Language of document : ECLI:EU:C:2019:405

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl-14 ta’ Mejju 2019(1)(i)

Kawża C260/18

Kamil Dziubak,

Justyna Dziubak

vs

Raiffeisen Bank International AG z siedziba w Wiedniu, prowadzacy działalność w Polsce w formie oddziału pod nazwą Raiffeisen Bank International AG Oddział w Polsce, li kienet Raiffeisen Bank Polska SA z siedzibą w Warszawie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ddenominati f’munita barranija – Klawżola dwar id-determinazzjoni tar-rata tal-kambju bejn il-muniti – Effetti tad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola – Possibbiltà tal-qorti li tikkompleta l-kuntratt billi tirrikorri għal dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali – Evalwazzjoni tal-interess tal-konsumatur – Żamma tal-validità tal‑kuntratt mingħajr klawżoli inġusti”






I.      Il-kuntest legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13/KEE (2) jipprevedi li:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

2.        Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal‑merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.      L-istima tan‑natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal‑kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il‑merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il‑klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

3.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill‑konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il‑klawżoli inġusti.”

4.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal‑konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B.      Id-dritt Pollakk

5.        L-Artikolu 56 tal-Ustawa z 23 kwietnia 1964 r. Kodeks cywilny (il-Liġi tat-23 ta’ April 1964, Kodiċi Ċivili) (Ġurnal Uffiċjali tar‑Repubblika tal-Polonja tal-2007, pożizzjoni 459, kif emendat, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jipprevedi:

“Att legali ma jipproduċix biss l-effetti li huma espressament imsemmija fih iżda anki dawk li jirriżultaw mil-liġi, mir-regoli ta’ kondotta soċjali u mill-użanzi.”

6.        Skont l-Artikolu 3531 tal-Kodiċi Ċivili:

“Il-partijiet f’kuntratt huma liberi li jistabbilixxu r-relazzjoni legali tagħhom sakemm il-kontenut u l-għan tal-kuntratt ma jmorrux kontra l‑karatteristiċi essenzjali (natura) ta’ tali relazzjoni, il-liġi jew ir-regoli ta’ kondotta soċjali.

7.        Skont l-Artikolu 354 tal-Kodiċi Ċivili:

“1.      Id-debitur huwa marbut jeżegwixxi l-obbligu tiegħu skont il‑kontenut tiegħu u b’mod konformi mal-għan soċjo-ekonomiku tiegħu u mar-regoli ta’ kondotta soċjali, u jekk jeżistu f’tali kuntest, anki mal‑użanzi.

2.      Il-kreditur għandu jikkoopera bl-istess mod sabiex jiġi eżegwit l‑obbligu.”

II.    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        Fl-14 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala konsumaturi, ikkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju rimborsabbli f’480 pagament mensili. Skont dan il-kuntratt, il-bank ta lill-persuni li ssellfu self fi zloty Pollakk (PLN), iżda indiċizzat f’munita barranija, f’dan il‑każ il-frank Svizzeru (CHF).

9.        Ir-regoli ta’ indiċjar tas-self iddenominat f’munita barranija kienu ddefiniti fil‑ftehim ta’ self ipotekarju użat mill-bank u integrat fil-kuntratt.

10.      Il-punt 4 tal-paragrafu 7 tal-ftehim ta’ self ipotekarju kien jipprevedi, essenzjalment, li s-self kien ser jingħata f’denominazzjoni zloty Pollakk, b’rata tal-kambju ta’ mhux inqas minn dik applikabbli għax‑xiri tal-munita barranija (il-frank Svizzeru) abbażi ta’ rati applikabbli fil‑mument tat-teħid tal-fondi. Il-kumplament tad-dejn, iddenominat f’munita barranija (il-frank Svizzeru), kellu jiġi kkalkolat skont ir-rata tal-kambju applikata fil-mument tal-għoti tas-self.

11.      Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-paragrafu 9 tal-ftehim ta’ self ipotekarju, il-pagamenti ta’ rimbors kienu f’denominazzjoni frank Svizzeru u, fid-data tal-iskadenza tagħhom, kienu jinġibdu mill-kont bankarju, miżmum f’denominazzjoni zloty Pollakk, abbażi tar-rata tal-kambju applikabbli għall-prezz tal-bejgħ skont ir-rata tal-kambju applikabbli fil-bank fi tmiem il-ġurnata ta’ xogħol preċedenti għall-jum tal-iskadenza tal‑pagament.

12.      Ir-rata tal-interessi kienet rata varjabbli, iddefinita bħala l-ammont tar-rata ta’ referenza LIBOR 3M (frank Svizzeru) u tal-marġni stabbilit tal-bank.

