Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2013 – Navarra de Servicios y Tecnologías vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-487/13)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Navarra de Servicios y Tecnologías SA (Pamplona, Spanja) (rappreżentant: A. Andérez González, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-kumpannija rikorrenti u tikkundanna b’mod espliċitu lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE.
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni:
l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat, sa fejn f’dan il-każ la hemm intervent tal-Istat permezz ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, la vantaġġ mogħti lil entitajiet li jeżerċitaw attività ekonomika u lanqas ma hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni jew theddida għall-iskambji kummerċjali bejn l-Istati Membri.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, kif ukoll tal-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997.
F’dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni:
in-natura legali tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li fir-rigward tal-konfigurazzjoni, tal-organizzazzjoni u tal-iffinanzjar tagħhom l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra wiesa’;
l-assenza ta’ pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli miksuba mill-kumpannija rikorrenti, u
l-osservanza tal-kriterji tas-sentenza Altmark f’dan il-każ, sa fejn teżisti definizzjoni ċara u delegazzjoni espliċita ta’ funzjonijiet ta’ servizz pubbliku u sa fejn twettqet evalwazzjoni ekonomika ddettaljata u oġġettiva, li ma taqbiżx l-ispejjeż inkorsi għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, sa fejn f’dan il-każ jeżisti għan ta’ interess komuni u l-miżura kkontestata, intiża sabiex dan l-għan jintlaħaq, hija xierqa u proporzjonali u ma tikkawżax distorsjonijiet inutli fis-suq.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter bejn is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u l-għan aħħari mfittex permezz tagħha, kif ukoll sproporzjonalità manifesta bejn l-għan teoriku mfittex mid-deċiżjoni u l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha, li jmorru kontra l-interess ġenerali u jiffavorixxu l-interessi kummerċjali u ekonomiċi ta’ operatur jew ta’ diversi operaturi speċifiċi.