Language of document : ECLI:EU:T:2015:99

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Frar 2015 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark Komunitarja verbali HUSKY — Użu ġenwin tat-trade mark — Revoka parzjali — Proroga tat-terminu — Regola 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 — Traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża”

Fil-Kawża T‑287/13,

Husky CZ s.r.o., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn L. Lorenc, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn P. Geroulakos u I. Harrington, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Husky of Tostock Ltd, stabbilita f’Woodbridge (ir-Renju Unit),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Marzu 2013 (Każ R 748/2012-1), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Husky CZ s.r.o. u Husky of Tostock Ltd,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President tal-Awla, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Mejju 2013,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Awwissu 2013,

wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ April 1996, Husky of Tostock Ltd (iktar ’il quddiem il-“proprjetarja tat-trade mark”) ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali HUSKY.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassijiet 3, 9, 14, 16, 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 3: “Preparazzjonijiet għall-ibbliċjar u sustanzi oħra għall-ħasil; preparazzjonijiet għal tindif, illustrar, sabiex wieħed jogħrok u li joborxu; sapun; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar; preparazzjonijiet u prodotti tat-twaletta għal skopijiet mhux mediċi; toothpaste”;

–        klassi 9: “Nuċċalijiet; nuċċalijiet tax-xemx, nuċċalijiet anti-glare, viżieri, beritti; trombi (ottiċi); kaxxi għan-nuċċalijiet; qfil għan-nuċċalijiet; kronografi; boxxla; kontenituri għal-lentijiet tal-kuntatt; qafas tan-nuċċalijiet tal-għajnejn; okulari; apparati u strumenti ottiċi; teleskopji”;

–        klassi 14: “Ġojjellerija, ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti taż-żamma tal-ħin u strumenti kronometriċi”;

–        klassi 16: “Karti, kartunċin u oġġetti magħmula minn dawn il-materjali, mhux inklużi fi klassijiet oħra; materjal stampat; materjal għal-legatura tal-kotba; ritratti; kartolerija; materjali tal-artisti, pniezel; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (minbarra għamara); materjal istruttiv u għat-tagħlim (ħlief apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar (mhux inklużi fi klassijiet oħra); karti tal-logħob; tipa tal-printer; clichés”;

–        klassi 18: “Ġilda jew imitazzjonijiet tal-ġilda, prodotti magħmula minn dawn il-materjali li ma humiex inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; basktijiet, bagolli u bagalji; umbrelel, parasol u bsaten; frosti u oġġetti magħmulin mis-sarràġ”;

–        klassi 25: “Qomos, xorts, dbielet, blużi, qliezet, ġkieket, kowtijiet, flokkijiet, kpiepel, ingravati, ħwejjeġ ta’ taħt; ilbies ta’ taħt tan-nisa, maljerija, piġami, ilbies ta’ bil-lejl, libsa ta’ taħt tan-nisa, negliġè, ilbiesi ta’ ġewwa, qomos, kardigans, ġerżijiet, blużi, ilbiesi tal-għawm; ilbiesi, kowtijiet, stvali, żraben, sandlijiet, papoċċi, kpiepel, brieret, xalpi, ilbiesi ta’ ġewwa, kapep, fradal, jeans, kalzetti, leggings, ilbies taż-żfin, brazzuletti, headbands, ingwanti; mittens, ċinturini; xedd ir-ras u żraben”.

4        Fit-30 ta’ Novembru 1998 ġiet irreġistrata t-trade mark mitluba taħt in-Numru 152546.

5        Fit-2 ta’ April 2006 ġiet imġedda r-reġistrazzjoni tat-trade mark.

6        Fil-11 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti, Husky CZ, s.r.o., ippreżentat talba għar-revoka tat-trade mark li r-reġistrazzjoni tagħha kienet ġiet imġedda (iktar ’il quddiem “it-trade mark ikkontestata”), fuq il-bażi tal-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], għar-raġuni li din it-trade mark ma kinitx suġġetta għal użu ġenwin għall-prodotti li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata.

7        Fis-17 ta’ Marzu 2009, id-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” tal-UASI stieden lill-proprjetarja tat-trade mark tipproduċi l-prova tal-użu ġenwin ta’ din it-trade mark għas-17 ta’ Ġunju 2009.

8        Fis-16 ta’ Ġunju 2009, il-proprjetarja tat-trade mark ippreżentat provi, iżda spjegat li t-trade mark ikkontestata ntużat mill-proprjetarju ta’ liċenzja u li, minħabba f’hekk, hija kienet qiegħda titlob estensjoni tat-terminu sabiex tkun tista’ twieġeb b’mod sħiħ għal din it-talba.