13.      Il-persuni li ssellfu talbu lill-qorti tar-rinviju, permezz ta’ rikors, sabiex prinċipalment tikkonstata n-nullità tal-kuntratt tas-self, minħabba n-natura allegatament inġusta tal-klawżoli li jirrigwardaw il‑mekkaniżmu ta’ indiċjar deskritt fil-punti 11 u 12. B’mod partikolari, huma allegaw li l-klawżoli kienu illegali inkwantu kienu jippermettu lill-bank jistabbilixxi b’mod unilaterali u ħieles ir-rata tal-kambju. Konsegwentement, il-bank kien jistabbilixxi b’mod unilaterali l‑ammont tal-bilanċ tas-self dovut f’munita barranija kif ukoll ir-riżultat ta’ konverżjoni tal-pagament f’denominazzjoni barranija f’ammont f’denominazzjoni Pollakka.

14.      Ladarba tiġi stabbilita n-natura inġusta ta’ tali klawżoli, ikun impossibbli li tiġi stabbilita r-rata tal-kambju applikabbli u għalhekk il‑kuntratt għandu jiġi annullat kollu kemm hu.

15.      B’mod sussidjarju, il-persuni li ssellfu talbu li l-kuntratt jiġi eżegwit mingħajr il-klawżoli inġusti, abbażi tal-ammont ta’ self f’denominazzjoni Pollakka u tar-rata tal-interessi prevista fil-kuntratt, ibbażata fuq ir-rata varjabbli LIBOR u l-marġni stabbilit tal-bank.

16.      Il-bank ikkontesta n-natura inġusta tal-klawżoli u sostna, b’mod sussidjarju, li anki wara l-eventwali eliminazzjoni ta’ tali klawżoli mill‑kuntratt, il-partijiet ikunu marbuta mid-dispożizzjonijiet l‑oħra tiegħu.

17.      Skont il-bank, fl-assenza ta’ regoli ta’ natura supplenti li jistabbilixxu l-modalitajiet sabiex tiġi stabbilita r-rata tal-kambju, sabiex jiġi interpretat il-kuntratt ladarba jitwarrbu l-klawżoli inġusti, għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji ġenerali previsti fl-Artikoli 56, 65 u 354 tal‑Kodiċi Ċivili Pollakk u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ interpretazzjoni tal-volontà tal-partijiet u tal-użanzi.

18.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-klawżoli previsti fil-kuntratt, inkwantu huma inġusti, ma jorbtux lill-persuni li ssellfu. Barra minn hekk, hija tirrileva li ladarba jitwarrbu tali klawżoli, ikun impossibbli li tiġi stabbilita r-rata tal-kambju u, għalhekk, li jiġi eżegwit il-kuntratt.

19.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) issospendiet il-proċeduri u għamlet is‑segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikoli 1(2) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur jippermettu [argument li abbażi tiegħu, meta d-dikjarazzjoni li] dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-mod li bih obbligu għandu jitwettqa mill-partijiet (l-ammont tiegħu) [huma inġusti jkollha bħala effett] l‑annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu, li jkun sfavorevoli għall‑konsumatur, [il]-lakuni fil-kuntratt ma jiġux mimlija skont dispożizzjoni supplimentari [supplenti] tal-liġi li espliċitament tissostitwixxi l‑klawżola inġusta, iżda pjuttost skont dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprevedu l-ikkompletar tal-effetti ta’ tranżazzjoni legali kif espressa fis-sostanza tagħha bl-effetti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwità (regoli ta’ kondotta soċjali) jew minn użanzi stabbiliti?

2)      L-evalwazzjoni eventwali tal-konsegwenzi, fir-rigward tal‑konsumatur, tal-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu għandha ssir abbażi taċ-ċirkustanzi eżistenti meta dan ġie konkluż jew abbażi ta’ dawk eżistenti meta qamet it-tilwima bejn il-partijiet dwar l-effettività tal-klawżola inkwistjoni (meta l-konsumatur saħaq li l-klawżola kienet inġusta), u x’rilevanza għandha tingħata lill-pożizzjoni meħuda mill‑konsumatur f’tali tilwima?

3)      Dispożizzjonijiet li skont id-[Direttiva 93/13] jikkostitwixxu klawżoli kuntrattwali inġusti jistgħu jinżammu jekk l-adozzjoni ta’ din is-soluzzjoni tkun oġġettivament ta’ benefiċċju għall-konsumatur fil‑mument tar-riżoluzzjoni tat-tilwima?

4)      [Fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE, id]-dikjarazzjoni, bħala inġusti, ta’ ċertu dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistabbilixxu l-ammont u l-mod ta’ twettiq ta’ obbligu mill-partijiet tista’ twassal għal sitwazzjoni li fiha l-forma tar-relazzjoni ġuridika ddeterminata abbażi tal-kuntratt, bl-eċċezzjoni tal-effetti tal‑klawżoli inġusti, tista’ tkun differenti minn dik intiża mill-partijiet fir-rigward tal-għan prinċipali tal-partijiet; b’mod partikolari, id‑dikjarazzjoni ta’ dispożizzjoni kuntrattwali bħala inġusta tfisser li dispożizzjonijiet kuntrattwali oħra, relatati mal-obbligu prinċipali tal‑konsumatur li fir-rigward tagħhom ma ġiex invokat li huma inġusti, jistgħu jkompli japplikaw meta l-forma ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (l‑inkorporazzjoni tagħhom fil-kuntratt) kienet b’mod indissoċjabbli marbuta mad-dispożizzjoni kkontestata mill-konsumatur?”

