Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Ġunju 2011 - Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-289/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Bahn AG (Berlin, il-Ġermanja), DB Mobility Logistics AG (DB ML AG) (Berlin, il-Ġermanja), DB Energie GmbH (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), DB Schenker Rail GmbH (Mainz, il-Ġermanja), DB Schenker Rail Deutschland AG (Mainz, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Deselaers, J. S. Brückner u O. Mross, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lil-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni ta' spezzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Marzu 2011, innotifikata fid-29 ta' Marzu 2011;

tannulla kull miżura meħuda abbażi tal-ispezzjoni li saret fuq il-bażi ta' din id-deċiżjoni illegali;

tordna lill-Kummissjoni, sabiex b'mod partikolari tagħti lura l-kopji kollha tad-dokumenti magħmula fil-kuntest tal-ispezzjonijiet, taħt piena ta' annullament tad-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni mill-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1774, tal-14 ta' Marzu 2011 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731), li tordna, taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 1, spezzjonijiet tad-Deutsche Bahn AG kif ukoll tal-persuni ġuridiċi kollha li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn din tal-aħħar minħabba fil-possibbiltà ta' preferenza tas-sussidjarji billi hemm sistema ta' tnaqqis għall-provvista ta' enerġija elettrika li tmexxi ferrovija.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba' motivi.

L-ewwel motiv: ksur tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-dar minħabba n-nuqqas ta' talba għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja a priori.

It-tieni motiv: ksur tad-dritt fundamentali għal rimedju legali effettiv minħabba n-nuqqas ta' stħarriġ ġudizzjarju a priori tad-deċiżjoni ta' spezzjoni, kemm mill-perspettiva fattwali kif ukoll mill-perspettiva ġuridika.

It-tielet motiv: ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba deskrizzjoni wiesgħa b'mod sproporzjonat u li ma tispeċifikax is-suġġett tal-ispezzjoni ("fishing expedition").

Ir-raba' motiv: ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Id-deċiżjoni ta' spezzjoni hija sproporzjonata, għaliex is-sistema ta' tnaqqis fil-qasam tal-enerġija elettrika li tmexxi ferrovija ilha tiġi pprattikata għal snin mir-rikorrenti, ġiet ripetutament eżaminata mill-awtoritajiet u l-qrati Ġermaniżi u nstabet konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni, u li tweġiba għall-mistoqsija, li skont il-Kummissjoni hija fundamentali, ta' jekk is-sistema ta' tnaqqis hijiex "oġġettivament iġġustifikata" setax isir permezz ta' miżura inqas restrittiva, jiġifieri talba għal informazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).