Language of document : ECLI:EU:T:2023:845

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża T‑383/21,

La Banque postale, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn A. Gosset-Grainville u M. Trabucchi, avukati,

rikorrenti,

vs

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, C. De Falco u C. Flynn, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamann, F. Louis, P. Gey u V. Del Pozo Espinosa de los Monteros, avukati,

konvenut,

sostnut minn

IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, O. Denkov u M. Menegatti, bħala aġenti,

minn

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. d’Ursel, A. Westerhof Löfflerová u J. Bauerschmidt, bħala aġenti,

u minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, La Banque postale, titlob l-annullament tad-deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Franza.

3        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”), għall‑2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), fosthom ir-rikorrenti.

4        Permezz ta’ avviż għall-ħlas tat‑28 ta’ April 2021, l-Autorité de contrôle prudentiel et de résolution (ACPR) (l-Awtorità ta’ Sorveljanza Prudenzjali u ta’ Riżoluzzjoni, Franza), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif kien ġie stabbilit mis-SRB.

II.    Iddeċiżjoni kkontestata

5        Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi parti prinċipali li hija akkumpanjata minn tliet annessi.

6        Il-parti prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi l-proċess ta’ determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, li huwa applikabbli għall-istituzzjonijiet kollha.

7        B’mod iktar partikolari, fit-Taqsima 5 tal-imsemmija deċiżjoni, is-SRB iddetermina l-livell annwali fil-mira, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 (iktar ’il quddiem il-“livell annwali fil-mira”).

8        Is-SRB spjega li huwa kien stabbilixxa dan il-livell annwali fil-mira għal wieħed minn tmienja ta’ 1.35 % tal-ammont medju tad-depożiti koperti, ikkalkolat fuq bażi trimestrali, tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2020 (iktar ’il quddiem l-“ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020”), kif kien inkiseb abbażi tad-data kkomunikata mill-iskemi ta’ garanzija għal depożiti konformement mal-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

9        Fit-Taqsima 6 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża, fil-premessa 59 tal-imsemmija deċiżjoni, li, għal dan il-perijodu, 13.33 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ġew ikkalkolati fuq “bażi nazzjonali”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (iktar ’il quddiem il-“bażi nazzjonali”), konformement mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63. Il-bqija tal-kontribuzzjonijiet ex ante (jiġifieri 86.67 %) ġew ikkalkolati abbażi tal-“bażi tal-unjoni bankarja”, jiġifieri abbażi tad-data kkomunikata mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-unjoni” u l-“Istati Membri parteċipanti”), konformement mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

10      Sussegwentement, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet, bħar-rikorrenti, billi segwa l-fażijiet prinċipali li ġejjin.

11      Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, konformement mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. Konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mill-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.

12      Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB wettaq aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, konformement mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa evalwa dan il-profil tar-riskju abbażi tal-erba’ pilastri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, li huma komposti minn indikaturi tar-riskju. Sabiex jikklassifika l-istituzzjonijiet skont il-livell tar-riskju tagħhom, qabel kollox, is-SRB stabbilixxa – għal kull indikatur ta’ riskju applikat għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 – intervalli (bins) li fihom ġew ikklassifikati l-istituzzjonijiet, konformement mal-Anness I, taħt il-punt 3 tat-titolu “Pass 2”, ta’ dan ir-regolament delegat. L-istituzzjonijiet li jagħmlu parti mill-istess intervall ingħataw valur komuni għall-indikatur tar-riskju partikolari, imsejjaħ “valur diskretizzat”. Billi għaqqad il-valuri diskretizzati għal kull indikatur tar-riskju, is-SRB ikkalkola l-“multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju” tal-istituzzjoni kkonċernata (iktar ’il quddiem il-“multiplikatur tal-aġġustament”). Billi mmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ din l-istituzzjoni bil-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, is-SRB kiseb il-“kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju” tal-imsemmija istituzzjoni.

13      Sussegwentement, is-SRB żied il-kontribuzzjonijiet annwali kollha bażiċi aġġustati skont il-profili tar-riskju sabiex jinkiseb “denominatur komuni” użat sabiex tiġi kkalkolata l-parti tal-livell annwali fil-mira li kull istituzzjoni kellha tħallas.

14      Fl-aħħar nett, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi qassmet il-livell annwali fil-mira bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju, minn naħa, u d-denominatur komuni, min-naħa l-oħra.

15      L-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi skeda individwali għal kull istituzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, inkluża r-rikorrenti, li tinkludi r-riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“iskeda individwali”). Kull waħda minn dawn l-iskedi tesponi l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll il-valur tal-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, kemm fuq il-bażi tal-unjoni kif ukoll fuq il-bażi nazzjonali, billi ssemmi, għal kull indikatur tar-riskju, in-numru tal-intervall li għalih l-imsemmija istituzzjoni ġiet assenjata. Barra minn hekk, l-iskeda individwali tindika data li tintuża għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha u li s-SRB iddetermina billi għaqqad flimkien jew għaqqad id-data individwali ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha. Fl-aħħar nett, din l-iskeda tinkludi d-data ddikjarata mill-istituzzjoni kkonċernata fil-formola ta’ dikjarazzjoni u użata fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

16      L-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi data statistika relatata mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal kull Stat Membru parteċipanti, f’forma mqassra u aggregata. Dan l-anness jippreċiża, b’mod partikolari, l-ammont globali tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet ikkonċernati għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-imsemmi anness jelenka, għal kull indikatur tar-riskju, in-numru ta’ intervalli, in-numru ta’ istituzzjonijiet li jagħmlu parti minn kull intervall kif ukoll il-valuri minimi u massimi ta’ dawn l-intervalli. Fil-każ ta’ intervalli relatati mal-bażi nazzjonali, dawn il-valuri għandhom, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, jitnaqqsu jew jiżdiedu b’ammont aleatorju, filwaqt li jinżamm it-tqassim oriġinali tal-istituzzjonijiet.

17      L-Anness III tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Evalwazzjoni tal-kummenti sottomessi fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall‑2021”, jeżamina l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-istituzzjonijiet matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa mis-SRB bejn il‑5 u d‑19 ta’ Marzu 2021 bl-għan tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

III. Ittalbiet talpartijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

19      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li din il-qorti tilqa’ s-sitt, is-seba’ jew it-tmien motiv tar-rikors, tannulla biss it-Taqsima 11 tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda l-impenji ta’ pagament irrevokabbli (iktar ’il quddiem l-“IPI”);

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sakemm din tiġi ssostitwita jew, minn tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

20      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn huwa bbażat fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors.

22      Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tmien motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, is-sitt wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-użu tal-IPI, is-seba’ wieħed, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tas-SRB fir-rigward tal-limitazzjoni tal-użu tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante u l-limitazzjoni tal-garanziji għal flus kontanti biss u, it-tmien wieħed, fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-limitazzjoni tal-użu tal-IPI.

24      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat li hija kienet qiegħda tirtira s-sitt motiv.

A.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà

25      L-ewwel ħames motivi jinkludu eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, tar-Regolament Delegat 2015/63 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

26      Il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità li jsostnu l-ewwel tliet motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

27      Is-SRB ma qajjem l-ebda eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’din il-kawża.

28      Issa, peress li l-Kummissjoni, bħala intervenjenti, għandha locus standi sabiex tqajjem eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà biss sa fejn tali eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tqajmu mill-parti li hija ssostni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, C‑313/90, EU:C:1993:111, punti 20 sa 22; tas‑17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punti 77 u 78, u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Cindu Chemicals et vs ECHA, T‑95/10, EU:T:2013:108, punt 32), li ma huwiex il-każ hawnhekk, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minnha huma inammissibbli.

29      Madankollu, għandha tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti, peress li l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma ta’ ordni pubbliku.

30      Skonthom, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti ma turix l-eżistenza ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dispożizzjonijiet ikkontestati u li hija ma għandhiex interess li tikseb dikjarazzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

31      F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li eċċezzjoni ta’ illegalità, imqajma b’mod inċidentali bis-saħħa tal-Artikolu 277 TFUE fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss meta tkun teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-allegata illegalità tagħha hija eċċepita (sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, Wattiau vs Il‑Parlament, T‑737/17, EU:T:2019:273, punt 56, u tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Krajowa Izba Gospodarcza Chłodnictwa i Klimatyzacji vs Il‑Kummissjoni, T‑126/19, EU:T:2021:360, punt 33).

32      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kollha li r-rikorrenti tinvoka l-illegalità tagħhom huma applikati f’dik id-deċiżjoni, jew sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi tal-kontribuzzjonijiet ex ante mitluba mir-rikorrenti, bħalma huwa l-każ tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014, jew sa fejn dawn jiddeterminaw il-parametri għall-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, bħalma huwa l-każ tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, teżisti rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-dispożizzjonijiet ikkontestati.

33      Min-naħa l-oħra, huwa minnu li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn dik il-persuna jkollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżumi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi ġuridiċi u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali. Ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2021, Pharmaceutical Works Polpharma vs EMA, T‑611/18, EU:T:2021:241, punti 139 u 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Madankollu, f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet kollha previsti mill-eċċezzjonijiet ta’ illegalità jew jikkostitwixxu l-bażi tal-kontribuzzjonijiet ex ante li ntalbu mingħand ir-rikorrenti għall‑2021, jew jiddeterminaw il-parametri tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, b’tali mod li r-rikorrenti għandha interess reali u attwali sabiex tikseb il-konstatazzjoni tal-illegalità tagħhom. Fil-fatt, fil-każ li r-rikorrenti tirbaħ il-kawża, tali kontribuzzjonijiet ma jkollhomx bażi legali. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandha interess li tikseb dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

35      Konsegwentement, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014, tarRegolament Delegat 2015/63, u tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

36      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-argument insostenn ta’ dan il-motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fis-sitwazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-unjoni bankarja, it-tieni waħda, fuq in-natura inġustifikata tal-esklużjoni tad-depożiti koperti mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, it-tielet waħda, fuq in-natura inġustifikata tal-assenza ta’ tnaqqis tal-impenji eliġibbli u, ir-raba’ waħda, fuq in-natura mhux xierqa tal-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju.

37      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-ebda waħda minn dawn il-partijiet ma tista’ tinftiehem fis-sens li r-rikorrenti ssostni, fir-realtà, li d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma vvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti fil-fatt ikkonfermat li, permezz tal-ewwel motiv kollu, hija allegat biss il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u mhux żball ta’ evalwazzjoni.

38      Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95).

39      Peress li r-rikorrenti invokat il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija l-Kummissjoni li għandha tidentifika bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet komparabbli li hija tqis li ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li hija tqis li ġew ittrattati b’mod identiku (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 311).

40      Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura komparabbli ta’ tali sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-iskop u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu dak l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fir-rigward tal-iskop u tal-għan tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, għandu jitfakkar li, bħad-Direttiva 2014/59, dawn l-atti jaqgħu fil-qasam tas-SRM, li l-ħolqien tiegħu huwa intiż, konformement mal-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014, li jiżgura approċċ newtrali fit-trattament tal-istituzzjonijiet li qegħdin ifallu, li jsaħħaħ l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti u li jipprevjeni t-tixrid ta’ kriżijiet possibbli għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx f’dan il-mekkaniżmu, sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern kollu kemm hu.

42      Bl-għan li jiġi żgurat finanzjament tal-attivitajiet tas-SRM, id-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 stabbilixxew il-kontribuzzjonijiet ex ante li n-natura speċifika tagħhom tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 ta’ din id-direttiva u mill-premessa 41 ta’ dan ir-regolament, f’li jiġi ggarantit, b’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu u sabiex l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

43      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-legalità tad-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tagħhom.

44      Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm qabelxejn il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprevedi d-definizzjoni tal-livell annwali fil-mira li għandu jinqasam bejn l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

45      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63, li jispeċifikaw il-kriterji tal-adattament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, kif stabbiliti mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59. B’mod iktar konkret, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jelenka l-pilastri tar-riskju u l-indikaturi tar-riskju li s-SRB għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jevalwa l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament delegat jippreċiża l-piż relattiv ta’ kull pilastru tar-riskju u indikatur tar-riskju li għandu jiġi applikat mis-SRB meta jevalwa l-profil tar-riskju ta’ kull istituzzjoni.

46      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, li jispeċifika l-passi differenti tal-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante u li jistabbilixxi l-formuli matematiċi li għandhom jiġu applikati mis-SRB.

a)      Fuq lewwel u ttieni parti, ibbażati fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddifferenzi fissitwazzjoni bejn listituzzjonijiet talunjoni bankarja u tannatura inġustifikata talesklużjoni taddepożiti koperti millbażi ta’ kalkolu talkontribuzzjoni annwali bażika

47      L-ewwel parti tal-ewwel motiv tiffoka fuq żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi fis-sitwazzjoni bejn is-setturi bankarji tal-Istati Membri parteċipanti, u, it-tieni wieħed, fuq l-inkoerenza marbuta mal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni użati fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU).

48      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li jipprevedi esklużjoni tad-depożiti koperti mill-obbligazzjonijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika.

49      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

1)      Fuq lewwel ilment talewwel parti, ibbażat fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddifferenzi fissitwazzjoni bejn issetturi bankarji talIstati Membri parteċipanti, u fuq ittieni parti, dwar innatura inġustifikata talesklużjoni taddepożiti koperti millbażi ta’ kalkolu talkontribuzzjoni annwali bażika

50      Fl-ewwel lok, fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li t-tqassim tal-kontribuzzjonijiet ex ante bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-unjoni bankarja, imwettaq abbażi tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa applikat abbażi ta’ kriterji li l-modalitajiet ta’ kalkolu tagħhom jinjoraw id-differenzi fis-sitwazzjoni bejn is-setturi bankarji tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi u l-profil uniku tal-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fi Franza (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet Franċiżi”), bħar-rikorrenti. Għalhekk, filwaqt li dawn l-istituzzjonijiet jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk tal-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri parteċipanti oħra (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra”), dawn huma ttrattati b’mod identiku fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-imsemmija kontribuzzjonijiet.