III. Analiżi legali

A.      Id-Direttiva 93/13 u d-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli dwar ir-rata tal-kambju

20.      Din il-kawża hija waħda minn sensiela ta’ kawżi (3) dwar klawżoli inġusti li bihom ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, dwar l-effett tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola dwar “differenza fir-rata tal-kambju” (4) li tinsab fil-kuntratti ta’ self ipotekarju indiċizzat f’denominazzjoni barranija u rimborsabbli f’denominazzjoni nazzjonali.

21.      L-użu ta’ dan it-tip ta’ self, iddenominat f’munita barranija, kien mifrux ferm f’diversi pajjiżi minħabba r-rata tal-interessi applikabbli għad-denominazzjoni barranija, inqas minn dik applikabbli għad-denominazzjoni tal-Istat li fih seħħet it-tranżazzjoni.

22.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod estensiv fil-ġurisprudenza tagħha (5), is-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew il-fornitur, kemm fir-rigward tas-setgħa tan‑negozjar, kif ukoll fir-rigward tal-livell ta’ informazzjoni (6).

23.      Id-Direttiva għalhekk għandha l-għan immedjat li tistabbilixxi bilanċ bejn il-pożizzjoni tal-konsumatur u dik tal-bejjiegħ jew il‑fornitur.

24.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi li l-klawżoli inġusti “ma jobtux lill-konsumatur”. Din hija dispożizzjoni “obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id‑drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbillixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom” (7).

25.      Għalhekk, il-qorti nazzjonali hija obbligata, ladarba jkollha quddiemha l-punti ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji (8), teżamina ex officio l-eventwali natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali u tintervjeni dwarha sabiex ittemm dan in-nuqqas ta’ ekwilibriju, sabiex tiżgura l‑effett utli tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 għandha l-għan li tiżgura.

26.      L-iżbilanċ bejn il-partijiet, fil-fatt, jirrikjedi intervent pożittiv minn persuna li ma hijiex parti mir-relazzjoni kuntrattwali (9), li huwa ġġustifikat minħabba l-interess pubbliku li fuqu hija bbażata l‑protezzjoni li d-Direttiva tagħti lill-konsumatur (10).

27.      L-għan iktar fit-tul tad-Direttiva 93/13, li jirriżulta mill-Artikoli 6 u 7 tagħha meħuda flimkien, huwa dak li tiġi evitata l‑inklużjoni ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi, permezz tal-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri “bil-pur u sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni […] ta’ tali klawżoli inġusti” (11).

28.      Meta tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola, il-qorti tar-rinviju hija obbligata teskludi l-applikazzjoni tagħha, inkwantu, kif spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem tal-Artikolu 6(1), filwaqt li jirrikonixxi l-awtonomija tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tas‑sistema legali applikabbli għall-klawżoli inġusti, jimponi madankollu li jiġi previst li l-imsemmija klawżoli “ma jkunux jorbtu lill‑konsumatur” (12).

29.      Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, li tikkonstata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, hija obbligata tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnha skont id-dritt nazzjonali, sabiex ma tħallix effetti fil-konfront tal-konsumatur, ħlief f’każ fejn il-konsumatur stess jopponi għat-tneħħija tal-imsemmija klawżola (13).

30.      Barra minn hekk, skont it-tieni parti tal-Artikolu 6(1) kif ukoll il‑wieħed u għoxrin premessa (14), il-kuntratt jibqa’ “jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il‑klawżoli inġusti” (15).

31.      Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma għandhiex setgħa li tirrevedi l‑kontenut tal-klawżola li hija tikkonstata bħala inġusta. Fil-fatt, l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jopponi regola tad-dritt nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ tali klawżola (16).

32.      Fil-fatt, tali intervent jista’ jikkawża preġudizzju għat-twettiq tal‑għan għal żmien twil tad-Direttiva, li huwa dak li jiddisswadi lill-bejjiegħa jew fornituri milli jinkludu klawżola inġusta (17), diġà msemmi fil‑punt 27. Fil-fatt, il-bejjiegħa jew fornituri jistgħu jitħajru jużaw tali klawżoli għaliex jafu li jekk tiġi kkonstatata n-natura inġusta tagħhom, il-kuntratt xorta jista’ jiġi kkompletat, sa fejn neċessarju, mill-qorti nazzjonali.

33.      L-unika eċċezzjoni għal tali regola ġiet żviluppata mill‑ġurisprudenza fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai (18), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġġustifika li l-qorti nazzjonali tintervjeni billi temenda l-kuntratt u tikkompletah.

34.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat is-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali ta’ natura supplenti jekk jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-klawżola kkunsidrata inġusta twassal, fid-dritt nazzjonali, għall-annullament tal-kuntratt kollu u, it-tieni nett, il-fatt li l-annullament ta’ tali kuntratt jesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju (19).

35.      Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tħassar, skont il-prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, il‑klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir tal‑klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (20).

