Language of document : ECLI:EU:T:2009:304

Kawża T-211/05

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna implementata mill-awtoritajiet Taljani favur impriżi reċentement ikkwotati fil-Borża — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni — Natura selettiva — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Obbligu li l-miżura ta’ għajnuna tiġi diskussa minn qabel mal-Istat Membru kkonċernat u li s-sitwazzjoni tiġi eżaminata fid-dawl tal-elementi mogħtija minnu

(Artikoli 87(1) KE u 88(2) u (3) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 4(4))

2.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna

(Artikolu 88(3) KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Obbligu ta’ motivazzjoni

(Artikoli 88(2) KE u 253 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura ta’ tnaqqis fiskali applikabbli għall-impriżi reċentement ikkwotati fil-Borża — Inklużjoni — Ġustifikazzjoni min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali nazzjonali — Oneru tal-prova fuq l-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 87(1) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Għajnuna ta’ importanza żgħira f’settur kompetittiv ħafna

(Artikolu 87(1) KE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Għajnuna li tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE

(Artikolu 87(3)(ċ) KE)

1.      Fil‑kuntest tal‑proċedura ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill‑Istat, stabbilita fl‑Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il‑fażi ta’ eżami preliminari tal‑għajnuna stabbilita fl‑Artikolu 88(3) KE, li l‑uniku għan tagħha huwa li jippermetti lill‑Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari kemm fuq in‑natura tal‑miżura kkonċernata bħala għajnuna mill‑Istat kif ukoll fuq il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal‑għajnuna inkwistjoni mas‑suq komuni, u, min‑naħa l‑oħra, il‑fażi ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl‑Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil‑kuntest ta’ din tal‑aħħar, li hija intiża sabiex tippermetti lill‑Kummissjoni jkollha informazzjoni kompluta fuq il‑fatti kollha tal‑kawża, li t‑Trattat KE jipprevedi l‑obbligu, għall‑Kummissjoni, li ssejjaħ il‑partijiet interessati biex jissottomettu l‑kummenti tagħhom. Skont l‑Artikolu 4(4) tar‑Regolament Nru 659/1999, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 88 KE, il‑Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il‑proċedura prevista mill‑Artikolu 88(2) KE jekk l‑ewwel eżami ma ppermettilhiex tegħleb id‑diffikultajiet kollha mqajma mill‑kwistjoni dwar jekk miżura statali suġġetta għall‑istħarriġ tagħha tikkostitwixxix għajnuna fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE, għall‑inqas meta, matul dan l‑ewwel eżami, hija ma tkunx konvinta li l‑miżura kkonċernata, anki li kieku tikkostitwixxi għajnuna, hija f’kull każ kompatibbli mas‑suq komuni.

Fid‑dawl tal‑konsegwenzi legali ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura prevista fl‑Artikolu 88(2) KE, li tikklassifika provviżorjament il‑miżuri msemmija bħala għajnuna ġdida filwaqt li l‑Istat Membru kkonċernat aktarx ma jaqbilx ma’ din il‑klassifikazzjoni, il‑Kummissjoni għandha minn qabel tiddiskuti l‑miżuri inkwistjoni mal‑Istat Membru kkonċernat sabiex huwa jkollu l‑opportunità jindikalha, jekk ikun il‑każ, li, fl‑opinjoni tiegħu, l‑imsemmija miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna jew jikkostitwixxu għajnuna eżistenti.

(ara l‑punti 35‑37)

2.      Fil‑kuntest ta’ proċedura ta’ eżami preliminari, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża jeżiġi li l‑Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li effettivament jesponi l‑opinjoni tiegħu fuq l‑elementi li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat l‑evalwazzjoni tagħha. Madankollu, sabiex ksur tad‑drittijiet tad‑difiża f’din il‑fażi jwassal għall‑annullament tad‑deċiżjoni finali, hemm bżonn li, fin‑nuqqas ta’ din l‑irregolarità, il‑proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. F’dan ir‑rigward, l‑oneru tal‑prova jaqa’ fuq l‑Istat Membru kkonċernat għaliex kull ksur tad‑drittijiet tad‑difiża jikkostitwixxi difett proċedurali li jeżiġi li jiġi invokat, mill‑parti kkonċernata, l‑effett negattiv partikolari ta’ dan il‑ksur fuq id‑drittijiet suġġettivi tagħha.