51      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet Franċiżi jiddistingwu ruħhom mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra minħabba l-fatt li, minkejja li huma għandhom, b’mod ġenerali, ammont totali kbir ta’ obbligazzjonijiet, huma għandhom ammont ta’ depożiti koperti relattivament baxx.

52      Ir-rikorrenti ssostni li hija għandha din il-karatteristika sabiex issostni li hija stess iġġarrab ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan il-ksur ikun jirriżulta mill-fatt li l-ammont baxx tad-depożiti koperti tagħha ma jippermettilhiex tnaqqas il-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha u għalhekk iżżid “artifiċjalment” il-piż relattiv ta’ din il-kontribuzzjoni fil-kalkolu tat-totalità tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

53      L-argument tar-rikorrenti għandu għalhekk jinftiehem fis-sens li hija ssostni, essenzjalment, li hija żvantaġġata fir-rigward tal-istituzzjonijiet li għandhom ammont għoli ta’ depożiti koperti, li huma, b’mod partikolari, stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, minħabba l-possibbiltà għal dawn tal-aħħar li jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-obbligazzjonijiet li jintużaw għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, b’tali mod li hija għandha, fir-realtà, tiġi ttrattata b’mod differenti fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet l-oħra.

54      Dan l-argument jikkorrispondi għal dawk imqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq in-natura inġustifikata tal-esklużjoni tad-depożiti koperti mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika. Konsegwentement, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

55      F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tad-depożiti koperti mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, tapplika bl-istess mod għall-istituzzjonijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, inkluż, għalhekk, għall-istituzzjonijiet Franċiżi, fosthom ir-rikorrenti, u għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, indipendentement mill-ammont tad-depożiti koperti tagħhom.

56      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet Franċiżi, fosthom ir-rikorrenti, jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija esklużjoni, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/59 u r-Regolament Nru 806/2014 huma intiżi, b’mod partikolari, li jiggarantixxu, b’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, kif indikat fil-punt 42 iktar ’il fuq. Bħala korrispettiv għall-obbligi tagħhom li jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante, l-istituzzjonijiet kollha jibbenefikaw minn dawn il-kontribuzzjonijiet permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja żgurata mis-SRF. Dan il-benefiċċju jeżisti indipendentement mill-ammont tad-depożiti koperti disponibbli għall-istituzzjonijiet u mill-punt sa fejn huma jistgħu jeskludu dan l-ammont mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-istituzzjonijiet għandhom ammonti differenti ta’ depożiti koperti ma għandux il-konsegwenza li jqegħedhom f’sitwazzjonijiet differenti fid-dawl tal-iskop u tal-għan tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014.

58      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji twassal għal ammonti differenti ta’ kontribuzzjonijiet ex ante għar-rikorrenti u għall-istituzzjonijiet l-oħra huwa r-riżultat tas-sempliċi fatt li huma għandhom ammonti differenti ta’ depożiti koperti.

59      Issa, anki jekk jitqies li l-istituzzjonijiet Franċiżi, fosthom ir-rikorrenti, għandhom ammont ta’ depożiti koperti inqas minn dak tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, dan il-fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

60      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-adozzjoni, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ leġiżlazzjoni f’qasam ta’ azzjoni partikolari jista’ jkollha riperkussjonijiet differenti għal ċerti operaturi ekonomiċi fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom jew tar-regoli nazzjonali li għalihom huma barra minn hekk suġġetti, peress li tali konsegwenza ma tistax titqies li hija ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija minnha (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-esklużjoni tad-depożiti koperti mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika hija bbażata fuq kriterji oġġettivi. F’dan ir-rigward, mill-punt 11 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li jirreferi għall-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149), jirriżulta li l-kunċett ta’ “depożiti koperti”, fis-sens tar-Regolament Nru 806/2014, jikkorrispondi, għall-finijiet tal-esklużjoni ta’ dawn id-depożiti mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, għall-kunċett ta’ “depożiti ggarantiti” fil-kuntest tal-iskema ta’ garanzija għal depożiti (SGD). Issa, dan l-aħħar kunċett huwa ddefinit abbażi tal-kriterji previsti fil-punti 3 u 4 tal-Artikolu 2 u fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/49, li għandhom natura oġġettiva.

62      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li din l-esklużjoni hija bbażata fuq kriterji adattati għall-għanijiet imfittxija mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, kif spjega s-SRB, l-imsemmija esklużjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tevita effett ta’ għadd doppju tad-depożiti koperti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet huma obbligati, minħabba l-imsemmija depożiti, iħallsu kontribuzzjonijiet lis-SGD li jaqgħu taħthom, skont id-Direttiva 2014/49. Issa, jekk, kif issostni r-rikorrenti, id-depożiti koperti ma kinux esklużi mill-bażi ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-istituzzjonijiet ikunu obbligati jħallsu, minħabba dawn l-istess depożiti koperti, il-kontribuzzjonijiet ex ante b’mod parallel mal-kontribuzzjonijiet li jippermettu l-finanzjament tas-SGD.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li jeskludi d-depożiti koperti mit-total tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika tista’ titqies li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u adattati għall-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni.

64      Konsegwentement, l-ewwel argument tar-rikorrenti mqajjem insostenn tal-ewwel ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

65      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-metodu ta’ kalkolu previst mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq għandu bħala konsegwenza li l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet Franċiżi huma kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra u li dawn żdiedu ħafna mill‑2016.

66      F’dan ir-rigward, qabelxejn, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-kriterji ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ex ante japplikaw bl-istess mod għall-istituzzjonijiet Franċiżi, li minnhom hija tagħmel parti, u għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra.

67      Sussegwentement, ir-rikorrenti ma tispjegax l-effett tal-fatt imsemmi fil-punt 65 iktar ’il fuq fuq l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk hija tinsabx f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra.

68      Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, l-ammont għoli tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet Franċiżi huwa spjegat minn diversi fatturi li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti.

69      L-ewwel nett, is-SRB ippreċiża, mingħajr ma ġie kontradett, li l-istituzzjonijiet Franċiżi li ġeneralment kellhom parti mill-obbligazzjonijiet totali ikbar mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, li tikkorrispondi għal iktar minn terz ta’ dawn l-obbligazzjonijiet matul il-perijodu rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

70      Tali fatt għandu impatt sinjifikattiv fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u, konsegwentement, fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni għandha tkun proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet twassal għalhekk sabiex il-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet Franċiżi ta’ spiss ikunu ogħla minn dawk tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra.

71      Issa, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-legalità tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59 u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jibbaża l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq l-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

72      It-tieni nett, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat l-affermazzjoni tas-SRB li d-daqs tal-bilanċi tal-istituzzjonijiet Franċiżi u tal-obbligazzjonijiet tagħhom kien żdied bejn l‑2016 u l‑2021, li kien wassal għal żieda tal-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ dawn l-istituzzjonijiet u, għaldaqstant, tal-kontribuzzjonijiet ex ante li r-rikorrenti kienet obbligata tħallas.

73      It-tielet nett, is-SRB spjega, mingħajr ma ġie kontradett, li ż-żieda tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet Franċiżi kienet ġiet aċċellerata mill-mekkaniżmu msejjaħ “phasing-in” tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ ‘phasing-in’”). Skont dan il-mekkaniżmu, barra minn hekk applikabbli għall-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, parti dejjem tikber tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet hija kkalkolata fuq il-bażi tal-unjoni, iktar milli fuq il-bażi nazzjonali, peress li din il-parti tammonta għal 86.67 % għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

74      F’dan ir-rigward, is-SRB ippreċiża li tali fatt kien jimplika li l-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet Franċiżi kien dejjem iktar imkejjel b’riferiment għal dak tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra. Għalhekk, fid-dawl tal-parti tal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjonijiet Franċiżi meta mqabbla mal-obbligazzjonijiet totali tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, kif indikat fil-punt 69 iktar ’il fuq, il-mekkaniżmu ta’ “phasing-in” jispjega – skont l-istess preċiżazzjonijiet mhux ikkontestati tas-SRB – għaliex l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet Franċiżi, fosthom ir-rikorrenti, żdied iktar bejn l‑2016 u l‑2021 minn dak tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra.

75      Konsegwentement, iż-żieda tal-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet Franċiżi, bħar-rikorrenti, hija spjegata minn numru ta’ fatturi oġġettivi, fosthom l-ammont dejjem ikbar tal-obbligazzjonijiet tagħhom, u mhux minn inugwaljanza fit-trattament li kienu suġġetti għaliha.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 50 iktar ’il fuq kienu jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

77      Fit-tielet lok, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-mekkaniżmu ta’ “phasing-in” iwassal sabiex ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi proprji ta’ kull settur bankarju u sabiex tinħoloq distorsjoni bejn is-setturi bankarji għad-detriment tas-settur Franċiż.

78      Fil-fatt, dan l-argument huwa intiż li jikkontesta l-eżistenza stess tal-mekkaniżmu ta’ “phasing-in”, mingħajr ma r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tad-dispożizzjoni li tipprevedih, jiġifieri l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

79      Fi kwalunkwe każ, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-istituzzjonijiet kollha, fosthom ir-rikorrenti. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ “phasing-in” japplika b’mod identiku għall-istituzzjonijiet Franċiżi, fosthom ir-rikorrenti, u għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, għalkemm il-kritika tar-rikorrenti kellha tinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni li l-istituzzjonijiet Franċiżi ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ “phasing-in”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li juri li tal-ewwel jinsabu effettivament f’sitwazzjoni differenti minn dik tat-tieni fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu.

80      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li, minbarra l-fatt li hija ma għandhiex l-istess riskju bħall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra, ma tantx huwa probabbli li hija tista’ tibbenefika mis-SRF, fid-dawl tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (iktar ’il quddiem il-“MREL”) li għalih hija suġġetta kif ukoll tal-implimentazzjoni neċessarja tal-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna fi proporzjonijiet kbar u qabel kull intervent tas-SRF.

81      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-punt 40 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-fondi proprji jikkorrispondu għall-mezzi mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ istituzzjoni mill-azzjonisti tagħha, jew minn investituri oħra, kif ukoll għall-profitti li hija għamlet u li ma tqassmux.

82      Sussegwentement, skont il-punt 49 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 806/2014, l-“obbligazzjonijiet eliġibbli” huma l-impenji jew l-obbligazzjonijiet u l-istrumenti kapitali li ma humiex strumenti ta’ fondi proprji li jaqgħu taħt ċerti kategoriji u li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

83      Barra minn hekk, il-punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(16) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li impenn eliġibbli maħruġ għall-osservanza tal-MREL fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ din l-istess dispożizzjoni għandu jkun strument maħruġ u kompletament irrilaxxat, li ma għandux ikun impenn lejn l-istituzzjoni stess jew iggarantit minnha, li x-xiri tal-istrument ma għandux ikun ġie ffinanzjat la direttament u lanqas indirettament mill-istituzzjoni, li l-impenn għandu jkollu maturità residwa ta’ mill-inqas sena, li l-impenn ma għandu jirriżulta la minn prodott idderivat u lanqas minn depożitu li jibbenefika minn preferenza fil-ġerarkija nazzjonali fil-qasam tal-insolvenza.

84      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 73 u mill-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014, l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna tillimita l-ispejjeż ta’ riżoluzzjoni ta’ entità li qiegħda tfalli mġarrba mill-kontribwent billi tiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li qiegħda tfalli jġarrbu telf xieraq u jassumu parti xierqa mill-ispejjeż dovuti għall-falliment tal-entità. Bl-istess mod, mill-premessa 83 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, sabiex jiġi żgurat li l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna hija effettiva, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-istituzzjonijiet għandu jkollhom ammonti suffiċjenti ta’ fondi proprji u ta’ impenji eliġibbli sabiex jassorbu t-telf u jirrikapitalizzaw l-istituzzjonijiet li qegħdin ifallu.

85      Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax li r-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 jittrattawha bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ MREL u tal-implimentazzjoni tal-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

86      Għalkemm, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti kellu jinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni, fir-realtà, li hija kienet żvantaġġata mill-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament Delegat 2015/63 ma ħadux suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti fil-qasam ta’ MREL u tal-implimentazzjoni tal-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

87      Qabelxejn, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element konkret quddiem il-Qorti Ġenerali intiż li jikkontesta l-affermazzjoni tas-SRB li l-istituzzjonijiet li għandhom obbligazzjonijiet kbar, bħalha stess, huma l-aħjar istituzzjonijiet li jibbenefikaw mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 806/2014, u dan minkejja r-rekwiżiti li għalihom huma suġġetti fil-qasam ta’ MREL jew ta’ rekwiżiti prudenzjali oħra. Fuq dan il-punt, il-premessa 5 tar-Regolament Delegat 2015/63 tenfasizza barra minn hekk li, iktar ma istituzzjoni tkun kbira, iktar huwa probabbli li, fil-każ ta’ diffikultà, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li huwa fl-interess pubbliku li tipproċedi għar-riżoluzzjoni tagħha u li tirrikorri għas-SRF sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni.

88      Sussegwentement, l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi indikatur tar-riskju bbażat, b’mod partikolari, fuq ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ MREL, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom. Issa, ir-rikorrenti ma sostnietx li l-piż ta’ dan l-indikatur tar-riskju kien insuffiċjenti fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

89      F’dan ir-rigward, għandu jinżied ukoll li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat 2015/63 jippermetti lis-SRB ma jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod tranżitorju, l-imsemmi indikatur tar-riskju fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, ir-rikorrenti madankollu ma kkontestatx il-validità ta’ din id-dispożizzjoni.

