Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2011 - Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-290/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Bahn AG (Berlin, il-Ġermanja), DB Mobility Logistics AG (DB ML AG) (Berlin, il-Ġermanja), DB Netz AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), Deutsche Umschlaggesellschaft Schiene-Straße mbH (DUSS) (Bodenheim, il-Ġermanja), DB Schenker Rail GmbH (Mainz, il-Ġermanja), DB Schenker Rail Deutschland AG (Mainz, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Deselaers, J. S. Brückner u O. Mross, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta' spezzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Marzu 2011 innotifikata fil-31 ta' Marzu 2011;

tannulla kull miżura meħuda abbażi tal-ispezzjonijiet li saru fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni illegali;

tikkundanna b'mod partikolari lill-Kummissjoni sabiex tagħti lura l-kopji kollha ta' dokumenti magħmula fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, taħt piena ta' annullament tad-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011)2365, tat-30 ta' Marzu 2011 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731), li tordna, taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1, spezzjonijiet tad-Deutsche Bahn AG kif ukoll tal-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar minħabba mudell potenzjalment antikompetittiv ta' użu strateġiku tal-infrastruttura amministrata mill-kumpanniji tal-grupp DB u tal-provvista ta' servizzi fil-qasam ferrovjarju.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv: ksur tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-dar minħabba n-nuqqas ta' talba għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja a priori.

It-tieni motiv: ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju legali effettiv minħabba n-nuqqas ta' possibbiltà ta' stħarriġ ġudizzjarju a priori tad-deċiżjoni ta' spezzjoni, kemm mill-perspettiva ta' fatt kif ukoll mill-perspettiva ġuridika.

It-tielet motiv: illegalità tad-deċiżjoni ta' spezzjoni, peress li din hija bbażata fuq informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni, fl-implementazzjoni tad-deċiżjoni ta' spezzjoni fir-rigward tas-sistema ta' tnaqqis fil-qasam tal-enerġija elettrika li tmexxi ferrovija, fl-ambitu ta' riċerka wiesgħa ħafna ("fishing expedition"), u għalhekk bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Ir-raba' motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba deskrizzjoni wiesgħa b'mod sproporzjonat u li ma tispeċifikax is-suġġett tal-ispezzjoni.

Il-ħames motiv: ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni fuq is-suġġett tal-ispezzjoni u setgħet ukoll, fi kwalunkwe każ, tikseb l-informazzjoni rilevanti mingħand ir-rikorrenti permezz tal-Bundesnetzagentur [aġenzija federali tan-netwerk] kompetenti jew permezz ta' sempliċi talba għal informazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).