirrikonoxxi d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ — Deċiżjoni indipendenti ta’ qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward ta’ kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 — Assigurazzjoni tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal‑effikaċja tar‑Regolament (KE) Nru 44/2001”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-istatus tal-arbitraġġ u ta’ “anti-suit injunctions” fir-rigward tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”), li b’effett mill-10 ta’ Jannar 2015 (3), se jkun sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (4) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Brussell I (riformulazzjoni)”).

2.        Minkejja li l-ġurisprudenza fuq dawn is-suġġetti hija abbundanti u kkumentata ferm fid-duttrina, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, abbażi ta’ ċerti punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma differenti f’din il-kawża, li tassenjaha lill-Awla Manja, ħaġa li għandha tippermettilha tispjega u tikkjarafika r-relazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni u l-arbitraġġ internazzjonali, fir-rigward ta’ liema l-Avukat Ġenerali Darmon kien semma l-“importanza fundamentali” li dan “għandu […] fi ħdan il‑‘komunità internazzjonali kummerċjali’” bħala “il-‘mod l-iktar użat għar-riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet fil-kummerċ internazzjonali’” (5).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Brussell I

3.        Fil-Kapitolu I tar-Regolament Brussell I, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1, jipprovdi dan li ġej:

“1. Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

2. Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

[...]

d)      arbitraġġ.

[…]”

4.        Fil-Kapitolu II ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 2(1) jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5.        Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Brussell I:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, bla ħsara għall-Artikoli 22 u 23, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

6.        Taħt il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, l-Artikolu 32 jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista' tissejjaħ dik is-sentenza [...].”

7.        Skont l-Artikolu 33(1) ta’ dan il-Kapitolu III:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

8.        Skont l-Artikolu 34 tal-imsemmi kapitolu:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1)      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]”

2.      Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)

9.        Għas-suġġett li jirrigwarda din il-kawża, jiġifieri r-relazzjonijiet bejn l-arbitraġġ u r-Regolament Brussell I, għandhom jissemmew żewġ dispożizzjonijiet tar-regolament il-ġdid: il-premessa 12 u l-Artikolu 73 tiegħu.

10.      Il-premessa 12 tipprovdi li ġej:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-arbitraġġ. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jżomm lill-qrati ta’ Stat Membru, meta jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni li fir-rigward tagħha l-partijiet kienu daħlu fi ftehim ta’ arbitraġġ, milli jirreferu lill-partijiet għall-arbitraġġ, milli jissospendu jew iwaqqfu l-proċedimenti, jew milli jeżaminaw jekk il-ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, skont id-dritt nazzjonali tagħhom.

Sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru dwar jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq m’għandhiex tkun soġġetta għar-regoli dwar ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, indipendentement minn jekk il-qorti ddeċidietx dwar dan bħala kwistjoni prinċipali jew bħala kwistjoni inċidentali.

Min-naħa l-oħra, meta qorti ta’ Stat Membru, li teżerċita ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament jew skont id-dritt nazzjonali, tkun iddeċidiet li ftehim ta’ arbitraġġ huwa null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, dan m’għandux jagħmilha impossibbli li s‑sentenza tal-qorti dwar is-sustanza tal-kwistjoni tkun rikonoxxuta jew, skont il-każ, eżegwita skont dan ir-Regolament. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-qrati tal-Istati Membri li jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ f’konformità mal-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, magħmula fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958 (‘il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958’), li tieħu preċedenza fuq dan ir‑Regolament.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal kwalunkwe azzjoni jew proċediment anċillari li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ, is-setgħa tal-arbitri, it-tmexxija tal-proċedura ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe aspett ieħor ta’ tali proċedura, u lanqas għal azzjoni jew sentenza li tirrigwarda l-annullament, ir-rieżami, l‑appell, ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ.”

11.      Fil-Kapitolu VII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni ma’ strumenti oħra”, l‑Artikolu 73(2) jipprovdi:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.”

B –    Il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958

12.      L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l‑Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, konkluża fi New York, fil-10 ta’ Ġunju 1958, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ New York tal-1958”), fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika għar-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mogħtija fuq it-territorju ta’ Stat li ma jkunx l-Istat fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu qed jiġu mitluba, u li jinqalgħu minn differenzi bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Hija għandha tapplika wkoll għal deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ li ma humiex ikkunsidrati bħala sentenzi nazzjonali fl-Istat fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tagħhom ġew mitluba.”

13.      L-Artikolu II(3) ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“Il-qorti tal-Istat kontraenti, meta tiġi quddiemha kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet għamlu ftehim fl-ambitu tat-tifsira ta’ dan l-artikolu, għandha, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tirrinvija l-partijiet għall‑arbitraġġ, sakemm ma ssibx li l-imsemmi ftehim huwa bla effett, mhux operattiv jew li ma jistax jiġi mwettaq.”

14.      Skont l-Artikolu III tal-imsemmija konvenzjoni:

“Kull Stat Kontraenti għandu jirrikonoxxi l-awtorità ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ u jaċċetta l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni skont ir-regoli tal‑proċedura applikabbli fit-territorju fejn id-deċiżjoni hija invokata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikoli li ġejjin. […]”

15.      L-Artikolu V tal-istess konvenzjoni jistipula l-kundizzjonijiet li fuqhom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu jiġu rrifjutati:

“1.      Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenza ma għandhomx jiġu rrifjutti, fuq talba tal-parti li kontriha qed tiġi invokata, ħlief jekk din il-parti tipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż fejn ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni huma mitluba l-prova:

a)      Li l-partijiet fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu II kienu, bis-saħħa tal-liġi applikabbli għalihom, milquta minn inkapaċità, jew li l-imsemmi ftehim ma għadux validu bis-saħħa tal-liġi li għaliha ssuġġetawh il‑partijiet jew, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’dan ir-rigward, bis-saħħa tal-liġi tal-pajjiż fejn ingħatat is-sentenza; jew

b)      Li l-parti li kontriha hija invokata s-sentenza ma ġietx debitament informata bin-nomina tal-arbitru jew tal-proċedura ta’ arbitraġġ, jew li kien impossibbli għaliha, għal raġuni oħra, li tressaq il-motivi tagħha; jew

c)      Li s-sentenza tirrigwarda kwistjoni mhux imsemmija fl-arbitraġġ jew li ma taqax fit-termini tal-klawżola ta’ arbitraġġ, jew li fiha deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mit-termini tal-arbitraġġ jew tal-klawżola ta’ arbitraġġ; madankollu, jekk id-dispożizzjonijiet tas-sentenza li jirrigwardaw kwistjonijiet suġġetti għall-arbitraġġ jistgħu jiġu sseparati minn dawk li jirrigwardaw kwistjonijiet mhux suġġetti għall-arbitraġġ, tal-ewwel jistgħu jiġu rrikonoxxuti u eżegwiti; jew

d)      Li l-kostituzzjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ jew il-proċedura ta’ arbitraġġ ma kinitx konformi mal-ftehim tal-partijiet, jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, li ma kinitx konformi mal-liġi tal-pajjiż li fih sar l-arbitraġġ; jew

e)      Li s-sentenza għadha ma saritx vinkolanti għall-partijiet jew ġiet annullata jew sospiża minn awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih, jew bis-saħħa tal-liġi tiegħu, ingħatat is-sentenza.

2.      Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu wkoll jiġu rrifjutati jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tikkonstata:

a)      Li, skont il-liġi ta’ dan il-pajjiż, is-suġġett tal-kwistjoni ma jistax ikun deċiż permezz ta’ arbitraġġ; jew

b)      Li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż.”

16.      Il-Litwanja rratifikat il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 bl‑adozzjoni tar-Riżoluzzjoni (nutarimas) Nru I-760 tal-Parlament Litwan (Seismas) tas-17 ta’ Jannar 1995.

C –    Id-dritt Litwan

17.      Il-Kapitolu X tat-Tieni ktieb tal-Kodiċi Ċivili Litwan huwa intitolat “Investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika” u fih l‑Artikoli 2.124 sa 2.131.

18.      L-Artikolu 2.124 ta’ dan il-Kodiċi Ċivili, intitolat “Kontenut tal‑investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika”, jipprovdi:

“Il-persuni msemmija fl-Artikolu 2.125 […] għandhom id-dritt jitolbu lill-qorti tinnomina esperti sabiex jiġi stabbilit jekk persuna ġuridika jew il-bord tad-diretturi tagħha jew l-azzjonisti tagħha aġixxewx b’mod mhux xieraq u, jekk ikun ikkonstatat li l-attività tagħhom hija mhux xierqa, li japplikaw il-miżuri previsti fl-Artikolu 2.131 […]”.

19.      Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 2.125(1), azzjonist wieħed jew iktar li jkollu mill-inqas 1/10 tal-azzjonijiet tal-persuna ġuridika jistgħu jippreżentaw tali rikors.

20.      Il-miżuri previsti fl-Artikolu 2.131 ta’ dan l-istess Kodiċi jinkludu, fost l-oħrajn, l-annullament tad-deċiżjonijiet meħuda mill-bord tad-diretturi tal-persuna ġuridika, l-esklużjoni jew is-sospensjoni temporanja tas-setgħat tal-membri tal-bord tad-diretturi u l-possibbiltà li tobbliga lill-persuna ġuridika li tieħu jew ma tiħux ċerti azzjonijiet.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Lietuvos dujos AB hija kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Litwan li l-attività ekonomika tagħha hija li tixtri l-gass mingħand “Gazprom OAO (iktar ’il quddiem “Gazprom”) (Federazzjoni tar-Russja), tittrasportah u tqassmu fil-Litwanja kif ukoll li tamministra pipelines tal-gass u li twassal il-gass lejn ir-reġjun ta’ Kaliningrad tal-Federazzjoni tar-Russja. Il-kumpannija ma hijiex involuta fl-esplorazzjoni jew fil-produzzjoni tal-gass.

22.      Fil-mument tal-fatti li jikkonċernaw din il-kawża, il-kumpannija Ġermaniża E.ON Ruhrgas International GmbH (38.91 %), l-impriża pubblika Russa Gazprom (37.1 %) u r-Repubblika tal-Litwanja (17.7 %) kienu l-azzjonisti l-iktar sinjifikattivi ta’ Lietuvos dujos.

23.      Gazprom hija integrata vertikalment u għandha pożizzjoni dominanti fis-settur tal-gass. Hija akkwistat l-azzjonijiet tagħha fil‑kapital ta’ Lietuvos dujos permezz tal-ftehim ta’ bejgħ u xiri ta’ azzjonijiet tal-24 ta’ Jannar 2004 (6). L-Artikolu 7.4.1 ta’ dan il-Ftehim jipprovdi:

“[Gazprom] għandha tiżgura l-provvista ta’ gass naturali lill-konsumaturi tar-Repubblika tal-Litwanja għal perijodu ta’ 10 snin u fi kwantità li tilħaq id-domanda ta’ mill-inqas 90 % tal-konsumaturi kollha tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-provvista tal-gass naturali lir-Repubblika tal-Litwanja għandha tkun ibbażata fuq prezzijiet ġusti fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq tal‑fornituri tal-enerġija tar-Repubblika tal-Litwanja.”

24.      L-Artikolu 7.4.2.3 tal-imsemmi ftehim jipprovdi:

“Il-prezz tal-gass naturali huwa stabbilit skont formula pprovduta fil‑ftehim validu ta’ fornitura ta’ gass konkluż bejn [Gazprom] u [Lietuvos dujos]. Din il-formula tista’ tinbidel skont id-dinamika tal‑prezzijiet ta’ karburanti alternattivi fir-Repubblika tal-Litwanja.”

25.      Minn hawn ’il quddiem, ser nirreferi għall-ftehim li għalih hemm riferiment fl-Artikolu 7.4.2.3 bħala l-“kuntratt ta’ gass għal perijodu twil”.

26.      Dan il-kuntratt ta’ gass għal perijodu twil konkluż fl-1999, jiġifieri qabel id-dħul ta’ Gazprom fil-kapital ta’ Lietuvos dujos, kien jirrigwarda l-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2015 u ġie emendat diversi drabi fil-kuntest ta’ negozjati bejn Gazprom u Lietuvos dujos.

27.      Fl-24 ta’ Marzu 2004, Gazprom ikkonkludiet ukoll “ftehim tal‑azzjonisti” ma’ E.ON Ruhrgas International GmbH u l-Fond tal-Assi tal-Istat li aġixxa għan-nom tar-Repubblika tal-Litwanja, li sussegwentement ġie ssostitwit bil-Ministeru tal-Enerġija tar‑Repubblika tal-Litwanja.

28.      L-Artikolu 6.1(1.9) ta’ dan il-fehim jipprovdi li l-azzjonisti “[…] għandhom jiżguraw […] iż-żamma, skont it-termini u l‑kundizzjonijiet li huma reċiprokament aċċettabbli u vantaġġjużi għal [Lietuvos dujos] u għall-[azzjonisti] u abbażi tal-obbligi kuntrattwali bejn [Lietuvos dujos] u [Gazprom], ta’: (i) tranżitu ta’ gass għal perijodu twil għall-provinċja ta’ Kaliningrad tal-Federazzjoni tar-Russja […], ta’ (iii) il-fornitura ta’ gass għal perijodu twil [f’Lietuvos dujos]”.

29.      Il-ftehim tal-azzjonisti huwa suġġett għad-dritt Litwan. L-Artikolu 7.14 ta’ dan il-ftehim jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tipprovdi li:“it-talbiet, kwistjonijiet jew kontravenzjonijiet kollha marbuta ma’ dan il-ftehim jew il-ksur tiegħu, il-validità tiegħu, l-effetti u r-rexissjoni tiegħu, għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ arbitraġġ skont ir-Regoli tal-Arbitraġġ tal‑Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stockholm. Il-post tal-arbitraġġ għandu jkun Stockholm, l-Isvezja, in-numru ta’ arbitri għandu jkun tlieta (kollha nnominati mill-Istitut tal-Arbitraġġ) u l‑lingwa tal-arbitraġġ għandha tkun l-Ingliż” (7).

30.      Fit-8 ta’ Frar 2011, il-Ministeru tal-Enerġija bagħat ittra lil Valentukevičius, id‑Direttur Ġenerali ta’ Lietuvos dujos, kif ukoll lil Golubev u Seleznev, żewġ membri tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, it-tnejn li huma nnominati minn Gazprom, sabiex jikkritikahom talli ma aġixxewx fl-interess ta’ Lietuvos dujos meta saru emendi fil-formula tal-kalkolu tat-tariffa tal-gass inkluża fil-kuntratt ta’ gass għal perijodu twil.

31.      Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Ministeru tal-Enerġija ppreżenta rikors kontra Lietuvos dujos u Valentukevičius, Golubev u Seleznev quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (tribunal reġjonali ta’ Vilnius), sabiex issir investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos (Artikoli 2.124 et seq tal-Kodiċi Ċivili Litwan).

32.      Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Ministeru tal-Enerġija sostna li l‑interessi tar-Repubblika tal-Litwanja bħala azzjonista ta’ Lietuvos dujos ġew ippreġudikati u dawk ta’ Gazprom kisbu vantaġġ mhux dovut bl-emendi tal-kuntratt ta’ gass għal perijodu twil fis-sens li l‑prezz li bih Lietuvos dujos kienet qed tixtri l-gass ta’ Gazprom ma kienx ġust. Fost talbiet oħra, il-Ministeru tal-Enerġija talab lill-qorti Litwana tirrevoka l-ħatra ta’ Valentukevičius, Golubev u Seleznev u tobbliga lil Lietuvos dujos sabiex tibda negozjati ma’ Gazprom sabiex tiġi stabbilita tariffa ekwa u ġusta għax-xiri tal-gass.