90      Fl-aħħar nett, mill-Artikoli 22 u 27 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni skont dan ir-regolament, l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna hija intiża li tapplika, bl-istess mod, għall-istituzzjonijiet kollha qabel l-użu tas-SRF. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jintuża l-istrument tar-rikapitalizzazzjoni interna ma teskludix l-użu possibbli tas-SRF. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li l-istituzzjonijiet Franċiżi kienu jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra minħabba l-MREL tagħhom u minħabba l-possibbiltà għalihom li japplikaw l-istrument tar-rikapitalizzazzjoni interna.

91      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tallega li, waqt il-laqgħa tad‑9 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill stabbilixxa ftehim politiku li skontu l-“kontribuzzjonijiet Franċiżi u Ġermaniżi” kellhom ikunu fuq l-istess livell matul il-perijodu tranżitorju.

92      Madankollu, mill-minuti ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill, ippubblikati fuq is-sit internet tiegħu, ma jirriżultax li tali ftehim ġie konkluż.

93      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

94      Fis-sitt lok, ir-rikorrenti tqis li hija kienet is-suġġett ta’ inugwaljanza fit-trattament minħabba li hija ma setgħetx tibbenefika mill-iskema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li hija applikabbli għall-istituzzjonijiet żgħar u medji.

95      L-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat 2015/63 u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedu skemi speċjali għall-istituzzjonijiet żgħar u medji, li minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet żgħar huma magħmula, bħala prinċipju u ħlief f’ċirkustanzi partikolari, minn ammonti f’daqqa u, min-naħa l-oħra, li l-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet ta’ daqs medju, għal parti waħda, huma fil-forma ta’ somma f’daqqa u, għall-parti l-oħra, jistgħu jiġu kkalkolati skont ir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet l-oħra kollha. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir li għandhom ammont ta’ obbligazzjonijiet għoli ħafna, bħar-rikorrenti, ma għandhomx, fir-rigward tal-użu tas-SRF, profil tar-riskju ekwivalenti għal dak tal-istituzzjonijiet żgħar u medji jew iktar baxx minn dan tal-aħħar. Konsegwentement, dawn iż-żewġ kategoriji ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

96      Sussegwentement, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 70(1) u l-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

97      Konsegwentement, l-ewwel ilment tal-ewwel parti u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2)      Fuq ittieni lment talewwel parti, ibbażat fuq linkoerenza marbuta malassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni talkriterji ta’ evalwazzjoni użati filkuntest talMSU

98      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-kontinwità u tar-relazzjoni qawwija bejn il-MSU u s-SRM, huwa inkoerenti li jiġi evalwat ir-riskju ppreżentat minn istituzzjoni fil-kuntest tas-SRM mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji ta’ evalwazzjoni użati fil-kuntest tal-MSU, li jippermettu li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet bl-ikbar probabbiltà li jirrikorru għas-SRF huma dawk li jikkontribwixxu l-iktar għall-finanzjament tagħhom. L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni użati fil-kuntest tal-MSU twassal għalhekk sabiex l-istituzzjonijiet li għalihom l-użu tas-SRF huwa l-inqas probabbli, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-solidità tagħhom irrikonoxxuta fil-kuntest tal-MSU.

99      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li, minkejja r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tispjegax b’ċarezza suffiċjenti kif l-allegat rekwiżit ta’ koerenza mal-kriterji msemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq huwa rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk hija ġarrbitx ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

100    Jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni, fir-realtà, li hija ttrattata bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet l-oħra li għandhom profil tar-riskju ogħla fid-dawl tal-kriterji ta’ evalwazzjoni użati fil-kuntest tal-MSU, minkejja li, skont dawn il-kriterji, il-probabbiltà li hija tirrikorri għas-SRF hija inqas, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

101    Huwa minnu, kif jirriżulta mill-premessi 11, 13, 15 u 52 tar-Regolament Nru 806/2014, li teżisti rabta ta’ komplementarjetà bejn ir-regoli stabbiliti fil-kuntest tas-SRM u dawk adottati fil-kuntest tal-MSU.

102    B’mod partikolari, uħud mill-kriterji ta’ evalwazzjoni użati fil-kuntest tas-SRM joqorbu lejn dawk użati fil-kuntest tal-MSU, kif previsti, b’mod partikolari, mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6, fil-ĠU 2017, L 20, p. 2 u fil-ĠU 2023, L 92, p. 29).

103    Għalhekk, diversi kriterji tal-leġiżlazzjoni dwar is-SRM jużaw kunċetti li jikkorrispondu għal dawk tal-leġiżlazzjoni adottata fil-kuntest tal-MSU u huma wkoll iddefiniti b’riferiment espress għal dan tal-aħħar. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ tal-kunċetti ta’ “fondi proprji”, ta’ “proporzjon tal-effett ta’ lieva” jew ta’ “proporzjon tal-kapital tal-Grad I”, li huma determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-indikaturi tar-riskju elenkati fl-Artikolu 6(2)(a) sa (c) tar-Regolament Delegat 2015/63 u li huma ddefiniti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament delegat, b’riferiment għar-Regolament Nru 575/2013.

104    Madankollu, minkejja din ir-rabta ta’ komplementarjetà, għandu jiġi kkonstatat li, kif isostni s-SRB mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt, l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar is-SRM fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet huma differenti minn dawk imfittxija mil-leġiżlazzjoni dwar il-MSU fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ superviżjoni.

105    Għalhekk, minn naħa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet għandha l-għan, fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li tiggarantixxi, kif jirriżulta mill-punt 42 iktar ’il fuq, b’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti għas-SRM sabiex ikun jista’ jissodisfa l-funzjonijiet tiegħu u li tinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

106    Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għandha, min-naħa tagħha, l-għan, skont il-premessa 32 tar-Regolament Nru 575/2013, li tinkoraġġixxi l-attivitajiet bankarji ekonomikament utli li jservu l-interess ġenerali u li tiskoraġġixxi l-ispekulazzjoni finanzjarja mhux vijabbli, mingħajr valur miżjud reali, iżda wkoll, skont il-premessa 42 ta’ dan ir-regolament, li tapplika l-aħjar metodi ta’ kejl u ta’ ġestjoni tar-riskju u li tużahom għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji regolatorji.

107    Minn dan isegwi, b’mod iktar partikolari, li l-evalwazzjoni tar-riskju fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-SRM u l-evalwazzjoni tar-riskju fil-kuntest tal-MSU jissodisfaw għanijiet differenti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tar-riskju taħt il-pilastru II tal-MSU titwettaq sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti minnu bl-għan li jiġi żgurat li istituzzjoni partikolari jkollha fondi proprji suffiċjenti sabiex tindirizza kwalunkwe riskju speċifiku li ma jkunx kopert mill-pilastru I tal-MSU, li jikkorrispondi għall-evalwazzjoni trasversali tar-riskju ta’ istituzzjoni. Ir-riżultat ta’ tali evalwazzjoni huwa intiż sabiex jiddetermina r-rekwiżiti prudenzjali li għalihom istituzzjoni partikolari għandha tkun suġġetta sabiex jiġi evitat li ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ falliment.

108    Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tar-riskju fil-kuntest tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju, prevista fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikoli 5 sa 9 tar-Regolament Delegat 2015/63, titwettaq sabiex jitqassmu l-kontribuzzjonijiet ex ante bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha. Ir-riżultat ta’ tali evalwazzjoni għandu tendenza li jevalwa mhux biss ir-riskju ta’ falliment ta’ istituzzjoni partikolari, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, ir-riskju tal-użu tas-SRF minn istituzzjoni li tkun qiegħda tfalli.

109    Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni dwar is-SRM tissodisfa loġika partikolari fis-sens li l-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni partikolari huwa evalwat ukoll fid-dawl tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha.

110    Fid-dawl tal-iskopijiet u tal-għanijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni dwar il-MSU u ta’ dik dwar is-SRM, kif ukoll tal-loġika komparattiva ta’ dan tal-aħħar, ma jista’ jinsilet l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament mis-sempliċi fatt li l-kuntest ġuridiku li jirregola l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tas-SRM ma jinkludix, bħala tali, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tar-riskju previsti fil-kuntest tal-MSU.

111    Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jiġi miċħud bħala infondat u, miegħu, din il-parti kollha kemm hi għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq innatura inġustifikata talassenza ta’ tnaqqis talimpenji eliġibbli li jissodisfaw irrekwiżiti prudenzjali skont ilMREL

112    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li la l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedu tnaqqis tal-impenji eliġibbli tal-obbligazzjonijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika. Din il-leġiżlazzjoni kellha tipprevedi tali tnaqqis, peress li l-impenji eliġibbli jikkostitwixxu “kważi ekwità” li tiġi stabbilita sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti prudenzjali skont l-MREL u li sservi sabiex tassorbi t-telf kif ukoll sabiex jiġi stabbilit l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

113    Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

114    Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li hija ssostni, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta mill-fatt li l-impenji eliġibbli jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għall-fondi proprji, iżda huma ttrattati b’mod differenti minn dawn il-fondi sa fejn ma humiex esklużi, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, mill-obbligazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-fondi proprji huma esklużi mill-obbligazzjonijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni annwali bażika. Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u lanqas l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, li jipprevedu l-esklużjoni ta’ ċerti obbligazzjonijiet mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, ma eskludew l-impenji eliġibbli tal-imsemmija obbligazzjonijiet.

116    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-iskop u tal-għan tar-Regolament Nru 806/2014, l-impenji eliġibbli jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-fondi proprji, b’tali mod li għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika.

117    Dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, konformement mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u mal-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2014/59, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna għal istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-krediti, l-ewwel fuq il-fondi proprji u, sussegwentement, “jekk, u biss jekk” il-fondi proprji disponibbli ma setgħux jassorbu t-telf, fuq l-impenji eliġibbli.

118    Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 21(1) u (7a) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jeżerċita s-setgħat ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-impenji eliġibbli, indipendentement minn miżura ta’ riżoluzzjoni, biss fir-rigward tal-impenji eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi u restrittivi tal-Artikolu 12g(2)(a) ta’ dan ir-regolament, ħlief għall-kundizzjoni marbuta mal-maturità residwa tal-impenji msemmija fl-Artikolu 72c(1) tar-Regolament Nru 575/2013. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li l-possibbiltajiet għas-SRB li jwettaq, indipendentement minn miżura ta’ riżoluzzjoni, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-impenji eliġibbli huma rregolati minn kundizzjonijiet speċifiċi u limitattivi, b’differenza mill-każ tal-fondi proprji.

119    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 27(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jiġi applikat l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna, ċerti impenji eliġibbli jistgħu jiġu esklużi totalment jew parzjalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni. Issa, tali possibbiltà ma teżistix fir-rigward tal-fondi proprji.

120    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-impenji eliġibbli ma għandhomx l-istess kapaċità li jassorbu t-telf tal-istituzzjonijiet bħall-fondi proprji.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, minkejja r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-impenji eliġibbli kienu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-fondi proprji fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jassorbu telf u li jimplimentaw l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

122    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jipprevedix tnaqqis tal-impenji eliġibbli mill-obbligazzjonijiet li jservu bħala bażi għall-kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprevedi l-esklużjoni tal-fondi proprji mill-obbligazzjonijiet li jservu bħala bażi ta’ kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika, peress li din l-esklużjoni hija prevista fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

124    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġġustifika t-tnaqqis tal-impenji eliġibbli mill-obbligazzjonijiet li jservu bħala bażi għall-kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika, peress li r-Regolament Delegat 2015/63 għamel distinzjoni bejn sitwazzjonijiet li għandhom karatteristiċi partikolari notevoli, direttament marbuta mar-riskji rrappreżentati mill-obbligazzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 95).

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma huwiex previst it-tnaqqis tal-impenji eliġibbli mill-obbligazzjonijiet li jservu bħala bażi għall-kalkolu sabiex tiġi ddeterminata l-kontribuzzjoni annwali bażika ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

126    Konsegwentement, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

c)      Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq ilfatt li lkontribuzzjonijiet ex ante ma humiex rappreżentattivi tarriskju realment sostnut minħabba lkriterji ta’ kalkolu talmultiplikatur talaġġustament

127    Permezz tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li l-kontribuzzjonijiet ex ante ma humiex rappreżentattivi tar-riskju realment sostnut minħabba l-kriterji ta’ kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqajjem tliet ilmenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-profil tar-riskju globali intrinsiku ta’ kull istituzzjoni, it-tieni wieħed, fuq l-assenza ta’ evalwazzjoni tal-fatturi ta’ riskju fid-dawl ta’ kwalunkwe rekwiżit impost mill-awtorità ta’ superviżjoni fil-kuntest tal-MSU u, it-tielet wieħed, fuq l-impossibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod globali kull speċifiċità individwali ta’ kull istituzzjoni.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni talprofil ta’ riskju globali intrinsiku ta’ kull istituzzjoni

128    Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji stabbiliti fl-“Artikoli 6 et seq.” tar-Regolament Delegat 2015/63 huma bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi tar-riskju meqjusa individwalment, u mhux fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-profil tar-riskju globali intrinsiku ta’ kull istituzzjoni.

129    Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

130    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, bi ksur tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma identifikatx bi preċiżjoni s-sitwazzjonijiet komparabbli li, fil-fehma tagħha, ġew ittrattati b’mod differenti jew is-sitwazzjonijiet differenti li, fil-fehma tagħha, ġew ittrattati b’mod identiku f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-kriterji tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

131    Sussegwentement, huwa stabbilit li l-kriterji ta’ kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament, li jwasslu għall-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-kriterju tar-riskju, japplikaw għall-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, bħar-rikorrenti, minbarra dawk li huma eliġibbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni f’daqqa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Delegat 2015/63 u dawk li huma msemmija fl-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament delegat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma ġietx ittrattata b’mod differenti fir-rigward tal-imsemmija kriterji.