9        Fid-19 ta’ Ġunju 2009, id-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” ta l-proroga tat-terminu mitluba sas-17 ta’ Settembru 2009.

10      Fid-9 ta’ Settembru 2009, il-proprjetarja tat-trade mark ippreżentat provi supplimentari u indikat li hija xtaqet tressaq informazzjoni dwar l-ispejjeż li saru għall-promozzjoni tat-trade mark ikkontestata. Hija talbet proroga ġdida tat-terminu sas-17 ta’ Ottubru 2009.

11      Id-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” ta din il-proroga.

12      Fid-19 ta’ Ottubru 2009, il-proprjetarja tat-trade mark ippreżentat fatturi dwar spejjeż promozzjonali.

13      Peress li r-rikorrenti ressqet oġġezzjoni, id-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” innotifikaha lill-proprjetarja tat-trade mark u stedinha sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha għat-13 ta’ Marzu 2010. Fit-12 ta’ Marzu 2010, din il-proprjetarja indikat li l-provi kienu kważi kompleti u talbet terminu supplimentari ta’ xahar, filwaqt li pprovdiet ġustifikazzjonijiet għall-proroga tat-terminu. Id-Dipartiment laqa’ t-talba tagħha.

14      Fid-9 ta’ April 2010, il-proprjetarja tat-trade mark ippreżentat provi supplimentari.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2012, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI laqgħet parzjalment it-talba għar-revoka. Hija ddeċidiet li t-trade mark ikkontestata setgħet tibqa’ rreġistrata għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        “basktijiet”, li jaqgħu fil-klassi 18;

–        “qomos, qliezet, flokkijiet, kowtijiet, ġkieket, qomos, ġerżijiet, stvali, żraben, kpiepel, jeans, ċinturini; żraben”, li jaqgħu fil-klassi 25;

16      Fis-16 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

17      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell.

18      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument invokat mir-rikorrenti li diversi prorogi tat-terminu ngħataw b’mod żbaljat lill-proprjetarja tat-trade mark, fl-assenza ta’ ftehim minn qabel mal-parti l-oħra, il-Bord tal-Appell qies li r-Regola 71(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”, kellha tiġi interpretata, fil-verżjoni Ingliża tagħha, fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-paragrafu 1 tal-istess regola. Skontha, meta parti titlob proroga ta’ terminu, l-UASI jista’, mingħajr ma huwa marbut b’dan, jitlob li jkun hemm qbil mal-parti l-oħra u għandu, partikolarment meta jiddeċiedi li ma jitlobx dan il-qbil, jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tat-talba għall-proroga tat-terminu.

19      Sabiex jiġġustifika l-fatt li d-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” kien iddeċieda b’mod korrett li jingħataw prorogi mingħajr ma kkundizzjonahom għal qbil mal-parti l-oħra, il-Bord tal-Appell enfasizza li, f’dan il-każ, dan id-dipartiment kien ikkunsidra li ċerti dokumenti li juru l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata setgħu jiġu prodotti biss minn terz stabbilit barra mill-pajjiż, li kienet waħda miċ-ċirkustanzi aċċettati. Barra minn hekk, il-proprjetarja tat-trade mark ipproduċiet provi u motivi raġonevoli sabiex titlob proroga tat-terminu. Minbarra dan, it-terminu mitlub kien qasir u kien fl-interess tal-proċedura li deċiżjoni dwar kwistjoni daqstant importanti bħalma hija r-revoka ma titteħidx bl-għaġla. Bl-istess mod, wara li r-rikorrenti sostniet li l-użu tat-trade mark ikkontestata kien l-att ta’ terz u mhux tal-proprjetarja tat-trade mark, id-Dipartiment “Trade marks u Kanċellazzjoni” kien, skont il-Bord tal-Appell, korrett meta stieden lill-imsemmija proprjetarja tagħmel il-kummenti tagħha f’dan ir-rigward u aċċetta provi li din tal-aħħar ressqet.

20      Il-Bord tal-Appell irrileva li, minkejja li, f’dan il-każ, il-possibbiltajiet li jinġiebu provi kienu iktar numerużi minn dak li huwa normali fil-qasam tar-revoka ta’ trade mark, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni wriet flessibbiltà meta aċċettat li tagħti prorogi, fid-dawl tal-kumplessità tal-kawża u sa fejn it-trade mark ikkontestata ġiet użata minn diversi entitajiet matul il-perijodu ta’ referenza.