(ara l‑punt 45)

3.      Il‑prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt Komunitarju u li jifforma, b’mod partikolari, parti mid‑drittijiet tad‑difiża, jeżiġi li l‑parti kkonċernata tkun ingħatat l‑opportunità, matul il‑proċedura amministrattiva, li tesponi effettivament l‑opinjoni tagħha fuq ir‑realtà u r‑rilevanza tal‑fatti, tal‑oġġezzjonijiet u taċ‑ċirkustanzi allegati mill‑Kummissjoni insostenn tal‑allegazzjoni tagħha tal‑eżistenza ta’ ksur tat‑Trattat KE. Skont l‑Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 659/1999, dwar l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 88 KE, “[i]d‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil‑qosor l‑kwistjonijiet rilevanti tal‑fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal‑Kummissjoni dwar il‑karattru tal‑miżura proposta u għandha tqiegħed [tistipula] id‑dubji dwar il‑kompatibilità tagħha mas‑suq komuni”. Din id‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura għandha tqiegħed lill‑partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil‑proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma sejrin ikollhom il‑possibbiltà li jsostnu l‑argumenti tagħhom. Għal dan l‑għan, huwa biżżejjed li l‑partijiet ikunu jafu r‑raġunament li wassal lill‑Kummissjoni tikkunsidra b’mod provviżorju li l‑miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas‑suq komuni.

Il‑Kummissjoni mhijiex obbligata li tinforma lill‑Istat Membru kkonċernat dwar il‑pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d‑deċiżjoni tagħha, ladarba l‑Istat Membru jkun ġie intimat sabiex jissottometti l‑kummenti tiegħu.

(ara l‑punti 53, 54, 58)

4.      Il‑portata tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min‑natura tal‑att inkwistjoni u mill‑kuntest li fih ikun ġie adottat. Il‑motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal‑istituzzjoni awtriċi tal‑att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lill‑qorti Komunitarja teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u min‑naħa l‑oħra, lill‑persuni interessati jsiru jafu l‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d‑drittijiet tagħhom u jivverifikaw jekk id‑deċiżjoni hijiex fondata. Mhuwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti rilevanti kollha ta’ fatt u ta’ liġi, sa fejn il‑kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti tal‑Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid‑dawl tal‑kliem tagħha, imma wkoll fid‑dawl tal‑kuntest tagħha kif ukoll tar‑regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is‑suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il‑Kummissjoni mhijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l‑argumenti kollha invokati quddiemha mill‑persuni interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l‑fatti u l‑kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl‑istruttura tad‑deċiżjoni.

Barra minn hekk, fil‑kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, il‑Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l‑karatteristiċi ġenerali tal‑iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, mingħajr ma hija marbuta teżamina kull każ ta’ applikazzjoni partikolari, sabiex tivverifika jekk din l‑iskema għandhiex elementi ta’ għajnuna.

Għalkemm il‑Kummissjoni, fil‑motivi tad‑deċiżjoni tagħha, hija marbuta tirreferi, għall‑inqas, għaċ‑ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha turi li l‑għajnuna tista’ taffettwa l‑kummerċ bejn Stati Membri u tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal‑kompetizzjoni, hija mhijiex marbuta tagħmel analiżi ekonomika tas‑sitwazzjoni reali tas‑swieq ikkonċernati, tas‑sehem tas‑suq tal‑impriżi benefiċjarji tal‑għajnuna, tal‑pożizzjoni tal‑impriżi kompetituri u tal‑kurrenti kummerċjali bejn Stati Membri. Barra minn hekk, fil‑każ ta’ għajnuna mogħtija kontra l‑liġi, il‑Kummissjoni mhijiex obbligata li turi l‑effett reali li din l‑għajnuna kellha fuq il‑kompetizzjoni u fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri. Li kieku dan kien il‑każ, fil‑fatt, dan ir‑rekwiżit kien ikun ta’ vantaġġ għall‑Istati Membri li jagħtu għajnuna illegali a skapitu ta’ dawk li jinnotifikaw l‑għajnuna meta tkun fl‑istadju ta’ proposta.

