Language of document : ECLI:EU:T:2007:360

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

28 ta’ Novembru 2007

Kawża T-214/05

Hippocrate Vounakis

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Procedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Definizzjoni ta’ l-għanijiet li għandhom jintlaħqu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Inkoerenza bejn il-marki mogħtija u l-kummenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2004 li tadotta r-rapport definittiv ta’ l-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2003.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2004 li tadotta r-rapport dwar l-iżvilupp tal-karriera ta’ Hippocrate Vounakis għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2003 hija annullata fil-parti intitolata “Rendiment”. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Obbligu li jiġu stabbiliti l-għanijiet li jridu jintlaħqu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Setgħa diskrezzjonali ta’ l-evalwaturi – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Awtoevalwazzjoni magħmula mill-uffiċjal – Suġġett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, li l-amministrazzjoni għandha l-obbligu tistabbilixxi għanijiet u kriterji ta’ evalwazzjoni għall-impjegat. Dan l-obbligu huwa mfakkar fil-gwida ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha bħala regola ta’ kondotta.

(ara l-punt 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 1 ta’ Diċembru 1983, Blomefield vs Il-Kummissjoni, 190/82, Ġabra p. 3981, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 24 ta’ Jannar 1991, Latham vs Il-Kummissjoni, T-63/89, Ġabra p. II-19, punt 25; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 30 ta’ Settembru 2003, Tatti vs Il-Kummissjoni, T-296/01, ĠabraSP p. I-A-225 u II-1093, punt 43

2.      L-evalwaturi jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol ta’ persuni li huma inkarigati jevalwaw. Il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti, ħlief fil-każ ta’ żball ta’ fatt, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ abbuż ta’ poter, tistħarreġ il-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi professjonali ta’ uffiċjal, billi tinvolvi deċiżjonijiet kumplessi bbażati fuq opinjonijiet personali li, min-natura tagħhom stess, ma jistgħux jiġu vverifikati b’mod oġġettiv.

(ara l-punt 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 7 ta’ Mejju 2003, den Hamer vs Il-Kummissjoni, T-278/01, Ġabra SP p. I-A-139 u II-665, punt 58; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T-165/04, Ġabra p. FP-I-A-2-155,II-A-2-735, punt 61

3.      L-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva r-rapporti ta’ evalwazzjoni b’mod suffiċjenti u dettaljat. Il-kummentarji ta’ natura ġenerali li jsiru ma’ l-evalwazzjonijiet analitiċi għandhom jippermettu lill-uffiċjal evalwat jeżamina l-fondatezza tagħhom fid-dawl tal-fatti kollha magħrufa u, skond il-każ, lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u għal dan il-għan huwa meħtieġ li teżisti koerenza bejn dawn l-evalwazzjonijiet u l-kummentarji initiżi sabiex jiġġustifikawhom.

Barra dan, f’ċerti każijiet, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-motivazzjoni. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-karriera għandu b’mod partikolari jiġi mmotivat fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni, jekk mhijiex l-intenzjoni ta’ l-evalwatur ta’ l-appell isegwihom u jekk l-opinjoni ssemmi ċirkustanzi speċjali li jqajmu dubji dwar il-validità jew il-fondatezza ta’ l-evalwazzjoni inizjali, minħabba f’dan, ikun meħtieġ li ssir evalwazzjoni speċifika ta’ l-evalwatur ta’ l-appell fir-rigward tal-konsegwenzi eventwali li għandhom jirriżultaw minn dawn iċ-ċirkustanzi.

(ara l-punti 63 u 83)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 21 ta’ Ottubru 1992, Maurissen vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T-23/91, Ġabra p. II-2377, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T-187/01, Ġabra SP p. I-A-81 u II-389, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza, 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il-Kummissjoni, T-16/03, Ġabra SP p. I-A-261 u II-1163, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata; Vounakis vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 84

4.      Skond l-Artikolu 7(4) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni, l-għan ta’ l-awtoevalwazzjoni huwa li tħejji l-laqgħa bejn l-uffiċjal u l-evalwatur. Konsegwentement, mhuwiex l-uffiċjal li għandu jfassal ir-rapport tiegħu, iżda dan għandhom jagħmluh l-evalwatur, il-validatur u l-evalwatur ta’ l-appell.

(ara l-punt 81)