132    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas uriet, li l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta mill-fatt li hija ma għandhiex tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-istituzzjonijiet l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterji ta’ kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament imsemmija iktar ’il fuq.

133    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-kritika tar-rikorrenti għandha tinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni li hija ma tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ istituzzjonijiet oħra u li din għandha tiġi ttrattata b’mod differenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li juri li hija tinsab f’tali sitwazzjoni.

134    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq premessi żbaljati. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li l-kriterji stabbiliti mir-Regolament Delegat 2015/63 ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-profil tar-riskju globali intrinsiku tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, diversi mill-erba’ pilastri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari dak dwar l-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew tal-ekonomija, jippermettu tali analiżi globali.

135    Fit-tieni lok, għandhom jiġu miċħuda l-kritiki tar-rikorrenti kontra l-kriterji previsti fl-“Artikoli 6 et seq.” tar-Regolament Delegat 2015/63 minħabba li jieħdu inkunsiderazzjoni l-banek reġjonali ta’ daqs żgħir, li jwassal għal preġudizzju negattiv kontra l-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir minħabba li dawn il-banek reġjonali jżommu ammont sinjifikattiv ta’ depożiti koperti, u dan kuntrarjament għall-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir, bħar-rikorrenti, li l-attivitajiet tagħhom madankollu ma humiex iktar riskjużi.

136    Fil-fatt, minn naħa, mill-punti 51 sa 63 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-esklużjoni tad-depożiti koperti għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante kienet tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 94 u 96 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir li għandhom ammont ta’ obbligazzjonijiet għoli ħafna, bħar-rikorrenti, ma jirrappreżentawx profil tar-riskju ekwivalenti għal dak tal-istituzzjonijiet żgħar u medji jew iktar baxx minn dan tal-aħħar. Konsegwentement, dawn iż-żewġ kategoriji ma jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni li għandu jwettaq is-SRB sabiex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante.

137    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ evalwazzjoni talfatturi tarriskju fiddawl tarrekwiżiti imposti millawtorità ta’ superviżjoni filkuntest talMSU

138    Ir-rikorrenti ssostni li l-metodu tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju jwassal sabiex il-fatturi tar-riskju jiġu evalwati indipendentement minn kull rekwiżit impost mill-awtorità ta’ superviżjoni fil-kuntest tal-MSU. Issa, skont il-kriterji tal-MSU, l-istituzzjonijiet Franċiżi huma l-inqas riskjużi tal-unjoni bankarja, filwaqt li jidhru li huma l-iktar riskjużi skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti mir-Regolament Delegat 2015/63.

139    Is-SRB u l-Kunsill jikkontestaw dan l-argument.

140    Dan l-ilment u t-tieni lment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, li ġie miċħud fil-punti 100 sa 110 iktar ’il fuq, jikkoinċidu fis-sustanza tagħhom.

141    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

3)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq limpossibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod globali kull speċifiċità individwali ta’ kull istituzzjoni

142    Ir-rikorrenti tqis li l-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikoli 6 u 7 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li, fil-kuntest ta’ proċess applikat b’mod uniformi għall-istituzzjonijiet kollha u sabiex l-ammont li jikkorrispondi għal-livell annwali fil-mira jinqasam b’mod ugwali u proporzjonali bejniethom, ma huwiex possibbli li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod globali kull speċifiċità individwali ta’ kull istituzzjoni.

143    Is-SRB u l-Kunsill jikkontestaw dan l-argument.

144    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-formulazzjoni tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti stess tirrikonoxxi li l-metodu kkritikat ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante japplika bl-istess mod għall-istituzzjonijiet kollha.

145    Sussegwentement, jekk il-kritika tar-rikorrenti kellha tinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni li hija ma tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ istituzzjonijiet oħra u li din kellha tiġi ttrattata b’mod differenti, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li juri li hija tinsab f’tali sitwazzjoni.

146    Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti jsostni, fir-realtà, li l-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju ma humiex xierqa. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova ddettaljata lill-Qorti Ġenerali li hija intiża li turi, b’mod konkret, in-natura mhux xierqa ta’ dawn il-kriterji, peress li hija sempliċement tifformula affermazzjonijiet mhux issostanzjati.

147    Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-tielet ilment u, miegħu, ir-raba’ parti tal-ewwel motiv kif ukoll dan il-motiv kollu kemm hu.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

148    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 70(1) u l-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxu modalitajiet ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

149    Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

150    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet previsti (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 165, u tal‑20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 142; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 51).

151    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fid-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni, peress li huwa għandu jintervjeni f’qasam li jinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta’ natura politika u ekonomika u li fih huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 117 u 118).

152    Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ setgħa ddelegata fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha, setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni meta tintalab, b’mod partikolari, twettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Dan japplika, b’mod partikolari, għar-Regolament Delegat 2015/63, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ppreċiżat ir-regoli ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju, skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

154    Fil-fatt, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission second level legislation on risk based contributions to the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC insostenn tal-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskji għall-fond (uniku) ta’ riżoluzzjoni), iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku tal-JRC”), u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the calculation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodu propost għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-mekkaniżmi ta’ finanzjament tar-riżoluzzjonijiet), it-tfassil ta’ tali regoli kien jinvolvi evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn din kellha teżamina l-elementi differenti li fid-dawl tagħhom id-diversi tipi ta’ riskju kienu kkunsidrati fis-settur bankarju u f’dak finanzjarju.

155    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u konformement mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 79, 96 u 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Firearms United Network et vs Il‑Kummissjoni, T‑187/21, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2022:848, punti 122 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk il-miżuri stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-Kummissjoni humiex manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, ta’ jekk dawn imorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan jew ta’ jekk dawn ma jinvolvux inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-imsemmi għan.

156    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti essenzjalment issostni tliet argumenti.

157    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-Artikolu 70(1) u l-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni jiddependi fuq is-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra, mingħajr madankollu ma jiġi osservat l-għan ta’ tqassim ibbilanċjat, skont ir-riskju. B’mod partikolari, minħabba din l-interdipendenza bejn l-istituzzjonijiet, is-settur bankarju Franċiż iġarrab piż sproporzjonat.

158    Fir-rigward, qabelxejn, tan-natura xierqa tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jagħżel, fil-kuntest tas-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li kien ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fl-Istati Membri parteċipanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

159    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda element li jista’ jikkontesta r-raġunijiet li jsostnu din il-konstatazzjoni jew l-affermazzjoni tas-SRB li tali metodu ta’ kalkolu huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi billi jħeġġiġhom, b’mod partikolari, itejbu l-pożizzjoni tagħhom fid-dawl ta’ dik tal-istituzzjonijiet l-oħra.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni jikkostitwixxi miżura manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq.

161    Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-metodu msemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li l-kontribuzzjonijiet ex ante setgħu jiġu kkalkolati permezz ta’ metodu ieħor, li jkun ibbażat biss fuq id-data speċifika għall-istituzzjoni kkonċernata. Madankollu, anki jekk jitqies li tali metodu jwassal għal kontribuzzjoni ex ante inqas għolja u li għalhekk huwa inqas restrittiv għall-istituzzjonijiet, ma huwiex stabbilit li dan jippermetti li jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq b’mod effikaċi daqs il-metodu ta’ kalkolu komparattiv stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u mill-Kummissjoni.

162    Fid-dawl tal-kontenut tal-argumenti tar-rikorrenti, ma huwiex għalhekk stabbilit li l-metodu ta’ kalkolu jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 159 iktar ’il fuq.

163    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni jwassal għal inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, deskritt fil-punt 159 iktar ’il fuq.

164    Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-evalwazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante hija bbażata fuq kriterji li ma humiex konnessi ma’ dawk applikati fil-kuntest tal-MSU. Minħabba din l-assenza ta’ korrelazzjoni, ir-rikorrenti tkun suġġetta għal kontribuzzjoni ex ante li l-ammont tagħha jkun artifiċjalment għoli u sproporzjonat.

165    Fir-rigward, l-ewwel, tan-natura xierqa tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, kif stabbiliti mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 – li għalih jirreferi barra minn hekk il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 – u mill-Artikoli 6 u 7 kif ukoll mill-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, mill-kontenut tagħhom kif ukoll mill-premessa 107 tad-Direttiva 2014/59, mill-premessa 109 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 5 tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li dawn il-kriterji huma intiżi li jiżguraw li l-istituzzjonijiet li għandhom mod ta’ funzjonament iktar riskjuż ikunu obbligati jħallsu kontribuzzjonijiet ex ante ogħla minn dawk li adottaw mod ta’ funzjonament inqas riskjuż.

166    Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li jikkontesta l-fatt li l-imsemmija kriterji huma ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq tali għan. F’dan ir-rigward, hija sempliċement għamlet dikjarazzjoni mhux issostanzjata li l-kriterji użati għall-evalwazzjoni tar-riskju fil-kuntest tal-MSU jkunu iktar xierqa sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw riskju għoli jikkontribwixxu l-iktar lis-SRF. Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 104 sa 111 iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’, peress li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni dwar is-SRM u dawk dwar il-MSU huma differenti.

167    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, li jipprevedu l-kriterji ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, huma manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan imfakkar fl-imsemmi punt.

168    It-tieni nett, fir-rigward tan-natura neċessarja tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tallega li teħid inkunsiderazzjoni possibbli tal-kriterji użati fil-kuntest tal-MSU, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jista’ jwassal għal inqas spejjeż għall-istituzzjonijiet ikkonċernati.

169    Madankollu, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113), il-kriterji previsti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq huma intiżi sabiex iqassmu l-ammont tal-livell annwali fil-mira bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha. Għalhekk, jekk kriterji ta’ sostituzzjoni għal dawk li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, bħall-kriterji użati fil-kuntest tal-MSU, iwasslu għal inqas piżijiet għal ċerti istituzzjonijiet, huma jwasslu, fl-istess ħin, għal iktar spejjeż għal istituzzjonijiet oħra. Minkejja dan, ir-rikorrenti ma spjegatx kif l-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji ta’ sostituzzjoni toħloq inqas spejjeż għall-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha.

170    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali kriterji jwasslu għal kontribuzzjoni ex ante inqas għolja għall-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti ma tispeċifikax kif l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji tippermetti li jintlaħaq l-għan stabbilit fil-punt 165 iktar ’il fuq b’mod daqstant effikaċi bħall-applikazzjoni tal-kriterji li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-imsemmi punt, minkejja l-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 104 sa 111 iktar ’il fuq, l-għanijiet tal-MSU u, b’mod iktar partikolari, tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti ta’ superviżjoni huma differenti minn dawk imsemmija fil-leġiżlazzjoni speċifika għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet.

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx kif il-kriterji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq marru manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fl-istess punt.

172    It-tielet nett, ir-rikorrenti lanqas ma wriet li l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 165 iktar ’il fuq, kien iwassal għal inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq li huwa deskritt fil-punt imsemmi iktar ’il fuq.

173    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa miksur, peress li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa kważi esklużivament iddeterminat mill-kontribuzzjoni annwali bażika. Fil-fehma tagħha, il-parametru prinċipali tal-kontribuzzjonijiet ex ante jibqa’ d-daqs tal-karta tal-bilanċ iktar milli l-multiplikatur tal-aġġustament li, sa fejn ivarja minn 0.8 sa 1.5, ikollu influwenza limitata. Tali mekkaniżmu jimplika li l-istituzzjonijiet ta’ daqs kbir ikollhom il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi tagħhom sopravalutati, anki jekk ikollhom profil tar-riskju baxx fil-kuntest tal-MSU.

174    F’dan ir-rigward, mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-premessa 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, jirriżulta li l-kontribuzzjoni annwali bażika hija proporzjonali għall-ammont tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tat-total tal-obbligazzjonijiet, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, fejn din il-kontribuzzjoni hija għalhekk ibbażata fuq id-daqs tal-istituzzjoni.

175    Fir-rigward tan-natura xierqa tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika, għandu jitfakkar, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq, li l-istituzzjonijiet li għandhom obbligazzjonijiet kbar – u li għalhekk għandhom daqs kbir – huma l-iktar suxxettibbli li għalihom jiġi applikat strument ta’ riżoluzzjoni u li għalhekk jibbenefikaw mill-finanzjamenti tas-SRF.

176    Issa, huwa abbażi tal-kriterju tas-sinjifikat tal-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet – u, għaldaqstant, fuq id-daqs tagħhom – li l-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Kummissjoni riedu jiggarantixxu l-għanijiet imfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, li jikkonsistu, minn naħa, fl-għoti lis-SRM ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-finijiet ta’ applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-istituzzjonijiet jiġu mħeġġa jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi billi jnaqqsu, b’mod partikolari, l-obbligazzjonijiet tagħhom.

177    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma wrietx li, billi bbażaw il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika fuq id-daqs tal-istituzzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Kummissjoni kienu rrakkomandaw miżura manifestament mhux xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt 176 iktar ’il fuq.

178    Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-kriterju relatat mad-daqs, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li, jekk il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kien ibbażat iktar fuq il-multiplikatur tal-aġġustament milli fuq id-daqs tal-istituzzjonijiet, l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ikun inqas għoli, peress li jirrifletti l-profil tar-riskju baxx tal-istituzzjonijiet.

179    Issa, jekk l-argument tar-rikorrenti kellu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar titlob l-applikazzjoni ta’ firxa iktar wiesgħa tal-multiplikatur tal-aġġustament minn dik prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri firxa li tinkludi wkoll valuri ogħla minn 1.5 %, ma huwiex stabbilit li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ tali firxa jkun iwassal għal inqas spejjeż għall-istituzzjonijiet. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, il-multiplikatur tal-aġġustament jista’ jkun stabbilit għal valur ogħla minn 1.5 %, b’tali mod li l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiżdied.