33.      Peress li dan ir-rikors kien jikser il-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fl-Artikolu 7.14 tal-ftehim tal-azzjonisti, Gazprom, fid-29 ta’ Awwissu 2011, ippreżentat talba għal arbitraġġ kontra l-Ministeru tal‑Enerġija fl-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stockholm u talbet lit-Tribunal tal-Arbitraġġ jordna lill-Ministeru tal‑Enerġija jirtira r-rikors li huwa kien ippreżenta quddiem il-qrati Litwani. L-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Stockholm irreġistra din it-talba għal arbitraġġ bil-Kawża Nru V (125/2011).

34.      Fid-9 ta’ Diċembru 2011, il-Ministeru tal-Enerġija emenda r‑rikors tiegħu. Permezz tar-rikors emendat tiegħu, fost affarijiet oħra, huwa waqqa’ t-talba tiegħu għar-revoka tal-ħatra ta’ Valentukevičius, Golubev u Seleznev, iżda żamm it-talba tiegħu li jobbliga lil Lietuvos dujos tibda negozjati ma’ Gazprom sabiex tiġi stabbilita tariffa ekwa u ġusta għax-xiri tal-gass.

35.      Il-kunflitt bejn Gazprom u r-Repubblika tal-Litwanja żdied fix-xahar ta’ Marzu 2012 b’arbitraġġ internazzjonali ieħor mibdi minn Gazprom quddiem il-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ f’Den Haag. Permezz ta’ dan l-arbitraġġ, Gazprom ikkontestat id-deċiżjoni tal-Gvern Litwan li jipproċedi skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir‑regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id‑Direttiva 2003/55/KE (8), għas-separazzjoni fi ħdan Lietuvos dujos tal-attivitajiet ta’ operatur ta’ sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass minn dawk ta’ produzzjoni u provvista ta’ gass, li kienet timplika li Gazprom ma setgħetx tkun iktar azzjonista ta’ Lietuvos dujos.

36.      F’dan it-tieni arbitraġġ internazzjonali, Gazprom tallega li fit‑traspożizzjoni u fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, ir-Repubblika tal-Litwanja kisret l-obbligi tagħha taħt it-Trattat tad-29 ta’ Ġunju 1999 bejn il‑Gvern tal-Federazzjoni tar-Russja u l-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-inkoraġġiment u l-protezzjoni reċiproka tal-investimenti (9).

37.      Fil-31 ta’ Lulju 2012, it-Tribunal tal-Arbitraġġ ikkostitwit fil‑Kawża V (125/2011) ta deċiżjoni (“final award”) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-arbitraġġ”) li permezz tagħha huwa laqa’ parzjalment it-talba ta’ Gazprom (10). Skont it-Tribunal tal-Arbitraġġ, il-proċedura mibdija mill-Ministeru tal-Enerġija quddiem il-Vilniaus apygardos teismas kienet tikser parzjalment il-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil‑ftehim tal-azzjonisti. Huwa għalhekk talab lill-Ministeru tal-Enerġija sabiex jirrinunzja għal ċerti talbiet li kien għamel quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (b’mod partikolari dik li jobbliga lil Lietuvos dujos sabiex tibda negozjati ma’ Gazprom sabiex tiġi stabbilita tariffa ekwa u ġusta għax-xiri tal-gass) u sabiex jerġa’ jifformula waħda minn dawn it‑talbiet, b’mod li tirrispetta l-impenn meħud mill-Ministeru tal‑Enerġija li jissottometti għal arbitraġġ il-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim tal-azzjonisti.

38.      Fit-3 ta’ Settembru 2012, il-Vilniaus apygardos teismas laqa’ r‑rikors tal-Ministeru tal-Enerġija u ddeċieda li jaħtar esperti sabiex imexxu investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos. Huwa kkonstata wkoll li dan ir-rikors kien jaqa’ fil-kompetenza tiegħu u li ma setax ikun is-suġġett ta’ arbitraġġ bis-saħħa tad-dritt Litwan.

39.      Lietuvos dujos kif ukoll Valentukevičius, Golubev u Seleznev appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja). Gazprom talbet ukoll lill-istess qorti sabiex tirrikonoxxi u teżegwixxi d-deċiżjoni tal-arbitraġġ bl‑applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

40.      F’Ottubru 2012, ir-Repubblika tal-Litwanja bdiet proċeduri ta’ arbitraġġ kontra Gazprom quddiem l-Istitut tal-Arbitraġġ tal-Kamra tal-Kummerċ Stockholm li fihom allegat li l‑emendi li saru fil-kuntratt ta’ gass għal perijodu twil bejn is-sena 2004 u s-sena 2012 kienu kontra t-termini tal-ftehim ta’ bejgħ u xiri ta’ azzjonijiet tal-24 ta’Jannar 2004 u talbet danni ta’ USD 1.9 biljun (11).

41.      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Diċembru 2012, il-Lietuvos apeliacinis teismas filwaqt li bbaża ruħu fuq l-Artikolu V (2)(a) u (b), tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 iddeċieda li ma jilqax it-talba ta’ Gazprom.

42.      B’mod iktar preċiż, il-Lietuvos Apeliacinis Teismas iddeċieda li t-Tribunal tal-Arbitraġġ ma kienx awtorizzat jiddeċiedi dwar kwistjoni diġà mqajma u evalwata mill-Vilniaus apygardos teismas, li permezz tad-digriet tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2012, kien iddeċieda li l-kwistjonijiet msemmija fl-Artikolu 2.134 tal-Kodiċi Ċivili ma kinux kwistjonijiet li jistgħu jiġu deċiżi b’arbitraġġ. Il-Lietuvos apeliacinis teismas seta’ għalhekk jirrifjuta li jirrikonoxxi u jeżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu V(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

43.      Il-Lietuvos apeliacinis teismas ikkunsidra wkoll li, billi llimitat il-kapaċità tal-Istat Litwan sabiex jaġixxi quddiem qorti Litwana u billi rrifjutat il-kompetenza tal-qrati Litwani sabiex jiddikjaraw ruħhom dwar il-ġurisdizzjoni tagħhom, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ tikser il-prinċipju ta’ indipendenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji stabbilit bl-Artikolu 109(2) tal‑Kostituzzjoni Litwana. Il-Lietuvos apeliacinis teismas għalhekk ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-arbitraġġ tikser l-ordni pubbliku Litwan u rrifjuta li jirrikonoxxiha u jeżegwixxiha din id-darba abbażi tal‑Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

44.      Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Frar 2013, il-Lietuvos apeliacinis teismas ċaħad l-appell ta’ Lietuvos dujos u ta’ Valentukevičius, Golubev u Seleznev kontra d-deċiżjoni ta’ Vilniaus apygardos teismas li jiftaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos.

45.      Dawn iż-żewġ digrieti ta’ Lietuvos apeliacinis teismas kienu s-suġġett ta’ appelli fil-Kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li ddeċidiet permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Novembru 2013, li tissospendi l‑evalwazzjoni tal-appell kontra d-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas dwar l-investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos, sakemm tiddeċiedi l-appell dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni tal-arbitraġġ.

46.      Fil-kuntest ta’ dan l-aħħar appell, Gazprom talbet l-annullment tad-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2012 tal-Lietuvos apeliacinis teismas u l-adozzjoni ta’ digriet ġdid sabiex tintlaqa’ t-talba tagħha ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ. Il-Ministeru tal‑Enerġija talab li l-appell jiġi miċħud abbażi tal-Artikolu V(2)(b) tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, billi allega li d-deċiżjoni tal‑arbitraġġ kienet “anti-suit injunction” u li r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tagħha kienu kontra r-Regolament Brussell I kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (C‑185/07, EU:C:2009:69).

47.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Fil-każ fejn tribunal tal-arbitraġġ jawtorizza ‘anti-suit injunction’ u b’hekk jipprojbixxi lil parti milli tippreżenta ċerti talbiet quddiem qorti ta’ Stat Membru li, skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, ikollha l-ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-mertu tal-kawża ċivili, il-qorti tal-Istat Membru għandha d-dritt li tirrifjuta li tirrikonoxxi tali deċiżjoni tal-arbitraġġ minħabba l-fatt li din tillimita d-dritt tal-qorti li tiddeċiedi hija stess dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex teżamina kawża skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?

2.      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din tkun ukoll valida jekk l-‘anti-suit injunction’ deċiża mit-tribunal tal-arbitraġġ timponi fuq parti fil-proċedura li tillimita l-pretensjonijiet tagħha f’kawża li tkun qed tiġi eżaminata fi Stat Membru ieħor u l-qorti ta’ dan l-Istat Membru jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina din il-kawża skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001?

3.      Qorti nazzjonali tista’, peress li tixtieq tiżgura s-supremazija tad‑dritt tal-Unjoni u l-effikaċja sħiħa tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni tal-arbitraġġ, jekk hija tillimita d-dritt tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha u l‑funzjonijiet tagħha f’kawża li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Nru 44/2001?”

48.      Fl-10 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar‑Repubblika tal-Litwanja ħabbar li kien impona multa ta’ LTL 123 096 700 (madwar EUR 35.6 miljuni) fuq Gazprom minħabba ksur tal-kundizzjonijiet li kienu imposti fuqha meta akkwistat l‑azzjonijiet tagħha fil-kapital ta’ Lietuvos dujos (12).

49.      Fit-12 ta’ Ġunju 2014, Gazprom ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tbigħ dawn l-azzjonijiet (13).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

50.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fil-15 ta’ Ottubru 2013. Gazprom, il-Gvern Litwan, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, Awstrijak, u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub.

51.      Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, fl‑4 ta’ Lulju 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żewġ mistoqsijiet lill-partijiet biex jitwieġbu bil-miktub qabel is-seduta u mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2014. Gazprom, il-Gvern Litwan, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni ppreżentaw ir-risposti tagħhom fit-terminu previst.

52.      Fit-30 ta’ Settembru 2014, inżammet seduta li fiha Gazprom, il‑Gvern Litwan, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll l-Isvizzera u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

53.      Fil-paġna 10 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li Vilniaus apygardos teismas ġie adit mir-rikors tal‑Ministeru tal-Enerġija kontra Lietuvos dujos u Valentukevičius, Golubev u Seleznev (14) abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija (mutatis mutandis) tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Brussell I.

54.      Din id-dispożizzjoni tar-regolament tipprovdi li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru “tista’ wkoll tiġi mfittxija […] bħala parti terza f’azzjoni dwar mandat jew garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li tkun fil-pussess tal‑proċedimenti oriġinali, sa kemm dawn kienu ġew mibdija biss bl‑obbjettiv uniku li jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ l-każ tiegħu”.

55.      Fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni hija manifestament inapplikabbli f’dan il-każ, peress li r-rikors inkwistjoni la jirrigwarda talba għal garanzija u lanqas talba għal intervent.

56.      Matul is-seduta, il-Gvern Litwan issuġġerixxa li dan kien każ ta’ żball tal-pinna tal-qorti tar-rinviju, peress li l-intenzjoni tagħha kienet li tinvoka l-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (15) li lanqas jidhirli li huwa applikabbli, peress li jippermetti li persuna ddomiċiljata fit‑territorju ta’ Stat Membru tkun imfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor fejn hu ddomiċiljat wieħed mid-diversi konvenuti. F’dan il-każ, bl-eċċezzjoni ta’ Golubev u Seleznev li huma ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat terz, il-konvenuti huma ddomiċiljati fil-Litwanja.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ċertament tirrifjuta li tirrispondi d‑domandi preliminari, fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani korrettament ibbażata fuq ir-Regolament Brussell I. Madankollu, hija tista’ tirrileva li kien possibbli għal Vilniaus apygardos teismas li jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fir-rigward ta’ Lietuvos dujos u ta’ Valentukevičius, id-Direttur Ġenerali tagħha fuq l-Artikolu 2(1) tal‑imsemmi Regolament (16), peress li l-element ta’ estranjetà meħtieġ għall-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu (u tar-regolament) jirriżulta mid‑domiċilju fil-Federazzjoni tar-Russja ta’ tnejn mid-diversi konvenuti (Golubev et Seleznev) (17), li f’liema każ kienet tkun kompetenti sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

2.      Dwar l-ammissibbiltà tad-domandi

58.      Skont ġurisprudenza stabbilita, “id-domandi dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li fir-rigward tagħhom ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza, dawn jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha” (18).

59.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tispjega f’paġna 9 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li “kwistjoni dwar il-bidu ta’ investigazzjoni dwar persuna ġuridika ma tistax tkun is-suġġett ta’ arbitraġġ”.

60.      Kif jirrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, hemm għalhekk bażi legali, f’dan il-każ l-Artikolu V(2)(a) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 (19), li fuqha l-qorti tar-rinviju tista’ tirrifjuta r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kif wara kollox diġà għamel il-Lietuvos apeliacinis teismas (20).

61.      Għalhekk fl-opinjoni tiegħi jista’ jkun li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma humiex rilevanti għall-kawża prinċipali, peress li l-qorti tar-rinviju tista’ faċilment tgħaddi mingħajr risposti għal dawn id-domandi sabiex tiddeċiedi l-kawża li minnha hija adita. Dawn il-konklużjonijiet ovvjament jitilqu mill-premessa li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

3.      Hija verament “anti-suit injunction”?

62.      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi bħala “anti-suit injunction” id-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwantu hija tordna lill-Ministeru tal-Enerġija jirrinzunja għal ċerti talbiet li huwa kien għamel quddiem il-qrati Litwani.

63.      F’dan is-sens, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ tqarreb lejn “anti-suit injunctions” tad-dritt Ingliż li kienu s-suġġett tas-sentenzi Turner (C‑159/02, EU:C:2004:228) kif ukoll Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69). Fid-dritt Ingliż, l-“anti-suit injunction” hija digriet ta’ qorti Ingliża li titlob lil persuna sottomessa in personam għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi (21) biex ma tibdix, biex ma tressaqx ċerti talbiet, biex tirrinunzjahom jew li tieħu l-passi meħtieġa sabiex tagħlaq jew tissospendi proċedura pendenti quddiem qorti nazzjonali jew ta’ arbitraġġ stabbilita f’pajjiż barrani (22).

64.      L-“anti-suit injunction” ma ssirx kontra l-qorti barranija u hija indirizzata biss lejn parti mfittxija quddiem qorti Ingliża (23).

65.      Il-parti li lejha hija indirizzata l-“anti-suit injunction” u li ma tirrispettahiex tkun esposta għal proċeduri ta’ disprezz lejn il-qorti (“contempt of court”) li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet kriminali u għas-sekwestru ta’ proprjetà fir-Renju Unit (24). Ovvjament huwa possibbli li l-“anti-suit injunction” ma jkollha l-ebda effett jekk il-parti li lejha hija indirizzata ma hijiex preżenti fir-Renju Unit jew ma għandhiex proprjetà fir-Renju Unit iżda kull deċiżjoni miksuba bi ksur ta’ “anti-suit injunction” la tiġi rrikonoxxuta u lanqas eżegwita fir-Renju Unit (25).