21      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-proprjetarja tat-trade mark ma pprovdiex traduzzjonijiet bl-Ingliż tad-dokumenti redatti bit-Taljan, li impedixxa l-possibbiltà li jiġi kkonstatat li t-terminu “husky” kien terminu ġeneriku b’din il-lingwa tal-aħħar, il-Bord tal-Appell enfasizza, qabelxejn, li l-proprjetarja tat-trade mark ittraduċiet id-dokumenti jew partijiet minn dokumenti li kienu jikkonsistu f’testi twal. Ir-rikorrenti ma indikatx il-provi li kellhom jiġu tradotti u ma lmentatx mill-assenza ta’ traduzzjoni, meta hija ġiet mistiedna tikkummenta fuq id-dokumenti kkomunikati. Hija rreferiet għall-assenza ta’ traduzzjoni biss f’każ wieħed, fir-rigward ta’ dokument li ma kienx determinanti għall-eżitu tal-kawża.

22      Barra minn hekk, mir-ritratti prodotti jirriżulta li t-terminu “husky” huwa użat bħala isem ta’ trade mark irreġistrata. Dan ma huwiex terminu ġeneriku Taljan. It-terminu “husky” jidher f’dizzjunarju online bħala “Isem kummerċjali ® ta’ ġakketta waterproof ikkuttunata” (“Nome commerciale ® di un giaccone impermeabile trapuntato”), u dan jikkonferma li din hija trade mark irreġistrata.

23      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni eżaminat provi li ma jirrigwardawx il-perijodu rilevanti jew li ma humiex datati, il-Bord tal-Appell irrileva li d-dokumenti ċċitati mir-rikorrenti kienu jipprevedu fatturi li d-data tagħhom kienet koperta mill-perijodu rilevanti. Id-dokumenti l-oħra ċċitati mir-rikorrenti għandhom biss l-għan li juru kif it-trade mark tidher fuq il-ħwejjeġ u l-firxa ta’ prodotti li għalihom din hija użata, b’mod li l-fatt li dawn ma humiex datati ma huwiex rilevanti.

24      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li d-dokumenti huma prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark figurattiva, li ma setgħetx tkun ta’ benefiċċju għat-trade mark ikkontestata, li hija trade mark verbali, il-Bord tal-Appell enfasizza li, fil-każ ineżami, kienet biss trade mark waħda inkwistjoni u li s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI (C‑234/06 P, Ġabra, EU:C:2007:514), invokata mir-rikorrenti, ma kinitx rilevanti għall-każ ineżami.

25      Il-Bord tal-Appell żied li l-mod li bih it-trade mark HUSKY ġiet użata fuq il-prodotti, bi stilizzazzjoni leġġera tal-ittri jew b’logo li jirrappreżenta l-ittra “h”, akkumpanjata b’element figurattiv li jirrappreżenta kelb husky, ma jaffettwax il-karattru distintiv tat-trade mark kif ġiet irreġistrata. Dan il-karattru distintiv jinsab esklużivament fil-kunċett ta’ “husky”, li huwa kelb tipiku tar-reġjuni Artiċi.

26      Finalment, il-Bord tal-Appell wieġeb għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-użu tat-trade mark mill-proprjetarja tagħha u l-provi marbuta miegħu, billi kkunsidra li din il-proprjetarja spjegat fi żmien xieraq kif din it-trade mark ġiet użata minn diversi detenturi ta’ liċenzja matul iż-żmien u taħt liema forom din ġiet użata.

 It-talbiet tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-proprjetarja tat-trade mark għall-ispejjeż.

28      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi mressqa barra mit-terminu, it-tieni motiv fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti mhux tradotti u t-tielet motiv fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti mhux datati.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi mressqa barra mit-terminu

30      Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-UASI ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni l-provi tal-proprjetarja tat-trade mark li tressqu wara li skada t-terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għat-talba għal revoka. Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, ir-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għoti ta’ proroga ta’ terminu mitluba minn parti huwa suġġett għall-qbil min-naħa tal-parti l-oħra. L-UASI interpreta b’mod żbaljat il-verżjoni Ingliża ta’ din ir-regola. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-verżjoni Ċeka tal-imsemmija dispożizzjoni, li loġikament għandha tiġi applikata. Din il-verżjoni hija identika għall-verżjoni Ingliża u għall-verżjoni Slovakka tal-istess dispożizzjoni.

31      L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

32      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 40(1) sa (5) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni:

“1.      Kull applikazzjoni għar-revoka jew għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità li hi meqjusa li ġiet iffajljata għandha tiġi nnotifikata lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità. Meta l-[UASI] jsib l-applikazzjoni ammissibbli, għandu jitlob lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità jiffajlja l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.

2.      Jekk il-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità ma jippreżenta l-ebda osservazzjoni, l-[UASI] jista’ jiddeċiedi fuq ir-revoka jew invalidità fuq il-bażi tal-provi quddiemu.

3.      Kull osservazzjoni ppreżentata mill-proprjetarju tat-trade mark tal-Komunità għandha tiġi kkomunikata lill-applikant, li għandu jintalab mill-[UASI], jekk dan jidhirlu li huwa xieraq, sabiex jirrispondi f’perjodu ta’ żmien speċifikat mill-[UASI].