180    Għalhekk ma jistax jiġi allegat li, billi l-metodu ta’ kalkolu tal-imsemmija kontribuzzjonijiet previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ppreċiżat mill-Kummissjoni bbaża l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante iktar fuq id-daqs tal-istituzzjonijiet milli fuq il-multiplikatur tal-aġġustament, dan il-metodu jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 176 iktar ’il fuq.

181    Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrietx li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-istituzzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jwassal għal inkonvenjenzi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu.

182    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

183    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 69(1) u (2)u l-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 4(2), l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-argument insostenn ta’ dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-impossibbiltà għall-istituzzjonijiet li jkunu jafu minn qabel l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti indikaturi tar-riskju u, it-tielet waħda, fuq modalitajiet mhux xierqa ta’ determinazzjoni tar-“rata ta’ żieda tad-depożiti koperti” li jservu sabiex jiġi ddeterminat il-livell annwali fil-mira. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti invokat ukoll ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE.

184    Preliminarjament, għandha tiġi ppreċiżata l-portata ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

185    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk ir-rikorrenti tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-dispożizzjonijiet kollha msemmija fil-punt 183 iktar ’il fuq, l-argument tagħha insostenn ta’ din l-eċċezzjoni jirrigwarda biss il-konformità tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jikkonċerna speċifikament il-legalità, fid-dawl tal-imsemmi prinċipju, tal-Artikolu 69(1) u (2) u tal-Artikolu 70(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014, tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 kif ukoll tal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tirrigwarda, fir-realtà, biss l-Artikoli 6 u 7 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq limpossibbiltà li jkun magħruf minn qabel illivell talkontribuzzjoni ex ante

186    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Artikoli 6 u 7 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li hija ma tistax tkun taf suffiċjentement minn qabel l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante li ser jiġi impost fuqha. Qabelxejn, il-metodu ta’ kalkolu kollu kemm hu ma jkunx trasparenti. Sussegwentement, l-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju jiddependi mill-modalitajiet previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma jkunux trasparenti. Fl-aħħar nett, l-assenjazzjoni tagħha għad-diversi intervalli ssir b’mod unilaterali u mhux trasparenti.

187    Barra minn hekk, l-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa bbażat fuq l-użu ta’ data li ma tkunx saret pubblika. Finalment, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante jiddependi mill-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra, li joħloq interdipendenzi qawwija bejn l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet individwali tad-diversi istituzzjonijiet, peress li jirrendi impossibbli l-kalkolu bil-quddiem ta’ kontribuzzjoni ex ante eżatta.

188    Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

189    Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 319).

190    Madankollu, dawn ir-rekwiżiti la għandhom jinftiehmu bħala li jipprekludu lil istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li hija tadotta, milli tuża kunċett legali astratt u lanqas li jimponu li tali regola astratta issemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom din x’aktarx tiġi applikata, sa fejn l-imsemmija istituzzjoni ma tistax tiddetermina dawn il-każijiet kollha minn qabel (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 39 u 40, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 320).

191    Konsegwentement, dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha, biss jekk hija tippreżenta ambigwità tali li tostakola lill-partijiet fil-kawża milli jqajmu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubji dwar il-portata jew is-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 31, u tat‑22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il‑Kummissjoni, T‑216/05, EU:T:2007:148, punt 108).

192    Bl-istess mod, il-fatt li att tal‑Unjoni jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, minnu nnifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’ċarezza suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, li l-individwu jingħata protezzjoni xierqa mill-arbitrarjetà (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 321 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 191 u 192 iktar ’il fuq, għandu għalhekk jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tippreżentax ambigwità tali li tipprekludi li l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jneħħu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubji dwar il-portata jew is-sens tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, li r-rikorrenti tinvoka l-illegalità tiegħu.

194    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata natura mhux trasparenti tal-metodu ta’ kalkolu fl-intier tiegħu, hija r-rikorrenti li għandha tidentifika n-nuqqas ta’ ċarezza, in-nuqqas ta’ preċiżjoni jew in-nuqqas ta’ prevedibbiltà fid-dispoiżjonijiet legali li hija tikkontesta. Issa, ir-rikorrenti ma identifikathomx, billi llimitat ruħha li tifformula affermazzjonijiet ġenerali u mhux issostanzjati.

195    Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma għandhiex neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, peress li tali rekwiżit jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni u l-Kummissjoni jiġu pprojbiti milli jistabbilixxu metodu ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li jinkludi data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li titnaqqas b’mod eċċessiv is-setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni li għandu jkollhom, għal dan l-għan, il-leġiżlatur u l-Kummissjoni, billi jiġu preklużi, b’mod partikolari, milli jagħżlu metodu li jista’ jiżgura adattament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti fis-SRF (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

196    Għalhekk, huwa suffiċjenti li l-persuni kkonċernati minn deċiżjoni li tistabbilixxi kontribuzzjonijiet ex ante, filwaqt li ma tiġix trażmessa lilhom data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

197    Fost l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-valuri limitu ta’ kull intervall u dawk tal-indikaturi tar-riskju relatati miegħu, li abbażi tagħhom il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet ġiet adattata għall-profil tar-riskju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 167).

198    Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat 2015/63 bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà, għas-SRB, li jiżvela, f’forma kollettiva u anonimizzata, informazzjoni suffiċjenti sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 139).

199    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

200    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet skont il-profil tar-riskju, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement issostni li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 huma “mhux trasparenti minħabba l-iskala tagħhom” u għalhekk issostni, b’mod ġenerali, li l-kunċetti użati f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom nuqqas ta’ ċarezza tali li jwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

201    Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element konkret quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikkontesta l-legalità tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 minħabba l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tagħhom, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom jew in-nuqqas ta’ prevedibbiltà tagħhom.

202    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment ma jistax jintlaqa’.

203    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-metodu msejjaħ “ta’ binning”, deskritt fil-punt 204 iktar ’il quddiem, b’mod partikolari l-assenjazzjoni għad-diversi intervalli, huwa implimentat b’mod unilaterali u mhux trasparenti, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

204    Skont l-Anness I, taħt it-titolu “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa s-SRB li għandu jikkalkola, fl-ewwel lok, in-numru ta’ intervalli sabiex iqabbel l-istituzzjonijiet fid-dawl tad-diversi indikaturi u subindikaturi tar-riskju. Fit-tieni lok, huwa s-SRB li għandu jassenja l-istituzzjonijiet lil kull intervall. Fit-tielet lok, huwa s-SRB li għandu jassenja l-istess punteġġ lill-istituzzjonijiet kollha li jinsabu f’intervall partikolari, imsejjaħ “indikatur diskretizzat”, li huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni għall-bqija tal-kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom.

205    Barra minn hekk, l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jispeċifika, b’mod partikolari, id-diversi passi tal-metodu ta’ binning u jistabbilixxi l-formuli matematiċi li għandhom jiġu applikati mis-SRB.

206    Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li huwa intiż li jidentifika nuqqas ta’ ċarezza, ta’ preċiżjoni jew ta’ prevedibbiltà fir-rigward ta’ dawn id-diversi passi jew ta’ dawn il-formuli.

207    Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 195 sa 197 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tipprevedi li l-istituzzjonijiet jiġu pprovduti b’data li tippermettilhom jivverifikaw, b’mod komplet, l-eżattezza tal-applikazzjoni tal-metodu ta’ binning.

208    Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat 2015/63 bl-ebda mod ma jipprekludi lis-SRB milli jiżvela, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punti 196 u 197 iktar ’il fuq, il-valuri limitu ta’ kull intervall u l-indikaturi relatati miegħu, sabiex jippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiżgura ruħha, b’mod partikolari, li l-klassifikazzjoni li ġiet attribwita lilha waqt id-diskretizzazzjoni tal-indikaturi, kif iddefinita fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat, tikkorrispondi effettivament għas-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li din id-diskretizzazzjoni saret b’mod konformi mal-metodu ddefinit minn dan ir-regolament delegat abbażi ta’ data plawżibbli u li l-fatturi tar-riskju kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-imsemmi regolament delegat tassew ittieħdu inkunsiderazzjoni.

209    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka, insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, il-fatt li l-għodda ta’ kalkolu mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet mis-SRB qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettietx li jiġu mistħarrġa l-analiżijiet imwettqa minn dan tal-aħħar sabiex jiġu assenjati l-istituzzjonijiet fid-diversi intervalli. Fil-fatt, din l-għodda ta’ kalkolu ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni applikabbli, b’mod iktar partikolari mir-Regolament Delegat 2015/63. Konsegwentement, tali kritika tikkonċerna l-legalità tal-atti tas-SRB, u mhux il-legalità ta’ dan ir-regolament delegat.

210    Jekk jitqies li l-imsemmi lment għandu jinftiehem fis-sens li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din tal-aħħar ma tispjegax kif, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tobbligax lis-SRB iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet l-għodda ta’ kalkolu msemmija fil-punt 209 iktar ’il fuq u li l-komunikazzjoni lil dan tal-aħħar tippreċedi l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, id-data allegatament insuffiċjenti fl-imsemmija għodda taffettwa l-validità tal-imsemmija deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 195 u 196 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB ma huwiex obbligat jiżvela d-data koperta mis-sigriet kummerċjali relatata mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra.

211    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tenfasizza li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti aggregati ta’ data kunfidenzjali fid-deċiżjonijiet li jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ sena partikolari tkun insuffiċjenti, peress li elementi oħra mhux kunfidenzjali neċessarji għall-fehim u għall-antiċipazzjoni tal-kalkoli għadhom ma humiex ippubblikati mis-SRB.

212    Issa, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli, imsemmija fil-punt 186 iktar ’il fuq, li hija teċċepixxi l-illegalità tagħhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

213    Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tikkritika l-assenza ta’ pubblikazzjoni, mis-SRB, ta’ ċerti elementi mhux kunfidenzjali neċessarji għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jiddeterminaw dawn il-kontribuzzjonijiet. Konsegwentement, dan l-ilment ma jikkonċernax il-legalità tal-leġiżlazzjoni applikabbli, iżda l-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħha mis-SRB.

214    Anki jekk jitqies li l-imsemmi lment għandu jinftiehem f’dan is-sens li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma tispjegax b’ċarezza suffiċjenti liema elementi konkreti s-SRB kien obbligat jippubblika sabiex jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 195 u 196 iktar ’il fuq, minkejja li huwa ma għamilx dan. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull wieħed miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

215    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-fatt li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ta’ istituzzjoni jiddependi mid-data kunfidenzjali relatata mas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra, li huwa fatt li jżid l-imprevedibbiltà tal-metodu ta’ kalkolu, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma huwa żviluppat bl-ebda mod.

216    Fi kwalunkwe każ, dan l-argument imur kontra t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), li ċertament jirrigwarda l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, iżda jgħodd ukoll fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

217    Fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif irriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, seta’ jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data ta’ istituzzjonijiet oħra koperta mis-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

218    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, ir-rikorrenti ma tkunx tista’ tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li hija ma tistax, minħabba l-fatt li d-data tal-istituzzjonijiet l-oħra ma tkunx miġjuba għall-attenzjoni tagħha, tikkalkola minn qabel il-kontribuzzjoni ex ante li hija responsabbli għall-ħlas tagħha.

219    Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 198 iktar ’il fuq, ir-Regolament Delegat 2015/63 bl-ebda mod ma jostakola l-possibbiltà, għas-SRB, li jiżvela, f’forma kollettiva u anonimizzata, informazzjoni suffiċjenti sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha.

220    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lassenza ta’ prevedibbiltà firrigward talapplikazzjoni ta’ ċerti indikaturi tarriskju

221    Ir-rikorrenti ssostni li ċerti indikaturi tar-riskju ma ġewx applikati sabiex jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, jiġifieri l-“proporzjon ta’ finanzjament nett stabbli”, il-MREL kif ukoll il-“kumplessità” u r-“riżolvibbiltà”. L-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-indikaturi tar-riskju, kif ukoll l-assenza ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom, tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li r-rikorrenti ma tistax tantiċipa l-implimentazzjoni tagħhom.

222    Barra minn hekk, il-fatt li r-Regolament Delegat 2015/63 iħalli, fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tiegħu, il-possibbiltà għas-SRB li ma jżommx ċerti indikaturi ta’ riskju, filwaqt li jippermettilu madankollu li jaġġustata l-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju, huwa sors ta’ inċertezza legali.

223    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dawn l-argumenti.

224    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 189 sa 192 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat, f’dan il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli hijiex tant ambigwa li tipprekludi lill-istituzzjonijiet milli jqajmu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubji dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti indikaturi tar-riskju, bħall-“proporzjon ta’ finanzjament nett stabbli”, il-MREL kif ukoll il-“kumplessità” u r-“riżolvibbiltà”.

225    Il-kundizzjonijiet li fihom is-SRB jista’ jastjeni, b’mod tranżitorju, milli japplika tali indikaturi tar-riskju huma previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 li jipprovdi li “[m]eta l-informazzjoni meħtieġa minn indikatur speċifiku kif imsemmi fl-Anness II [ta’ dan ir-regolament delegat] ma tkunx inkluża fir-rekwiżit tar-rappurtar superviżorju applikabbli msemmi fl-Artikolu 14 [tal-imsemmi regolament delegat] għas-sena ta’ referenza, dak l-indikatur tar-riskju ma japplikax qabel li dak ir-rekwiżit ta’ rappurtar superviżorju jsir applikabbli”.