36.      L-annullament ta’ kuntratt ta’ self għandu, bħala regola, l-effett li l-ammont ta’ self li jkun għad fadal jitħallas isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jistgħu jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal‑konsumaur u, għalhekk, għandu t-tendenza li jippenalizza lilu iktar milli lill-kreditur, li konsegwentement, ma jiġix skoraġġut milli jdaħħal tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri (21).

37.      Tali eċċezzjoni għar-regola li tipprojbixxi lill-qorti nazzjonali milli tikkompleta l-kuntratt f’każ ta’ tneħħija ta’ klawżola inġusta hija kompletament iġġustifikata fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 93/13 li, kif diġà għidt, għandha t-tendenza li tissostitwixxi l-bilanċ formali, li l‑kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti, b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi l-ugwaljanza mill-ġdid bejn dawn tal‑aħħar u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li fihom klawżoli inġusti (22).

38.      Għal raġunijiet ta’ natura loġika u sistematika, nikkunsidra li d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati billi l-ewwel tiġi ttrattata r-raba’ domanda preliminari, sussegwentement, it-tieni domanda, imbagħad l-ewwel domanda u finalment, it-tielet waħda. Fil-fatt, jekk bħala risposta għar-raba’ domanda preliminari kellu jiġi kkunsidrat li l‑kuntratt jista’ jibqa’ jeżisti anki mingħajr il-klawżola inġusta, id‑domandi preliminari ta’ wara jitilfu ħafna mill-interess tagħhom, peress li jippreżumu l-annullament tal-kuntratt kollu. Barra minn hekk, huwa biss f’każ li jiġi kkunsidrat li l-annullament tal-kuntratt kollu jista’ jkollu effetti li jikkawżaw preġudizzju għall-konsumatur, prerekwiżit tat-tieni domanda preliminari li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar xi modalitajiet relatati mal-annullament tal-kuntratt kollu, li tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-klawżola inġusta tiġi ssostitwita skont il‑modalitajiet proposti fl-ewwel domanda. Fl-aħħar nett, f’każ li ma jkunx possibbli la li l-kuntratt jibqa’ jeżisti u lanqas li tiġi ssostitwita l‑klawżola inġusta, tista’ raġonevolment issir il-mistoqsija, kif tagħmel it-tielet domanda preliminari, dwar il-possibbiltà li tinżamm fis-seħħ il‑klawżola inġusta.

B.      Ir-raba’ domanda preliminari

39.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l‑Artikolu 6(1) sa fejn dan jipprevedi li “[l]-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli”. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kuntratt jistax jibqa’ jeżisti wara t-tneħħija ta’ klawżola inġusta li hija marbuta b’mod indissoċjabbli mal-klawżoli l-oħra li jiddefinixxu l-obbligu prinċipali tal-kuntratt.

40.      F’tali każ, fil-fatt, il-kuntratt li jirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti jikkostitwixxi kuntratt differenti minn dak konkluż bejn il‑partijiet u ma jirriflettix il-volontà inizjali tagħhom.

41.      Jekk il-klawżola ta’ “differenza fir-rata tal-kambju” tiġi kkunsidrata bħala inġusta u, għalhekk, ma tiġix applikata, dan ikollu l‑effett li jibdel it-tip tal-kuntratt, minn kuntratt indiċizzat fuq il-frank Svizzeru u suġġett għal rata tal-interessi f’din id-denominazzjoni, għal kuntratt indiċizzat fuq iz-zloty Pollakk li jibqa’ suġġett għal rata tal-interessi iktar baxxa mill-frank Svizzeru.

42.      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-kuntratt jistax jibqa’ jorbot lill-partijiet skont l-istess klawżoli, jekk dan huwa legalment possibbli (23) skont id-dritt nazzjonali.

43.      Fil-fatt, kif diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja (24), sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-direttiva, kemm il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kif ukoll id-determinazzjoni tal-effetti li jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dritt nazzjonali.

44.      Mill-proċess u mit-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klawżoli li jipprevedu differenza fir-rata tal-kambju huma l-klawżoli kontenzjużi u li n-natura inġusta tagħhom hija invokata.

45.      Tali evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali li n-natura inġusta tagħha hija invokata, u, eventwalment ikkonstatata, hija evidentement kwistjoni preliminari, peress li l‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jeskludi mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta mill-qorti l-klawżoli relatati mad-definizzjoni tas‑suġġett prinċipali tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

46.      Għalhekk, fl-ewwel lok, il-qorti nazzjonali għandha tiddeċiedi jekk il-klawżola kontenzjuża taqax taħt id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u, jekk iva, għandha tevalwa jekk il-kliem tagħha huwiex ċar u li jinftiehem. Huwa biss f’każ li tali evalwazzjoni tkun fin-negattiv, u li, għalhekk, il-qorti tikkonstata li l-klawżola kuntrattwali li taqa’ taħt id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt hija fformulata b’mod mhux ċar jew li ma jinftehimx, li din tkun tista’ tipproċedi b’evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-istess klawżola (25).

