Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Novembru 2009 - Jiménez Sarmiento vs UASI - Robin et (Q)

(Kawża T-455/09)

Lingwa tar-rikors: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Vicente J. Jiménez Sarmiento (Madrid, Spanja) (rappreżentant: P. Mª García-Cabrerizo del Santo, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Michel Robin (Lasnes, il-Belġju), Daniel Falzone (Waterloo, il-Belġju), Maxime Monseur (Tamines, il-Belġju)

Talbiet tar-rikorrent

Tagħti sentenza li tiddikjara li, skont ir-Regola 70 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, l-iskadenza tat-terminu ta' erba' xhur sabiex tiġi ppreżentata n-nota li tesponi l-motivi tar-rikors amministrattiv fl-oriġini ta' dan ir-rikors seħħet fis-16 ta' Mejju 2009 u li, peress li l-preżentazzjoni tan-nota seħħet fit-18 ta' Mejju sussegwenti u din il-ġurnata kienet is-Sibt, hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala konformi mad-dritt;

Sussidjarajament u fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tilqax it-talba preċedenti, tagħti sentenza li tiddikjara li r-rikorrent wettaq żball skużabbli fil-kalkolu ta' dan it-terminu.

Wara li tkun laqgħet waħda mit-talbet preċedenti, tirriformula u tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell tal-UASI fil-Każ R 0312/2009-4, tas-7 ta' Settembru 2009, li tiddikjara li n-nota li tesponi l-motivi tar-rikors amministrattiv inkwistjoni ġiet ippreżentata fit-termini stabbiliti, filwaqt li timponi fuq il-Bord tal-Appell tal-UASI li jevalwa l-fondatezza ta' dan l-appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Michel Robin, David Falzone u Maxime Monseur.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark figurattiva komposta mill-ittra Q inklinata u miktuba b'tip grass fil-parti t'isfel (numru ta' reġistrazzjoni 4 804 266) għal prodotti fil-klassijiet 18, 25 u 28.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrent.

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Trade mark figurattiva Spanjola li fiha l-element verbali "quadrata" (Nru 1 770 312), għal prodotti fil-klassi 25.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Tiċħad l-oppożizzjoni bħala inammissibbli.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Tiċħad l-appell bħala inammissibbli.

Motivi invokati: Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tar-Regola 70 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4094 dwar it-trade mark tal-Komunità, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tapplikax prattika stabbilita segwita mill-konvenut, kif ukoll l-eżistenza ta' żball skużabbli min-naħa tar-rikorrent.

____________