66.      Kif spjega l-Gvern Franċiż fir-risposta bil-miktub tiegħu għall‑mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ebda ordni ta’ dan it-tip ma ngħatat fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kuntrarjament għall-“anti-suit injunctions” li kienu s-suġġett tas-sentenzi Turner (EU:C:2004:228) kif ukoll Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), in-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ mill‑Ministeru għall-Enerġija ma għandu l-ebda konsegwenza ta’ sanzjoni fil-konfront tiegħu (26).

67.      Minkejja dan, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ u l-ordni inkluża fiha jorbtu lill-persuna li lejha hija indirizzata billi jordnawlha tirtira parti mir-rikors tagħha quddiem il-qrati Litwani sakemm, skont it-Tribunal tal-Arbitraġġ, dan ir-rikors jinsab parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ arbitraġg. Huwa f’dan is-sens li, l-istess bħall‑“anti‑suit injunctions” li kienu s-suġġett tas-sentenzi Turner (EU:C:2004:228) kif ukoll Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), id-deċiżjoni tal-arbitraġġ tista’, skont il-qorti tar‑rinviju, tippreġudika l-effett utli tar-Regolament Brussell I. Huwa abbażi ta’ din l-ipoteżi li jiena ser nargumenta.

B –    Fuq l-ewwel domanda

68.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi “anti-suit injunction” mogħtija f’arbitraġġ minħabba l-fatt li din tillimita “d-dritt […] li tiddeċiedi hija stess dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex teżamina kawża skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni tar-Regolament [Bruxelles I]”.

69.      Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk ir-Regolament Brussell I huwiex verament applikabbli għall-każ inkwistjoni jew jekk hijiex biss il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 li hija applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

1.      Ir-Regolament Brussell I huwa applikabbli bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tiegħu?

70.      Sabiex tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, il-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 71(2) tiegħu li jipprovdi li: “[m]eta konvenzjoni dwar materja partikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet ikunu qiegħdu kondizzjonijet [għar-rikonoxximent u] għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-proċedura għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw” (27).

71.      Fl-opinjoni tiegħi, kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u l-Konfederazzjoni Svizzera, din id-dispożizzjoni ma għandhiex lok illi tapplika f’dan il-każ, peress li l‑kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa limitat għal ftehim konklużi bejn l-Istati Membri li jistabbilixxu “kondizzjonijiet [għar-rikonixximent u] għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”. It-terminu “sentenza” huwa ddefinit fl‑Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament bħala “xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l‑ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti” (28). Huwa evidenti li tribunal ta’ arbitraġġ ikkostitwit abbażi ta’ ftehim ta’ arbitraġġ liberament konkluż bejn żewġ partijiet (bħal dak li wassal għad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali) ma huwiex qorti ta’ Stat Membru (29).

72.      Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Brussell I jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan ifisser li, kif isostnu barra minn hekk Gazprom, il-Gvern Ġermaniż, dak Franċiż u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għandhom ikunu suġġetti biss għall-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

73.      F’dan il-każ, skont dawn l-intervenjenti, peress li l-qorti tar‑rinviju stess kienet adita fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni bl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni taqa’ esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni (30). Konsegwentement, ma għandux ikun hemm dubju dwar id-dritt tal-Unjoni li bis-saħħa tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tirrispondi abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

2.      Ir-Regolament Brussell I huwa applikabbli bis-saħħa tas‑sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69)?

74.      Kif jispjega l-Gvern Franċiż fir-risposta tiegħu għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, “is-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali [(EU:C:2009:69)] qajmet dubji dwar il-portata tal-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Brussell I]”.

75.      Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2000, il-Front Comor, bastiment li huwa proprjetà ta’ West Tankers Inc. (iktar ’il quddiem “West Tankers”) u li nkera lil Erg Petroli SpA (iktar ’il quddiem “Erg Petroli”) kkawża ħsara f’moll f’Siracusa proprjetà ta’ Erg Petroli. Il-kuntratt ta’ kera kien suġġett għal-liġi Ingliża u kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ f’Londra.

76.      Erg Petroli għamlet talba lill-assiguraturi tagħha, Allianz Spa (iktar ’il quddiem “Allianz”) u Generali Assicurazioni Generali SpA (iktar ’il quddiem “Generali”), sabiex tingħata kumpens sal-limitu tal‑kopertura tal-assigurazzjoni tagħha, u bdiet, f’Londra, proċedura ta’ arbitraġġ kontra West Tankers għall-kumplament. Wara li ħallsu lil Erg Petroli, skont il-poloz ta’ assigurazzjoni, il-kumpens għad-dannu li hija ġarrbet, l-assiguraturi, b’titolu ta’ surroga, ippreżentaw rikors kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa (Italja) sabiex jirkupraw l‑ammonti mħallsa lil Erg Petroli. West Tankers qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti bbażata fuq l-eżistenza tal‑ftehim ta’ arbitraġġ.

77.      Peress li s-sede tal-arbitraġġ kienet Londra, West Tankers bdiet proċedura quddiem il-qrati Ingliżi sabiex tikseb “anti-suit injunction” li tipprojbixxi lil Allianz u lil Generali Assicurazioni Generali kemm milli jirrikorru għal proċedura li ma hijiex dik ta’ arbitraġġ kif ukoll it‑tkomplija tal-proċedura li nfetħet quddiem it-Tribunale di Siracusa.

78.      Il-qrati Ingliżi laqgħu din it-talba iżda l-House of Lords staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fid-dawl tad-differenza miċ-ċirkustanzi tal‑kawża li tat lok għas-sentenza Turner (EU:C:2004:228) (31), hija kellhiex is-setgħa li toħroġ “anti-suit injunction” li tkun kompatibbli mar‑Regolament Brussell I, minħabba l-fatt li l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu jeskludi l-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet l-analiżi tagħha billi ammettiet li peress li din kienet proċedura nazzjonali iżda insostenn ta’ arbitraġġ, “[p]roċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall‑adozzjoni ta’ ‘anti‑suit injunction’, ma tistax għalhekk taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Bruxelles I]” (32).

80.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeċidiet li, “[m]adankollu, għalkemm proċedura ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament [Brussell I], xorta jista’ jkollha konsegwenzi li jippreġudikaw l-effett utli tiegħu, jiġifieri li timpedixxi t-twettiq tal-għanijiet tal-unifikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll il-moviment liberu tad-deċiżjonijiet f’din l-istess materja. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta din il-proċedura timpedixxi lil qorti ta’ Stat Membru milli teżerċita l-ġurisdizzjoni li ġiet assenjata lilha taħt ir-Regolament [Brussell I] (33).

81.      Imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “kwistjoni preliminari dwar l-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluż b’mod partikolari dwar il-validità tiegħu, taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament” (34).

82.      Abbażi ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet b’mod negattiv id-domanda tal-House of Lords billi ddeċidiet li l-proċedura mibdija minn Allianz u Generali Assicurazioni Generali kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa kienet taqa’ hija stess fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (35), u dan minkejja l-ftehim ta’ arbitraġġ li jorbot lill-partijiet. Hija żiedet li l-“anti-suit injunction” inkwistjoni ma kinitx tirrispetta d-dritt tal-qorti Taljana li tistabbilixxi, hija stess, jekk kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li kienet sottomessa lilha (36), li kienet għalhekk kontra l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri u tagħlaq l-aċċess għall-qorti tal‑Istat ta’ rikorrent li jikkunsidra l-ftehim ta’ arbitraġġ bħala null, bla effett jew li ma jistax jiġi applikat (37).

83.      Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-“anti-suit injunction” inkwistjoni f’din il-kawża kienet inkompatibbli mar‑Regolament Brussell I.

84.      Fuq din il-bażi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, bħal “anti-suit injunction” maħruġa minn qorti nazzjonali, “anti-suit injunction” maħruġa minn tribunal ta’ arbitraġġ tikkawża preġudizzju għall-effett utli tar‑Regolament Brussell I.

85.      Dan l-argument jista’ jsir sa fejn, fil-kawża li tat lok għas‑sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), il-House of Lords, bħall-qorti tar-rinviju, kienet adita minn proċedura li kienet tinsab, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (38), jiġifieri talba sabiex tinkiseb “anti-suit injunction” kontra parti li bdiet proċeduri ġudizzjarji fl-Italja bi ksur ta’ ftehim ta’ arbitraġġ li kien jobbligaha tissottometti kull kwistjoni għal arbitraġġ f’Londra (39). It-talba għar‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab ukoll barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

86.      Ir-Regolament Brussell I kien iddikjarat applikabbli f’din il-kawża abbażi ta’ proċedura oħra, jiġifieri l‑proċedura quddiem il-qorti Taljana, li l-mertu tagħha, bħal dak tar‑rikors intiż sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos (40), kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑Regolament, u b’mod partikolari tal-Artikolu 5(3) tiegħu. F’dan il‑każ, il-mertu tar-rikors tal-Ministeru tal-Enerġija intiż sabiex tinfetaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Brussell I, u b’mod iktar preċiż tal‑Artikolu 2 tiegħu (41).

87.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak tar-Renju Unit kif ukoll il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni jqisu, li r-Regolament Brussell I ma huwiex applikabbli fil-kawża prinċipali għaliex l‑arbitraġġ huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Madankollu, li kieku kien daqshekk sempliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tiddikjara bħala inkompatibbli mar-Regolament Brussell I l‑“anti‑suit injunction” li kienet is-suġġett tas-sentenza tagħha Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) (42).

88.      F’dan is-sens, is-sitwazzjoni tal-House of Lords, adita minn kwistjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, hija analoga għal dik tal-qorti tar-rinviju li wkoll hija adita minn talba għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal‑arbitraġġ, ukoll eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament. Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju hija fl-istess ħin adita minn rikors li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, jiġifieri t-talba sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l‑attivitajiet ta’ Lietuvos dujos, il-pożizzjoni tagħha hija identika għal dik tat‑Tribunale di Siracusa fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69). F’din is-sentenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-“anti-suit injunction” kienet inkompatibbli mar‑Regolament Brussell I, konklużjoni li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra applikabbli fil‑kawża prinċipali. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument għar‑raġunijiet li ser nispjega.

3.      Risposta għad-domanda preliminari

89.      Hemm żewġ elementi li jwassluni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi din id-domanda fin-negattiv.

a)      L-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni)

90.      Il-Gvern Spanjol huwa tal-opinjoni li, għar-raġunijiet ta’ żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni r‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni) fir-risposta tagħha għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

91.      Ċertament, dan ir-regolament ma huwiex applikabbli ħlief mill‑10 ta’ Jannar 2015, imma bħal Gazprom, il-Gvern Litwan, Ġermaniż u dak Franċiż, il-Kummissjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera, jiena naħseb li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħdu inkunsiderazzjoni, għaliex il-fattur innovativ f’dan ir-regolament, li jerġa’ jinkludi l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma jinsabx fit-test tad-dispożittiv, iżda iktar fil-premessa 12 li, fir-realtà, xi ftit bl-istess mod bħal liġi interpretattiva retroattiva, tispjega kif din l-esklużjoni għandha jew kellha dejjem tiġi interpretata.

92.      Qabel ma nevalwa aħjar il-portata ta’ din il-premessa 12, ikun utli li neżamina l-istorja leġiżlattiva tagħha.

93.      L-Artikolu 73 tar-Regolament Brussell I jistipula proċedura ta’ riforma ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li, mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposti sabiex jiġu adottat.

94.      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni inkarigat lill‑Professuri Hess, Pfeiffer u Schlosser sabiex iħejju rapport (imsejjaħ ir-“rapport Heidelberg”) dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (43). Dan ir-rapport kien ippubblikat fl-2007, qabel ma ngħatat is-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69).

95.      Filwaqt li huwa ammess li r-Regolament Brussell I ma għandux jitratta kwistjonijiet irregolati mill-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, ir-redatturi tar-rapport ta’ Heidelberg ipproponew serje ta’ dispożizzjonijiet ġodda li kienu jippermettu interferenza tal-imsemmi regolament fil-qasam tal-arbitraġġ sabiex jiġu ttrattati kwistjonijiet fejn jikkoinċidu dawn iż-żewġ testi, bħal, pereżempju, il-kwistjoni dwar kawża mressqa quddiem qorti nazzjonali li tkun iddikjarat ftehim ta’ arbitraġġ null jew kawża mressqa quddiem qorti nazzjonali fil-kwalità tagħha ta’ qorti ta’ sostenn tal-arbitraġġ.

96.      Ir-rapport Heidelberg sar wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2008:466, punti 71 u 73), fejn hija kkonstatat in-nuqqas “ta’ mekkaniżmu sabiex tiġi kkoordinata l-ġurisdizzjoni tiegħu mal‑ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali” u pproponiet li “hija biss l‑inklużjoni tal-arbitraġġ fl-iskema ta’ Regolament [Bruxelles I] li tista’ tirrimedja s-sitwazzjoni”.

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qablet mal-analiżi tal-Avukat Ġenerali Kokott u kkwotat, diversi drabi, il-konklużjonijiet tagħha [sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punti 20, 26 u 29)].

98.      Il-kummentarji li kkritikaw din is-sentenza essenzjalment ġew mill-qasam tad-dritt internazzjonali privat u tal-arbitraġġ, u l-qofol tal‑kritika kien li fir-realtà l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I ġie estiż għall-arbitraġġ b’mod li seta’ jikkomprometti l‑effikaċja tiegħu (44).

99.      Ma’ din il-kritika, inżid ukoll li l-imsemmija sentenza żgarrat ma’ tliet sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61), Rich (C‑190/89, EU:C:1991:319) u Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543).

100. Is-sentenza Hoffmann (EU:C:1988:61) kienet tirrigwarda l‑eżekuzzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ deċiżjoni Ġermaniża li kienet tikkundanna lil wieħed mill-konjuġi sabiex iħallas manteniment lill‑konjuġi l-ieħor minħabba obbligi li jirriżultaw miż-żwieġ. Tali deċiżjoni kienet tippresupponi neċessarjament l-eżistenza ta’ rabta matrimonjali. Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) staqsa jekk ix-xoljiment ta’ din ir-rabta matrimonjali li rriżulta minn sentenza ta’ divorzju mogħtija minn qorti Olandiża setax iwaqqaf l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Ġermaniża, anki f’każ li din tal-aħħar tibqa’ eżekuttiva fil‑Ġermanja, minħabba r-rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju.

101. Bħal fil-każ tal-arbitraġġ, l-istat tal-persuni fiżiċi, li minnu jagħmlu parti ż-żwieġ u d-divorzju, kien eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Għall-kuntrarju, il-ħlas tal‑manteniment, peress li ma huwiex kwistjoni dwar status ta’ persuni, kien kopert mill-Konvenzjoni ta’ Brussell, fatt li kien jimplika li l-qrati Olandiżi kienu a priori marbuta bil-Konvenzjoni sabiex jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjoni Ġermaniża, ħaġa li kienet tkun irrikonċiljabbli mas-sentenza ta’ divorzju Olandiża.

102. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma tipprekludix li qorti tal-Istat fejn qed tintalab l-eżekuzzjoni jiġbed il‑konklużjonijiet neċessarji ta’ sentenza nazzjonali ta’ divorzju fil‑kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni minn qorti barranija dwar il‑[manteniment]” (45), li jimplika li l-Hoge Raad der Nederlanden ma kienx obbligat li jirrikonoxxi u jeżegwixxi d-deċiżjoni Ġermaniża li wara kollox kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il‑konvenzjoni.

103. Fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), minkejja li l-arbitraġġ kien, bħall-istat tal-persuni, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati Ingliżi ma setgħux japplikaw d-dritt nazzjonali tagħhom kollu kemm hu u jiddikjaraw “anti-suit injunctions” insostenn ta’ arbitraġġ. B’dan il-mod, hija llimitat il-portata tal‑esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament (46).

104. Is-sentenza Rich (EU:C:1991:319) kienet tirrigwarda kuntratt ta’ xiri ta’ petrol konkluż bejn kumpannija Svizzera u kumpannija Taljana. Dan il-kuntratt kien suġġett għal-liġi Ingliża u kien fih klawżola ta’ arbitraġġ. Meta x-xerrej (il-kumpannija Svizzera) invoka tnaqqis serju ta’ provvista, il-bejjiegħ (il-kumpannija Taljana) fetaħ proċeduri kontra tiegħu quddiem it-Tribunale di Genova (Italja) sabiex jikseb dikjarazzjoni li tneħħi kull responsabbiltà fil-konfront tiegħu.

105. Kif miftiehem fil-kuntratt, il-kumpannija Svizzera bdiet proċeduri ta’ arbitraġġ f’Londra li fihom il-kumpannija Taljana rrifjutat li tipparteċipa u li tinnomina l-arbitru tagħha, ħaġa li fixklet il‑proċeduri. Il-kumpannija Svizzera talbet lill-qrati Ingliżi, fil-kwalità tagħhom ta’ qrati ta’ sostenn tal-arbitraġġ, sabiex jinnominaw arbitru għan-nom tal-kumpannija Taljana.

106. Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), il-kumpannija Taljana sostniet li l-kwistjoni reali bejn il-partijiet kienet marbuta mal-kwistjoni dwar jekk il-kuntratt inkwistjoni kienx fih jew le klawżola ta’ arbitraġġ, li tali kwistjoni kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li għalhekk kellha tiġi deċiża fl-Italja.

107. Il-kwistjoni kienet għalhekk jekk il-proċedura mibdija quddiem il-qrati Ingliżi sabiex jinnominaw l-arbitru kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi “bl-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell minħabba l‑fatt li din kienet diġà s-suġġett ta’ konvenzjonijiet internazzjonali [b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958], il-partijiet kontraenti riedu jeskludu l-arbitraġġ kompletament, inkluż [i]l-proċeduri introdotti quddiem il-qrati nazzjonali” (47).

109. Anki jekk in-nomina ta’ arbitru u l-proċeduri nazzjonali insostenn tal-arbitraġġ ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ New York ta’ 1958, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari n-nomina ta’ arbitru minn qorti nazzjonali, kellu jiġi kkonstatat li din hija miżura nazzjonali intiża sabiex timplementa proċedura ta’ arbitraġġ. Tali miżura għalhekk taqa’ fil-qasam tal-arbitraġġ u, b’hekk, hija inkluża fl-esklużjoni tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell” (48).

110. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tal-kumpannija Taljana li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kienet applikabbli għall-kwistjonijiet relatati mal-eżistenza jew mal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, billi ddeċidiet li, “sabiex ikun ddeterminat jekk kwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni, għandu jiġi kkunsidrat biss is-suġġett tal-kwistjoni. Jekk, minħabba s-suġġett tagħha, bħan-nomina ta’ arbitru, kwistjoni hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-eżistenza ta’ punt preliminari, li l-qorti trid tiddeċiedi dwaru sabiex taqta’ l-kwistjoni, ma jistax, irrispettivament minn x’inhu dan il‑punt preliminari, jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell” (49). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ fis‑sentenza tagħha Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543) (50).

111. Fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), minflok ma stabbilixxiet l-applikabbiltà tar‑Regolament ta’ Brussell I fil-konfront tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, kif għamlet fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Rich (EU:C:1991:319) u Van Uden (EU:C:1998:543), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat is-suġġett tal-kwistjoni fid-dawl ta’ kwistjoni oħra, jiġifieri dik ippreżentata quddiem il-qrati Taljani.

112. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja skartat il-pożizzjoni tagħha fis-sentenza Rich (EU:C:1991:319, punti 18 u 26) li huwa biss is‑suġġett tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u li l-arbitraġġ bħala qasam kien eskluż fit-totalità tiegħu mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I.

113. Wara r-rapport Heidelberg, is-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) u l-kummentarji li saru wara din is-sentenza, il-Kummissjoni ppubblikat il-Green paper tagħha dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I (iktar ’il quddiem il-“Green paper”) (51), fejn hija nidiet konsultazzjoni pubblika filwaqt li pproponiet it-tneħħija parzjali tal-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bil-għan li ttejjeb ir-relazzjoni bejn ir-regolament u l-proċedura ta’ arbitraġġ.

114. Diversi Stati Membri bħar-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal‑Polonja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll numru ta’ atturi fil-qasam tal‑arbitraġġ (52) opponew għal dan, għaliex sostnew illi r-Regolament Brussell I ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 u li l-esklużjoni totali tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament għandha tiġi kkonfermata.

115. Fl-istudju tagħha dwar l-impatt li sar flimkien mal-proposta ta’ riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I (53), il-Kummissjoni nnotat il‑kritika fis-sens li s-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) kienet tippermetti lill-partijiet in mala fede li jiskartaw l-obbligu tagħhom li jissottomettu kwalunkwe kwistjoni għall‑arbitraġġ (54) u indikat tliet alternattivi possibbli (55).

116. L-ewwel alternattiva kienet li jinżamm l-istatus quo, jiġifieri l‑esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li skont il-Kummissjoni, ma kienx jeskludi r-riskju ta’ abbuż li s‑sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) ma kinitx tippermetti li tipprevjeni jew li tipprojbixxi (56).

117. It-tieni alternattiva kienet li l-esklużjoni tal-arbitraġġ tiġi estiża għal kull proċedura relatata mal-arbitraġġ u b’mod partikolari ma’ “kull proċedura li fiha l-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ kienet ikkontestata” (57).

118. Finalment, it-tielet alternattiva kienet sabiex tiżdied l-effettività tal-klawżoli ta’ arbitraġġ, billi jitqies li qorti ta’ Stat Membru adita bi kwistjoni li għaliha japplika ftehim ta’ arbitraġġ għandha tissospendi d‑deċiżjoni fil-każ fejn tribunal ta’ arbitraġġ jew qorti li tinsab fis-sede tal-arbitraġġ tkun ġiet adita mill-kwistjoni (58).

119. Fil-proposta ta’ riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I (iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ riformulazzjoni”) (59), il-Kummissjoni għażlet din l-aħħar alternattiva filwaqt li żammet il-proposta li saret fil-Green paper tagħha li tneħħi parzjalment l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (60).

120. Kif jammettu l-Gvern Litwan u l-Kummissjoni fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-emendi proposti mill-Kummissjoni ġew miċħuda mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea. Fil‑fatt, bir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010, il-Parlament Ewropew “oppon[a] bil-qawwa l-abolizzjoni (anki parzjali) tal‑esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni” u “[qies] li l‑Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament għandu jagħmilha ċara li mhux il‑proċedimenti tal-arbitraġġ biss, imma wkoll il-proċedimenti ġudizzjarji li jiddeċiedu dwar il-validità jew il-grad tal-kompetenza tal‑abitraġġ bħala kwestjoni prinċipali jew bħala kwestjoni inċidentali jew preliminari huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament” (61).

121. Il-Kunsill ukoll oppona l-għażla tal-Kummissjoni li tneħħi parzjalment l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni). Permezz tan-nota tagħha, tal-1 ta’ Ġunju 2012, il‑Presidenza tal-Kunsill stiednet lill-Kunsill sabiex jadotta, bħala kompromess globali, l-abbozz ta’ direzzjoni ġenerali li kien jinsab fl‑anness ta’ din in-nota (62). Skont dan l-abbozz, il-proposti tal‑Kummissjoni fir-rigward tal-arbitraġġ li kienu jinsabu fil-proposta ta’ riformulazzjoni tagħha kellhom jiġu miċħuda (63).

122. Fil-fatt, it-test ta’ kompromess kien jipprovdi l-introduzzjoni ta’ premessa ġdida bit-test li jidher illum fil-premessa 12 tar-Regolament ta’ Brussell I (riformulazzjoni) kif ukoll f’dispożizzjoni ġdida li jipprovdi li r‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni) “m’għandux jaffettwa l‑applikazzjoni tal-[Konvenzjoni ta’ New York tal-1958]” (64).

123. Il-Kunsill approva dan it-test fit-8 ta’ Ġunju 2012. Wara din l‑approvazzjoni, il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li permezz tagħha approva l-emendi tar-regolament li jikkonċernaw l-arbitraġġ, kif spjegati fid-dokument approvat mill-Kunsill (65).

124. Fil-verżjoni finali tiegħu, ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) iżomm l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u jinkludi l-premessa 12 il-ġdida kif ukoll l-Artikolu 73(2) ġdid li jipprovdi “[d]an ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958” (66).

125. Fl-opinjoni tiegħi, dawn id-dispożizzjonijiet l-ġodda, u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-premessa 12 imsaħħa permezz ta’ dan l‑Artikolu 73(2) ġdid, jikkorrispondu għat-tieni alternattiva ppreżentata mill-Kummissjoni fl-istudju ta’ impatt tagħha li akkumpanja l-proposta ta’ riformulazzjoni tagħha, li kienet intiża sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament kull proċedura li fiha kienet qed tiġi kkontestata l-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ (67).

126. Fil-fatt, skont it-tieni paragrafu ta’ din il-premessa, “[s]entenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru dwar jekk ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq m’għandhiex tkun soġġetta għar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, indipendentement minn jekk il-qorti ddeċidietx dwar dan bħala kwistjoni prinċipali jew bħala kwistjoni inċidentali” (68), peress li d-dispożittiv tar-Regolament fih innifsu ma ġiex emendat.

127. Il-parti bil-korsiv turi li l-istħarriġ inċidentali tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni), għaliex jekk dan ma jkunx il-każ, ir-regoli ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ dan ir‑regolament ikunu applikabbli għal deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali li jirrigwardaw il-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ (69).

128. Din ma kinitx l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punt 26) (70), fejn hija bbażat il-pożizzjoni tagħha fuq il‑fatt li l-proċedura mibdija minn Allianz u Generali Assicurazioni Generali kontra West Tankers quddiem it-Tribunale di Siracusa, bi ksur tal-ftehim ta’ arbitraġġ, kienet taqa’ hija stess fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I minħabba s-suppożizzjoni li l-istħarriġ inċidentali tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ kienet inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

129. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat:

“[…] li, jekk, minħabba s-suġġett tal‑kawża, jiġifieri n-natura tad‑drittijiet li għandhom jiġu protetti fi proċedura, bħal ma hija talba għad-danni, din il-proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament [Brussell I], kwistjoni preliminari dwar l-applikazzjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, inkluż b’mod partikolari dwar il-validità tiegħu, taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-punt 35 tar-Rapport dwar l‑Adeżjoni tar-Repubblika Ellenika għall‑Konvenzjoni ta’ Brussell […], ippreżentat minn Evrigenis u Kerameus (ĠU 1986, C 298, p. 1). Dan jindika li l‑verifika inċidentali tal‑validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, mitluba minn parti, sabiex tikkontesta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha qed titressaq, għandha titqies, skont il‑Konvenzjoni ta’ Brussell, li taqa’ fl-ambitu tal-iskop tagħha.” (71)

130. Konsegwentement, jiena ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Litwan u dak Ġermaniż kif ukoll tal-Kummissjoni li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat dwar l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-punt 24 tas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) ma ġietx affettwata b’din ir-riformulazzjoni.

131. Lanqas ma naqbel mal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni matul is-seduta li l-punt 26 ta’ din is-sentenza ma kien xejn ħlief “obiter dictum”. Għall-kuntrarju, dan kien punt ċentrali tas-sentenza li abbażi tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell I u b’hekk ħolqot id-delimitazzjoni bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I u l-qasam tal-arbitraġġ.

132. Jiena ma nistax nifhem din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ħlief fid-dawl tal-proposti tagħha stess dwar il-delimitazzjoni bejn il-qasam tal-arbitraġġ u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I li kienu, madankollu, totalment miċħuda mill-Parlament u mill-Kunsill fl‑okkażjoni tar-riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I. Għalhekk mill-istorja leġiżlattiva kif spjegata hawn fuq niddeduċi l-intenzjoni tal‑leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jikkoreġi d-delimitazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I u l-qasam tal-arbitraġg (72).

133. Dan jimplika li, kieku l-kawża li tat lok għas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) kienet seħħet taħt ir‑Regolament Brussell I (riformulazzjoni), it-Tribunale di Siracusa ma kienx jibqa’ adit fuq il-mertu tal-proċess abbażi tal-imsemmi regolament ħlief mill-mument li fih kien jiddeċiedi li l-ftehim ta’ arbitraġġ kien null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi jitwettaq (li huwa possibbli skont l-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958) (73).

134. F’dan il-każ, l-“anti-suit injunction” li kienet is-suġġett tas‑sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) ma kinitx titqies bħala inkompatibbli mar-Regolament Brussell I.

135. Fil-fatt, il-fatt li t-Tribunale di Siracusa ġie adit b’rikors li l‑mertu tiegħu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (peress li l-kwistjoni tal-validità tal-ftehim ta’ arbitraġġ f’dan il-każ kienet kwistjoni inċidentali jew preliminari) ma kienx jaffettwa s-setgħa tal-qrati Ingliżi li joħorġu “anti-suit injunctions” insostenn tal-arbitraġġ peress li, skont it-tieni sentenza tal-premessa 12, l-istħarriġ inċidentali tal-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, “indipendentement minn jekk [it‑Tribunale di Siracusa] ddeċidiex dwar dan bħala kwistjoni prinċipali jew bħala kwistjoni inċidentali (74). L-użu tat-terminu “inċidentali” juri biċ-ċar li l-imsemmi tieni paragrafu japplika wkoll meta qorti ta’ Stat Membru, bħal ma kien it-Tribunale di Siracusa, tkun adita minn rikors fuq il-mertu ta’ kwistjoni li tobbliga l-ewwel nett li tiġi eżaminata l-kompetenza tagħha, filwaqt li tistħarreġ, b’mod inċidentali jew preliminari, il-validità ta’ ftehim ta’ arbitraġġ li torbot liż-żewġ partijiet fir-rikors.

136. Kif inhu spjegat fit-tielet paragrafu ta’ din il-premessa hija biss “is‑sentenza […] dwar is-sustanza” li tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita skont dan ir-Regolament (75). Madankollu, li jingħad li minħabba l‑possibbiltà, probabbli jew le, ta’ deċiżjoni tat-Tribunale di Siracusa dwar il-mertu, il-qrati Ingliżi ma jistgħux joħorġu “anti-suit injunction” insostenn tal-arbitraġġ ikollu l-effett li jippreserva preċiżament l-effetti tas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jeskludi fir-riformulazzjoni.

137. Il-konklużjoni li l-“anti-suit injunctions” insostenn tal-arbitraġġ huma permissibbli bir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) hija kkorroborata mir-raba’ paragrafu tal-istess premessa, li tipprovdi “[d]an ir-Regolament m’għandux japplika għal kwalunkwe azzjoni jew proċediment anċillari li jirrigwarda, b’mod partikolari, […] it-tmexxija tal-proċedura ta’ arbitraġġ jew kwalunkwe aspett ieħor ta’ tali proċedura, u lanqas […] ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ” (76).