4.      Ħlief fejn ir-Regola 69 tistipula jew tippermetti mod ieħor, l-osservazzjonijiet kollha iffajljati mill-partijiet għandhom jiġu mibgħuta lill-parti l-oħra kkonċernata.

5.      F’każ ta’ applikazzjoni għal revoka bbażata fuq l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament [Nru 40/94], l-[UASI] għandu jitlob lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità jġib prova ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perjodu stipulat, it-trejdmark tal-Komunità tiġi revokata. Ir-Regola 22(2), (3) u (4) għandha tapplika mutatis mutandis.”

33      Għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 71(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fir-rigward tat-tul tat-termini:

“Meta r-Regolament [Nru 40/94] jew dawn ir-Regoli jipprovdu għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi speċifikat mill-Uffiċċju, dan il-perjodu ta’ żmien għandu jkun, meta l-parti konċernata jkollha d-domiċilju jew il-post prinċipali tan-negozju jew stabbiliment fil-Komunità, ta’ mhux inqas minn xahar, jew fejn dawn il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, mhux inqas minn xahrejn u mhux iktar minn sitt xhur. L-Uffiċċju jista’, fejn dan ikun xieraq fiċ-ċirkostanzi, jagħti estensjoni ta’ perjodu speċifikat jekk din l-estensjoni tintalab mill-parti konċernata u t-talba ssir qabel ma jiskadi l-perjodu oriġinali.”

34      Il-verżjoni Ingliża tar-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi li, “[w]here there are two or more parties, the Office may extend a period subject to the agreement of the other parties”. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-verżjonijiet Ċeka u Slovakka ta’ din id-dispożizzjoni huma simili għall-verżjoni Ingliża u li, fid-dawl inter alia tal-post fejn hija tinsab stabbilita, huwa loġiku li f’dan il-każ tiġi applikata l-verżjoni Ċeka.

35      Huwa stabbilit li l-verżjoni Ingliża, kif ukoll ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra, tad-dispożizzjoni kkonċernata huma differenti mill-verżjonijiet Ġermaniża, Spanjola, Franċiża u Taljana tal-istess dispożizzjoni, li flimkien mal-verżjoni Ingliża jifformaw il-ħames lingwi tax-xogħol tal-UASI. Ir-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, fil-verżjonijiet Ġermaniża, Spanjola, Franċiża u Taljana, iżda wkoll, pereżempju, fil-verżjonijiet Bulgara, Griega, Portugiża u Rumena, tipprovdi li, “[l]orsqu’il y a deux ou plusieurs parties à la procédure, l’[OHMI] peut subordonner la prorogation du délai à l’accord des autres parties”.

36      L-UASI jenfasizza li huwa inkluda, fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali tiegħu u fuq is-sit tal-internet tiegħu, nota ta’ qiegħ il-paġna, fir-rigward tal-verżjoni Ingliża tar-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjonii, li tindika li din id-dispożizzjoni għandha tipprovdi kif ġej: “[...] l-[UASI] jista’ jissuġġetta l-proroga tat-terminu għall-qbil min-naħa tal-partijiet l-oħra”. Skont l-UASI, hija d-dispożizzjoni kif tirriżulta mill-verżjonijiet Ġermaniża, Spanjola, Franċiża u Taljana li għandha tipprevali.

37      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ applikazzjoni u, għaldaqstant, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni Ewropea teskludi li dan jitqies separatament f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont ir-rieda reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan imfittex minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi uffiċjali kollha (sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Internetportal und Marketing, C‑569/08, Ġabra, EU:C:2010:311, punt 35, u tad-9 ta’ Ġunju 2011, Eleftheri tileorasi u Giannikos, C‑52/10, Ġabra, EU:C:2011:374, punt 23).

38      Għall-finijiet tal-applikazzjoni u tal-interpretazzjoni tagħha, ir-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma tistax għalhekk tiġi eżaminata f’verżjoni lingwistika waħda.

39      Sussegwentement, mill-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma jirriżultax li hemm lok li l-paragrafu 2 tar-Regola 71 jiġi applikat u interpretat b’mod separat mill-paragrafu 1 tal-istess regola.