47.      Fit-tieni lok, il-qorti nazzjonali hija mitluba tevalwa l-effetti tal‑konstatazzjoni tan-natura inġusta, sabiex tivverifika jekk il-kuntratt jistax jibqa’ vinkolanti fl-assenza ta’ tali klawżola. Jekk il-klawżola inkwistjoni taqa’ taħt il-kunċett tas-suġġett tal-kuntratt, huwa inqas probabbli li l‑eżistenza tiegħu tkun legalment possibbli skont id-dritt nazzjonali; madankollu, din l-evalwazzjoni tista’ ssir biss mill-qorti tar-rinviju.

48.      Il-qorti nazzjonali għandha tevalwa, fid-dawl tad-dritt nazzjonali u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jekk l-eżistenza tal-kuntratt mingħajr il‑klawżola inġusta hijiex legalment possibbli (26).

49.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-konsegwenza normali tal‑preżenza ta’ klawżola inġusta f’kuntratt hija l-ineffittività ta’ din il‑klawżola waħda u li l-kumplament tal-kuntratt jibqa’ jeżisti, li wara li jitneħħa l-iżbilanċ għad-dannu tal-konsumatur, jibqa’ jorbot il-partijiet. Jista’ jkun hemm deroga minn tali regola ġenerali biss meta l-kuntratt inkwistjoni ma jistax oġġettivament ikompli jeżisiti mingħajr il‑klawżola inġusta” (27).

50.      Kif spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]ir-rigward tal-kriterji li bihom jista’ jiġi evalwat jekk kuntratt jistax effettivament jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, għandu jiġi rrilevat li kemm il‑formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll ir‑rekwiżiti dwar iċ-ċertezza legali tal-attivitajiet ekonomiċi jargumentaw favur approċċ oġġettiv fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni”. Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-partijiet kontraenti “ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-kriterju determinanti li jirregola d-destin futur tal‑kuntratt” (28).

51.      Tali approċċ oġġettiv huwa konformi mal-għan tad‑Direttiva 93/13, li terġa’ tistabbilixxi bilanċ bejn il-partijiet bl‑eliminazzjoni tal-klawżoli inġusti u mhux bl-eliminazzjoni ta’ kull kuntratt li fih klawżoli inġusti.

52.      L-għan tad-Direttiva 93/13 ma huwiex li telimina kompletament kuntratt li xi klawżoli minnu ġew iddikjarati inġusti u lanqas li żżommu akkost ta’ kollox, u wisq inqas, li żżommu għaliex huwa favur waħda miż-żewġ partijiet.

53.      Għall-kuntrarju, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li terġa’ tistabbilixxi bilanċ bejn il-partijiet (29) u tipproduċi effett dissważiv għall‑futur fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur.

54.      Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa newtrali fir-rigward ta’ jekk il-kuntratt li minnu jkunu tneħħew klawżoli inġusti għandux jiġi annullat jew jinżamm eżistenti, u hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk klawżola inġusta taqax taħt id-definizzjoni tas-suġġett tal‑kuntratt u jekk hemmx lok li jinżamm fis-seħħ il-kuntratt, mingħajr il-klawżoli inġusti, abbażi tad-dritt nazzjonali u skont kriterji ġenerali esposti preċedentement.

C.      It-tieni domanda preliminari

55.      It-tieni domanda hija maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, il‑Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar meta għandha ssir l‑evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu, u fit-tieni lok, tistabbilixxi x’piż għandu jingħata lill‑volontà tal-konsumatur.

56.      Jekk, minn naħa waħda, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13 jispjega li l‑evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola għandha ssir “billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż” (30), għall‑kuntrarju, id-Direttiva ma tagħtix espressament indikazzjoni dwar il-mument li fih għandhom jiġu evalwati l-konsegwenzi tad‑dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola fuq il-kuntratt.

57.      Hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha, abbażi tad-dritt nazzjonali, kif spjegajt, tislet il-konsegwenzi tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola.

58.      Il-qorti nazzjonali għalhekk għandha tevalwa, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, jekk huwiex legalment possibbli li l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti u, ukoll, il-mument li fih, abbażi tad-dritt nazzjonali, għandhom jiġu evalwati l-effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

59.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, meta d-dritt nazzjonali ma jagħtix espressament indikazzjoni f’dan ir-rigward, jidher li hemm żewġ raġunijiet sabiex l-effetti tad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola u l-konsegwenzi tal-eventwali annullament tal-kuntratt fl‑intier tiegħu – u l-eventwali possibbiltà li l-qorti tikkompleta l-kuntratt – għandhom jiġu evalwati fil-mument tal-eżami tat-tilwima.

60.      Fl-ewwel lok, fuq livell sistematiku, sabiex jiġu kompletament implimentati l-għanijiet immedjati tad-Direttiva, li huma, kif diġà spjegajt, sabiex jerġa’ jiġi stabbilit bilanċ sostanzjali bejn il-partijiet, huwa meħtieġ li l-effetti tat-tneħħija tal-klawżoli inġusti jiġu evalwati fir-rigward tas-sitwazzjoni konkreta u attwali, jiġifieri ċ-ċirkustanzi li jeżistu fil-mument li fih il-qorti nazzjonali teżamina t-tilwima. Fil-fatt, l‑interessi tal-partijiet jistgħu jkunu differenti f’dan il-mument minn kif kienu fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt.