138. Mhux biss teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, ħaġa li mingħajr dubju teskludi din il-kawża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, iżda dan il-paragrafu jeskludi wkoll it-talbiet inċidentali, li, fl-opinjoni tiegħi, ikopru l-“anti-suit injunctions” maħruġa minn qrati nazzjonali fil-funzjoni tagħhom ta’ sostenn tal-arbitraġġ.

139. Fuq dan il-punt jien infakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69), il‑House of Lords kienet adita minn talba sabiex toħroġ “anti-suit injunction” fil-kwalità tagħha ta’ qorti ta’ sostenn, li kien jirriżulta mill‑fatt li l-partijiet kienu stabbilixxew is-sede tat-tribunal ta’ arbitraġġ fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

140. Peress li l-“anti-suit injunction” hija parti mill-miżuri li l-qorti tas‑sede tat-tribunal ta’ arbitraġġ tista’ tordna insostenn tal-arbitraġġ bil‑għan li tiżgura l-prosegwiment korrett tal-proċedura ta’ arbitraġġ u tikkostitwixxi f’dan is-sens “azzjoni jew proċediment anċillari li jirrigwarda, […] it-tmexxija tal-proċedura ta’ arbitraġġ”, il-projbizzjoni tagħha ma tistax tkun iktar iġġustifikata abbażi tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni).

141. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nqis li r-riformulazzjoni reġgħet tat l-interpretazzjoni mogħtija għall-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I bis-sentenza Rich (EU:C:1991:319, punt 18), li “l-partijiet kontraenti kellhom l-intenzjoni jeskludu l-arbitraġġ bħala qasam fit-totalità tiegħu” (77). Konsegwentement, ir-Regolament Brussell I ma huwiex applikabbli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

142. Din is-soluzzjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-effett utli tar‑Regolament Brussell I għaliex hija ma tipprekludix lill-qorti tar‑rinviju milli “tiddeċiedi hija stess, skont ir‑regoli applikabbli għaliha, jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha” (78). Għall-kuntrarju, l-Artikolu V(1)(a) u (c) tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 jagħtiha l-possibbiltà li tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ arbitraġġ, l-iktar bis-saħħa tal‑Artikolu V(2)(a) li jagħtiha l-possibbiltà li tistħarreġ, skont id-dritt tagħha, jekk il-kwistjoni sottomessa quddiem it-tribunal tal-arbitraġġ tistax tiġi deċiża b’arbitraġġ.

143. F’dan ir-rigward, nirrepeti li, kif jirrilevaw il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi għad-dritt Litwan li jipprovdi li kwistjoni dwar it-tnedija ta’ investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika ma tistax tkun is-suġġett ta’ arbitraġġ. Ikun għalhekk permissibbli għall-qorti tar-rinviju li tirrifjuta r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ abbażi tal‑Artikolu V(2)(a) u dan, evidentement, mingħajr ma tikkawża xi preġudizzju.

144. B’hekk, “ir-rikorrent, li jikkunsidra li [l-ftehim ta’ arbitraġġ] hija nulla [huwa null] u bla effett, mhux operattiv[a] jew li ma [j]istax [j]iġi applikat[a], isib ruħu mingħajr aċċess għall-qorti tal-Istat li jkun ippreżenta rikors quddiemha” (79).

145. B’mod kumplementari, nixtieq niġbed l-attenzjoni li din il‑kjarifika tal-esklużjoni tal-arbitraġġ fir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) hija parti minn sforz sabiex jiġu miġġielda t-tattiċi ta’ dewmien tal-partijiet li, bi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, jibdew proċedura quddiem qorti ta’ Stat Membru li manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni, tattiċi li kienu s-suġġett ta’ diskussjoni fil‑proċeduri li wasslu għas-sentenzi Gasser (C‑116/02, EU:C:2003:657) (80), Turner (EU:C:2004:228) (81) kif ukoll Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69).

146. Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) b’hekk introduċa l‑Artikolu 31(2) ġdid li jipprovdi li “meta qorti ta’ Stat Membru li lilha ftehim kif imsemmi fl-Artikolu 25 jagħti ġurisdizzjoni esklużiva tiġi invokata, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tissospendi l‑proċedimenti sa dak iż-żmien meta l-qorti invokata fuq il-bażi tal-ftehim tiddikjara li m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni taħt il-ftehim”. Skont it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu, “[m]eta l-qorti indikata fil‑ftehim tkun stabbiliet ġurisdizzjoni f’konformità mal-ftehim, kwalunkwe qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha tirrinunzja l‑ġurisdizzjoni favur dik il-qorti”.

147. Kif tindika l-premessa 22 tal-imsemmi regolament(82), dawn id-dispożizzjonijiet ġodda ma jippermettux iktar is‑soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gasser (EU:C:2003:657) fejn hija ddeċidiet li l-qorti adita fit-tieni lok iżda li esklużivament għandha l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni ma tistax, b’deroga mir-regoli ta’ lis alibi pendens, tiddeċiedi dwar il-kwistjoni mingħajr ma tistenna li l-qorti adita fl‑ewwel lok tkun iddikjarat lilha nnifisha li ma għandhiex ġurisdizzjoni.

148. Ir-risposta tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) għat‑tattiċi ta’ dewmien intiżi sabiex ikun hemm ksur ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni hija li tingħata prijorità lill-qorti msemmija fil-klawżola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva, anki jekk hija tiġi adita fit-tieni lok. Dan ifisser li t-tribunali ta’ arbitraġġ u l-qrati tal-Istati Membri fil-kwalità tagħhom ta’ qorti ta’ sostenn tal-arbitraġġ jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-arbitraġġ mingħajr ma jinħoloq ostakolu mir-Regolament Brussell I.

149. F’dak li jikkonċerna l-ksur ta’ ftehim ta’ arbitraġġ, ir-risposta tal‑imsemmi regolament hija li jeskludi kompletament l-arbitraġġ mill‑kamp ta’ applikazzjoni tiegħu b’tali mod li l-istħarriġ inċidentali ta’ validità ta’ dan il-ftehim ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u li tibgħat lill-partijiet għall-arbitraġġ.

150. Fil-fatt, billi ħadet kważi kelma b’kelma t-test tal-Artikolu II(3) tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, il-premessa 12 tistipula fl‑ewwel paragrafu tagħha li “[x]ejn f’dan ir-Regolament m’għandu jżomm lill-qrati ta’ Stat Membru, meta jieħdu konjizzjoni ta’ kwistjoni li fir-rigward tagħha l-partijiet kienu daħlu fi ftehim ta’ arbitraġġ, milli jirreferu lill-partijiet għall-arbitraġġ, milli jissospendu jew iwaqqfu l-proċedimenti, jew milli jeżaminaw jekk il-ftehim ta’ arbitraġġ huwiex null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, skont id-dritt nazzjonali tagħhom”.

151. Kif jinnota l-Gvern Franċiż fir-risposta bil-miktub tiegħu għad‑domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, din is-sentenza tal‑premessa 12 tfisser li, fin-nuqqas ta’ nullità jew inapplikabbiltà manifesta tal-ftehim ta’ arbitraġġ, il-partijiet għandhom ikunu obbligati jirrispettawha u għalhekk jiġu rriferuti quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ li jiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tiegħu stess (83), bl-għarfien li l‑qorti nazzjonali jkollha l-okkażjoni li tistħarreġ il-validità ta’ dan il-ftehim waqt il-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal‑arbitraġġ (84).

152. Din il-pożizzjoni hija perfettament konformi mal-Artikolu II(3) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, li jipprovdi li: “[i]l-qorti tal‑Istat kontraenti, meta tiġi quddiemha kawża dwar kwistjoni li fuqha l-partijiet għamlu ftehim [ta’ arbitraġġ] għandha […] tirrinvija l-partijiet għall‑arbitraġġ […]”. Dan ir-riferiment huwa “obbligatorju u ma jistax jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qrati nazzjoanli” (85), bl-eċċezzjoni tal-każ fejn ftehim ta’ arbitraġġ huwa “null u bla effett, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq”.

b)      Il-qrati ta’ arbitraġġ ma jistgħux ikunu marbutin bil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka stabbilit fir-Regolament Brussell I

153. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tiħux inkunsiderazzjoni r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) jew li ma taqbilx mal-interpretazzjoni li jiena għamilt tiegħu, nikkunsidra li s‑soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) ma tistax tiġi applikata għal “anti-suit injunctions” maħruġa minn tribunali ta’ arbitraġġ u li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958. Din is-soluzzjoni tkun għalhekk limitata biss għal każ fejn l-“anti-suit injunction” tinħareġ minn qorti ta’ Stat Membru kontra proċedura pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor.

154. Kif jirrilevaw Gazprom, il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Kummissjoni, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ ikkonċernat b’din il-kawża ma huwiex suġġett għar-Regolament Brussell I u lanqas huwa marbut bih u lanqas bil-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka applikabbli bejn il-qrati tal-Istati Membri. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tiegħu ma humiex is-suġġett ta’ rikonoxximent u lanqas ta’ eżekuzzjoni skont id‑dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament (86).

155. Barra minn hekk, x’jista’ jagħmel iktar tribunal ta’ arbitraġġ, meta jikkunsidra li l-ftehim ta’ arbitraġġ li minnu huwa jikseb il‑ġurisdizzjoni tiegħu nkiser minn waħda mill-partijiet ħlief li jordna lil din il-parti li tikkonforma ruħha ma’ dan il-ftehim u sabiex tissottometti lill-arbitri t-talbiet kollha tagħha koperti bih? L-“anti-suit injunction” hija għalhekk l-uniku rimedju effettiv li għandu t-tribunal ta’ arbitraġġ sabiex jagħti raġun lil parti li tikkunsidra li l-ftehim ta’ arbitraġġ inkiser mill-parti kontraenti l-oħra (87).

156. Dan huwa barra minn hekk iktar reali f’din il-kawża peress li, kif jirrileva t-Tribunal ta’ Arbitraġġ, “[il-Ministeru tal-Enerġija] ma jikkontestax is-setgħa tat-Tribunal li jordna miżura ta’ eżekuzzjoni jekk jikkunsidra li l-Ministeru tal-Enerġija kiser il-klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-ftehim ta’ bejgħ u xiri ta’ azzjonijiet. Konsegwentement, it‑Tribunal jikkunsidra li huwa kompetenti sabiex jordna lill-Ministeru sabiex ma jressaqx quddiem il-Vilniaus apygardos teismas rikors li jista’ jkollu effett fuq id-drittijiet tal-azzjonisti koperti bl-imsemmi ftehim” (88).

157. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi fin-negattiv l-ewwel domanda preliminari. Fl-opinjoni tiegħi, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

C –    Fuq it-tieni domanda

158. Peress li t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju ssir biss f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

159. Barra minn hekk, kif josserva l-Gvern Franċiż, hija tirrigwarda sitwazzjoni fejn, kuntrarjament għall-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-“anti-suit injunction” tingħata fi kwistjoni quddiem il-qrati ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika tal‑Litwanja. Konsegwentement, hija domanda ipotetika u, skont ġurisprudenza stabbilita, għandha tiġi ddikjarata bħala inammissibbli (89).

D –    Fuq it-tielet domanda

160. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r‑Regolament Brussell I ma huwiex applikabbli fil-każ inkwistjoni u li, fi kwalunkwe każ, “anti-suit injunction” maħruġa minn tribunal ta’ arbitraġġ ma hijiex kontra dan ir-regolament, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda.

161. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, peress li tixtieq tiżgura s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-effikaċja sħiħa tar-Regolament Brussell I, tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ, jekk din tillimita d-dritt tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fuq il-ġurisdizzjoni tagħha u l-funzjonijiet tagħha f’kawża li taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

162. Infakkar li, kif spjegajt fil-punt 45 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, il-qorti tar-rinviju hija adita minn appell fil‑Kassazzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ Lietuvos apeliacinis teismas li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonfermat id-deċiżjoni ta’ Vilniaus apygardos teismas li tagħmel investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos. Infakkar li, fl-osservazzjonijiet preliminari tiegħi, jien tlaqt mill-ipoteżi li l-azzjoni quddiem il-Vilniaus apygardos teismas kienet korrettament ibbażata fuq ir-Regolament Brussell I (90).

163. It-tielet domanda għalhekk għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex tinterpreta l-kunċett ta’ ordni pubbliku stabbilit fl-Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1958 (91) b’mod li ma tirrikonoxxix u ma teżegwixxix deċiżjoni tal‑arbitraġġ li fiha “anti-suit injunction” sakemm din tillimita, kif tindika l‑qorti tar-rinviju fil-paġna 10 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, id-dritt tagħha li tiddeċiedi hi stess dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

164. Qabel ma ngħaddu għal din l-analiżi, nirrepeti, kif irrilevaw il‑Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, li ma kienx meħtieġ għall-qorti tar‑rinviju li tirreferi għall-kunċett ta’ ordni pubbliku abbażi tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 sabiex tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

165. Kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, hija stess, fil-paġna 9 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qasam tal-investigazzjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika ma huwiex suġġett li jista’ jiġi deċiż b’arbitraġġ. Dan ifisser li, kif diġà ddeċieda l-Lietuvos apeliacinis teismas (92), ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni tista’ tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu V(2)(a) tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958 (93).

1.      Il-kunċett ta’ ordni pubbliku

166. Skont l-Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, ir-rikonixximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu jiġu rrifjutati “jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih jintalbu r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tikkonstata: […] [l]i r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż”.

167. Peress li l-kunċett ta’ ordni pubbliku ma huwiex iddefinit minn din il-konvenzjoni, huma l-qrati tal-Istati kontraenti li għandhom jiddefinixxuh. Madankollu, kif innotat is-CNUDCI fil-gwida tagħha dwar l-imsemmija konvenzjoni, dan il-kunċett huwa ġeneralment iddefinit b’mod restrittiv bħal “mekkanżimu ta’ sigurtà li għandu jiġi użat f’dawn iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali meta jkun impossibli għal ordinament ġuridiku li jirrikonoxxi u jeżegwixxi deċiżjoni ta’ arbitraġġ mingħajr ma jabbanduna l-bażi stess li fuqu jistrieħ dan l-ordinament” (94). Din l-istess gwida tirreferi għad-definizzjoni tal-ordni pubbliku mogħtija mill-United States Court of Appeals, Second Circuit, li “l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija ma tistax tiġi rrifjutata abbażi tal-ordni pubbliku ħlief jekk l-eżekuzzjoni fil-pajjiż tal-forum tikser il‑kunċetti l-iktar elementari ta’ moralità u ta’ ġustizzja” (95).

168. Bl-istess mod, il-qrati tal-Istati Membri jiddefinixxu l-kunċett ta’ ordni pubbliku b’mod restrittiv. Pereżempju, skont il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi li hija inkarigata mir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin fi Franza, “l-idea Franċiża tal-ordni pubbliku internazzjonali tkopri r-regoli u l-valuri kollha li l-ordinament ġuridiku Franċiż ma jistax jaċċetta li jiġu interpretati b’mod żbaljat, anki f’sitwazzjoniijiet ta’ natura internazzjonali” (96).