40      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li diġà ġie deċiż, fir-rigward tat-tieni sentenza tar-Regola 71(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li l-proroga tar-termini ma hijiex awtomatika u li din tiddependi miċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ partikolari ta’ natura li jiġġustifikawha, kif ukoll mill-preżentata ta’ talba għal proroga [sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2007, K & L Ruppert Stiftung vs UASI — Lopes de Almeida Cunha et (CORPO livre), T‑86/05, Ġabra, EU:T:2007:379, punt 21]. Ingħad ukoll li, jekk il-proroga tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull każ partikolari ta’ natura li jiġġustifikawha, kif ukoll mill-preżentata ta’ talba għal proroga, dan japplika wkoll b’mod speċjali fi proċedimenti inter partes, li fl-ambitu tagħhom vantaġġ mogħti lil waħda mill-partijiet jimplika żvantaġġ għall-oħra, b’mod li l-UASI għandu għalhekk jiżgura l-imparzjalità tiegħu fil-konfront tal-partijiet (fir-rigward ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, sentenza CORPO livre, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2007:379, punt 21).

41      Fir-rigward ta’ proċedimenti inter partes fil-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat li l-proroga tat-terminu għandha wkoll tiġi ġġustifikata miċ-ċirkustanzi, meta l-proprjetarju tat-trade mark jitlob tali proroga sabiex jipprovdi l-provi tal-użu tat-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk il-partijiet irrikonoxxew li ċ-ċirkustanzi, fis-sens tar-Regola 71(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għandhom jiġġustifikaw il-prorogi meta dawn jiġu mitluba fl-ambitu tal-paragrafu 2 tal-istess regola.

42      Hija l-parti li titlob il-proroga li għandha ssostni ċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikawha, peress li din il-proroga hija mitluba u eventwalment tingħata fl-interess tagħha. Barra min hekk, fil-każ fejn dawn iċ-ċirkustanzi jkunu, bħalma huwa l-każ ineżami, partikolari għall-parti li titlob il-proroga, hija biss din tal-aħħar li tista’ tgħaddi l-informazzjoni xierqa dwarhom lill-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CORPO livre, punt 40 iktar ’il fuq, EU:T:2007:379, punt 22).

43      Issa, jekk il-paragrafu 2 tar-Regola 71 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandu jiġi interpretat flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess regola, hemm lok li dan il-paragrafu jiġi kkunsidrat li jippermetti lill-UASI, meta jkun hemm tnejn jew iktar partijiet fil-proċedimenti, li jissuġġetta l-proroga tat-terminu għall-qbil min-naħa tal-partijiet l-oħra u mhux, kif ġie argumentat mir-rikorrenti, bħala li jikkundizzjona lil din il-proroga għall-qbil bejn il-partijiet.

44      L-interpretazzjoni kif proposta mir-rikorrenti twassal għall-konklużjoni li l-partijiet waħidhom, f’dan il-każ ir-rikorrenti f’din il-kawża, ikunu fdati bid-deċiżjoni dwar jekk it-termini jiġux ipprorogati jew le, meta din id-deċiżjoni taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-UASI u l-possibbiltà mħollija lilu, fl-ambitu tar-rwol imparzjali tiegħu, li jipproroga t-termini skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.

45      Finalment u fuq kollox, il-fatt li l-proroga tat-terminu tiġi suġġetta unikament għall-qbil tal-partijiet jista’ jkollu l-effett, kif ġustament jindika l-UASI, li l-parti li titlob il-proroga tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha. Dan jista’ wkoll imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-proċedimenti u l-għan imfittex mir-Regola 71, li huwa preċiżament dak li jippermetti l-proroga tat-termini meta ċ-ċirkustanzi jiġġustifikawha.

46      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li r-Regola 71(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li fejn parti, fi proċedimenti inter partes, titlob proroga ta’ terminu, l-UASI jista’, mingħajr ma huwa marbut li jagħmel dan, jitlob il-qbil tal-parti l-oħra u li din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-paragrafu 1 tal-istess regola, li twassal għall-konklużjoni li l-UASI għandu jieħu inkunsiderazzjoni, speċjalment meta jiddeċiedi li ma jitlobx il-qbil tal-parti l-oħra, iċ-ċirkustanzi tat-talba għall-proroga tat-terminu.

47      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ċ-ċirkustanzi li għandhom jiġġustifikaw il-proroga tat-terminu, skont ir-Regola 71(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, ma kinux issodisfatti f’dan il-każ peress li, minn naħa, il-proprjetarja tat-trade mark kienet, sa mill-bidu, fil-pussess tad-dokument li jattesta l-użu minn terz tat-trade mark ikkontestata.

48      Issa, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, anki jekk dan il-fatt jitqies stabbilit, il-kuntratt ta’ liċenzja waħdu ma huwiex ta’ natura li juri fih innifsu l-użu tat-trade mark ikkontestata u li l-produzzjoni ta’ elementi supplimentari għal tali provi kienet meħtieġa, li għalhekk seta’ jiġġustifika l-prorogi tat-termini mogħtija.

49      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-proprjetarja tat-trade mark użat il-prorogi tat-termini biex telabora provi ġodda. Madankollu, tali argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li ma huwa sostnut minn ebda prova.