61.      Fit-tieni lok, l-evalwazzjoni ta’ dawn l-effetti fil-mument tal-eżami tat-tilwima hija kompatibbli mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kawża Kásler u Káslerné Rábai (31).

62.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-uniku każ li fih kuntratt – li fid-dawl tad-dritt nazzjonali għandu jiġi annullat fl-intier tiegħu wara li titneħħa klawżola inġusta – jista’ jiġi kkompletat mill-qorti, billi tiddaħħal dispożizzjoni ta’ natura supplenti minflok il‑klawżola inġusta, huwa dak li fih l-annullament tal-kuntratt jirriżulta f’konsegwenzi li “partikolarment jikkawżaw preġudizzju” (32) għall‑konsumatur.

63.      Konsegwentment, l-interessi tal-konsumatur li għandhom jiġu kkunsidrati mill-qorti nazzjonali huma dawk li jeżistu fil-mument tal‑eżami tat-tilwima u mhux dawk li abbażi tagħhom il-konsumatur kien iddeċieda li jikkonkludi l-kuntratt.

64.      Fir-rigward tat-tieni aspett tat-tieni domanda preliminari, sabiex tiġi evalwata r-rilevanza li għandha tingħata lill-volontà tal-konsumatur fl-għażla bejn l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu u li jiġi kkompletat, huwa opportun li jiġi analizzat dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai, b’mod partikolari dwar l-għanijiet li għandhom jiġu segwiti mid-Direttiva.

65.      Fil-fatt, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta din tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tikkompleta l-imsemmi kuntratt billi tagħmel reviżjoni tal-kontenut ta’ din il-klawżola (33).

66.      L-uniku każ li fih il-qorti tista’ tintervjeni huwa l-każ eċċezzjonali fejn “ma kienx permess li klawżola inġusta tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ natura supplenti, u b’hekk il-qorti tkun obbligata tannulla l-kuntratt kollu kemm hu, il-konsumatur jista’ jkun espost għal konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju, b’mod li n‑natura dissważiva li tirriżulta mill-annullament tal-kuntratt tirriskja li tiġi kompromessa” (34).

67.      Jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li meta l‑konsumatur, imqiegħed mill-qorti quddiem għażla bejn l-annullament tal‑kuntratt fl-intier tiegħu minħabba t-tneħħija ta’ klawżola inġusta u l‑inklużjoni ta’ dispożizzjoni differenti fil-kuntratt, sabiex il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ, juri li jippreferi t-tħassir tal-kuntratt fl-intier tiegħu, it-tieni kundizzjoni mitluba fis-sentenza Kásler u Káslerné Rábai ma tkunx issodisfatta. Fi kliem ieħor, il-qorti ma tistax tikkunsidra li l‑annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jippreġudika b’mod partikolari lill-konsumatur billi tmur kontra l-manifestazzjoni tal‑volontà tiegħu ċċarata u enfasizzata minnu stess.

68.      Sabiex nikkonkludi dwar it-tieni domanda preliminari, il-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa, abbażi tad-dritt nazzjonali, il-mument li fih għandhom jiġu evalwati l-effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, billi tqis li, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet leġiżlattivi espressi, l-interessi tal-konsumatur li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk li jeżistu fil-mument tal-eżami tat-tilwima. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-volontà tal-konsumatur tipprevalixxi fuq l‑implimentazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni bħal dik tas-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta sabiex jinżamm fis-seħħ il-kuntratt li minnu tkun tneħħiet l-imsemmija klawżola.

D.      L-ewwel domanda preliminari

69.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, il-qorti tistax tikkompleta l-kuntratt permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li l-kontenut ta’ att legali jista’ jiġi kkompletat bil-prinċipji ta’ ekwità jew bl-użanzi.

70.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il‑possibbiltà li l-kuntratt jiġi kkompletat permezz ta’ dispożizzjonijiet li, mingħajr in-natura supplenti, fihom klawżoli ta’ natura ġenerali li jirreferu għal regoli ta’ kondotta soċjali.

71.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa meħtieġ, fl‑ewwel lok, li l-qorti nazzjonali tivverifika jekk id-dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali li jidhrilha li jistgħu jimlew il-lakuni li jkun hemm fil‑kuntratt wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti jaqgħux fil-kategorija ta’ “posizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji” (35) li “għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra” (36).

72.      Skont id-Direttiva, dawn il-klawżoli huma preżunti li ma għandhomx natura inġusta għaliex jirriflettu dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolatorja mandatorja. Għalhekk, għandu jiġi preżunt li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi kollha tal‑partijiet għal ċerti kuntratti (37).