169. Fl-istess spirtu, il-qrati Ġermaniżi wkoll ikkunsidraw li deċiżjoni ta’ arbitraġġ tikser l-ordni pubbliku meta “tikser regola li għandha effett fuq il-bażi tal-ħajja pubblika u ekonomika Ġermaniża jew tikkontradixxi b’mod irrikonċiljabbli l-perċezzjoni Ġermaniża tal‑ġustizzja” (97).

170. Il-qrati Ingliżi wkoll ddeċidew li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jinkludi l-każijiet fejn “l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tikkawża b’mod ċar preġudizzju għall-ordni pubbliku jew, probabbilment, l-eżekuzzjoni tkun kompletament offensiva għal ċittadin komuni, raġonevoli u informat tajjeb li għan-nom tiegħu huma eżerċitati s-setgħat tal-Istat” (98).

171. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta bl-istess mod il-kunċett ta’ ordni pubbliku fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-kuntest tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Brussell I (99).

172. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ordni pubbliku “għandu jiġi interpretat b’mod strett” (100) u l-użu ta’ dan il-kunċett “għandu jsir biss f’każijiet eċċezzjonali” (101). Konsegwentement, tali użu għandu jseħħ “fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Kontraenti ieħor jolqtu s-sistema legali ta’ l-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni ta’ sentenza b’mod inaċċettabbli, peress li jikser prinċipju fundamentali” (102). Dan il-preġudizzju “għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali ta’ l-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’din is-sistema legali” (103).

173. Anki jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-kunċett ta’ ordni pubbliku li jaqa’ taħt l-Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li, meta jinterpretaw dan il-kunċett, il-qrati tal-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom natura f’dan l-istadju fundamentali li jiffurmaw parti mill‑ordni pubbliku Ewropew (104).

174. Fis-sentenzi tagħha Eco Swiss(C‑126/97, EU:C:1999:269) u Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675), il-Qorti tal-Ġustizzja elevat l-Artikolu 101 TFUE (105) kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar il-klawżoli abbużivi fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi (106) għall-grad tad-dispożizzjonijiet tal-ordni pubbliku abbażi tal-fatt li jikkostitwixxu “miżura[i] indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Komunità u, b’mod partikolari, għat-tħaddim tas-suq intern” (107).

175. Madankollu, minbarra d-drittijiet fundamentali li, skont il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (108), huma ta’ ordni pubbliku, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxitx il-kriterji li fuqhom dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala “fundamentali” jew “essenzjali” fis-sens tal-ġurisprudenza tagħha.

176. Skont l-Avukat Ġenerali Kokott, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja timplika li “[għandhom] jiġu protetti l-interessi legali jew, f’kull każ, interessi oħra espressi f’dispożizzjoni legali, li jaffettwaw is-sistema politika, ekonomika, soċjali u kulturali tal-Istat Membru” (109). Fuq dan il-bażi, hija kkunsidrat li “interessi purament ekonomiċi, bħar‑riskju ta’ danni finanzjarji, [...] anki jekk ikunu kbar ħafna” ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala interessi ta’ ordni pubbliku (110).

177. Fl-opinjoni tiegħi, l-enfasi ma għandhiex issir essenzjalment fuq in‑natura ġuridika tal-interessi protetti mill-ordni pubbliku, iżda iktar fuq jekk ikun hemm regoli u valuri li l-ordinament ġuridiku tal-forum ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux jiġu interpretati b’mod żbaljat għaliex tali interpretazzjoni żbaljata tkun inaċċettabli mill‑perspettiva ta’ Stat tad-dritt, liberu u demokratiku. Dawn huma għalhekk“prinċipji li jirriżultaw mill-istess bażi tas-sistema legali [tal‑Unjoni]” (111).

178. Għalhekk il-kwistjoni tqum dwar jekk id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Brussell I kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari l-projbizzjoni tal-“anti-suit injunctions”, humiex parti mill-ordni pubbliku Ewropew.

179. Infakkar li, fid-dawl tar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari, din il-projbizzjoni ma teżistix, wara r-riformulazzjoni tar‑Regolament Brussell I, li fir-rigward tal-“anti-suit injunctions” imsemmija fis-sentenza Turner (EU:C:2004:228) (112), jiġifieri dawk maħruġa minn qrati ta’ Stati Membri sabiex jipproteġu l-ġurisdizzjoni tagħhom stess, meta jkunu aditi skont id-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Brussell I.

2.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I li jirrigwardaw il‑kompetenza ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali jagħmlu parti mill-ordni pubbliku Ewropew fis-sens tas-sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269, punti 36 sa 39)?

180. Fl-opinjoni tiegħi, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell I ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku.

181. Fl-ewwel lok, jiena ma nikkunsidrax li r-Regolament Brussell I huwa parti mill-pedamenti tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni komparabbli ma’ dawk li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet, fil‑punt 304, fis-sentenza tagħha Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (EU:C:2008:461). Ir‑Regolament Brussell I, id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-tqassim tal‑kompetenzi bejn il-qrati tal-Istati membri kif ukoll il-prinċipji interpretattivi tiegħu bħall-fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri ma humiex komparabbli mar-rispett tad-drittijiet fundamentali, li l-interpretazzjoni żbaljata tagħhom taffettwa l-pedamenti stess li fuqhom jistrieħ l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

182. Fit-tieni lok, bħall-Gvern Ġermaniż, jien ma naqbilx mal‑interpretazzjoni tas-sentenzi Eco Swiss (EU:C:1999:269, punt 36) u Mostaza Claro (EU:C:2006:675, point 37) li l-fatt biss li settur partikolari jagħmel parti mill-kompetenzi, esklużivi jew maqsumin, tal‑Unjoni skont l-Artikoli 3 TFUE u 4 TFUE huwa biżżejjed sabiex jeleva dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-grad ta’ dispożizzjoni tal-ordni pubbliku. Jekk dan huwa l-każ, id-dritt kollu tal-Unjoni, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa direttiva dwar apparat bil-pressa, ikun ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

183. Fit-tielet lok, l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I jipprovdi espliċitament li l-partijiet jistgħu jidderogaw mir-regoli ta’ kompetenza ta’ dan ir-regolament billi jagħżlu l-qrati ta’ Stat Membru, minflok dik li tkun kompetenti bl-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, sabiex jiġu ssollevati kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu jqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, sakemm din il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni ma tkunx kuntrarja għall-Artikoli 13, 17 u 21 (ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjonijiet, ta’ kuntratti konklużi ma’ konsumaturi u ta’ kuntratti individwali ta’ xogħol) u li ma tiksirx l‑Artikolu 22 (ġurisdizzjonijiet esklużivi (113)) tal-imsemmi regolament.

184. F’dan ir-rigward, huwa rikonoxxut li huma biss regoli mandatarji li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala regoli tal-ordni pubbliku (114). Fil-fatt, huwa diffiċli li jkun kkonċepit li regola li hija parti mill-pedamenti tal-ordinament ġuridiku ma tkunx ta’ natura mandatorja. Madankollu, dispożizzjoni li ma għandhiex natura mandatorja ma tistax fi kwalunkwe każ tkun ikkunsidrata bħala ta’ ordni pubbliku.

185. F’dan il-każ, anki jekk ir-rikors ippreżentat mill-Ministeru tal‑Enerġija sabiex tinfetaħ investigazzjoni fuq l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos jaqa’, kif isostni l-Gvern Spanjol, fil-kompetenza esklużiva tal‑Artikolu 22(2) tar-Regolament Brussell I, li ma huwiex il-każ (115), ir‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma jikkostitwixxux ksur manifest ta’ regola ta’ dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

186. Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, il-fatt li, skont l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Brussell I, “[i]t-test ta’ strateġija pubblika [ordni pubbliku] […] ma jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni” jindika b’mod ċar li r‑regoli ta’ ġurisdizzjoni ma humiex ta’ ordni pubbliku.

187. F’dak li jirrigwarda l-argument ta’ ksur tal-ordni pubbliku bbażat fuq il-projbizzjoni ta’ “anti-suit injunctions”, infakkar li, kif semmejt fil‑punti 90 sa 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali projbizzjoni ma tirrigwardax l-“anti-suits injunctions” maħruġa mill-qrati tal-Istati Membri insostenn ta’ arbitraġġ u a fortiori l-“anti-suit injunctions” maħruġa mit‑tribunali tal-arbitraġġ.

188. Għalhekk ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-fatt li deċiżjoni ta’ arbitraġġ fiha “anti-suit injunction” bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed sabiex ikunu rrifjutati r‑rikonoxximent u l-eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu V(2)(b) tal‑Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.

VI – Konklużjoni

189. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmula mill-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas kif ġej:

1)      Ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax qorti ta’ Stat Membru tirrifjuta li tirrikonoxxi u li teżegwixxi “anti-suit injunction” maħruġa minn tribunal tal-arbitraġġ.

2)      Il-fatt li deċiżjoni ta’ arbitraġġ fiha “anti-suit injunction” bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex biżżejjed sabiex jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu V(2)(b) tal-Konvenzjoni dwar ir‑Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin, iffirmata fi New York fl-10 ta’ Ġunju 1958.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.


3 – Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 75 u 76, li huma diġà applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2014.


4 – ĠU L 351, p. 1.


5 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-Kawża Rich (C‑190/89, EU:C:1991:58, punt 3).


6 – Kopja ta’ dan il-ftehim bil-Litwan u bir-Russu kienet disponibbli fuq is-sit internet ta’ Gazprom sat-13 ta’ Ġunju 2014, fl-indirizz li ġej: http://www.enmin.lt/lt/news/gazprom.pdf.


7 – “Any claim, dispute or contravention in connection with this Agreement, or its breach, validity, effect or termination, shall be finally settled by arbitration in accordance with the Rules of Arbitration of the Arbitration Institute of the Stockholm Chamber of Commerce. The place of arbitration shall be Stockholm, Sweden, the number of arbitrators shall be three (all to be appointed by the Arbitration Institute) and the language of arbitration shall be English”.


8 – ĠU L 211, p. 94.


9 – Ara l-artikolu tal-istampa ta’ Alyx Barker intitolat “Gazprom vs Lithuania: cast list out”, ippubblikat fil-31 ta’ Lulju 2012 fuq is-sit internet tal-Global Arbitration Review (http://globalarbitrationreview.com/news/article/30730/gazprom-v-lithuania-cast-list-out/), kif ukoll l-avviż intitolat “OAO Gazprom vs La République de Lituanie” ippubblikat fuq is-sit internet tal-Qorti permanenti tal‑arbitraġġ (http://www.pca-cpa.org/showpage.asp?pag_id=1471).


10 – Is-sentenza finali tal-31 ta’ Lulju 2012, fil-Kawża V (125/2011) hija disponibbli fuq is-sit internet tal-Global Arbitration Review (http://www.globalarbitrationreview.com/cdn/files/gar/articles/Gazprom_v_Lithuania_Final_Award.pdf).


11 – Ara l-artikolu fil-media ta’ Kyriaki Karadelis intitolat “Lithuania gas price arbitration take off”, ippubblikat fil-5 ta’ Ottubru 2012, fuq is-sit internet tal-Global Arbitration Review (http://globalarbitrationreview.com/news/article/30876/lithuania-gas-price-arbitration-takes-off/).


12 – Ara d-Deċiżjoni Nru 2S-3/2014, tal-10 ta’ Ġunju 2014 (disponibbli fuq is-sit internet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja fl-indirizz segwenti: http://kt.gov.lt/index.php?show=nut_view&nut_id=1541).


13 – Ara A., Sytas, “Gazprom sells Lithuania assets after antitrust fine”, ippubblikat fit‑12 ta’ Ġunju 2014, fuq is-sit internet tal-aġenzija Reuters fl-indirizz segwenti: http://uk.reuters.com/article/2014/06/12/uk-lithuania-gazprom-idUKKBN0EN1IF20140612.


14 – Ara l-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15 – “[Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija: 1) meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn wieħed minnhom jkun domiċiljat, basta illi t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun aktar espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikkonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati; […]”.


16 – “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”


17 – Ara s-sentenza Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 24 sa 26 u 35).


18 – Sentenza Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46), Budĕjovický Budvar (C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 63); Zanotti (C‑56/09, EU:C:2010:288, punt 15) u Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 22).


19 – “Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu wkoll jiġu rrifjutati jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih jintalbu r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tikkonstata: a) Li, skont il-liġi ta’ dan il-pajjiż, is-suġġett tal-kwistjoni ma jistax ikun deċiż permezz ta’ arbitraġġ; […]”.


20 – Ara l-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21 – Persuna tista’ tkun suġġetta in personam għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi minħabba l-preżenza tagħha fit-territorju tal-Ingilterra jew Wales jew minħabba l‑fatt li hija tkun iffirmat klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati Ingliżi.


22 – Ara, T., Raphael, The Anti-Suit Injunction, Oxford University Press, Oxford, 2008, paragrafu 1.05.


23 – Ara Turner vs Grovit and ors [2001] UKHL 65, paragrafu 23; Société Nationale Industrielle Aerospatiale vs Lee Kui Jak &anor [1987] 1 AC 871 (PC), paragrafu 892.


24 – Ara, A., Briggs, u P., Rees, Civil Juridiction and Judgments, 5 Edizzjoni. Informa, Londra, 2009, paragrafu 5.55.


25Idem.


26 – Huwa possibbli li tribunal ta’ arbitraġġ jissanzjona lill-parti li ma tkunx irrispettat l‑“anti-suit injunction”, billi jieħu inkunsiderazzjoni dan l-aġir meta jikkalkola l‑ispejjeż tal-arbitraġġ iżda mhux f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, għaliex l‑arbitraġġ ma kellux bħala suġġett l-“anti-suit injunction”. Il-ħidma tat-tribunal ta’ arbitraġġ ġiet fi tmiemha bl-għoti tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ (functus officio) u għalhekk it-tribunal ma għadux jista’ jissanzjona parti minħabba ksur tal-“anti-suit injunction” tiegħu.


27 – Ara paġna 6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


28 – Enfasi magħmula minni.


29 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ascendi (C‑377/13, EU:C:2014:1754, punt 29).


30 – Ara, f’dan is-sens, l-aħħar sentenza tal-premessa 12 tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) li tipprovdi li: “[d]an ir-Regolament m’għandux japplika […] [għar-]rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ”. Barra minn hekk, din kienet il-pożizzjoni meħuda fir-rapport dwar il-Konvenzjoni ta’ M. P. Jenard, tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1979 C 59, p. 1, 13).


31 – Din il-kawża kompletament separata mill-arbitraġġ kienet tirrigwarda “anti-suit injunction” maħruġa minn qrati Ingliżi u fir-rigward ta’ proċedura mibdija fi Spanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali “anti-suit injunctions” kienu inkompatibbli mar‑Regolament Brussell I.


32 – Sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punt 23).


33 – Ibidem (punt 24). Enfasi magħmula minni.


34 – Ibidem (punt 26).


35 – Ibidem (punti 26 u 27).


36 – Ibidem (punt 30).


37 – Ibidem (punt 31).


38 – Ibidem (punt 23).