50      Fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħha, il-Bord tal-Appell għalhekk ma wettaqx żball meta kkunsidra li, fid-dawl tad-dokumenti li kellhom jiġu prodotti, tal-imġieba tal-proprjetarja tat-trade mark u tar-raġunijiet mogħtija minn din tal-aħħar, il-prorogi tat-termini setgħu jkunu ġġustifikati miċ-ċirkustanzi.

51      Minn dan kollu premess jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti mhux tradotti

52      Ir-rikorrenti ssostni li t-terminu “husky” huwa terminu ġeneriku Taljan għal ġkieket u wkoll, b’mod iktar speċifiku, ġakketta tax-xitwa kkuttunata, skont diversi dizzjunarji. L-estratti mis-siti tal-internet li hija pproduċiet juru f’dan ir-rigward li xi ġkieket huma indikati bħala “husky” u d-dizzjunarju online ċċitat mill-UASI juri li l-protezzjoni tat-trade mark ikkontestata hija limitata għal tip wieħed ta’ prodotti, jiġifieri l-ġkieket ikkuttunati. Is-sempliċi eżistenza tal-trade mark ikkontestata ma tipprekludix li t-terminu “husky” jista’ jsir terminu ġeneriku, tali possibbiltà hija koperta mill-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ir-rikorrenti, kien neċessarju li d-dokumenti kollha jiġu tradotti bl-Ingliż u li ma jiġux aċċettati dawk fil-verżjoni Taljana mhux tradotta.

53      L-UASI tikkontesta din l-argumentazzjoni.

54      Fir-rigward, qabelxejn, tal-argument li ċerti dokumenti kellhom jiġu tradotti qabel ma jiġu kkomunikati, għandu jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li r-Regola 22(6) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni invokata mill-UASI sabiex jiġġustifika l-fatt li, fl-assenza ta’ talba espressa tar-rikorrenti, huwa ma kienx obbligat li jitlob mill-proprjetarja tat-trade mark it-traduzzjoni, fil-lingwa tal-proċedimenti, ta’ dokumenti li jattestaw l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark, hija dispożizzjoni applikabbli għall-proċedimenti ta’ oppożizzjoni. Ir-Regola 40(5) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni applikabbli għall-proċedimenti ta’ revoka ma tipprevedix espressament li r-Regola 22(6) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tapplika mutatis mutandis għal dawn il-proċedimenti.

55      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-Regola 22(6) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jikkompleta u jippreċiża d-dispożizzjonijiet tar-Regola 22(2) sa (4) tal-istess regolament, applikabbli mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regola 22(6) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni huwa applikabbli għal proċedimenti ta’ revoka fuq il-bażi tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-partijiet, barra minn hekk, ma jikkontestawx.

56      Mir-Regola 22(6) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jirriżulta li l-UASI jista’ jitlob it-traduzzjoni ta’ dokumenti li ma jkunux ġew prodotti fil-lingwa tal-proċedimenti mill-parti li tkun ippreżentat dawn id-dokumenti [sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs UASI — Pucci International (Emidio Tucci), T‑373/09, EU:T:2012:500, punt 24].

57      Issa, l-UASI ma wettaqx żball meta ma talabx it-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dokumenti prodotti bit-Taljan. Minn naħa, ir-rikorrenti ma kkontestatx u lanqas ma talbet hija stess matul il-proċedimenti ta’ revoka li l-proprjetarja tat-trade mark tipproduċi t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti. Min-naħa l-oħra, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tiffoka fuq siltiet mid-dizzjunarju online, li juri traduzzjonijiet ta’ kliem mill-Ingliż għat-Taljan jew mit-Taljan għall-Ingliż, li jrendi inutli kull talba ta’ traduzzjoni.

58      Fir-rigward tal-argument li jipprevedi l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u li skontu d-dokumenti prodotti juru li t-terminu “husky” huwa terminu ġeneriku użat fit-Taljan sabiex ifisser “ġkieket”, għandu jiġi rrilevat li, fis-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li t-talba għal revoka tagħha kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 51(1)(a) ta’ dan ir-regolament u li hija ma kinitx qiegħda ssostni li, fl-ambitu ta’ din it-talba, t-terminu “husky” kellu natura ġenerika.