73.      Fil-każ inkwistjoni, mill-proċess jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ġenerali indikati mill-qorti tar-rinviju u li jirreferu għal prinċipji ta’ użanzi ma humiex ikkaratterizzati minn evalwazzjoni tal-leġiżlatur dwar il-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u għalhekk ma jidhrux koperti mill-preżunzjoni ta’ assenza ta’ natura inġusta meħtieġa mid‑Direttiva.

74.      F’dan il-każ, l-inklużjoni ta’ klawżola kuntrattwali li tirriproduċi tali dispożizzjonijiet ġenerali tikkostitwixxi bidla “kreattiva” li tista’ tibdel il-bilanċ tal-interessi mixtieqa mill-partijiet, u dan inaqqas l‑awtonomija tal-volontà b’mod eċċessiv.

75.      Fit-tieni lok, filwaqt li nfakkar il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 31 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li s-sitwazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju ma tistax taqa’ fl-ipoteżi prevista fis-sentenza Kásler u Káslerné Rábai, li hija eċċezzjonali u għalhekk ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv.

76.      Ir-ratio ta’ din l-eċċezzjoni, li tillimita l-possibbiltà ta’ intervent tal-qorti biss għall-klawżoli li jirriflettu dispożizzjonijiet statutorji ta’ natura supplenti, huwa konformi mal-Artikolu 1(2) u mat-tlettax‑il premessa tad-Direttiva, eżaminati fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

77.      Sabiex jiġi evitat li l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu jipproduċi effetti li jikkawżaw preġudizzju b’mod eċċessiv għall‑konsumatur, l-eċċezzjoni prevista fis-sentenza Kásler u Káslerné Rábai tippermetti lill-qorti li tikkompleta l-kuntratt, iżda billi tillimita ruħha għas-sostituzzjoni tal-klawżola inġusta bi klawżola li tirrifletti d-dispożizzjoni statutorja ta’ natura supplenti, mingħajr ebda marġni ta’ interpretazzjoni jew ta’ “kreattività”.

78.      Għall-kuntrarju, jekk il-qorti kellha tuża klawżola ġenerali, hija tkun obbligata tevalwa l-kontenut ta’ din il-klawżola u l-applikazzjoni tagħha fi ħdan il-kuntratt.

79.      Tali sitwazzjoni tmur kontra r-regola ġenerali, imfakkra diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tobbliga lill-qorti nazzjonali teskludi l‑applikazzjoni ta’ klawżola inġusta mingħajr, madankollu, ma tkun tista’ tirrevedi l-kontenut.

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludu li l-qorti nazzjonali tikkompleta kuntratt – sabiex tissostitwixxi klawżola inġusta – permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li ma humiex dispożizzjonijiet ta’ natura supplenti.

E.      It-tielet domanda preliminari

81.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex possibbli li żżomm klawżola inġusta fis-seħħ meta din is-soluzzjoni tkun favorevoli għall-konsumatur.

82.      Din il-possibbiltà tirriżulta biss meta l-qorti nazzjonali, skont id‑dritt nazzjonali u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, tikkunsidra li ma huwiex legalment possibbli li l-kuntratt jibqa’ fis-seħħ mingħajr il‑klawżola kkunsidrata inġusta u li ma huwiex possibbli li din tiġi ssostitwita skont il-kundizzjonijiet previsti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kásler u Káslerné Rábai.

83.      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi espressament li l‑klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċetta l-ebda deroga għal din ir‑regola (38).

84.      L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola ġiet irrikonoxxuta fil‑kawża Pannon (39), fejn ġie aċċettat li l-klawżola ddikjarata inġusta tkompli torbot lill-konsumatur fuq talba espressa ta’ dan tal-aħħar.

85.      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, li r-rwol tal-qorti għandu jkun limitat għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta u għall-obbligu li l-konsumatur jiġi informat bil-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni, inkluż it-tneħħija tan‑natura vinkolanti tal-klawżola inkwistjoni.

86.      Konsegwentement, ħlief jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie debitament informat dwar in-natura mhux vinkolanti tal-klawżola mill‑qorti nazzjonali, jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu u juri l‑intenzjoni tiegħu li ma jinvokax in-natura inġusta u mhux vinkolanti ta’ tali klawżola (40), huwa ma jkunx marbut biha, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

87.      Fl-assenza ta’ volontà espressa mill-konsumatur, il-qorti, għalhekk, ma tistax iżżomm fis-seħħ il-klawżola inġusta, anki jekk hija tikkunsidra li tali soluzzjoni ser tkun iktar favorevoli għall-konsumatur.

88.      Fil-każ inkwistjoni, barra minn hekk, il-konsumatur jopponi espressament għaż-żamma fis-seħħ tal-klawżola inġusta, b’tali mod li l‑eċċezzjoni prevista fis-sentenza Pannon ma tistax tiġi applikata.

IV.    Konklużjonijiet

89.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) bil-mod segwenti:

1)      L-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur jipprekludu illi qorti nazzjonali – wara li tkun warrbet klawżoli inġusti li jiddefinixxu l-modalitajiet u l-ammont tas-self, li jwassal għall‑annullament, fl-intier tiegħu, tal-kuntratt li ma kienx favur il‑konsumatur – tikkompleta l-kuntratt permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ natura ġenerali li jipprevedu li l-kontenut ta’ att legali huwa kkompletat b’effetti li jirriżultaw minn prinċipji ta’ ekwità jew ta’ użanzi, dispożizzjonijiet li għalhekk ma humiex dispożizzjonijiet ta’ natura supplenti.