226    Għaldaqstant, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi żewġ kundizzjonijiet li fihom is-SRB ma japplikax, b’mod tranżitorju, indikatur tar-riskju, jiġifieri, fl-ewwel lok, dak fejn l-informazzjoni meħtieġa taħt tali indikatur ma tagħmilx parti mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prudenzjali msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament delegat u, fit-tieni lok, dak fejn dan l-indikatur jissemma fl-Anness II tal-imsemmi regolament delegat, li huwa intitolat “Dejta li trid tiġi sottomessa lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni” u li fih ħmistax-il kategorija ta’ data. Issa, ir-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas ipprovat, li dawn il-kundizzjonijiet huma tant ambigwi li jipprekludu lill-istituzzjonijiet milli jkunu jistgħu jqajmu, b’ċertezza suffiċjenti, kwalunkwe dubji dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti indikaturi tar-riskju.

227    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li r-Regolament Nru 806/2014 jew ir-Regolament Delegat 2015/63 huma illegali minħabba allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-assenza ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-indikaturi tar-riskju.

228    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilmodalitajiet ta’ determinazzjoni tar“rata ta’ żieda taddepożiti koperti

229    Ir-rikorrenti tqis li l-għan li jintlaħaq livell fil-mira finali – ugwali għal 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti mill-unjoni bankarja – jimplika li, kull sena, is-SRB jevalwa “rata ta’ żieda ta’ dawn id-depożiti koperti”, li hija ddeterminata b’mod mhux trasparenti u li l-iżvilupp tagħha jkun diffiċli li jiġi previst mill-istituzzjonijiet.

230    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

231    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element konkret lill-Qorti Ġenerali li huwa intiż li juri li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 183 iktar ’il fuq huma tant ambigwi li jipprekludu li l-istituzzjonijiet milli jkunu jistgħu jqajmu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubji dwar id-determinazzjoni tal-livell fil-mira finali jew tal-livell annwali fil-mira.

232    Barra minn hekk, permezz ta’ parti mill-argument tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, fir-realtà, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira. Dan l-ilment ma jikkonċernax il-legalità tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 183 iktar ’il fuq u ser jiġi eżaminat fil-punti 271 sa 308 iktar ’il quddiem.

233    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

d)      Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 290 TFUE millkriterji ta’ kalkolu ddefiniti mirRegolament Delegat 2015/63

234    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti qieset ukoll li l-fatt li l-kriterji essenzjali ta’ kalkolu kienu ġew iddefiniti mir-Regolament Delegat 2015/63, u mhux mir-Regolament Nru 806/2014, wassal għal ksur tal-Artikolu 290 TFUE. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, permezz ta’ dan l-argument, hija sostniet li d-Direttiva 2014/59 kienet stabbilixxiet biss il-kategoriji l-kbar ta’ riskju, li hija kienet ġabret f’erba’ pilastri tar-riskju, iżda li hija ma kinitx iddeċidiet dwar il-kriterji stess, li kienu ġew iddefiniti mill-Kummissjoni fir-Regolament Delegat 2015/63.

235    Il-Parlament jikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti tat-tielet motiv u jistaqsi dwar l-ammissibbiltà tagħha, peress li ma kinitx invokata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fir-rikors.

236    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli. Rekwiżiti simili huma imposti meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2021, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑265/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:392, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

237    F’dan il-każ, ir-rikors sempliċement, fil-punt 125 tiegħu, indika li “l-funzjoni strutturata ħafna u determinanti tal-kriterji ta’ kalkolu stabbiliti mir-Regolament Delegat [2015/63] [wasslet] sabiex jitqies li dawn il-kriterji [kienu], mid-definizzjoni tagħhom stess, essenzjali għar-[Regolament Nru 806/2014], li [wassal] għal ksur tal-Artikolu 290 TFUE” u, fil-punt 139 tiegħu, jipprovdi li “l-fatt li l-kriterji essenzjali ta’ kalkolu ġew adottati fil-kuntest tar-[r]egolament delegat u mhux tar-[Regolament Nru 806/2014] [kien] jikser l-Artikolu 290 [(1)] TFUE”.

238    Dawn l-affermazzjonijiet ma ġewx akkumpanjati minn ebda argument fir-rikors. Għalhekk, ir-rikorrenti ma identifikatx, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat 2015/63 li, fil-fehma tagħha, kien jinkludu elementi essenzjali fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, li kellhom jiġu inklużi fid-Direttiva 2014/59. Bl-istess mod, ir-rikorrenti la ppreċiżat liema elementi konkreti tal-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom natura “essenzjali” u lanqas ma pprovdiet argument għal dan l-għan.

239    Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ din il-parti huwa aggravat mill-fatt li din ġiet invokata fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni legali differenti, jiġifieri l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

240    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 290 TFUE ma jirriżultawx, minn tal-inqas fil-qosor, mit-test tar-rikors innifsu. Għaldaqstant, tali lment ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 236 iktar ’il fuq.

241    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti waqt is-seduta ma jistax jitqies bħala amplifikazzjoni tal-ilment imsemmi fil-punti 125 u 139 tar-rikors, peress li tali lment ma ġiex invokat validament.

242    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

4.      Fuq irraba’ u lħames motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn jinkludu eċċezzjoni ta’ illegalità

243    Ir-rikorrenti tqis li kemm l-Artikolu 4(2), l-Artikoli 6 u 7 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet, jiksru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jinkludi l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Skont ir-rikorrenti, l-istituzzjonijiet ma għandhomx aċċess għad-data kollha li hija essenzjali sabiex ikunu jistgħu jifhmu u jivverifikaw id-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-modalitajiet iddettaljati tal-kalkolu tar-“rata ta’ aġġustament tad-depożiti koperti” ma humiex magħrufa mill-istituzzjonijiet, li hija ħaġa li tipprekludihom milli jiżguraw il-validità tal-kalkoli mwettqa f’dan ir-rigward.

244    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

245    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġi, fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu tal-istituzzjoni jew tal-korp kompetenti li jeżaminaw, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 404, u tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 200).

246    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew minn qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunika l-imsemmija raġunijiet, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 55, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43).

247    Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża msemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-partijiet f’kawża għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti jew bl-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom. Fil-fatt, id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jippermettix li deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda minnhom, ma setgħux isiru jafu bihom u li għalhekk ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwarhom (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 55 u 56, u tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Unitrading, C‑437/13, EU:C:2014:2318, punt 21).

248    Madankollu, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, awtorità tal-Unjoni tista’ topponi l-komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-motivi preċiżi u kompleti li jikkostitwixxu l-bażi ta’ deċiżjoni meħuda kontra tagħha, billi tinvoka raġunijiet li jaqgħu taħt il-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. F’tali każ, huwa neċessarju li jiġu implimentati tekniki u dispożizzjonijiet legali li jippermettu li jiġu kkonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi dwar il-protezzjoni ta’ data kunfidenzjali li ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-parti fil-kawża r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ xieraq kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 115 sa 120; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 125).

249    Fid-dawl tan-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante, tali konċiljazzjoni għandha ssir ukoll fil-każ tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, l-imsemmija kontribuzzjonijiet huma intiżi li jiggarantixxu, b’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jinkoraġġixxi l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ funzjonament inqas riskjużi. Għalhekk, il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa bbażat, mhux fuq l-applikazzjoni ta’ rata għal bażi taxxabbli, iżda, b’applikazzjoni tal-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59 kif ukoll tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali li għandu jintlaħaq permezz tas-somma ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet miġbura qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali” u l-“livell fil-mira finali”), imbagħad fuq livell annwali fil-mira li għandu jitqassam bejn l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

250    Peress li l-livell fil-mira finali huwa ddefinit bħala li għandu jkun ta’ mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha u peress li l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni hija kkalkolata prorata skont l-ammont tal-passiv tagħha (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, marbuta mal-passiv aggregat (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tat-total tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, jidher li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

251    Issa, l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa, b’mod partikolari, kkonkretizzat fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 109 u 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

252    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien l-obbligu tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jistabbilixxu s-sistema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante mir-Regolament Delegat 2015/63 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jirrikonċiljaw l-osservanza tas-sigriet kummerċjali mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’tali mod li d-data koperta minn dan is-sigriet ma tkunx tista’ tiġi kkomunikata lill-persuni kkonċernati u li din ma tkunx tista’, b’mod partikolari, tiġi inkluża fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiffissaw l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

253    Din il-karatteristika tas-sistema ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma tipprekludix, madankollu, l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-qorti tal-Unjoni.

254    Fil-fatt, minn naħa, xejn fid-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tagħhom ma jipprekludi li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jiżvela, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu li tiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante, informazzjoni kunfidenzjali miksuba fil-kuntest tal-attività tiegħu f’forma mqassra jew aggregata, b’tali mod li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 136).

255    Min-naħa l-oħra, meta l-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha tkun limitata sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data kunfidenzjali, huwa l-awtur ta’ dik id-deċiżjoni, fil-każ ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni li jikkontesta dik l-informazzjoni, li għandu jiġġustifika ruħu quddiem din tal-aħħar fil-kuntest tal-istruttorja kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 110, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 145).

256    Jekk ikun il-każ, sabiex jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jitolbu lis-SRB jipproduċi data li tista’ tiġġustifika l-kalkoli li l-eżattezza tagħhom hija kkontestata quddiemhom, filwaqt li jiżgura, jekk ikun hemm bżonn, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 146).

257    Barra minn hekk, meta twettaq eżami tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha pprovduti mis-SRB, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati minnu sabiex jopponi l-komunikazzjoni tad-data użata għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 126).

258    Jekk jirriżulta li r-raġunijiet invokati mis-SRB jipprekludu effettivament il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari mal-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 128).

259    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali, konformement mal-Artikolu 4(2), mal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll mal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, u mingħajr ma l-imsemmija data titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuni kkonċernati, ma jimplikax fih innifsu li dawn id-dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

260    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

261    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824), u tat‑23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB (T‑411/17, EU:T:2020:435). Minn naħa, din l-aħħar sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), peress li ġew iċċensurati l-kunsiderazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li fuqhom tibbaża ruħha r-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824), kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma tinkludi l-ebda analiżi li tikkonċerna speċifikament il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

262    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta l-legalità tar-Regolament Delegat 2015/63 minħabba li la r-Regolament Nru 806/2014 u lanqas id-Direttiva 2014/59 ma jimponu metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li abbażi tiegħu jkun l-ewwel iddefinit livell fil-mira, imbagħad titwettaq distribuzzjoni relattiva ta’ dawn l-istess kontribuzzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet.

263    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 254 sa 258 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà għal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża metodu ta’ kalkolu bbażat fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira, imbagħad ta’ livell annwali fil-mira li għandu jinqasam bejn l-istituzzjonijiet kollha, mingħajr madankollu ma jinkisru l-obbligu ta’ motivazzjoni jew il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 136, 145 u 146).

264    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament Delegat 2015/63 seta’ wkoll jistabbilixxi tali metodu.

265    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li l-istituzzjonijiet ma għandhomx aċċess għad-data kollha li hija essenzjali sabiex ikunu jistgħu jifhmu u jivverifikaw id-deċiżjoni kkontestata.

266    F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq bl-ebda mod ma jipprekludu lis-SRB milli jiżvela, sabiex jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punti 245 sa 258 iktar ’il fuq, l-informazzjoni neċessarja sabiex l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari, li jkollhom aċċess għad-data kollha li hija essenzjali sabiex jifhmu u jivverifikaw id-deċiżjoni kkontestata.

267    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-imsemmi lment jirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument insostenn tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali.

268    Għaldaqstant, tali lment ma jistax jintlaqa’.

269    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ data dwar l-iffissar tar-“rata ta’ aġġustament tad-depożiti koperti” li sservi sabiex jiġi ddeterminat il-livell annwali fil-mira, tali argument ma jikkontestax id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt 243 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tagħhom fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iżda l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk din ser tiġi eżaminata fil-punti 309 sa 314 iktar ’il quddiem.

270    Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames motiv għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn tqajmu insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 4(2), tal-Artikoli 6 u 7 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63.

C.      Fuq ilmotivi li jirrigwardaw illegalità taddeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell annwali filmira

271    Kif indikat fil-punt 232 iktar ’il fuq, permezz tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, b’mod partikolari, fir-realtà, in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira.

272    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

273    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 272 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

274    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

275    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell annwali fil-mira, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

276    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell annwali fil-mira, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u konformement mal-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

277    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell annwali fil-mira għal EUR 11 287 677 212.56.

278    Fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell annwali fil-mira kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, abbażi ta’ kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll abbażi ta’ analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u dwar l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiġi ffissat koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jinkiseb il-livell annwali fil-mira.

279    Is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

280    Fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kostanti ta’ żieda tad-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall‑2020 kien jammonta għal EUR 6.689 triljun.

281    Fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni pronjostikata tad-depożiti koperti għat-tliet snin li kien jifdal tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa qies li r-rati ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti sal-aħħar tal-perjodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

282    Fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex jagħmel dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u bħall-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dan ir-rigward jew bħall-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross.

283    Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, li kieku kien raġonevoli li wieħed jistenna li jkompli t-tkabbir tad-depożiti koperti fi ħdan l-unjoni bankarja, ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir ikun inqas minn dak tal‑2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

284    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement hija kkalkolat l-ammont tal-livell annwali fil-mira, billi mmultiplikat l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u billi għamlet diviżjoni tar-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell annwali fil-mira] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

285    Madankollu, waqt is-seduta, is-SRB indika li kien iddetermina l-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ġej.

286    L-ewwel nett, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, pronjostikata sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6.689 triljun, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ 4 % kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

287    It-tieni nett, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn is‑EUR 7.5 triljun sabiex jinkiseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fi tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

288    It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-aħħar ammont ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex jikseb l-ammont li kien għad irid jinġabar matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont ammonta għal madwar EUR 33 biljun.