59      Mill-premess jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dokumenti mhux datati

60      Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti kollha għandhom jiġu datati u għandhom jikkorrispondu għall-perijodu rilevanti mill-11 ta’ Marzu 2004 sal-10 ta’ Marzu 2009. Fir-rigward tar-ritratti tal-prodotti ppreżentati mill-propjetarja tat-trade mark, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI wettaq żball meta, sabiex jiddetermina l-linja ta’ prodotti li għaliha t-trade mark ikkontestata hija użata, huwa bbaża ruħu fuq dokumenti mhux datati jew li ma kellhom ebda indizju li jippermetti li dawn jiġu datati. Is-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514), hija rilevanti għall-każ ineżami, inkwantu din tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-użu ta’ trade mark irreġistrata taħt forma leġġerment differenti jistax jiġi estiż għat-trade mark ikkontestata li hija simili għaliha. B’hekk, il-Bord tal-Appell seta’ jinjora l-provi li s-sinjal HUSKY huwa użat taħt forma differenti minn dik protetta mit-trade mark ikkontestata. L-UASI wettaq żball meta afferma li l-logo użat jinftiehem minn konsumatur raġonevolment attent bħala taqsira tat-terminu “husky” u l-element figurattiv tal-kelb bħala r-rappreżentazzjoni ta’ dak li dan it-terminu jfisser. Din l-argumentazzjoni ma hijiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009. Finalment, il-fatturi mressqa mill-proprjetarja tat-trade mark ma jippermettux li jiġi vverifikat liema trade mark jew liema sinjal mhux irreġistrat tal-proprjetarja ġew użati fuq il-prodotti koperti mill-fatturi.

61      L-UASI jikkontesta din l-argumentazzjoni.

62      Fir-rigward, qabelxejn, tal-argument li d-dokumenti mhux datati kollha ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni u ma setgħux jistabbilixxu l-użu tat-trade mark ikkontestata matul il-perijodu kkunsidrat, għandu jitfakkar li, skont ir-Regola 22(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tapplika mutatis mutandis għall-proċedimenti ta’ revoka skont ir-Regola 40(5) tal-istess regolament, il-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark għandha tinkludi, bħala rekwiżiti kumulattivi, il-post, il-ħin, l-estent u n-natura tal-użu li jkun sar mit-trade mark [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Sunrider vs L-UASI — Espadafor Caba (VITAFRUIT), T-203/02, Ġabra, EU:T:2004:225, punt 37, u tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI — Laboratoires Goëmar (LA MER), T-418/03, EU:T:2007:299, punt 52].

63      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu li din it-trade mark kienet verament użata kummerċjalment, b’mod partikolari, l-użu meqjus bħala ġġustifikat fis-settur ekonomiku kkonċernat sabiex iżomm fis-seħħ jew joħloq sehem fis-suq favur il-prodotti jew is-servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-portata u l-frekwenza tal-użu tat- trade mark (ara s-sentenza LA MER, punt 62 iktar ’il fuq, EU:T:2007:299, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ ineżami. Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meqjusa (sentenza VITAFRUIT, punt 62 iktar ’il fuq, EU:T:2004:225, punt 42).

65      Għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li r-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 issemmi indikazzjonijiet tal-post, il-ħin, l-estent u n-natura tal-użu u tagħti eżempji ta’ provi aċċettabbli, bħall-pakketti, tabelli, listi tal-prezzijiet, katalgi, fatturi, ritratti, reklami fuq il-gazzetti u dikjarazzjonijiet bil-miktub, din ir-regola ma tindikax li kull prova għandha neċessarjament tinkludi informazzjoni dwar kull wieħed mill-erba’ elementi li għandhom jiġu koperti mill-provi tal-użu ġenwin, jiġifieri, il-post, il-ħin, t-tul, l-estent u n-natura tal-użu [sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2011, Buffalo Milke Automotive Polishing Products vs UASI — Werner & Mertz (BUFFALO MILKE Automotive Polishing Products), T‑308/06, Ġabra, EU:T:2011:675, punt 61, u tal-24 ta’ Mejju 2012, TMS Trademark-Schutzrechtsverwertungsgesellschaft vs UASI — Comercial Jacinto Parera (MAD), T‑152/11, EU:T:2012:263, punt 33].

66      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li ma jistax jiġi eskluż li sensiela ta’ provi tippermetti li jiġu stabbiliti l-fatti li għandhom jintwerew, anki jekk kull waħda minn dawn il-provi, meqjusa separatament, ma tkunx biżżejjed sabiex tikkostitwixxi l-prova tal-eżattezza ta’ dawn il-fatti (sentenza tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI, C‑108/07 P, EU:C:2008:234, punt 36, u sentenza MAD, punt 65 iktar ’il fuq, EU:T:2012:263, punt 34).

67      Għandu jitfakkar li huwa t-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha mressqa għall-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li għandu jippermetti li tiġi stabbilita l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata.