2)      Il-qorti nazzjonali hija obbligata li tevalwa, abbażi tad-dritt nazzjonali, il-mument li fih għandhom jiġu evalwati l-effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola, filwaqt li tikkunsidra illi, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet leġiżlattivi espressi, l-interessi tal-konsumatur li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk li jeżistu fil-mument tal-eżami tat-tilwima. Barra minn hekk, il-volontà tal-konsumatur li jikkunsidra li l-annullament tal‑kuntratt fl-intier tiegħu ma jikkawżalux preġudizzju tipprevalixxi fuq l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ protezzjoni bħal dik li tissostitwixxi l‑klawżola inġusta sabiex jinżamm fis-seħħ il-kuntratt.

3)      Id-Direttiva 93/13 tipprekludi li jinżammu fis-seħħ klawżoli inġusti li, fil-mument tal-eżami tat-tilwima, ikunu oġġettivament favur il‑konsumatur, fl-assenza tal-volontà espressa tal-konsumatur f’dan is‑sens.

4)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, abbażi tad-dritt nazzjonali u fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, in-natura inġusta tal‑klawżola u tiddefinixxi s-suġġett tal-kuntratt sabiex tistabbilixxi jekk huwiex possibbli li jinżamm fis-seħħ il-kuntratt mingħajr il‑klawżoli inġusti.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


i      “L-inċiżi (1), (2) u (4) tal-paragrafu 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet kienu s-suġġett ta’ emenda wara l-pubblikazzjoni tagħhom”.


2      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).


3      Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703); tal-31 ta’ Mejju 2018, Sziber (C‑483/16, EU:C:2018:367); tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750); tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207); u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria (C‑70/17, EU:C:2019:250). Ara wkoll il-kawżi GT (C‑38/17), Bankia (C‑92/16) u Banco Bilbao (C‑167/16), li għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


4      B’din id-definizzjoni qed isir riferiment għall-klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li ma kinitx innegozjata b’mod individwali u li tirrigwarda l-metodu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dejn tal-persuna li ssellfet f’denominazzjoni barranija. Dwar dan il-punt ara l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Dunai (C‑118/17, EU:C:2018:921, punt 32).


5      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punt 25); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 25); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 39); u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 44).


6      Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 49).


7      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 45).


8      Għandu jiġi nnotat li minkejja li inizjalment il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-fakultà tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżola sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mill-Artikolu 6 tad-Direttiva, jiġifieri dak sabiex il‑konsumatur ma jintrabatx bi klawżola inġusta (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:2000:346, punti 26 u 28; tal‑21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C‑473/00, EU:C:2002:705, punti 32 sa 34); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 27 u 28)), mis-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32), il-qorti nazzjonali ingħatat l-“obbligu li teżamina ex officio din il‑kwistjoni”; fuq dan il-punt ara wkoll, inter alia, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 44); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 44); tat-30 ta’ Mejju 2013, Asbeek Brusse u de Man Garabito (C‑488/11, EU:C:2013:341, punti 40, 41 u 44); u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 53).


9      Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 26).


10      Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 38).


11      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 69).


12      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 62).


13      Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 35); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punti 63 u 65); u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 52). B’mod iktar ġenerali, ara s‑sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 58); digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 62); u sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 30).


14      Il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tipprevedi li “billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id‑disposizzjonijiet inġusti”.


15      Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.


16      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 73); tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 77); u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 53).


17      Digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť (C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 69 u 70), u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 54).


18      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282).


19      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 83).


20      Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 56).


21      Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 58.


22      Sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 57).


23      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


25      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309, punt 32); tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-23 ta’ April 2015, Van Hove (C‑96/14, EU:C:2015:262, punti 37 sa 39).


26      Sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-istess sens, fl-aħħar lok, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 63).


27      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Ynos (C‑302/04, EU:C:2005:576, punt 79).


28      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 32).


29      Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič (C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31).


30      Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 32); tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 42); tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164, punt 71); tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus (C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 61); tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 36); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punt 70).


31      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282).


32      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 83).


33      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 73); tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 77); u tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17, EU:C:2019:250, punt 53).


34      Sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 83).


35      Artkolu 1(2) u l-premesssa 13 tad-Direttiva 93/13.


36      Premessa 13 tad-Direttiva 93/13.


37      Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punti 52 u 53).


38      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 62).


39      Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350. Fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “[f]l-eżerċizzju ta’ dan l-obbligu, il-qorti nazzjonali ma hijiex marbuta madankollu, skont id-Direttiva, li tevita l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jiġi avżat mill-imsemmija qorti, ma jkollux l-intenzjoni jsostni n-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħha.” F’dan is-sens, ara wkoll is‑sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil‑kawża Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punt 135).


40      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2018:724, punt 136).