289    Ir-raba’ nett, is-SRB għamel diviżjoni ta’ dan l-aħħar ammont bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal. Il-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie għalhekk iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 277 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

290    Is-SRB afferma wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien għamel pubbliċi l-elementi ta’ informazzjoni li fuqhom kien ibbażat il-metodu deskritt fil-punti 286 sa 289 iktar ’il fuq u li kienu jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell annwali fil-mira. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li huwa kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, skeda deskrittiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda deskrittiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien disponibbli wkoll fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll permezz ta’ sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

291    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, għandu qabelxejn jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan b’mod partikolari meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

292    Għal dan l-għan, il-partijiet instemgħu, matul il-fażi orali tal-proċedura, dwar in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni possibbli li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira. B’mod partikolari, mistoqsi espressament f’dan ir-rigward, is-SRB ikkonferma l-metodu li huwa kien realment segwa sabiex jiddetermina l-livell annwali fil-mira għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif espost fil-punti 286 sa 289 iktar ’il fuq.

293    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari ħafna, sa fejn din tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk għandhiex l-intenzjoni li tippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

294    Tali motivazzjoni tista’ tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

295    Barra minn hekk, din il-motivazzjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-motivi reali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

296    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar il-motivi tagħha matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

297    Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 293 u 294 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkoerenza tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu l-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata, qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika l-motivi li servew bħala bażi legali vera għal dik id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

298    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

299    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

300    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u dwar il-metodu realment applikat.

301    Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

302    Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 48, formula matematika li ġiet ippreżentata bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 286 sa 289 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell annwali fil-mira, bl-użu ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali, u billi għamel diviżjoni ta’ dan l-aħħar ammont bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ passi tal-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fl-imsemmija formula matematika.

303    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, l-iskeda deskrittiva, li tinkludi firxa li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali, u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ operazzjonijiet imsemmija fil-punt 302 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas biss kienet issemmihom.

304    Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol kruċjali fil-formula matematika msemmija fil-punt 300 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq it-tkabbir pronjostikat tad-depożiti koperti matul is-snin li jifdal tal-perijodu inizjali. Issa, dan huwa inkoerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB waqt is-seduta, li minnhom jirriżulta li dan il-koeffiċjent kien ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell annwali fil-mira, jiġifieri wara li s-SRB ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ passi esposti fil-punti 286 sa 289 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, permezz tad-diviżjoni bi tlieta tal-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

305    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien jinsab f’firxa ta’ bejn EUR 70 u 75 biljun. Madankollu, din il-firxa tidher li hija inkoerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa – u li għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom madankollu tkun wasslet għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għalfejn is-SRB inkluda ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira. Fil-fatt, sabiex dan jirnexxi, kien neċessarju li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li madankollu ma hijiex inkluża fil-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

306    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

307    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira.

308    Għalhekk, it-tielet parti tat-tielet motiv, sa fejn hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, għandha tintlaqa’. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, huwa madankollu fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors.

2.      Fuq ilkumplament tarraba’ u talħames motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva misSRB fiddeċiżjoni kkontestata

309    Kif jirriżulta mill-punt 269 iktar ’il fuq, permezz tar-raba’ u tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva mid-deċiżjoni kkontestata stess.

310    L-argument tar-rikorrenti jirrigwarda b’mod iktar preċiż l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ data dwar l-iffissar tar-“rata ta’ aġġustament tad-depożiti koperti” li sservi sabiex jiġi ddeterminat il-livell annwali fil-mira, jiġifieri l-koeffiċjent.

311    Kif jirriżulta mill-eżami li jinsab fil-punti 271 sa 308 iktar ’il fuq, is-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li kien jirrigwarda l-iffissar tal-livell annwali fil-mira.

312    Barra minn hekk, mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta u mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 246 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ korp tal-Unjoni tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-effettività tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

313    Minn dan isegwi li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

314    Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames motiv għandhom jintlaqgħu sa fejn jirrigwardaw il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

3.      Fuq isseba’ u ttmien motiv, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi li jirriżultaw millimitazzjonijiet imposti fuq lużu talIPI

315    Permezz tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB wettaq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta evalwa l-livell ta’ użu tal-IPI u l-garanziji li għandhom jiġu aċċettati bħala korrispettiv.

316    Permezz tat-tmien motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59 meta stabbilixxa l-livell tal-użu tal-IPI u l-garanziji li għandhom jiġu aċċettati bħala korrispettiv.

317    Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

318    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-kontribuzzjonijiet ex ante jistgħu jitħallsu jew permezz ta’ ħlas immedjat fi flus, jew permezz ta’ IPI, konformement mal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-każ tal-użu ta’ IPI, l-istituzzjoni għandha tikkonkludi ftehim mas-SRB li permezz tiegħu hija timpenja ruħha li tħallas is-somma korrispondenti, bħala parti mill-kontribuzzjoni ex ante, mal-ewwel talba.

319    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB illimita l-użu tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u l-garanziji ppreżentati taħt l-IPI għal flus biss.

320    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira finali jistgħu jinkludu IPI kompletament iggarantiti minn assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ terzi, irriżervati għall-użu esklużiv tas-SRB, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-parti tal-IPI ma tistax taqbeż 30 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante kull sena. Tali possibbiltà hija prevista wkoll fl-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59.

321    Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa s-SRB li għandu jispeċifika, fid-deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għal perijodu ta’ kontribuzzjoni partikolari, il-parti tal-IPI li kull istituzzjoni tista’ tuża, filwaqt li s-SRB jaċċetta l-garanziji biss jekk it-tip tagħhom u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom jippermettu r-rilaxx rapidu tagħhom, inkluż fil-każ fejn ser tittieħed deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni fi tmiem il-ġimgħa.

322    Meta s-SRB jiddefinixxi l-parti ta’ dawn l-IPI, huwa għandu jiżgura, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li l-użu ta’ IPI ma jikkomprometti bl-ebda mod il-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SRF.

323    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jindika li, matul il-perijodu inizjali, f’kundizzjonijiet normali, is-SRB jawtorizza l-użu ta’ IPI fuq talba ta’ istituzzjoni u jiżgura tqassim ġust bejn l-istituzzjonijiet li jitolbuh. Din id-dispożizzjoni tippreċiża wkoll li l-ammont tal-IPI allokati ma jistax ikun inqas minn 15 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tal-istituzzjoni kkonċernata u li, meta jikkalkola l-kontribuzzjonijiet annwali ta’ kull istituzzjoni, is-SRB għandu jiżgura li, għal kull sena partikolari, is-somma tal-imsemmija IPI ma taqbiżx 30 % tal-ammont totali ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

324    Mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta, minn naħa, li r-rata speċifika tal-IPI mogħtija lil istituzzjoni li tagħmel it-talba għall-użu tagħhom tammonta, tal-inqas, għal 15 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tagħha u, min-naħa l-oħra, li s-somma tal-IPI awtorizzati kollha ma għandhiex taqbeż il-limitu massimu ta’ 30 % tat-total tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu kollu ta’ kontribuzzjoni partikolari. Dan il-limitu massimu tal-aħħar stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa intiż, kif jikkonferma l-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li ma jipperikolax il-likwidità u l-kapaċità operattiva tas-SRF.

325    Għalhekk, huwa s-SRB li għandu jistabbilixxi l-parti preċiża tal-IPI mogħtija lil istituzzjoni li tagħmel talba għall-użu tagħhom, peress li din il-parti ma tistax tkun inqas minn 15 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tagħha, filwaqt li għandu jiżgura li ma jinqabiżx il-limitu massimu msemmi fil-punt 324 iktar ’il fuq fir-rigward tas-somma tal-IPI awtorizzati kollha. Barra minn hekk, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludux preċiżazzjonijiet fir-rigward tan-natura tal-garanziji li għandhom jiġu aċċettati, xorta jibqa’ l-fatt li s-SRB jista’ jaċċetta IPI biss jekk dawn ikunu ggarantiti minn assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ terzi u jekk il-kundizzjonijiet marbuta magħhom jippermettu r-rilaxx rapidu tagħhom.

326    Għalhekk, d-determinazzjoni tal-parti preċiża tal-IPI mogħtija lil istituzzjoni li tagħmel talba għall-użu tagħhom u tan-natura tal-garanziji aċċettabbli tinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u teknika, b’tali mod li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lis-SRB huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter, jew jekk is-SRB eċċediex manifestament il-limiti ta’ din is-setgħa.

327    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

328    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-limitazzjoni tal-użu tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ir-rikorrenti tqis li tali limitazzjoni tmur kontra l-ispirtu, il-kuntest u l-għanijiet tal-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li s-SRB ma ppruvax joffri b’mod sħiħ lill-istituzzjonijiet il-possibbiltà li jużaw IPI lil hinn minn dan il-limitu ta’ 15 %.

329    F’dan ir-rigward, kif diġà ġie indikat fil-punt 320 iktar ’il fuq, l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li l-parti tal-IPI ma tistax taqbeż il-limitu ta’ 30 % tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante kollha mħallsa kull sena. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix li s-SRB għandu jiffissa l-parti tal-IPI għal 30 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tal-istituzzjoni li tagħmel talba għall-użu tagħhom.

330    Barra minn hekk, id-determinazzjoni, mis-SRB, tal-parti tal-IPI mogħtija lill-istituzzjonijiet li jitolbu l-użu tagħhom għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni konkreta tas-sitwazzjoni tal-imsemmija istituzzjonijiet u ta’ dik tas-SRF, peress li s-SRB għandu wkoll jiżgura li l-użu tal-IPI ma jikkomprometti bl-ebda mod il-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SRF, konformement mal-premessa 16 u mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

331    Issa, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeċieda li ma jistabbilixxix il-parti tal-IPI f’livell ogħla minn 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante abbażi ta’ eżami konkret taċ-ċirkustanzi kollha li huwa qies rilevanti, b’mod partikolari dawk marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, kif ukoll il-konsegwenzi fit-tul li jkollha sejħa għal ammont ogħla tal-IPI fuq is-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet.

332    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-limitazzjoni tal-użu tal-IPI għal 15 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tal-istituzzjoni li tagħmel talba għal dan tmur kontra l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014.

333    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tar-rekwiżit impost mis-SRB li l-garanziji tal-IPI għandhom ikunu kkostitwiti fi flus, li la l-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59 u lanqas l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jħallu għad-diskrezzjoni tas-SRB l-għażla li jiddefinixxu t-tip ta’ garanzija li l-istituzzjonijiet jistgħu jipprovdu. Għalhekk, is-SRB imur lil hinn mid-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-kompetenzi tiegħu billi jimponi, bħala prinċipju u b’mod kważi regolatorju, tali tip ta’ garanzija.

334    F’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punt 326 iktar ’il fuq, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 320 sa 323 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB għandu setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-modalitajiet għall-użu tal-IPI u tan-natura tal-garanziji li għandhom jiġu aċċettati bħala korrispettiv għal dawn tal-aħħar.

335    Huwa minnu li din is-setgħa hija rregolata mir-rekwiżit li dawn il-garanziji għandhom ikunu assi b’riskju baxx mhux ostakolati b’xi drittijiet ta’ terzi, irriżervati għall-użu esklużiv tas-SRB, li bl-ebda mod ma jikkomprometti l-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SRF.

336    Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova quddiem il-Qorti Ġenerali li tista’ turi liema tipi oħra ta’ assi jippreżentaw garanziji komparabbli għall-flus fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

337    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-SRB kiser l-Artikolu 103(3) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 70(3) tar-Regolament Nru 806/2014 meta ddefinixxa t-tip ta’ garanzija li l-istituzzjonijiet kellhom jipprovdu fir-rigward tal-IPI.

338    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li s-SRB iġġustifika dan ir-rekwiżit billi rrefera, fil-premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-IPI diġà kkuntrattati matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni, peress li tali fatt ma għandu l-ebda effett fuq l-allegat żball ta’ liġi.

339    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-limitazzjoni tal-użu tal-IPI ma huwiex trasparenti, peress li s-SRB irrifjuta t-talba ta’ ċerti istituzzjonijiet sabiex tiġi kkomunikata lilhom jew sabiex tiġi ppubblikata d-deċiżjoni tiegħu SRB/ES/2020/71 tas‑16 ta’ Diċembru 2020 li tistabbilixxi l-politika għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 dwar l-IPI (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika IPI”).

340    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tispjegax b’mod suffiċjenti l-effett ta’ dan il-fatt fuq l-eżami tal-iżball ta’ liġi invokat fil-kuntest ta’ dawn il-motivi.

341    Barra minn hekk, sa fejn dan l-ilment għandu jinftiehem fis-sens li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment u s-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-IPI, jikkoinċidu. Madankollu, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rtirat dan il-motiv, billi tat x’tifhem li hija ma kinitx għadha tikkontesta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li kien jirrigwarda l-użu tal-IPI.

342    Fi kwalunkwe każ, is-SRB ipproduċa, bi tweġiba għal miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Novembru 2022, id-deċiżjonijiet intermedji li kienu rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021. Dawn id-deċiżjonijiet, li sussegwentement ġew innotifikati lir-rikorrenti fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, jinkludu, inter alia, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika IPI. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata stess tipprovdi, fil-premessi 145 sa 155 tagħha, motivazzjoni dwar l-IPI.

343    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma identifikat l-ebda element li jinsab fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika IPI li ma ġiex riprodott fid-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

344    Konsegwentement, xejn ma jindika li l-assenza ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika IPI kellha xi effett fuq il-portata tal-informazzjoni li kellha r-rikorrenti sabiex tkun tista’ tivverifika l-legalità tal-użu tal-IPI.

345    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-riskji ta’ likwidità u ta’ proċikliċità li jirriżultaw mill-użu tal-IPI lil hinn minn 15 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Fil-fatt, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tas-SRB, l-użu tal-IPI kien previst sabiex jittaffew l-effetti proċikliċi li l-kontribuzzjonijiet ex ante setgħu jikkawżaw minħabba l-ammont tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-kuntest makroekonomiku tal‑2020, l-użu ikbar tal-IPI kien jippermetti li tiġi kkontrobilanċjata ż-żieda ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet minħabba ż-żieda tad-depożiti tal-istituzzjonijiet.

