Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Marzu 2010 - USFSPEI et vs Il-Kunsill

(Kawża T-122/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union syndicale fédérale des services publics européens et internationaux (USFSPEI) (Brussell, il-Belġju), Giuseppe Calo (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Jean-Pierre Tytgat (Mamer, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: J.-N. Louis, A. Coolen, B. Cambier, L. Renders, S. Pappas, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta' Diċembru 2009, li jaġġusta b'effett mill-1 ta' Lulju 2009 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom, filwaqt li jibqa' jipproduċi l-effetti tiegħu sal-adozzjoni mill-Kunsill ta' regolament ġdid, b'mod konformi mal-proposta tal-Kummissjoni, li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2009;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrenti G. Calo u J. Tytgat, kif ukoll lill-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea, l-arretrati ta' remunerazzjoni u pensjonijiet li għandhom dritt għalihom mill-1 ta' Lulju 2009 flimkien mal-intessi moratorji kkalkulati, sa mid-data minn meta ġew dovuti l-arretrati, bir-rata stabbilita mill-BĊE għat-transazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid biż-żieda ta' żewġ punti;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-USF Ewro simboliku bħala kumpens tad-danni morali subiti minħabba l-iżball fis-servizz imwettaq bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1296/2009 illegali, tat-23 ta' Diċembru 2009;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta' Diċembru 2009, li jaġġusta b'effett mill-1 ta' Lulju 2009 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom. 1

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-illegalità tar-Regolament Nru 1296/2009, żvijar ta' proċedura kif ukoll ksur tal-prinċipji ta' kooperazzjoni leali u ta' koerenza li tirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE.

Huma jinvokaw ukoll il-ksur tal-Artikoli 65 u 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tiegħu kif ukoll tal-prinċipju tal-paralleliżmu, tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u tal-prinċipju "patere legem quam ipse fecisti".

Fl-aħħar nett huma jsostnu l-ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni u tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

____________

1 - ĠU 2009 L 348, p. 10