(ara l‑punti 68, 69, 87, 158)

5.      L‑Artikolu 87(1) KE jimponi l‑obbligu li jiġi stabbilit jekk, fil‑kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex tali li tiffavorixxi ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jinsabu, fid‑dawl tal‑għan imfittex mill‑imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.

Dan iseħħ fil‑każ ta’ vantaġġ fiskali li jiġi rrikonoxxut biss favur l‑impriżi li ġew ikkwotati f’suq regolat matul il‑perijodu qasir tal‑applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna, filwaqt li kull impriża oħra hija eskluża minn din l‑iskema, indipendentement minn jekk humiex kumpanniji diġà kkwotatati jew inkella kumpanniji li ma jissodisfawx jew ma jistgħux jissodisfaw ir‑rekwiżiti sabiex ikunu jistgħu jiġu kkwotati matul il‑perijodu kopert mill‑iskema ta’ għajnuna.

Fir‑rigward tal‑ġustifikazzjoni eventwali tal‑miżuri inkwistjoni minħabba n‑natura jew l‑istruttura tas‑sistema fiskali nazzjonali, għalkemm dan it‑trattament differenti huwa bbażat fuq għanijiet differenti minn dawk imfittxija mis‑sistema ġenerali, il‑miżura inkwistjoni hija, bħala regola, meqjusa li tissodisfa l‑kundizzjoni ta’ selettività prevista fl‑Artikolu 87(1) KE. Huwa l‑Istat Membru li introduċa tali trattament differenti bejn l‑impriżi fil‑qasam tal‑ispejjeż li għandu juri li dan it‑trattament differenti huwa effettivament iġġustifikat min‑natura u mill‑istruttura tas‑sistema inkwistjoni.

(ara l‑punti 119, 120, 125)

6.      L‑Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l‑għajnuna li taffettwa l‑kummerċ bejn Stati Membri u li tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal‑kompetizzjoni. Fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż‑żewġ kundizzjonijiet, il‑Kummissjoni mhijiex obbligata li tistabbilixxi l‑effett reali tal‑għajnuna fuq il‑kummerċ bejn Stati Membri u distorsjoni effettiva tal‑kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l‑għajnuna tistax taffettwa dan il‑kummerċ u twassal għal distorsjoni tal‑kompetizzjoni.

Anki għajnuna ta’ importanza relattivament żgħira tista’ tkun tali li taffettwa l‑kummerċ bejn Stati Membri meta s‑setturi li fihom joperaw l‑impriżi benefiċjarji jkunu kompetittivi ħafna.

Barra minn hekk, meta awtorità pubblika tiffavorixxi impriża li topera f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensa billi tagħtiha vantaġġ, ikun hemm distorsjoni tal‑kompetizzjoni jew riskju ta’ tali distorsjoni. Jekk il‑vantaġġ huwa minimu, il‑kompetizzjoni tkun ġiet distorta b’mod minimu, imma xorta jibqa’ l‑fatt li tkun ġiet distorta. Issa, il‑projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 87(1) KE tapplika għal kull għajnuna li tikkawża jew thedded li tikkawża distorsjoni tal‑kompetizzjoni, ikun xi jkun l‑ammont tagħha, sa fejn hija taffettwa l‑kummerċ bejn Stati Membri.

(ara l‑punti 151, 152, 154, 155)

7.      Huwa biss fil‑kuntest tal‑Artikolu 87(3)(ċ) KE li għandha tiġi evalwata l‑legalità ta’ deċiżjoni tal‑Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna ġdida ma tissodisfax ir‑rekwiżiti għall‑applikazzjoni ta’ din id‑deroga, u mhux fid‑dawl ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal‑Kummissjoni.

L‑ewwel nett, l‑għajnuna għall‑operat ma taqax taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(3) KE, għaliex din tikkawża distorsjoni tal‑kundizzjonijiet tal‑kompetizzjoni fis‑setturi fejn hija ngħatat mingħajr ma hija, minħabba n‑natura tagħha stess, kapaċi tilħaq wieħed mill‑għanijiet stabbiliti minn din id‑dispożizzjoni.

(ara l‑punti 170, 173)