346    F’dan ir-rigward, huwa minnu li, għalkemm is-SRB jistabbilixxi l-parti tal-IPI ta’ kull istituzzjoni li titlob l-użu tagħhom f’livell ogħla minn 15 % tat-total tal-obbligi ta’ ħlas tagħha, dan il-livell jista’ jkollu tnaqqis għal żmien qasir għall-istituzzjonijiet inkwistjoni, kif issostni r-rikorrenti, peress li dan inaqqas il-parti tal-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom li għandhom jitħallsu immedjatament fi flus.

347    Madankollu, kif jirrileva essenzjalment is-SRB, mingħajr ma jiġi kontradett fuq dan il-punt, livell ogħla minn 15 % jirriskja li jkollu effetti proċikliċi fit-tul fuq il-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet. Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jipprevedi li, meta miżura ta’ riżoluzzjoni tinvolvi lis-SRF konformement mal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 806/2014, l-IPI kollha jew parti minnhom jintlabu mis-SRB sabiex is-somom korrispondenti jitħallsu lis-SRF. Minn dan jirriżulta li, f’tali sitwazzjoni, l-istituzzjonijiet li jużaw l-IPI għandhom jimmobilizzaw lil dawn tal-aħħar u jħallsu s-somom korrispondenti, li jwassal għal riskju ta’ telf kbir għalihom, li jkun riskju iktar sinjifikattiv jekk il-parti tal-IPI tkun ġiet stabbilita f’livell għoli.

348    Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata f’ċirkustanzi partikolari, li kienu kkaratterizzati mill-inċertezza ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. F’dan il-kuntest, l-effetti pprovokati minn kwalunkwe talba għall-IPI fuq il-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet setgħu jiġu aggravati iktar, kif jirrileva essenzjalment is-SRB fil-premessi 150, 152 u 153 tad-deċiżjoni kkontestata.

349    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB seta’ jqis li livell ogħla ta’ IPI seta’ jkollu effetti proċikliċi fit-tul għall-istituzzjonijiet billi jżid it-telf tagħhom wara l-ħlas tas-somom korrispondenti lill-IPI fil-kuntest ta’ kwalunkwe miżura ta’ riżoluzzjoni.

350    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li s-SRB kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter jew li kien eċċeda manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu meta ffissa l-parti tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

351    Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenzi msemmija mir-rikorrenti, jiġifieri s-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2020, Société générale vs BĊE (T‑143/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:389), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Crédit agricole et vs BĊE (T‑144/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:390), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Confédération nationale du Crédit mutuel et vs BĊE (T‑145/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:391), tad‑9 ta’ Settembru 2020, BPCE et vs BĊE (T‑146/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:392), tad‑9 ta’ Settembru 2020, Arkéa Direct Bank et vs BĊE (T‑149/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:393), u tad‑9 ta’ Settembru 2020, BNP Paribas vs BĊE (T‑150/18 u T‑345/18, EU:T:2020:394). Dawn is-sentenzi jikkonċernaw deċiżjonijiet tal-BĊE li permezz tagħhom dan tal-aħħar impona li l-ammonti akkumulati tal-IPI sottoskritti lejn is-SRF jew is-SGD jitnaqqsu mill-fondi proprji. F’dawn is-sentenzi, il-qorti tal-Unjoni ma ddeċidiet la dwar id-determinazzjoni mis-SRB tal-livell ta’ użu tal-IPI u lanqas dwar il-garanziji li għandhom jiġu aċċettati bħala korrispettiv.

352    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma spjegax kif kien jeżisti riskju ta’ likwidità fil-każ ta’ garanziji esklużivament ikkostitwiti fi flus u ddenominati f’euro. F’dan ir-rigward, il-mudell ta’ ftehim dwar l-IPI jipprevedi mekkaniżmu li jiżgura l-likwidità tajba tas-SRF, peress li jistipula, minn naħa, il-possibbiltà għas-SRB li jaqbad, fi żmien qasir, flus li jikkorrispondi għall-IPI pprovduti bħala garanzija u, min-naħa l-oħra, il-proprjetà sħiħa tas-SRB ta’ dan il-flus kif ukoll il-possibbiltà għal dan tal-aħħar li jiddisponi minnhom liberament fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-istituzzjoni kkonċernata.

353    Sa fejn dan l-ilment għandu jinftiehem ukoll fis-sens li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti tikkontesta n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-riskju ta’ likwidità fil-każ ta’ garanziji esklużivament ikkostitwiti fi flus u ddenominati f’euro, għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment u s-sitt motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-IPI, jikkoinċidu. Issa, kif ġie indikat fil-punt 341 iktar ’il fuq, waqt is-seduta, ir-rikorrenti rtirat dan il-motiv.

354    Barra minn hekk, għalkemm l-argument tar-rikorrenti dwar dan l-ilment kellu jinftiehem fis-sens li din tal-aħħar issostni li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimita l-parti tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante, filwaqt li tali garanziji huma kkostitwiti esklużivament fi flus u għalhekk ma jippreżentawx riskju ta’ likwidità fir-rigward tal-mudell ta’ ftehim dwar l-IPI, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

355    Minn naħa, minkejja li huwa stabbilit li l-garanziji dwar l-IPI kkostitwiti esklużivament fi flus huma assi b’riskju baxx minħabba l-possibbiltà li dawn jiġu llikwidati fi żmien qasir, dan il-fatt ma jikkontestax il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 347 sa 349 iktar ’il fuq, li jgħidu li s-SRB seta’ jqis, fiċ-ċirkustanzi partikolari li jimmarkaw il-perijodu kkonċernat u mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li rata ta’ IPI ogħla minn 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollha effetti proċikliċi fit-tul għall-istituzzjonijiet.

356    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq il-mudell ta’ ftehim dwar l-IPI sabiex issostni li s-SRB kellu jawtorizza parti tal-IPI ogħla minn 15 % minħabba li dan il-mudell jistipula li s-SRB għandu l-proprjetà sħiħa tal-flus ittrasferiti, b’tali mod li dan il-flus jikkostitwixxi assi b’riskju baxx.

357    Huwa minnu li l-mudell ta’ ftehim dwar l-IPI jipprevedi, fl-Artikolu 3.1 tiegħu, li, sabiex jiġi żgurat il-ħlas sħiħ u fil-ħin tal-obbligi ggarantiti, l-istituzzjoni għandha tikkostitwixxi garanzija fi flus favur is-SRB u tittrasferilu l-proprjetà sħiħa ta’ ammont fi flus li huwa ugwali għall-ammont tal-IPI u, fl-Artikolu 3.5 tiegħu, li s-SRB għandu l-proprjetà sħiħa tal-flus ittrasferiti u li huwa għandu d-dritt li jużah liberament, bla ħsara għall-obbligu li jħallas lura l-ammont korrispondenti tal-garanzija fi flus fil-każ ta’ ħlas tal-obbligi ggarantiti fid-data tal-iskadenza tagħhom.

358    Madankollu, l-Artikoli 2, 5 u 6 tal-mudell ta’ ftehim dwar il-IPI jistabbilixxu proċedura li permezz tagħha s-SRB jitlob il-ħlas tal-IPI kif ukoll il-konsegwenzi għall-istituzzjoni kkonċernata.

359    Fl-Artikoli 2.1 u 2.2 tal-mudell ta’ ftehim dwar il-IPI, huwa previst li s-SRB jibgħat avviż lill-istituzzjoni li jitlob il-ħlas tal-IPI. L-Artikolu 5 tal-istess mudell ta’ ftehim jistipula li, malli jirċievi l-ħlas mitlub, is-SRB għandu jħallas lura ammont ta’ garanzija fi flus li huwa ugwali għall-ammont tal-ħlas mitlub u mħallas. L-Artikolu 6 tal-mudell ta’ ftehim dwar il-IPI jistipula, inter alia, li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas fuq l-ewwel talba mill-istituzzjoni, is-SRB għandu d-dritt li jikkonfiska l-garanzija fi flus sabiex jakkwista l-obbligi ggarantiti u jista’ b’mod partikolari, għal dan l-għan, iwettaq kumpens bejn l-ammont tal-obbligi ggarantiti mħallsa u l-obbligu tiegħu ta’ rimbors tal-garanzija fi flus.

360    Mill-analiżi tal-istipulazzjonijiet tal-mudell ta’ ftehim dwar il-IPI jirriżulta li, minkejja li s-SRB għandu l-proprjetà sħiħa tal-flus li jiggarantixxi l-IPI, huwa jista’ jimmobilizzah, favur is-SRF, biss billi jsegwi proċedura partikolari.

361    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB seta’ jqis, konformement mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li tali IPI ma kinux jipprovdu l-istess livell ta’ garanzija fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja u tal-likwidità tas-SRF bħal ħlas immedjat fi flus.

362    Fis-sitt lok, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma invokax il-possibbiltà li jintużaw tipi oħra ta’ assi minbarra l-flus li xorta waħda jistgħu jitqiesu li għandhom riskju baxx u ma humiex ostakolati b’xi drittijiet ta’ terzi, hija ma speċifikatx liema tipi oħra ta’ assi jkunu jipprovdu garanziji komparabbli għall-flus billi ma jikkompromettux il-kapaċità finanzjarja jew il-likwidità tas-SRF, b’tali mod li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

363    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li s-SRB kien wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew żball ta’ liġi meta kien illimita l-użu tal-IPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u l-garanziji ppreżentati taħt l-IPI għal flus biss.

364    Konsegwentement, is-seba’ u t-tmien motiv għandhom jiġu miċħuda.

D.      Konklużjoni

365    Fid-dawl tal-fondatezza tat-tielet parti tat-tielet motiv u tar-raba’ u tal-ħames motiv sa fejn dawn huma diretti direttament kontra d-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

E.      Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

366    Is-SRB jitlob lill-Qorti Ġenerali żżomm, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha sas-sostituzzjoni tagħha jew, minn tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva.

367    Matul is-seduta r-rikorrenti rrilevat li annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata minħabba illegalità fil-mertu kellu jwassal lis-SRB iħallasha lura l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Barra minn hekk, tali annullament ma jkollu l-ebda impatt la fuq il-funzjonament tas-SRB u lanqas fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, peress li s-SRF huwa avvanzat ħafna fil-kostituzzjoni tiegħu.

368    Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

369    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu fis-seħħ, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jkunu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-iskop jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba motivi ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

370    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, f’din il-proċedura, żball li jaffettwa l-legalità sostantiva ta’ din id-deċiżjoni.

371    Barra minn hekk, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177), għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid jista’ jippreġudika l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-unjoni bankarja, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà taż-żona tal-euro.

372    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu fis-seħħ, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, u dan sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

 Fuq lispejjeż

373    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

374    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall2021 lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil La Banque postale.

2)      L-effetti tad-deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil La Banque postale, għandhom jinżammu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn La Banque postale.

4)      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Reġistratur

 

Il-President

T. Henze


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. Iddeċiżjoni kkontestata

III. Ittalbiet talpartijiet

IV. Iddritt

A. Fuq leċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà

B. Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità tarRegolament Nru 806/2014, tarRegolament Delegat 2015/63, u tarRegolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81

1. Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

a) Fuq lewwel u ttieni parti, ibbażati fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddifferenzi fissitwazzjoni bejn listituzzjonijiet talunjoni bankarja u tannatura inġustifikata talesklużjoni taddepożiti koperti millbażi ta’ kalkolu talkontribuzzjoni annwali bażika

1) Fuq lewwel ilment talewwel parti, ibbażat fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni taddifferenzi fissitwazzjoni bejn issetturi bankarji talIstati Membri parteċipanti, u fuq ittieni parti, dwar innatura inġustifikata talesklużjoni taddepożiti koperti millbażi ta’ kalkolu talkontribuzzjoni annwali bażika

2) Fuq ittieni lment talewwel parti, ibbażat fuq linkoerenza marbuta malassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni talkriterji ta’ evalwazzjoni użati filkuntest talMSU

b) Fuq ittielet parti, ibbażata fuq innatura inġustifikata talassenza ta’ tnaqqis talimpenji eliġibbli li jissodisfaw irrekwiżiti prudenzjali skont ilMREL

c) Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq ilfatt li lkontribuzzjonijiet ex ante ma humiex rappreżentattivi tarriskju realment sostnut minħabba lkriterji ta’ kalkolu talmultiplikatur talaġġustament

1) Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lassenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni talprofil ta’ riskju globali intrinsiku ta’ kull istituzzjoni

2) Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ evalwazzjoni talfatturi tarriskju fiddawl tarrekwiżiti imposti millawtorità ta’ superviżjoni filkuntest talMSU

3) Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq limpossibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod globali kull speċifiċità individwali ta’ kull istituzzjoni

2. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

3. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

a) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq limpossibbiltà li jkun magħruf minn qabel illivell talkontribuzzjoni ex ante

b) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lassenza ta’ prevedibbiltà firrigward talapplikazzjoni ta’ ċerti indikaturi tarriskju

c) Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilmodalitajiet ta’ determinazzjoni tar“rata ta’ żieda taddepożiti koperti”

d) Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 290 TFUE millkriterji ta’ kalkolu ddefiniti mirRegolament Delegat 2015/63

4. Fuq irraba’ u lħames motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, sa fejn jinkludu eċċezzjoni ta’ illegalità

C. Fuq ilmotivi li jirrigwardaw illegalità taddeċiżjoni kkontestata

1. Fuq ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell annwali filmira

2. Fuq ilkumplament tarraba’ u talħames motiv, ibbażati fuq ilksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva misSRB fiddeċiżjoni kkontestata

3. Fuq isseba’ u ttmien motiv, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi li jirriżultaw millimitazzjonijiet imposti fuq lużu talIPI

D. Konklużjoni

E. Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

Fuq l ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.