68      L-argument li bih ir-rikorrenti sempliċement issostni li d-dokumenti mhux datati ma jistgħux jistabbilixxu l-użu tat-trade mark ikkontestata matul il-perijodu kkunsidrat ma jistax għalhekk jintlaqa’, inkwantu r-ritratti tal-prodotti li r-rikorrenti ċċitat, quddiem il-Bord tal-Appell, bħala eżempji ta’ dokumenti mhux datati, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, jista’ jkollhom l-għan li juru kif it-trade mark ikkontestata kienet tidher fuq il-ħwejjeġ u l-firxa ta’ prodotti li għaliha hija użata, u dan ma jeżiġix li dawn ikunu datati. Il-Bord tal-Appell seta’ validament jikkunsidra, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-fatt li r-ritratti ppreżentati bħala provi ma kinux datati ma kienx rilevanti.

69      Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jeskludi l-fatturi ppreżentati mill-proprjetarja tat-trade mark minħabba li dawn ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk dawn kinux jipprevedu t-trade mark ikkontestata jew kwalunkwe sinjal jew trade mark oħra. Il-fatt li dawn il-fatturi ma jispeċifikawx jekk huma jipprevedux il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata ma jistax iwassal għall-kunsiderazzjoni li dawn ipso facto jirrigwardaw trade marks oħra. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi tas-sensiela ta’ provi, il-valur probatorju ta’ dawn il-fatturi jista’ jitqies b’mod relattiv, iżda mhux injorat.

70      Sussegwentement, fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell kellu jqis li s-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514), kienet rilevanti għall-każ ineżami, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-kuntest fattwali kien differenti minn dak ta’ din il-kawża. Fil-fatt, mill-punt 85 tal-istess sentenza jirriżulta li l-fatt li l-użu tal-ewwel trade mark ma ntweriex ma setax iservi bħala prova tal-użu ġenwin tat-tieni trade mark. B’mod kuntrarju għal dik il-kawża, jidher li, fil-każ ineżami, l-użu tat-trade mark figurattiva li tikkonsisti fil-kelma “husky” miktuba b’ittri leġġerment stilizzati u akkumpanjata bis-simbolu ®, li huwa użat sabiex juri l-użu tat-trade mark verbali HUSKY, ma ġiex ikkontestat.

71      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li fis-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata fil-punt 24 iktar ’il fuq (EU:C:2007:514, punt 86), instab li kien possibbli li trade mark irreġistrata titqies użata, sa fejn tinġieb il-prova tal-użu ta’ din it-trade mark f’forma leġġerment differenti minn dik li taħtha din tkun ġiet irreġistrata. Il-fatt li, fl-imsemmija sentenza, ġie speċifikat li ma huwiex madankollu possibbli li jkun hemm estensjoni, bil-prova tal-użu, tal-protezzjoni li minnha tibbenefika trade mark irreġistrata għal trade mark irreġistrata oħra, li l-użu ġenwin tagħha ma ntweriex, peress li din hija biss varjazzjoni leġġera tal-ewwel waħda, huwa irrilevanti għall-kawża preżenti. Fil-fatt, il-proprjetarja tat-trade mark ikkontestata ma invokatx il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ din it-trade mark biss minħabba r-reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra.

72      Fit-tielet lok, sabiex jiġi stabbilit l-użu ta’ trade mark, il-proprjetarju tagħha jista’ validament jinvoka l-użu tagħha f’forma differenti minn dik li taħtha din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata mingħajr ma d-differenzi bejn dawn iż-żewġ forom ibiddlu l-karattru distintiv ta’ din it-trade mark, u dan minkejja l-fatt li din il-forma differenti tkun hija nnifisha rreġistrata bħala trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch, C-553/11, Ġabra, EU:C:2012:671, punt 30). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma invokatx alterazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Il-proprjetarja tagħha setgħet għalhekk validament tinvoka l-użu tagħha f’forma differenti minn dik li taħtha din it-trade mark ġiet irreġistrata.

73      Finalment, ma huwiex ikkontestat li t-trade mark verbali HUSKY ġiet essenzjalment użata b’ittri majjuskoli suwed. Il-fatt li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, bħala l-prova tal-użu, trade mark oħra jew sinjali bħal logo li jirrappreżenta l-ittra “h” jew element figurattiv li jirrappreżenta kelb husky ma huwiex għalhekk determinanti, b’mod li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jistax jirnexxi. Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tinnegax li d-differenzi bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade mark l-oħra kienu limitati għal stilizzazzjoni leġġera tal-ittri u li l-ittri kienu stretti ħafna, lanqas li t-trade mark ikkontestata, minn naħa, u s-sinjali li huma l-logo li jirrappreżenta l-ittra “h” jew l-element figurattiv tal-kelb husky, min-naħa l-oħra, kienu mwaħħla sistematikament separatament fuq il-prodotti.

74      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tielet motiv għandu jitqies li huwa infondat.

75      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

76      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Husky CZ s.r.o. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Frar 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.