39 – Ara l-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40 – Dan huwa r-rikors tal-Ministeru tal-Enerġija ppreżentat, fil-25 ta’ Marzu 2011, quddiem il-Vilniaus apygardos teismas kontra Lietuvos dujos, Valentukevičius, id-Direttur Ġenerali tagħha, u Golubev u Seleznev, żewġ membri tal-bord tad‑diretturi, intiż sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ Lietuvos dujos (Artikoli 2.124 et seq tal-Kodiċi Ċivili Litwan). Din il-qorti ddeċidiet li din il-kwistjoni ma kinitx waħda li tista’ tiġi deċiża b’arbitraġġ. Ara l-punti 31, 32 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41 – Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


42 – F’dan ir-rigward, ma naqbilx mal-pożizzjoni li l-Gvern tar-Renju Unit esprima matul is-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-“anti-suit injunction” li kienet is-suġġett tas-sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69) għaliex din l-ordni, meta tiġi rrikonoxxuta fl-Italja, tipprojbixxi lill-qorti Taljana milli tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha stess li tirriżulta mir-Regolament Brussell I. L-“anti-suit injunction” u l-konsegwenzi fir-Renju Unit li din ma tiġix irrispettata kienu elementi serji biżżejjed sabiex jiskoraġġixxu lil Allianz u Generali Assicurazioni Generali milli jkomplu l‑proċedura Taljana. Fir-realtà, West Tankers ma kellhiex bżonn tirrikonoxxi u teżegwixxi l-“anti-suit injunction” fl-Italja. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, l-effetti dissważivi li l-“anti-suit injunction” ħolqot fir-Renju Unit biss kienu biżżejjed sabiex jobbligaw lil Allianz u Generali Assicurazioni Generali jirtiraw ir-rikors pendenti quddiem it-Tribunale di Siracusa. Dan l-effett li l-“anti-suit injunction” seta’ kellu fuq is-setgħa tal-qorti Taljana sabiex tiddeċiedi dwar il-kompetenza tagħha stess u l-applikabbiltà tar-Regolament Brussell I wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-“anti-suit injunction” kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament.


43 – Ara, B., Hess, T., Pfeiffer, u P., Schlosser, “Report on the Application of Regulation Brussels I in the Member States”, disponibbli fuq is-sit internet fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/civiljustice/news/docs/study_application_brussels_1_en.pdf.


44 – Ara, b’mod partikolari,, A., Briggs, Civil Jurisdiction and Judgments, 5 Edizzjoni, Informa, Londra, 2009, paragrafu 2.40; E., Peel, “Arbitration and Anti-Suit Injunctions in the European Union”, 2009, Vol. 125, Law Quarterly Review, p. 365; G. A., Dal, “L’arrêt ‘West Tankers’ et l’effet négatif du principe de compétence-compétence”, 2010, Revue pratique des sociétés, p. 22; C., Kessedjian, “Arbitrage et droit européen: une désunion irrémédiable?”, 2009, Recueil Dalloz, p. 981; H., Muir Watt, “Cour de justice des Communautés européennes (grande chambre) – 10 ta’ Frar 2009 – Aff. C‑185/07”, 2009, Vol. 98, Revue critique de droit international privé, p. 373; B., Audit, “Arrêt Allianz et Generali Assicurazioni Generali, EU:C:2009:69”, 2009, Journal du Droit International, p. 1283; S., Bollée, “Allianz SpA et vs West Tankers Inc”, 2009, Revue de l’arbitrage, p. 413.


45 – Sentenza Hoffmann (EU:C:1988:61, punt 17).


46 – Ara, A., Briggs, A. u P., Rees, Civil Juridiction and Judgments, 5 Edizzjoni, Informa, Londra, 2009, paragrafu 2.40.


47 – Sentenza Rich (EU:C:1991:319, punt 18).


48 – Ibidem (punt 19).


49 – Ibidem (punt 26). Enfasi magħmula minni.


50 – Din il-kawża kienet tirrigwarda arbitraġġ mibdi minn kumpannija Olandiża kontra kumpannija Ġermaniża minħabba nuqqas ta’ pagament ta’ ċerti fatturi minn din tal‑aħħar. Il-kumpannija Olandiża fetħet proċeduri għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti Olandiża minħabba li l-kumpannija Ġermaniża ma kinitx ipprovat id‑diliġenza meħtieġa sabiex l-arbitri jiġu nnominati u li n-nuqqas ta’ pagament tal‑fatturi tagħha kien kkawżalha problemi ta’ finanzi. Hija talbet li l-kumpannija Ġermaniża tiġi kkundannata sabiex tħallasha l-ammont ta’ erba’ debiti li kienu jirriżultaw mill-kuntratt. Il-kwistjoni kienet għalhekk dwar jekk tali proċedura għal miżuri provviżorji kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Abbażi tal-prinċipju spjegat fil-punt 26 tas-sentenza Rich (EU:C:1991:319), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat is-suġġett tal-kawża quddiem il‑qorti Olandiża li quddiemha kien hemm il-proċedura għal miżuri provviżorji u ddeċidiet li “l-miżuri provviżorji ma għandhomx, bħala regola, l-għan li jimplementaw proċedura ta’ arbitraġġ, iżda jiġu adottati b’mod parallel ma’ tali proċedura u huma intiżi sabiex isostnuha” (punt 33).


51 – Ara l-Green Paper dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, [COM(2009) 175 finali].


52 – Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, ir-reazzjonijiet tal-Association for International Arbitration, ta’ Allen and Overy LLP, tal-Barreaux de France, tas‑Centre belge d’arbitrage et de médiation, tal-Camera arbitrale di Milano, tax‑Chambre de commerce et d’industrie de Paris, ta’ Clifford Chance LLP, tal‑Comité français de l’arbitrage, tal-Comité national français de la Chambre de commerce Internationale, tad-Deutscher Industrie- und Handelskammertag, tal‑Arbitration Committee de l’International Bar Association, tal-Professur Emmanuel Gaillard, ta’ Paris The Home of International Arbitration u ta’ Lovells LLP, tal-Club Español del Arbitraje u tas-Sezzjoni Spanjola tal-International Law Association, disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni fl-indirizz segwenti: http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/opinion/090630_en.htm.


53 – Impact Assessment, Accompanying document to the Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on jurisdiction and the recognition and enforcement of judgments in civil and commercial matters (Recast), SEC(2010) 1547 finali (disponibbli biss bl-Ingliż). Is-sinteżi tal-analiżi tal-impatt hija disponibbli bil-Franċiż: SEC(2010) 1548 finali.


54 – Ibidem (p. 35).


55 – Ibidem (p. 36 u 37).


56 – Ibidem (p. 37 u 38).


57 – Ibidem (p. 36 u 37).


58 – Ibidem (p. 37).


59 – Proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), [COM(2010) 748 finali].


60 – L-Artikolu 29(4) tal-proposta ta’ riformulazzjoni jistipula li “[f]ejn is-sede tal‑arbitraġġ miftiehma jew magħżula tkun fi Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, li l-ġurisdizzjoni tagħhom tkun ikkontestata fuq il-bażi ta’ ftehim tal‑arbitraġġ, iridu jissospendu l-proċedimenti quddiemhom ladarba l-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tal-arbitraġġ jew fejn ikun jinsab it-tribunal tal‑arbitraġġ ikunu tressqu quddiemhom proċedimenti biex jiġi stabbilit, bħala l‑għan prinċipali tagħhom jew bħala kwistjoni inċidentali, l-eżistenza, il-validità jew l-effetti ta’ dak il-ftehim ta’ arbitraġġ. […] Fejn l-eżistenza, l-validità jew l‑effetti tal-ftehim tal-arbitraġġ jkunu ġew stabbiliti, il-qorti li jkunu tressqu l‑proċedimenti quddiemha għandha tirrifjuta l-ġurisdizzjoni.” L-Artikolu 33(3) ta’ din il-proposta jipprovdi li “[…] it-tribunal ta’ arbitraġġ jitqies li tkun tressqet it‑tilwima quddiemu meta parti tkun innominat arbitru jew meta parti tkun talbet l‑għajnuna ta’ istituzzjoni, awtorità jew qorti biex jiġi kkostitwit it-tribunal”.


61 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Settembru 2010, dwar l‑applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali P7_TA(2010)0304, punti 9 u 10. Enfasi magħmula minni.


62 – Dokumenti 10609/12 JUSTCIV 209 CODEC 1495 u 10609/12 JUSTCIV 209 CODEC 1495 ADD 1.


63 – Ara l-Artikoli 1(2)(d) u 29(4).


64 – Ara l-Artikolu 84(2).


65 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-20 ta’ Novembru 2012, dwar il-proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), [P7_TA(2012)0412].


66 – Artikolu 73(2).


67 – Ara l-punt 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


68 – Enfasi magħmula minni.


69 – Dan huwa kkonfermat permezz tat-tielet sentenza li tipprovdi: “meta qorti ta’ Stat Membru […] tkun iddeċidiet li ftehim ta’ arbitraġġ huwa null u bla effett legali, mhux operattiv jew mhux kapaċi li jitwettaq, dan m’għandux jagħmilha impossibbli li s-sentenza tal-qorti dwar is-sustanza tal-kwistjoni tkun rikonoxxuta jew, skont il-każ, eżegwita skont dan ir-Regolament”. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni (u l-ftehim ta’ arbitraġġ) ma huwiex suġġett għar-regoli dwar rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-imsemmi Regolament.


70 – Ara l-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71 –      Enfasi magħmula minni.


72 – Ara, f’dan is-sens, A., Nuyts, “La refonte du règlement Bruxelles I”, 2013, Vol. 102, Revue critique du droit international privé, p. 1, 15: (“[…] mit-tieni sentenza tal-premessa 12 jiġi dedott li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq klawżola ta’ arbitraġġ fiha nnifisha ma taqax taħt ir-Regolament. B’hekk, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi abbandunata l-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza West Tankers […] Il-bidla tal-ġurisprudenza West Tankers fuq dan il-punt għandha tiġi rrikonoxxuta […]”).


73 – Ara, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Settembru 2010, dwar implimentazzjoni u reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, [P7_TA(2010)0304, premessa M], li tipprovdi li “d-diversi mezzi proċedurali tad-dritt nazzjonali stabbiliti sabiex ikun protett tribunal tal-arbitraġġ (bħall-‘anti suit injunctions’ sa fejn dawn huma kompatibbli mal-moviment liberu tal-persuni u mad-drittijiet fundamentali, id-dikjarazzjoni ta’ validità ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, l-għoti ta’ danni għal ksur ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, l-impatt negattiv tal-prinċipju ta’ compétence compétence, eċċ.) għandhom jibqgħu disponibbli u li l-effetti ta’ tali proċeduri u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn dan fl-Istati Membri l-oħra għandhom jitħallew għall-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ dawn l-Istati Membri, kif kien il-każ qabel is-sentenza mogħtija fil-kawża West Tankers”.


74 – Enfasi magħmula minni. F’dan is-sens, is-soluzzjoni mogħtija mill-premessa 12 hija differenti minn dik mogħtija fis-sentenza Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 41) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “deċiżjoni li fiha qorti ta’ Stat Membru tirrinunċja għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il‑bażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għaliex din il-klawżola hija valida, torbot il-qrati tal-Istati Membri l-oħra kemm fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti, li tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha, kif ukoll fir-rigward tal-konstatazzjoni dwar il-validità ta’ din il-klawżola, li tinsab fil‑motivi ta’ din id-deċiżjoni, li tikkostitwixxi s-sostenn meħtieġ għal dan id‑dispożittiv”. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-kwistjoni ma kinitx dwar ftehim ta’ arbitraġġ iżda klawżola li kienet tagħti ġurisdizzjoni li, kuntrarjament għal ftehim ta’ arbitraġġ, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell I (ara l‑Artikolu 23) u tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fit-30 ta’ Ottubru 2007, approvata għan-nom tal-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2009/430/KE, tas-27 ta’ Novembru 2008, (ĠU 2009, L 147, p. 1) u applikabbli għal din il-kawża (Artikolu 23). Għall-kuntrarju, skont it-tieni sentenza tal-premessa 12 tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), jekk deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddikjara ftehim ta’ arbitraġġ bħala null u bla effett legali, mhux operattiv jew li mhux kapaċi li jitwettaq, tasal sabiex tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, din ma tistax tiġi la rrikonoxxuta u lanqas eżegwita abbażi tar-Regolament Brussell I. Ara f’dan is-sens, Qorti tal‑Appell ta’ Pariġi, 15 ta’ Ġunju 2006, Legal Department du Ministère de la Justice de la République d’Irak vs Sociétés Fincantieri Cantieri Navali Italiani, disponibbli fuq is-sit internet ta’ Legifrance fl-indirizz segwenti: http://www.legifrance.gouv.fr/affichJuriJudi.do?oldAction=rechJuriJudi&idTexte=JURITEXT000006951261&fastReqId=65424442&fastPos=9.


75 – Dan jimplika li fil-każ fejn id-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddikjara ftehim ta’ arbitraġġ bħala null u bla effett legali, mhux operattiv jew li mhux kapaċi li jitwettaq, u sussegwentement tiddeċiedi l-kwistjoni dwar il-mertu, tasal sabiex tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor, din għandha tkun irrikonoxxuta u eżegwita skont ir-Regolament Brussell I. Madankollu, peress li, bħala prinċipju, proċedura ta’ arbitraġġ hija iktar mgħaġġla minn proċedura ta’ qorti nazzjonali, huwa probabbli li l-qorti mitluba tirrikonoxxi jew teżegwixxi tkun diġà rrikonoxxiet jew eżegwixxiet deċiżjoni ta’ arbitraġġ fuq il-mertu tal-istess kawża. F’tali każ, il-qorti mitluba tirrikonoxxi jew teżegwixxi ma tibqax obbligata tirrikonoxxi jew teżegwixxi d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, għaliex id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ikollha diġà l-awtorità ta’ res judicata [ara, l‑Artikolu 45(1)(c) tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni), li jipprovdi li: “[…] ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata: […] c) jekk is-sentenza tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru indirizzat; […]”].


76 – Enfasi magħmula minni.


77 – Enfasi magħmula minni.


78 – Sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punt 29).


79 – Sentenza Allianz u Generali Assicurazioni Generali (EU:C:2009:69, punt 31).


80 – F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-“fiduċja li l‑Istati kontraenti jagħtu b’mod reċiproku lis-sistema legali tagħhom” li fuqha hija bbażata l-Konvenzjoni ta’ Brussell kif ukoll fuq iċ-“ċertezza legali” (punt 72), irrifjutat li d-dewmien “eċċessivament twil” (punt 73) tal-proċeduri ġudizzjarji fl‑Istat tal-ewwel qorti adita seta’ kellu xi influwenza fuq l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni u ċaħdet l-argument ibbażat fuq “aġir ta’ dewmien tal-partijiet li, bl-intenzjoni li jtawlu d-deċiżjoni tal-kwistjoni fuq il-mertu, jibdew azzjoni quddiem tribunal li huma jafu li ma għandux ġurisdizzjoni minħabba l-eżistenza ta’ klawżola li tagħti l-ġurisdizzjoni” (punt 53). Għall-kritika ta’ din is-sentenza u r-riskju ta’ forum shopping quddiem il-qrati li ma għandhomx ġurisdizzjoni li jintuża minn partijiet in mala fede, ara M., Franzosi: “Worldwide patent litigation and the Italian torpedo”, European Intellectual Property Review, 1997, Vol. 7, p. 382, 385; P., Véron, “ECJ Restores Torpedo Power”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2004, Vol. 35, p. 638, 638 u 639; H., Muir Watt, “Erich Gasser GmbH vs MISAT Srl”, Revue critique de droit international privé, 2004, Vol. 93, p. 444, 463.


81 – Għall-kritika ta’ din is-sentenza li tirreferi għall-possibbiltajiet offruti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell (jew ir-Regolament Brussell I li ġie warajha) lil individwi ta’ mala fede li jostakolaw id-deċiżjoni fil-ħin u b’mod ġust tal-kwistjonijiet, ara Lord Mance, “Exclusive Jurisdiction Agreements and European Ideals”, Law Quartely Review, 2004, Vol. 120, p. 357; R., Fentiman, R., “Access to Justice and Parallel Proceedings in Europe”, Cambridge Law Journal, 2004, Vol. 63, p. 312; G. P., Romano, “Le principe de sécurité juridique à l’épreuve des arrêts Gasser et Owusu”, Cahiers de droit Européen, 2008, p. 175, 209 u 210.


82 – “Madankollu, sabiex titjieb l-effettività ta’ ftehimiet esklużivi dwar l-għażla tal‑qorti u sabiex jiġu evitati tattiċi abbużivi ta’ tilwim, hu neċessarju li tkun prevista eċċezzjoni għar-regola ġenerali lis pendens sabiex tiġi trattata b’mod sodisfaċenti s-sitwazzjoni partikulari li fiha jistgħu jinqalgħu proċedimenti konkurrenti. Din hi s-sitwazzjoni meta qorti mhux magħżula fi ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti tkun ġiet invokata bil-proċedimenti, u l-qorti magħżula tiġi invokata sussegwentement bi proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet. F’tali każ, il-qorti invokata l-ewwel għandha tintalab tissospendi l-proċedimenti tagħha malli l-qorti magħżula tkun ġiet invokata, u sa meta l-qorti tal-aħħar tiddikjara li m’għandha ebda ġurisdizzjoni skont il-ftehim esklużiv dwar l-għażla tal-qorti. Dan għandu jiżgura li, f’tali sitwazzjoni, il-qorti magħżula jkollha prijorità li tiddeċiedi dwar il-validità tal-ftehim u dwar il-grad sa liema l-ftehim japplika għat-tilwim pendenti quddiemha. Il-qorti magħżula għandha tkun tista’ tipproċedi irrispettivament mill-fatt jekk il-qorti mhux magħżula tkunx diġà ddeċidiet dwar is-sospensjoni tal-proċedimenti.” Enfasi magħmula minni.


83 – Niċċita, f’dan is-sens, id-dritt applikabbli fi Franza, wieħed mill-pajjiżi pijunieri tal-arbitraġġ, li jipprovdi li meta kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim ta’ arbitraġġ tittieħed quddiem qorti Franċiża, din tiddikjara ruħha inkompetenti ħlief jekk it-tribunal ta’ arbitraġġ ikun għadu mhux adit u jekk il‑ftehim ta’ arbitraġġ ma huwiex manifestament null jew manifestament inapplikabbli (Artikoli 1448 u 1506-A tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Ara, f’dan is-sens, E., Gaillard, u P., de Lapasse, “Le nouveau droit français de l’arbitrage interne et international”, Recueil Dalloz, 2011, Vol. 3, p. 175 sa 192.


84 – Ara l-Artikolu V(1)(a) u (c) tal-Konvenzjoni ta’ New York.


85 – Gwida tal-Commission des Nations Unies pour le droit commercial international (CNUDCI) fuq il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (New York tal-1958): estratt, gwida fuq l-Artikolu II(61) (UNGA A/CN.9/814/Add.2), disponibbli fuq is-sit internet tal-gwida fl-indirizz segwenti: http://www.newyorkconvention1958.org/pdf/II-English-140211.pdf. Bħala organu prinċipali ġuridiku tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, is-CNUDCI joħloq regoli moderni, ġusti u armonizzati fuq it-tranżazzjonijiet kummerċjali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958.


86 – Barra minn hekk, lanqas id-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istati Membri li jagħtu l‑exequatur għal deċiżjoni ta’ arbitraġġ, għaliex ma humiex deċiżjonijiet fis-sens tal‑Artikolu 32 tar-Regolament Brussell I. Huwa veru li, fis-sentenza tagħha Gothaer Allgemeine Versicherung et (EU:C:2012:719, punti 23 u 24), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li “l-kunċett ta’ ‘sentenza’ jkopri ‘xi’ [kull] sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont il‑kontenut tas-sentenza inkwistjoni”. Madankollu, kif qalu l-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak tar-Renju Unit matul is-seduta, ma jistax ikun hemm exequatur fuq exequatur. Peress li l-istħarriġ ta’ sentenza mill-qorti ta’ exequatur taħt ir‑Regolament Brussell I huwa iktar limitat minn dak stipulat fil-Konvenzjoni ta’ New York tal-1958, jippermetti li s-sentenzi ta’ exequatur ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jiġu rikonoxxuti u eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet fil-verità jipprevjenu lill-qrati tal‑Istati Membri mid-dritt li tagħtihom l-imsemmija Konvenzjoni li jistħarrġu huma stess id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ abbażi tal-kriterji stipulati fl-Artikolu V tal‑imsemmija Konvenzjoni.


87 – Nikkunsidra li jkun kompatibbli mar-Regolament Brussell I li tribunal ta’ arbitraġġ jew qorti nazzjonali tista’, fuq talba tal-parti ppreġudikata u sakemm id-dritt applikabbli għall-ftehim ta’ arbitraġġ jippermettilha, tikkundanna lill-parti li bdiet proċedura quddiem il-qrati nazzjonali bi ksur ta’ dan il-ftehim, sabiex tħallas id‑danni ta’ mhux iktar mill-ammonti li għalihom il-qorti nazzjonali tkun ikkundannat lill-parti ppreġudikata. Dan huwa, pereżempju, il-każ fid-dritt Ingliż: Mantovani v Carapelli SpA [1980] 1 Lloyd’s Rep 375 (CA). Mutatis mutandis għall-ksur ta’ klawżola ta’ ġurisdizzjoni: Union Discount Co v Zwoller [2001] EWCA Civ 1755, [2002] 1 WLR 1517; Donohue v Armco Inc [2001] UKHL 64, [2002] 1 Lloyd’s Rep 425. Ara, f’dan is-sens, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, tas-7 ta’ Settembru 2010, dwar l-implementazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali [P7_TA(2010)0304, premessa M].


88 – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ, punt 266: “The Tribunal notes that Respondent does not challenge the Tribunal’s power to order specific performance if it finds that Respondent has breached the arbitration clause in the [Shareholders Agreement]. As a consequence, the Tribunal finds that it has jurisdiction to order the Ministry not to bring a request before the Lithuanian Court that could affect the rights of the shareholders under the [Shareholders Agreement]”.


89 – Ara, is-sentenzi PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 39); Owusu (EU:C:2005:120, punt 50); Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 46); Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27); Unió de Pagesos de Catalunya (C‑197/10, EU:C:2011:590, punt 17), u Radu (C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 22).


90 – Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


91 – “Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu wkoll jiġu rrifjutati jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih jintalbu r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tikkonstata: […] b) Li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku ta’ dan il-pajjiż.”


92 – Ara l-punti 41 sa 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


93 – “Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ jistgħu wkoll jiġu rrifjutati jekk l-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih jintalbu r-rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tikkonstata: a) Li, skont il-liġi ta’ dan il-pajjiż, is-suġġett tal‑kwistjoni ma jistax ikun deċiż permezz ta’ arbitraġġ; […]” Ara l-punti 59 sa 61 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


94 – Traduzzjoni li saret minni tat-test oriġinali bl-Ingliż tal-gwida tas-CNUDCI fuq il‑Konvenzjoni għar-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (Konvenzjoni ta’ New York tal-1958): estratt, gwida fuq l-Artikolu V, paragrafu 2(b), punt 4: (“a safety valve to be used in those exceptional circumstances when it would be impossible for a legal system to recognize an award and enforce it without abandoning the very fundaments on which it is based”), disponibbli fuq is-sit internet tal-Gwida fl-indirizz segwenti: (http://www.newyorkconvention1958.org/index.php?lvl=cmspage&pageid=11&provision=304).


95 – Traduzzjoni li saret minni tat-test oriġinali bl-Ingliż tas-sentenza Parsons & Whittemore Overseas vs Société Générale de l’Industrie du Papier (RAKTA) 508 F.2d 969, 974 (1974): (“Enforcement of foreign arbitral awards may be denied on [the basis of public policy] only where enforcement would violate the forum state’s most basic notions of morality and justice”). Din id-definizzjoni tal-ordni pubbliku ġiet adottata mill-qrati ta’ diversi Stati kontraenti: ara BCB Holdings Limited and The Belize Bank Limited vs The Attorney General of Belize [2013] CCJ 5 (AJ) (Caribbean Court of Justice, Appellate Jurisdiction); Traxys Europe SA vs Balaji Coke Industry Pvt Ltd [2012] FCA 276 (Federal Court, Australia); Hebei Import & Export Corp vs Polytek Engineering Co Ltd [1999] 2 HKC 205 (Court of Final Appeal, Hong Kong); Renusagar Power Co Ltd vs General Electric Company & anor 1994 AIR 860 (Supreme Court of India); Brostrom Tankers AB vs Factorias Vulcano SA, (2005) XXX Ybk Com Arb 591 (High Court of Dublin, Ireland).


96 – Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, 16 ta’ Ottubru 1997, Agence pour la sécurité de la navigation aérienne en Afrique et à Madagascar vs M. N’DOYE Issakha.


97 – Traduzzjoni li saret minni tat-test oriġinali bl-Ingliż tal-gwida tas-CNUDCI fuq il‑Konvenzjoni għar-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (Konvenzjoni ta’ New York tal-1958): estratt, gwida fuq l-Artikolu V, paragrafu 2(b), punt 9: (“an award contravenes public policy when it violates a norm which affects the basis of German public and economic life or irreconcilably contradicts the German perception of justice”), disponibbli fuq is-sit internet tal-Gwida fl-indirizz segwenti: (http://www.newyorkconvention1958.org/index.php?lvl=cmspage&pageid=11&provision=304), li jiċċita s-sentenzi Oberlandesgericht München, 34 Sch 019/05, 28 ta’ Novembru 2005; Oberlandesgericht Düsseldorf, VI Sch (Kart) 1/02, 21 ta’ Lulju 2004; Hanseatisches Oberlandesgericht Bremen, (2) Sch 04/99, 30 ta’ Settembru 1999 u Bundesgerichtshof, III ZR 269/88, 18 ta’ Jannar 1990.


98 – Traduzzjoni li saret minni tat-test oriġinali bl-Ingliż tas-sentenza Deutsche Schachtbau-und Tiefbohrgesellschaft mbH vs Shell International Petroleum Co Ltd [1990] 1 AC 295 (Court of Appeal): (“the enforcement of the award would be clearly injurious to the public good or, possibly, [...] enforcement would be wholly offensive to the ordinary reasonable and fully informed member of the public on whose behalf the powers of the state are exercised”).


99 – “Deċiżjoni m’għandhiex tiġi rikonoxxuta jekk […] dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent”.


100 – Sentenza Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 21). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 20).


101 – Sentenza Krombach (EU:C:2000:164, punt 21). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is‑sentenzi Hoffmann (EU:C:1988:61, punt 21), kif ukoll Hendrikman u Feyen (C‑78/95, EU:C:1996:380, punt 23).


102 – Sentenza Krombach (EU:C:2000:164, punt 37). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is‑sentenzi Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 30); Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 59), u Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:531, punt 51).


103 – Krombach (EU:C:2000:164, punt 37). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Renault (EU:C:2000:225, punt 30); Apostolides (EU:C:2009:271), punt 59), u Trade Agency (EU:C:2012:531, punt 51).


104 – Ara s-sentenzi Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269) u Mostaza Claro (EU:C:2006:675).


105 – F’dan ir-rigward, ninnota li s-sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269) ma jidhirlix li hija faċilment konċiljabbli mas-sentenza Renault (EU:C:2000:225). Infakkar li dak li wassal lill-qorti tal-Istat fejn intalbet l-eżekuzzjoni ta’ sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza Renault (EU:C:2000:225) sabiex tistaqsi dwar jekk id-deċiżjoni barranija kinitx kontra l‑ordni pubbliku kien żball li eventwalment ikkommettiet il-qorti tal-Istat ta’ oriġini fl-applikazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u tal-kompetizzjoni ħielsa. Minkejja x-xebh tal‑problematika ta’ din il-kawża mal-kawża li tat lok għas-sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-qorti tal-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ma tistax, taħt piena li tmur kontra l-għan tar-Regolament [Brussell I], tiċħad ir-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor minħabba s-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt Komunitarju ġie applikat b’mod żbaljat”, (sentenza Renault, EU:C:2000:225, punt 34; sentenza Apostolides, EU:C:2009:271, punt 60). Ma narax il-loġika li biha l-qorti tal-Istat Membru hija obbligata tannulla deċiżjoni ta’ arbitraġġ meta tkun inkompatibbli mal‑Artikolu 101 TFUE iżda li hija obbligata li tirrikonoxxi u teżegwixxi sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li hija wkoll inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fil‑qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.


106 – ĠU L 95, p. 29.


107 – Sentenza Eco Swiss (EU:C:1999:269, punt 36). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is‑sentenza Mostaza Claro (EU:C:2006:675, punt 37).


108 – Ara s-sentenzi Krombach (EU:C:2000:164, punti 25, 26, 38 u 39) u Trade Agency (EU:C:2012:531, punt 52).


109 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2046, punt 84).


110 – Ibidem (punt 85). Ara, f’dan is-sens, is-sentenza flyLAL-Lithuanian Airlines (C‑302/13, EU:C:2014:2319, point 56).


111 – Sentenza Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 304).


112 – Infakkar li din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-arbitraġġ.


113 – Dawn huma regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli u kirjiet ta’ proprjetà immobbli (paragrafu 1), ta’ validità, ta’ nullità jew ta’ dissoluzzjoni ta’ kumpanniji jew persuni ġuridiċi oħra li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tagħhom (paragrafu 2), ta’ validità ta’ reġistrazzjonijiet f’reġistri pubbliċi (paragrafu 3), reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti, trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati (paragrafu 4) u ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi (paragrafu 5).


114 – Ara l-Gwida tas-CNUDCI fuq il-Konvenzjoni għar-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barranin (Konvenzjoni ta’ New York tal-1958): estratt, gwida fuq l-Artikolu V, paragrafu 2(b), punti 17 u 18, disponibbli fuq is-sit internet tal-gwida fl-indirizz segwenti: (http://www.newyorkconvention1958.org/index.php?lvl=cmspage&pageid=11&provision=304). Ara, ukoll, f’dan is-sens, B., Hanotiau, u O., Caprasse, “Public Policy in International Commercial Arbitration” u E., Gaillard, u D., Di Pietro, (edituri), Enforcement of Arbitration Agreements and International Arbitral Awards: The New York Convention in Practice, Cameron May, Londra, 2008, p. 787, 791-794.


115 – It-talbiet mressqa mill-Ministeru tal-Enerġija (b’mod partikolari dik li tobbliga lil Lietuvos dujos tibda negozjati ma’ Gazprom sabiex tiġi stabbilita tariffa ekwa u ġusta għax-xiri tal-gass) ma jirrigwardawx il-validità, in-nullità jew id‑dissoluzzjoni ta’ Lietuvos dujos u lanqas il-validità ta’ deċiżjonijiet tal-bordijiet ta’ diretturi tagħhom.